Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007H0879

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Diċembru 2007 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5406) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 344, 28.12.2007, p. 65–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2007/879/oj

28.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 344/65


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2007

dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5406)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/879/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tistabbilixxi qafas legali għas-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jfittex li jwieġeb għal xejriet fil-konverġenza billi jkopri fl-ambitu tiegħu n-netwerks kollha ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi. L-għan tal-qafas regolatorju huwa li jitnaqqsu progressivament r-regoli speċifiċi tas-settur ex ante hekk kif il-kompetizzjoni fis-suq tiżviluppa.

(2)

L-iskop ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa biex jiġu identifikati dawk is-swieq tal-prodotti u s-servizzi li fihom ir-regolazzjoni ex ante tista’ tiġi ġustifikata skond l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21/KE. L-għan ta’ kwalunkwe intervent regolatorju ex ante huwa fl-aħħar mill-aħħar li jipproduċi benefiċċji għall-utenti aħħarija billi s-swieq bl-imnut isiru kompetittivi fuq bażi sostenibbli. Id-definizzjoni ta’ swieq rilevanti tista’ u fil-fatt tinbidel biż-żmien minħabba li jevolvu l-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi u jinbidlu l-possibilitajiet għas-sostituzzjoni tad-domanda u tal-provvista. Billi r-Rakkomandazzjoni 2003/311/KE ilha fis-seħħ għal aktar minn erba’ snin, issa jixraq li tiġi riveduta l-edizzjoni inizjali fuq il-bażi ta’ żviluppi tas-suq. Għaldaqstant, din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/311/KE (2).

(3)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tiddefinixxi s-swieq skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. Għalhekk il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni jintużaw f’din ir-Rakkomandazzjoni biex jiġu stabbiliti l-limiti għas-swieq tal-prodotti fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fil-waqt li l-identifikazzjoni jew l-għażla tas-swieq definiti għal regolazzjoni ex ante tiddependi fuq dawk is-swieq li għandhom il-karatteristiċi li jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligazzjonijiet regolatorji ex ante. It-terminoloġija użata f’din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq it-terminoloġija użata fid-Direttiva 2002/21/KE u d-Direttiva 2002/22/KE; in-Nota ta’ Spjegazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni tiddeskrivi t-teknoloġiji li qed jevolvu fir-rigward ta’ dawn is-swieq. Skond id-Direttiva 2002/21/KE, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiddefinixxu s-swieq rilevanti adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari s-swieq ġeografiċi rilevanti fit-territorju tagħhom.

(4)

Il-punt ta’ tluq għall-identifikazzjoni tas-swieq f’din ir-Rakkomandazzjoni hija d-definizzjoni tas-swieq bl-imnut minn perspettiva li tħares ’l quddiem, waqt li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ta’ sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. Wara li ġew iddefiniti s-swieq bl-imnut, huwa imbagħad xieraq li jiġu identifikati s-swieq bl-ingrossa rilevanti. Jekk is-suq ’l isfel fil-katina tal-provvista (downstream) jiġi fornut minn impriża jew impriżi integrata(i) vertikalment, ma jista’ jkun hemm ebda suq bl-ingrossa (kummerċjali) fin-nuqqas ta’ regolazzjoni. Konsegwentement, jekk is-suq jiġġustifika l-identifikazzjoni, jista’ jkun li jinħtieġ li jinbena suq bl-ingrossa nozzjonali ’l fuq fil-katina tal-provvista (upstream). Is-swieq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ħafna drabi għandhom żewġt uċuħ, fis-sens li jinkludu s-servizzi provduti fuq netwerks jew pjattaformi li jiġbru flimkien utenti miż-żewġ naħat tas-suq; per eżempju l-utenti aħħarija li jiskambjaw komunikazzjonijiet, jew il-persuni li jibagħtu u jirċievu l-informazzjoni jew il-kontenut. Jeħtieġ li jitqiesu dawn l-aspetti meta jiġu kkunsidrati l-identifikazzjoni u d-definizzjoni tas-swieq, minħabba li dawn jistgħu jaffettwaw kemm il-mod li bih jiġu definiti s-swieq kif ukoll jekk għandhomx il-karatteristiċi li jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligazzjonijiet regolatorji ex ante.

