Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0878

    Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2007 li temenda u testendi d-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II)

    ĠU L 193, 25.7.2007, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0250

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/878(1)/oj

    25.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 193/18


    DEĊIŻJONI Nru 878/2007/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Lulju 2007

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 280 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità u l-Istati Membri poġġew l-objettiv għalihom infushom li jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità, inkluż il-kuntrabandu ta’ sigaretti u l-falsifikazzjoni. Għandu jsir użu ta’ kull mezz disponibbli sabiex jinkiseb dak l-objettiv, filwaqt li jinżammu kif inhuma d-distribuzzjoni u l-bilanċ attwali tar-responsabbiltajiet bejn il-livell nazzjonali u dak Komunitarju.

    (2)

    Attivitajiet li jkollhom l-għan li jagħtu informazzjoni aħjar, li jwettqu studji u li jipprovdu taħriġ jew għajnuna teknika jgħinu ħafna biex itejbu l-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

    (3)

    L-appoġġ għal dawn l-inizjattivi fil-forma ta’ għotjiet ħalaq il-possibiltà’ fil-passat li jitjiebu l-attivitajiet tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità’, u li jwettqu l-għanijiet previsti fil-Programm Erkole għall-perijodu bejn l-2004 u l-2006.

    (4)

    L-Artikolu 7(a) tad-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ l-Uffiċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-implimentazzjoni tal-programm Erkole u dwar jekk ikunx xieraq li jitkompla. Il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport jiddikjaraw li l-għanijiet stabbiliti mill-programm Erkole ntlaħqu. Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjoni li l-programm jiġi estiż għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013.

    (5)

    Biex ikunu kkonsolidati l-attivitajiet tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità, inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tas-sigaretti, il-programm il-ġdid għandu jiġbor flimkien l-ispejjeż operattivi kollha relatati ma’ l-attivitajiet ġenerali tal-ġlieda kontra l-frodi tal-Kummissjoni (OLAF) f’att bażiku uniku.

    (6)

    L-għoti ta’ għotjiet u ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku biex jippromwovi u jimplimenta l-programm għandu jitwettaq skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Huwa xieraq li l-għotjiet operattivi jiġu eklużi mill-programm minħabba li fil-passat dawn ma kinux użati bħala mezz biex jappoġġjaw l-inizjattivi.

    (7)

    L-Istati li qed jaderixxu u dawk kandidati għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programm Erkole II skond memorandum ta’ ftehim li għandu jiġi mfassal skond il-ftehim ta’ qafas rispettivi.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (5), għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura baġitarja annwali,

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Emendi

    Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE hija b’ dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Objettivi tal-programm

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju sabiex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità’. Il-programm għandu jissejjaħ il-programm Erkole II (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ’il-programm’).

    2.   Il-programm għandu jippromwovi attivitajiet skond il-kriterji ġenerali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Għandu jikkonċentra fuq l-objettivi li ġejjin b’mod partikulari:

    (a)

    it-titjib tal-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxipplinarja bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-OLAF;

    (b)

    il-bini ta’ netwerks fl-Istati Membri, fil-pajjiżi aderenti u fil-pajjiżi kandidati kollha – skond memorandum ta’ ftehim – li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattika, filwaqt li jirrispettaw ukoll it-tradizzjonijiet distinti ta’ kull Stat Membru;

    (ċ)

    l-għoti ta’ appoġġ tekniku u operazzjonali lill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra attivitajiet transkonfinali illegali, li jenfasizza l-appoġġ għall-awtoritajiet tad-dwana;

    (d)

    li, mingħajr ma titnaqqas l-effikaċja operattiva, jinstab bilanċ ġeografiku permezz ta’ l-inklużjoni, jekk ikun possibbli, ta’ l-Istati Membri, il-pajjiżi li qed jaderixxu u l-istati kandidati kollha – skond memorandum ta’ ftehim – fl-attivitajiet iffinanzjati taħt il-programm;

    (e)

    it-tkattir u l-intensifikazzjoni tal-miżuri fl-oqsma identifikati bħala dawk l-aktar sensittivi, b’mod partikulari fil-qasam tal-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tas-sigaretti.”

    (2)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 1a

    Attivitajiet

    Il-programm għandu jkun implimentat permezz ta’ l-attivitajiet li ġejjin fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità, inkluż fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tas-sigaretti:

    (a)

    għajnuna teknika għall-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’:

    (i)

    l-għoti ta’ għarfien speċifiku, tagħmir u għodda tat-teknoloġija ta’ l-informatika (IT) li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kooperazzjoni ma’ l-OLAF,

    (ii)

    l-appoġġ għal operazzjonijiet konġunti,

    (iii)

    it-titjib fl-iskambji tal-persunal;

    (b)

    taħriġ, seminars u konferenzi li jkollhom l-għan li:

    (i)

    jrawmu għarfien aħjar tal-mekkaniżmi Komunitarji u nazzjonali,

    (ii)

    jagħmlu skambju ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri, fil-pajjiżi li qed jaderixxu u fil-pajjiżi kandidati,

