Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0753

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/753/PESK tad- 19 ta’ Novembru 2007 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva

    ĠU L 304, 22.11.2007, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/05/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/753/oj

    22.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 304/38


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/753/PESK

    tad-19 ta’ Novembru 2007

    dwar appoġġ għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva; il-Kapitolu III ta’ l-Istrateġija fih lista ta’ miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżi terzi.

    (2)

    L-Unjoni Ewropea qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari bir-rilaxx ta’ riżorsi finanzjarji għall-appoġġ ta’ proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika (AIEA).

    (3)

    L-Unjoni Ewropea appellat ripetutament lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) biex tikkonforma ma’ l-obbligi tagħha taħt it-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (NPT) u timplimenta l-ftehim ta’ salvagwardji komprensivi tagħha f’kooperazzjoni sħiħa ma’ l-AIEA.

    (4)

    L-Unjoni Ewropea appoġġat kontinwament l-isforzi fil-qafas tat-taħditiet bejn sitt partijiet, bil-mira li tinstab soluzzjoni diplomatika għas-sitwazzjoni nukleari fil-peniżola Koreana, inkluż permezz ta’ sostenn politiku u finanzjarju għall-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp ta’ l-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO). Bl-istess spirtu, l-Unjoni Ewropea laqgħet id-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta’ Settembru 2005 u l-Azzjonijiet Inizjali tat-13 ta’ Frar 2007.

    (5)

    Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-AIEA awtorizza lid-Direttur Ġenerali tiegħu biex jimplimenta arranġamenti ad hoc għall-monitoraġġ u l-verifika ta’ l-għeluq ta’ l-installazzjonijiet nukleari fir-RDPK, skond ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ l-AIEA lill-Bord tal-Gvernaturi.

    (6)

    Skond l-Azzjonijiet Inizjali tat-13 ta’ Frar 2007, f’Lulju 2007, ir-RDPK pproċediet bl-għeluq ta’ l-installazjonijiet nukleari u stiednet lill-AIEA biex tagħmel monitoraġġ ta’ l-għeluq. Sussegwentement, dan l-għeluq ġie kkonfermat mill-AIEA.

    (7)

    L-Unjoni Ewropea laqgħet din l-azzjoni mwettqa mir-RDPK bħala l-ewwel pass ferm importanti fit-triq lejn l-iżmantellament tal-programmi nukleari tar-RDPK u d-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.

    (8)

    Ladarba l-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta’ l-arranġamenti ad hoc ma jistgħux attwalment jiġu koperti mill-baġit normali għas-salvagwardji ta’ l-AIEA, jeħtieġ li jsiru biżżejjed kontributi extra-baġitarji sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati l-arranġamenti ad hoc, sakemm ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni fil-baġit regolari ta’ l-AIEA,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni immedjata u prattika ta’ wħud mill-elementi ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA, li jitwettqu skond l-arranġamenti eżistenti għall-monitoraġġ u l-verifika, kif miftiehem bejn ir-RDPK u l-AIEA, sabiex jitmexxew 'il quddiem l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    li jsir kontribut għall-proċess ta’ bini ta’ fiduċja mmirat għall-eliminazzjoni tal-programm(i) nukleari tar-RDPK, permezz tal-kontinwazzjoni tal-monitoraġġ u l-verifka ta’ l-għeluq tal-faċilitajiet nukleari tar-RDPK;

    (b)

    li jiġi żgurat l-involviment kontinwu u attiv ta’ l-Unjoni Ewropea fl-isforzi għall-iżvilupp ta’ soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari Koreana;

    (ċ)

    li jiġi aċċertat li l-AIEA jkollha disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jitwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika rigward l-implimentazzjoni ta’ l-Azzjonijiet Inizjali tat-13 ta’ Frar 2007, miftiehma fil-qafas tad-taħditiet bejn is-sitt partijiet.

    Il-kontribuzzjoni ta’ l-UE ser tiġi użata għall-finanzjament tar-riżorsi u l-ivjaġġar tal-persunal, it-tagħmir u t-trasport, il-kiri ta’ bini fir-RDPK u spejjeż relatati, kif ukoll l-ispejjeż għall-komunikazzjonijiet u l-akkwist ta’ teknoloġija ta’ l-informazzjoni.

    Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn l-attivitajiet hija esposta fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ.

    2.   L-implimentazzjoni teknika ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-AIEA. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan l-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa ma’ l-AIEA.

    3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin regolarment infurmati dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 780 000 li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    2.   In-nefqa ffinanzjata bl-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2, li għandha tieħu l-forma ta’ għotja. Għal dan l-għan hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament ma’ l-AIEA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-AEIA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ l-UE, adegwatament għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 fi żmien 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta’ rapporti ppreparati mis-Segretarjat ta’ l-AIEA għall-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-AIEA, li ser ikunu ppreżentati lill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ. Hija għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 18-il xahar wara l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 6

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. AMADO


    ANNESS

    Appoġġ ta’ l-UE għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva

    1.   Deskrizzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA fir-RDPK

    F’Marzu 2007, id-Direttur Ġenerali ta’ l-AIEA informa lill-Bord tal-Gvernaturi tiegħu li fit-13 ta’ Frar 2007 l-Partijiet għat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet qablu f’Beijing, iċ-Ċina, dwar Azzjonijiet Inizjali għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa minnhom fid-19 ta’ Settembru 2005. Huwa informa wkoll lill-Bord tal-Gvernaturi li fit-23 ta’ Frar 2007 kien irċieva stedina mir-RDPK biex iżur ir-RDPK biex “jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn ir-RDPK u l-AIEA, kif ukoll biex jiddiskutu problemi ta’ interess reċiproku”. Fl-Azzjonijiet Inizjali l-Partijiet qablu, inter alia, li r-RDPK “ser tagħlaq u tissiġilla, għall-fini ta’ abbandun eventwali, il-faċilità nukleari ta’ Yongbyon, inkluża l-faċilità ta’ pproċessar mill-ġdid, u tistieden lura lill-persunal ta’ l-AIEA biex iwettaq kull monitoraġġ u verifika meħtieġa kif miftiehem bejn l-AIEA u r-RDPK”. Il-Bord tal-Gvernaturi laqa’ l-ftehim dwar l-Azzjonijiet Inizjali u esprima l-fehma li soluzzjoni nnegozjata b’suċċess ta’ din il-kwistjoni li ilha pendenti, filwaqt li jinżamm ir-rwol essenzjali ta’ verifika ta’ l-AIEA, tkun kisba sinifikanti għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Gvernaturi laqa’ l-istedina estiża lid-Direttur-Ġenerali mir-RDPK biex iżur ir-RDPK.

    Id-Direttur Ġenerali żar ir-RDPK fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2007 u rraporta lura lill-Bord tal-Gvernaturi f’Ġunju 2007 dwar ir-riżultati taż-żjara tiegħu. Il-Bord tal-Gvernaturi, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ djalogu kontinwu biex tinkiseb soluzzjoni paċifika u komprensiva tal-kwistjoni nukleari fir-RDPK u denuklearizzazzjoni bikrija tal-Peniżola Koreana, laqa’ ż-żjara tad-Direttur Ġenerali fir-RDPK u d-diskussjonijiet tiegħu ma’ uffiċċjali tar-RDPK li kienu ffukaw fuq l-istabbiliment mill-ġdid tar-relazzjoni bejn ir-RDPK u l-AIEA.

    Fis-16 ta’ Ġunju 2007 d-Direttur Ġenerali rċieva stedina mir-RDPK biex jibgħat tim mill-AIEA biex jiddiskuti kwistjonijiet proċedurali relatati ma’ l-arranġament ta’ monitoraġġ u ta’ verifika dwar l-għeluq tal-faċilità nukleari ta’ Yongbyon. Din l-ittra u t-tweġiba tad-Direttur Ġenerali, datata t-18 ta’ Ġunju 2007, ġew iċċirkolati lill-Bord tal-Gvernaturi.