(5)

Sabiex jiġu identifikati s-swieq li huma suxxettibli ghal regolazzjoni ex ante, huwa xieraq li jiġu applikati l-kriterji kumulattivi li ġejjin. L-ewwel kriterju huwa l-preżenza ta’ ostakli għoljin u mhux transitorji għad-dħul. Dawn jistgħu jkunu ta’ natura strutturali, legali jew regolatorji. Madankollu, fil-kuntest tal-karattru u l-funzjonament dinamiku tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, possibilitajiet sabiex jingħelbu l-ostakli għad-dħul fil-medda taż-żmien rilevanti għandhom jitqiesu wkoll fit-twettieq ta’ analiżi prospettiva sabiex jiġu identifikati s-swieq rilevanti għar- regolazzjoni ex ante possibbli. Għalhekk it-tieni kriterju jinkludi biss dawk is-swieq li l-istruttura tagħhom ma tinklinax lejn kompetizzjoni effettiva fil-medda taż-żmien rilevanti. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tinvolvi l-eżami tal-qagħda tal-kompetizzjoni wara l-ostakli għad-dħul. It-tielet kriterju huwa li l-applikazzjoni tal-liġi ta’ kompetizzjoni biss ma kinitx tindirizza b’mod adegwat in-nuqqas (jew in-nuqqasijiet) tas-suq ikkonċernat.

(6)

L-indikaturi prinċipali li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni kriterji huma simili għal dawk eżaminati bħala parti minn analiżi tas-suq li tħares ’l quddiem, b’mod partikolari, l-indikaturi ta’ ostakli għad-dħul fin-nuqqas ta’ regolazzjoni, (inkluż l-ammont ta’ spejjeż mitlufa (sunk costs)), l-istruttura tas-suq, ir-rendiment tas-suq u d-dinamiċi tas-suq, inkluż indikaturi bħall-ishma u x-xejriet tas-suq, prezzijiet u tendenzi tas-suq, u l-ammont u l-kopertura ta’ netwerks jew infrastrutturi kompetituri. Kull suq li jissodisfa t-tliet kriterji fin-nuqqas ta’ regolazzjoni ex ante huwa suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante.

(7)

Swieq ġodda emerġenti m’għandhomx ikunu suġġetti għal obbligi mhux xierqa, ukoll jekk ikun hemm il-vantaġġ ta’ l-ewwel okkupant fis-suq, skond id-Direttiva 2002/21/KE. Swieq ġodda emerġenti huma kunsidrati li jikkonsistu mill-prodotti jew is-servizzi, fejn, minħabba fin-novità tagħhom, ikun diffiċli ħafna li wieħed jipprevedi l-kondizzjonijiet tad-domanda jew id-dħul fis-suq u l-kondizzjonijiet tal-provvista, u konsegwentement ikun diffiċli li jiġu applikati t-tliet kriterji. L-għan li s-swieq ġodda emerġenti ma jiġux suġġetti għal obbligi mhux xierqa huwa li jippromwovi l-innovazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE; fl-istess ħin, għandha tiġi evitata l-preklużjoni ta’ dawn is-swieq mill-impriża prinċipali, kif indikat ukoll fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tas- setgħa fis-suq sinifikanti skond il-qafas regolatorju Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (3). L-aġġornamenti inkrementali fl-infrastruttura ta’ netwerk eżistenti rarament iwassal għal suq ġdid jew emerġenti. In-nuqqas ta’ kapaċità għal sostituzzjoni ta’ prodott għandu jiġi stabbilit kemm min-naħa tal-perspettivi tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-perspettivi tal-provvista qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li ma jagħmilx parti minn suq li diġà jeżisti. L-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ bejgħ bl-imnut jista’ jagħti lok għal suq bl-ingrossa derivat ġdid sakemm u safejn dawn is-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ma jistgħux jiġu provduti permezz ta’ prodotti bl-ingrossa eżistenti.