    (iii)

    jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri, tal-pajjiżi li qed jaderixxu, tal-pajjiżi kandidati u ta’ pajjiżi terzi,

    (iv)

    ixerrdu l-għarfien, b’mod partikulari dak ta’ natura operattiva,

    (v)

    jappoġġjaw attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli, inklużi studji,

    (vi)

    itejbu l-kooperazzjoni bejn il-prattikanti u l-akkademiċi,

    (vii)

    jissensibilizzaw lill-ġudikatura u lill-fergħat oħra tal-professjoni legali għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità;

    (ċ)

    appoġġ permezz ta’:

    (i)

    l-iżvilupp u l-għoti ta’ ġabriet ta’ data u għodod ta’ l-IT speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess għad-data u l-analiżi tagħha,

    (ii)

    żieda fl-iskambju tad-data,

    (iii)

    l-iżvilupp u l-għoti ta’ għodod ta’ l-IT għall-investigazzjonijiet u għax-xogħol ta’ monitoraġġ u intelliġenza.”

    (3)

    L-Artikolu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Finanzjament Komunitarju

    1.   Il-finanzjament Komunitarju jista’ jieħu l-forom ġuridiċi li ġejjin skond ir- Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002:

    (a)

    għotjiet;

    (b)

    kuntratti ta’ akkwist pubbliku.

    2.   Sabiex jikkwalifikaw għal għotja Komunitarja għal attività’ maħsuba sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità’, il-benefiċjarji ta’ l-għotjiet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Din l-attività’ għandha tkun konformi mal-prinċipji bażiċi ta’ l-attività’ tal-Komunità’ fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità’ u tqis il-kriterji speċifiċi stabbiliti fis-sejħiet għal proposti relatati, skond il-prijoritajiet stabbiliti fil-programm annwali ta’ għotjiet li jagħti d-dettalji tal-kriterji ġenerali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    3.   Il-finanzjament Komunitarju għandu jkopri, permezz tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew bl-għoti ta’ għotjiet, l-ispejjeż operattivi marbuta ma’ l-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

    4.   L-attivitajiet imwettqa mill-korpi li jistgħu jirċievu finanzjament Komunitarju (Kuntratt ta’ akkwist pubbliku jew għotja) taħt il-programm għandhom ikunu taħt l-intestatura ta’ azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-miżuri Komunitarji sabiex iħarsu l-interessi finanzjarji u għandhom iwettqu l-objettivi ta’ interess ġenerali Ewropew f’dan il-qasam jew objettiv li huwa parti mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.”

    (4)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 2a

    Korpi eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju

    Il-korpi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju taħt il-programm:

    (a)

    l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali kollha ta’ Stat Membru jew pajjiż barra l-Komunità, kif definit fl-Artikolu 3, li jippromwovu t-tisħiħ ta’ l-azzjoni Komunitarja sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità,

    (b)

    l-istituti ta’ riċerka u edukazzjoni kollha li kellhom personalità ġuridika għal mill-inqas sena u li huma stabbiliti u joperaw fi Stat Membru jew f’pajjiż barra l-Komunità, kif definit fl-Artikolu 3, u li jippromwovu t-tisħiħ ta’ l-azzjoni Komunitarja sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità,

    (ċ)

    il-korpi kollha bla finijiet ta’ qligħ li kellhom personalità ġuridika għal mill-inqas sena u li huma stabbiliti jew joperaw fi Stat Membru jew f’pajjiż barra l-Komunità, kif definit fl-Artikolu 3, u li jippromwovu t-tisħiħ ta’ l-azzjoni Komunitarja sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

    Artikolu 2b

    Għażla tal-benefiċjarji

    Korpi intitolati li jirċievu għotja għal attività skond l-Artikolu 2a għandhom jintgħażlu abbażi ta’ sejħiet għal proposti, skond il-prijoritajiet stabbiliti fil-programm ta’ għotjiet annwali, li jiddettalja il-kriterji ġenerali stabbiliti f’ din id-Deċiżjoni. Għotjiet mogħtija għal attività koperta bil-programm għandha tilħaq il-kriterji ġenerali stabbiliti f’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2c

    Kriterji għall-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għal għotjiet

    L-applikazzjonijiet għal għotjiet għal attivitajiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’:

    (a)

    il-konsistenza ta’ l-attività proposta f’rabta ma’ l-objettivi tal-programm,

    (b)

    il-komplementarjetà ta’ l-attività proposta ma’ attivitajiet megħjuna oħrajn,

    (ċ)

    il-fattibilità ta’ l-attività proposta, jiġifieri l-possibiltà reali li tista’ titwettaq bl-użu tal-mezzi proposti,

    (d)

    il-proporzjon bejn spiża u gwadann ta’ l-attività proposta,

    (e)

    l-utilità miżjuda ta’ l-attività proposta,

    (f)

    id-daqs tal-pubbliku mmirat mill-attività proposta,

    (g)

    l-aspetti transnazzjonali u multidixxiplinarji ta’ l-attività proposta,

    (h)

    l-ambitu ġeografiku tal-miżura proposta.