    Tim mill-AIEA, immexxi mill-Viċi Direttur Ġenerali għas-Salvagwardji, żar ir-RDPK waqt il-perijodu bejn is-26 u d-29 ta’ Ġunju 2007. It-tim żar l-Impjant ta’ Fabrikazzjoni ta’ Fjuwil Nukleari, l-Impjant ta’ Enerġija Nukleari Sperimentali ta’ 5 MW(e), il-Laboratorju Radjukimiku (impjant ta’ riproċessar) u l-Impjant ta’ Enerġija Nukleari ta’ 50 MW(e) (qed jinbena), li jinsabu kollha f’Yongbyon. Ir-RDPK informa lit-tim li dawn il-faċilitajiet, u l-Impjant ta’ Enerġija Nukleari ta’ 200 MW(e) (qed jinbena), li jinsab f’Taechon, jiġu magħluqa u ssiġillati skond l-Azzjonijiet Inizjali.

    Matul iż-żjara tat-tim mill-AIEA lir-RDPK, intlaħaq qbil dwar l-arranġament li ġej:

    (a)

    l-AIEA għandha tirċievi mir-RDPK lista ta’ faċilitajiet li ngħalqu u/jew ġew issiġillati, u sussegwentement l-AIEA għandha tinżamm informata dwar l-istatus tagħhom bil-ħsieb tal-monitoraġġ u l-verifika ta’ l-għeluq u/jew l-issiġillar tal-faċilitajiet iddikjarati;

    (b)

    l-AIEA għandu jkollha aċċess għall-faċilitajiet u t-tagħmir kollha li ngħalqu u/jew ġew issiġillati għall-fini ta’ l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tagħha;

    (ċ)

    l-AIEA għandha tinstalla tagħmir adegwat ta’ konteniment u sorveljanza u tagħmir ieħor għall-monitoraġġ u l-verifika ta’ l-istatus ta’ faċilitajiet u tagħmir magħluqa u/jew issiġillati u tagħmel manutenzjoni tiegħu, kif meħtieġ. Jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati miżuri ta’ trażżin u sorveljanza minħabba raġunijiet prattiċi, l-AIEA u r-RDPK għandhom jiftiehmu dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati oħra ta’ verifika;

    (d)

    l-AIEA għandha teżamina u tivverifika l-informazzjoni dwar it-tfassil tal-faċilitajiet li ngħalqu u/jew ġew issiġillati u tiddokumenta l-istatus ta’ dawn il-faċilitajiet bir-ritratti jew permezz ta’ reġistrazzjonijiet video. Għandha titwettaq perjodikament verifika mill-ġdid ta’ din l-informazzjoni;

    (e)

    l-AIEA għandha tkun informata minn qabel jekk ir-RDPK jkollha l-ħsieb tbiddel it-tfassil u/jew l-istatus tal-faċilitajiet u t-tagħmir sabiex ikunu jistgħu jsiru konsultazzjonijiet mar-RDPK dwar l-impatt li dan it-tibdil jista’ jkollu fuq il-ħidma ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA;

    (f)

    l-AIEA għandha tkun informata minn qabel jekk ir-RDPK jkollha l-ħsieb iċċaqlaq jew tneħħi kwalunkwe tagħmir relatat ma’ l-enerġija nukleari jew tagħmir jew komponenti oħra essenzjali mill-faċilitajiet nukleari magħluqa jew tiddiżattiva kwalunkwe waħda minn dawn il-faċilitajiet. L-AIEA għandha tingħata aċċess adegwat biex tivverifika dan it-tagħmir, komponenti u/jew attivitajiet;

    (g)

    ir-RDPK għandha żżomm ir-reġistri kollha rilevanti għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika ta’ l-AIEA;

    (h)

    l-AIEA għandha tiġi pprovduta bil-viżi meħtieġa għall-persunal ta’ l-AIEA, u għandhom jiġu estiżi lilha l-istess privileġġi u immunitajiet bħal dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika (INFCIRC/9/Rev.2) għall-proprjetà, il-fondi u l-assi ta’ l-AIEA, kif ukoll għall-persunal tagħha u uffiċjali oħra fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taħt dan l-arranġament;

    (i)

    l-AIEA għandha tingħata informazzjoni kompleta dwar il-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà fil-faċilitajiet rilevanti;

    (j)

    l-AIEA u r-RDPK għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet relatati ma’ l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni;

    (k)

    il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni perjodika mir-RDPK u mill-AIEA.