(8)

Safejn huma kkonċernati l-ostakli għad-dħul, żewġ tipi huma rilevanti għall-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni: ostakli strutturali u ostakli legali jew regolatorji.

(9)

Ostakli strutturali għad-dħul jirriżultaw minn kondizzjonijiet oriġinali ta’ nefqa jew tad-domanda li joħolqu kondizzjonijiet asimmetriċi bejn operaturi diġà stabbiliti u operaturi ġodda li jimpedixxu jew jipprevjenu dħul fis-suq ta’ dawn ta’ l-aħħar. Per eżempju, jista’ jinstab li jeżistu ostakli strutturali għolja għad-dħul meta s-suq ikun ikkaratterizzat minn vantaġġi ta’ l-ispiża assoluta, ekonomiji skond il-kobor sostanzjali u/jew ekonomiji skond il-firxa, il-limiti tal-kapaċità u l-ispejjeż mitlufa għoljin. Sal-lum, dawn l-ostakli għadhom jistgħu jiġu identifikati fir-rigward ta’ l-użu wiesa’ u/jew il-provvista ta’ netwerks ta’ aċċess lokali f’lokazzjonijiet fissi. Ostaklu strutturali relatat jista’ jeżisti wkoll fejn il-provvista ta’ servizz teħtieġ komponent tan-netwerk li ma jistax jiġi duplikat b’mod tekniku jew jista’ jiġi duplikat biss bi spiża tali li ma tkunx ekomomika għall-kompetituri.

(10)

Ostakli legali jew regolatorji mhumiex ibbażati fuq kondizzjonijiet ekonomiċi, imma jirriżultaw minn miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew miżuri statali oħra li għandhom effett dirett fuq il-kondizzjonijiet għad-dħul u/jew l-ippożizzjonar ta’ operaturi fis-suq rilevanti. Eżempju ta’ ostaklu legali jew regolatorju li jipprevjeni d-dħul fis-suq huwa limitu fuq in-numru ta’ impriżi li għandhom aċċess għall-ispektrum għall-provvista tas-servizzi bażiċi. Eżempji oħra ta’ ostakli legali jew regolatorji huma l-kontrolli tal-prezzijiet jew miżuri oħra relatati mal-prezz imposti fuq l-impriżi, li jaffettwaw mhux biss id-dħul imma wkoll l-ippożizzjonar ta’ l-impriżi fis-suq. Ostakli legali jew regolatorji li jistgħu jitneħħew fil-medda taż-żmien rilevanti, m’għandhomx normalment jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ostaklu ekonomiku għad-dħul, bħat-twettiq ta’ l-ewwel kriterju.

(11)

Ostakli għad-dħul jistgħu jsiru wkoll inqas rilevanti rigward swieq iggwidati mill-innovazzjoni kkaratterizzati minn progress teknoloġiku kontinwu. F’dawn is-swieq, il-limiti kompetittivi ta’ sikwit jiġu minn theddid innovattiv minn kompetituri potenzjali li bħalissa mhumiex fis-suq. Fis-swieq iggwidati mill-innovazzjoni, tista’ sseħħ kompetizzjoni dinamika jew fit-terminu aktar twil fost ditti li mhumiex neċessarjament kompetituri f’suq “statiku” eżistenti. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tidentifikax swieq fejn ostakli għad-dħul mhumiex mistennija li jibqgħu matul il-perjodu previst. Fil-valutazzjoni ta’ jekk hemmx il-possibbiltà li l-ostakli għad-dħul jippersistu fin-nuqqas ta’ regolazzjoni, jinħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-industrija tkunx esperjenzat dħul frekwenti u b’suċċess u jekk id-dħul kienx jew hemmx il-possibbiltà li jkun fil-futur immedjat biżżejjed u persistenti li jillimita s-saħħa fis-suq. Ir-rilevanza ta’ ostakli għad-dħul se jiddependi inter alia fuq l-iskala effiċjenti minima tal-produzzjoni u l-ispejjeż mitlufa.