    Artikolu 2d

    Spiża eliġibbli

    Skond l-Artikolu 2(4), meta tiġi kkalkulata l-għotja, għandha titqies biss l-ispiża meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ l-attività.

    Spiża marbuta mal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani li jiffurmaw parti mill-proċess ta’ stabilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni għall-pajjiżi ta’ l-Ewropa tax-Xlokk (*), il-Federazzjoni Russa, il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (**), u ċerti pajjiżi li magħhom il-Komunità kkonkludiet ftehim għal assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali, għandha tkun eliġibbli wkoll.

    (*)  L-Albanija, il-Bosnija u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja."

    (**)  L-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Moldova, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Ukraina.”"

    (5)

    L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) għandu jinbidel bit-test li ġej:

    “(a)

    l-istati li qed jaderixxu;”

    (b)

    Il-punti (ċ) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “(ċ)

    il-pajjiżi kandidati assoċjati ma’ l-Unjoni Ewropea skond il-kundizzjonijiet previsti fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni jew fil-protokolli addizzjonali tagħhom dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi Komunitarji konklużi jew li jridu jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi.”

    (6)

    L-Artikolu 4 għandu jiġi mibdul b’ dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Implimentazzjoni

    Il-finanzjament Komunitarju għandu jiġi implimentat skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.”

    (7)

    L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    80 % tan-nefqa eliġibbli għal miżuri ta’ taħriġ, għal promozzjoni ta’ skambju ta’ persunal speċjalizzat u għaż-żamma ta’ seminars u konferenzi, kemm-il darba l-benefiċjarji jkunu dawk imsemmija fl-Artikolu 2a(a);”

    (b)

    Il-paragrafu 1 (c) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(ċ)

    90 % tan-nefqa eliġibbli għaż-żamma ta’ seminars u konferenzi, eċċ., kemm-il darba l-benefiċjarji jkunu dawk imsemmija fl-Artikolu 2a(b) u (ċ).”

    (ċ)

    Il-Paragrafu 2 għandu jiġi mħassar.

    (8)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 5a

    Kontrolli u verifiki

    1.   Il-benefiċjarju ta’ għotja għandu jiżgura li, fejn ikun applikabbli, id-dokumenti ta’ prova li jinsabu fil-pussess ta’ l-imsieħba jew tal-membri jkunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq verifika ta’ l-użu li jkun sar mill-finanzjament tal-Komunità jew permezz tal-persunal tagħha stess jew permezz ta’ korp estern ikkwalifikat li tagħżel hi. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perijodu ta’ validità’ kollu tal-kuntratt jew ftehim u għal perijodu ta’ ħames snin mill-aħħar pagament. Fejn ikun xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Kummissjoni.

    3.   Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal estern awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollhom drittijiet xierqa ta’ aċċess għal siti u bini fejn titwettaq l-azzjoni u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa biex jitwettqu dawn il-verifiki msemmija fil-paragrafu 2.

    4.   Il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-OLAF għandhom igawdu mill-istess drittijiet, speċjalment mid-drittijiet ta’ aċċess, bħall-persuni msemmija fil-paragrafu 3.

    5.   Barra minn hekk, sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post taħt dan il-programm skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (***). Fejn ikun meħtieġ, l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-OLAF u għandhom ikunu regolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****);

    (***)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2."

    (****)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.”"

    (9)

    L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Il-Programm huwa estiż mill-1 ta’ Jannar 2007 u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2013.”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm għall-perijodu 2007 sa 2013, għandu jkun ta’ EUR 98 525 000.”

    (10)

    L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni (OLAF) għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-konsistenza u l-komplementarjetà ma’ programmi u attivitajiet oħrajn fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2010, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti ta’ l-implimentazzjoni tal-programm, inkluż eżami tar-rendiment u tal-kisba ta’ l-objettivi tal-programm.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2014 il-Kummissjoni, abbażi ta’ data mill-OLAF, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba ta’ l-objettivi tal-programm.”

    (11)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 7a

    Immaniġġjar tal-programm

    Fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ l-effettività fl-infiq, il-Kummissjoni tista’ timpjega esperti u tagħmel użu minn kwalunkwe forma oħra ta’ għajnuna teknika u amministrattiva li ma tinvolvix dmirijiet ta’ awtorità pubblika mogħtija biex isiru minn barra skond kuntratti ta’ servizz ad hoc. Hi tista’ wkoll tiffinanzja studji u torganizza laqgħat ta’ esperti biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm, u tieħu miżuri ta’ informazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid marbuta b’mod dirett mat-twettiq ta’ l-objettivi tal-programm.”

    (12)

    L-Anness għandu jitħassar.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. AMADO


    (1)  ĠU C 302, 12.12.2006, p. 41.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2007.

    (3)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 9.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

    (5)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


    Top