    L-AIEA hija awtorizzata skond l-Artikolu III.A.5 ta’ l-Istatut tagħha li “… tapplika salvagwardji, fuq it-talba tal-partijiet, għal kwalunkwe arranġament bilaterali jew multilaterali, jew fuq it-talba ta’ Stat, għal kwalunkwe attività ta’ dak l-Istat fil-qasam ta’ l-enerġija atomika”. Dan l-awtorizzazzjoni ma teħtieġx li l-Istat ikun membru ta’ l-AIEA u ma tippreskrivix forma jew sustanza partikolari għal arranġamenti ta’ salvagwardja. Il-monitoraġġ u l-verifika fir-RDPK għandhom għaldaqstant ikunu konsistenti ma’ l-Istatut. F’dan l-istadju, tali monitoraġġ u verifika għandhom jiġu implimentati skond arranġamenti ad hoc msemmi fil-premessa (5) ta’ l-Azzjoni Konġunta.

    L-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika fir-RDPK ma kinux previsti u għaldaqstant ma hemm ebda provvediment għat-tmexxija ta’ tali monitoraġġ u verifika fil-baġit attwali ta’ l-AIEA jew fil-baġits proposti għall-bijennju 2008-2009. L-ispejjeż stmati biex ikopru dawn l-attivitajiet huma 2,2 miljun EUR għall-2007 u l-2008, rispettivament, ibbażat fuq l-arranġamenti attwali għall-monitoraġġ u l-verifika bejn ir-RDPK u l-AIEA. Madankollu, fid-dawl tal-progess li sar fil-proċess ta’ taħditiet bejn is-sitt partijiet u sehem akbar possibbli għall-AIEA fil-monitoraġġ u l-verifika ta’ ftehimiet milħuqa, il-ħtieġa għal mezzi finanzjarji addizzjonali tista’ togħla fil-futur.

    2.   Objettivi

    Il-monitoraġġ u l-verifika ta’ l-AIEA jibqgħu għodda indispensabbli għall-bini ta’ fiduċja fost l-Istati fir-rigward ta’ impenji ta’ non-proliferazzjoni nukleari, u għall-avanz ta’ l-użu paċifiku ta’ materjal nukleari.

    Objettiv ġenerali u fini tal-proġett:

    li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika fir-RDPK, skond l-Azzjonijiet Inizjali tat-13 ta’ Frar 2007, kif miftiehem fil-qafas tat-taħditiet bejn is-sitt partijiet.

    Riżultati tal-proġett:

    it-tkomplija tal-monitoraġġ u l-verifika mill-AIEA ta’ l-għeluq ta’ l-installazzjonijiet nukleari msemmijin hawn fuq fir-RDPK.

    3.   Tul ta’ żmien

    It-tul ta’ żmien totali stmat meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta huwa ta’ 18-il xahar.

    4.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarju ta’ din l-Azzjoni Konġunta hija l-AIEA.

    5.   Entità ta’ Implimentazzjoni

    L-AIEA ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-proġett. Il-proġett ser jiġi implimentat direttament mill-AIEA, jiġifieri mill-persunal tad-Dipartiment tas-Salvagwardji ta’ l-AIEA. Fil-każ ta’ kuntratturi, l-akkwist ta’ kwalunkwe prodotti, xogħlijiet jew servizzi mill-AIEA fil-kuntest ta’ din l-Azzjoni Konġunta ser titwettaq skond ir-regoli applikabbli u l-proċeduri ta’ l-AIEA, kif dettaljati fil-Ftehim dwar il-Kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-AIEA.

    L-entità ta’ implimentazzjoni ser tipprepara rapporti abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-AIEA. Dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati lill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ għall-PESK.

    6.   Parteċipanti Terzi

    Mhux ser ikun hemm parteċipanti terzi.


    Top