(12)

Ukoll meta suq ikun ikkaratterizzat minn ostakli għolja għad-dħul, fatturi strutturali oħra f’dak is-suq jistgħu jfissru li s-suq għandu tendenza lejn riżultat kompetittiv b’mod effettiv fil-medda taż-żmien rilevanti. Id-dinamiċi tas-suq jistgħu per eżempju jiġu kkawżati minn żviluppi teknoloġiċi, jew mill-konverġenza tal-prodotti u s-swieq li jistgħu jagħtu lok għall-limitazzjonijiet kompetittivi li qed jiġu eżerċitati wkoll bejn l-operaturi li huma attivi fi swieq distinti ta’ prodotti. Dan jista’ jkun il-każ ukoll fi swieq b’numru limitat - imma biżżejjed – ta’ impriżi li għandhom strutturi ta’ l-ispejjeż diverġenti u li qed jiffaċċjaw domanda tas-suq b’elastiċità fil-prezzijiet. Jista’ jkun hemm ukoll eċċess ta’ kapaċità fis-suq li normalment tippermetti li ditti rivali jespandu l-produzzjoni tagħhom b’mod mgħaġġel ħafna bħala risposta għal kwalunkwe żieda fil-prezz. F’dawn is-swieq, l-ishma tas-suq jistgħu jinbidlu matul iż-żmien u/jew jista’ jiġi osservat nuqqas fil-prezzijiet. Fejn id-dinamiċi tas-suq qed jinbidlu b’mod mgħaġġel, għandha tingħata attenzjoni għall-għażla tal-medda taż-żmien rilevanti sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi pertinenti tas-suq.

(13)

Id-deċiżjoni li suq jiġi identifikat bħala suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante għandha tiddependi wkoll fuq evalwazzjoni ta’ kemm hija suffiċjenti l-liġi ta’ kompetizzjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet tas-suq li jirriżultaw meta jiġu sodisafatti l-ewwel żewġ kriterji. Hemm possibbiltà li l-interventi tal-liġi ta’ kompetizzjoni ma jkunux biżżejjed fejn ir-rekwiżiti tal-konformità ta’ intervent sabiex jiġi kumpensat nuqqas tas-suq ikunu estensivi jew fejn l-intervent frekwenti u/jew fil-ħin ikun indispensabbli.

(14)

L-applikazzjoni tat-tliet kriterji għandha tillimita n-numru tas-swieq fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fejn jiġu mposti obbligi regolatorji ex ante u b’hekk tikkontribbwixxi għall-għan tal-qafas regolatorju biex jitnaqqsu r-regoli speċifiċi tas-settur ex ante progressivament hekk kif il-kompetizzjoni fis-suq tiżviluppa. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv, sabiex jekk wieħed minnhom ma jiġix sodisfatt dan ikun jindika li suq m’għandux jiġi identifikat bħala suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante.

(15)

Il-kontrolli regolatorji fuq il-bejgħ ta’ servizzi bl-imnut għandhom jiġu imposti biss fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li l-miżuri rilevanti ta’ bejgħ bl-ingrossa jew il-miżuri fir-rigward ta’ l-għażla jew l-għażla minn qabel ta’ carrier jonqsu li jilħqu l-mira ta’ l-assigurazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u t-twettiq ta’ miri ta’ interess pubbliku. Billi jintervjenu fuq livell ta’ bejgħ bl-ingrossa, inkluż permezz ta’ rimedji li jistgħu jaffettwaw is-swieq bl-imnut, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li kemm jista’ jkun mill-katina ta’ valur tkun miftuħa għal proċessi ta’ kompetizzjoni normali, biex b’hekk jitwasslu l-aħjar riżultati lill-utenti aħħarija. Għalhekk din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika prinċipalment is-swieq bl-ingrossa, li r-regolazzjoni xierqa tagħhom hija maħsuba biex tindirizza n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva li hija evidenti fi swieq ta’ l-utent aħħari. Jekk awtorità regolatorja nazzjonali turi li l-interventi bl-ingrossa jkunu fallew, is-suq bl-imnut rilevanti jista’ jkun suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante bil-kundizzjoni li jkunu ġew sodisfatti t-tliet kriterji stabbiliti hawn fuq.

(16)

Il-proċess ta’ l-identifikazzjoni tas-swieq f’din ir-Rakkomandazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-swieq li jistgħu jiġu definiti f’każi speċifiċi taħt il-liġi tal-kompetizzijoni. Barra minn hekk, l-iskop tar-regolazzjoni ex ante huwa mingħajr preġudizzju għall-iskop ta’ l-attivitajiet li jistgħu jiġu analizzati taħt il-liġi tal-kompetizzjoni.

(17)

Is-swieq elenkati fl-Anness ġew identifikati abbażi ta’ dawn it-tliet kriterji kumulattivi. Għas-swieq li mhumiex elenkati f’din ir-Rakkomandazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom japplikaw it-test tat-tliet kriterji lis-suq ikkonċernat. Għas-swieq fl-anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/311/KE tal-11 ta’ Frar 2003, li mhumiex elenkati fl-anness għal din ir-Rakkomandazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li japplikaw it-test tat-tliet kriterji biex jevalwaw jekk, abbażi taċ- ċirkustanzi nazzjonali, suq ikunx għadu suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante. Għas-swieq elenkati f’din ir-Rakkomandazzjoni, awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tagħżel li ma twettaqx proċedura ta’ analiżi tas-suq jekk tistabbilixxi, li t-tliet kriterji mhumiex sodisfatti għas-suq partikolari. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jidentifikaw swieq li huma differenti minn dawk elenkati f’din ir-Rakkomandazzjoni, bil-kundizzjoni li jaġixxu skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE. In-nuqqas li jiġi nnotifikat abbozz ta’ miżura li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri kif deskritt fil-Premessa 38 tad-Direttiva 2002/21/KE jista’ jirriżulta fi proċedimenti ta’ ksur. Swieq oħra għajr dawk elenkati f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jiġu definiti abbażi tal-prinċipji tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-iskopijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni Komunitarja (4) u jkunu konsistenti mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta’ setgħa tas-suq sinifikanti (5) filwaqt li jissodisfaw it-tliet kriterji stabbiliti hawn fuq.

(18)

Il-fatt li din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika dawk is-swieq tal-prodotti u tas-servizzi li fihom ir-regolazzjoni ex ante tista’ tiġi ġustifikata ma jfissirx li r-regolazzjoni hija dejjem iġġustifikata jew li dawn is-swieq se jiġu suġġetti għall-impożizzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet regolatorji stipulati fid-Direttivi speċifiċi. B’mod partikolari, regolazzjoni ma tistax tiġi imposta jew trid tiġi irtirata jekk hemm kompetizzjoni effettiva fuq dawn is-swieq fin-nuqqas ta’ regolazzjoni, jiġifieri, jekk l-ebda operatur ma jkollu s-setgħa tas-suq sinifikanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE. L-obbligazzjonijiet regolatorji jridu jkunu xierqa u jkunu bbażati fuq in-natura tal-problema li tkun ġiet identifikata, ipproporzjonati u ġġustifkati fid-dawl ta’ l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE, b’mod partikolari jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-utenti, jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni, jinkoraġġixxu l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura u jippromwovu l-inovazzjoni, u jinkoraġġixxu l-użu u l-amministrazzjoni effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.

(19)

Din ir-Rakkomandazzjoni kienet suġġetta għal konsultazzjoni pubblika u għal konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

Fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom janalizzaw is-swieq tal-prodotti u s-servizzi identifikati fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni ta’ swieq oħra għajr dawk stipulati fl-Anness, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li dawn it-tliet kriterji li ġejjin jiġi sodisfatti b’mod kumulattiv:

(a)

Il-presenza ta’ ostakli għolja u mhux transitorji għad-dħul. Dawn jistgħu jkunu ta’ natura strutturali, legali jew regolatorji;

(b)

Struttura tas-suq li ma tinklinax lejn kompetizzjoni effettiva fil-medda taż-żmien rilevanti. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tinvolvi l-eżami tal-qagħda tal-kompetizzjoni wara l-ostakli għad-dħul;

(ċ)

L-insuffiċjenza tal-liġi tal-kompetizzjoni waħidha biex tindirizza b’mod adegwat in-nuqqas (jew in-nuqqasijiet) tas-suq ikkonċernat.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet tas-suq, ir-riżultati ta’ l-analiżi tas-suq u l-obbligazzjonijiet regolatorji adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skond l-Artikoli 15(3) u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE qabel id-data ta’ l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

4.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32).

(2)  ĠU L 114, 8.5.2003, p. 45.

(3)  ĠU C 165, 11.7.2002, p. 6.

(4)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.

(5)  ĠU C 165, 11.7.2002, p. 6.


ANNESS

Il-livell tal-bejgħ bl-imnut

1.

Aċċess għan-netwerk pubbliku tat-telefon f’lokazzjoni fissa għall-klijenti residenzjali u mhux residenzjali.

Il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa

2.

Bidu tas-sejħa fuq in-netwerk pubbliku tat-telefon provvdut f’lokazzjoni fissa.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-bidu tas-sejħa jinkludi t-trasferiment tas-sejħa, ddelineat b’tali mod li tkun konsistenti, f’kuntest nazzjonali, mal-konfini delineati għas-suq tat-tranżitu tas-sejħa u tat-terminazzjoni tas-sejħa fuq netwerk publiku tat-telefon provvdut f’lokazzjoni fissa.

3.

It-terminazzjoni tas-sejħa fuq networks pubbliċi tat-telefon individwali provvdut f’lokazzjoni pubblika.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, it-terminazzjoni tas-sejħa tinkludi t-trasferiment tas-sejħa ddelineat b’tali mod li tkun konsistenti, f’kuntest nazzjonali, mal-konfini delineati għas-suq tal-bidu tas-sejħa u s-suq tat-tranżitu tas-sejħa fuq in-netwerk pubbliku tat-telefon provvdut f’lokazzjoni fissa.

4.

Aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk (fiżiku) bl-ingrossa (inkluż aċċess maqsum jew kompletament unbundled) f’lokazzjoni fissa.

5.

Aċċess għall-broadband bl-ingrossa.

Dan is-suq huwa magħmul minn aċċess għan-netwerk mhux fiżiku jew virtwali inkluż aċċess għas-sekwenza ta’ bit f’lokazzjoni fissa. Dan is-suq jinsab “l isfel fil-katina tal-provvista (downstream) mill-aċċess fiżiku kopert minn suq Nru 4 elenkat hawn fuq, fejn aċċess għall-broadband bl-ingrossa jista” jiġi ffurmat permezz ta’ dan id-dħul flimkien ma’ elementi oħra.

6.

Il-bejgħ bl-ingrossa ta’ segmenti terminali ta’ linji mikrija, irrispettivament mit-tekonolġija użata biex tipprovdi kapaċità mikrija jew dedikata.

7.

It-terminazzjoni ta’ sejħa vokali fuq netwerks individwali ċellulari.


Top