This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006R1419
Council Regulation (EC) No 1419/2006 of 25 September 2006 repealing Regulation (EEC) No 4056/86 laying down detailed rules for the application of Articles 85 and 86 of the Treaty to maritime transport, and amending Regulation (EC) No 1/2003 as regards the extension of its scope to include cabotage and international tramp services (Text with EEA relevance)
1419/2006/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal- 25 ta’ Settembru 2006 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward ta' l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari Test b’rilevanza għaż-ŻEE.
1419/2006/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal- 25 ta’ Settembru 2006 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward ta' l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari Test b’rilevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 269, 28.9.2006, pp. 1–3
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 352M, 31.12.2008, pp. 482–484
(MT)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 31986R4056 | ||||
Modifies | 32003R0001 | abolizzjoni | artikolu 32 | 18/10/2006 |
31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
482 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1419/2006
tal-25 ta’ Settembru 2006
li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward ta' l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Billi:
(1) |
L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport marittimu kienet soġġetta mill-1987 għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 (3). Ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 oriġinarjament kellu żewġ funzjonijiet. L-ewwelnett, huwa kien fih dispożizzjonijiet proċedurali għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità fis-settur tat-trasport marittimu. It-tieninett, huwa stabbilixxa ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi u sostantivi tal-kompetizzjoni għas-settur marittimu u partikolarment eżenzjoni ġenerali għal konferenzi ta' linji tat-tbaħħir, li tippermettilhom jistabbilixxu l-prezzijiet u jirregolaw il-kapaċità taħt ċerti kondizzjonijiet, l-esklużjoni ta' ftehim purament tekniċi mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u proċedura li tittratta konflitti fid-dritt internazzjonali. Huwa ma applikax għal servizzi tat-trasport marittimu bejn portijiet fi Stat Membru wieħed jew lejn l-istess Stat Membru (kabotaġġ) u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (4) emenda r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 biex it-trasport marittimu jinġieb taħt ir-regoli komuni għall-infurzar tal-kompetizzjoni li huma applikabbli għas-setturi kollha b'effett mill-1 ta' Mejju 2004, bl-eċċezzjoni tal-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari. Madankollu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u sostantivi tal-kompetizzjoni marbuta mas-settur marittimu jibqgħu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86. |
(3) |
L-eżenzjoni ġenerali għal konferenzi ta' linji tat-tbaħħir prevista fir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 teżenta mill-projbizzjoni ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma tal-membri kollha jew parti minnhom ta' waħda jew aktar konferenzi ta' linji li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet. Il-ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni ġenerali tassumi essenzjalment li l-konferenzi jġibu stabbiltà, jiżguraw lill-esportaturi servizzi affidabbli u li ma jistgħux jinkisbu b'mezzi anqas restrittivi. Madankollu, reviżjoni sħiħa ta' l-industrija li twettqet mill-Kummissjoni wriet li l-linji tat-tbaħħir mhumiex uniċi peress li l-istruttura ta' l-ispejjeż ma tvarjax sostanzjalment minn dik ta' l-industriji l-oħrajn. M'hemm għalhekk l-ebda evidenza li l-industrija teħtieġ li tiġi protetta mill-kompetizzjoni. |
(4) |
L-ewwel kondizzjoni għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) teħtieġ li l-ftehim restrittiv jikkontribwixxi biex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' merkanzija jew jippromwovi progress tekniku jew ekonomiku. Fir-rigward ta' l-effiċjenzi ġġenerati minn konferenzi, il-konferenzi ta' linji m'għadhomx jistgħu jinfurzaw it-tariffa ta' konferenza anki jekk xorta jaslu biex jistabbilixxu ħlasijiet u ħlasijiet miżjuda li huma parti mill-prezz tat-trasport. M'hemm ukoll l-ebda evidenza li s-sistema tal-konferenza twassal għal rati aktar stabbli ta' trasport ta' merkanzija jew servizzi ta' tbaħħir aktar affidabbli milli jkun il-każ f'suq totalment kompetittiv. Il-membri tal-konferenza qed joffru dejjem aktar is-servizzi tagħhom permezz ta' ftehim ta' servizzi individwali li jsiru ma' esportaturi individwali. Barra minn hekk, il-konferenzi ma jiġġestux il-kapaċità ta' ġarr li hija disponibbli peress li din hija deċiżjoni individwali meħuda minn kull trasportatur. Taħt l-kondizzjonijiet attwali tas-suq, l-istabbilità tal-prezzijiet u l-affidabbiltà tas-servizzi jseħħu permezz ta' ftehim ta' servizzi individwali. Ir-rabta kawżali allegata bejn ir-restrizzjonijiet (iffissar ta' prezzijiet u regolamentazzjoni ta' forniment) u l-effiċjenzi preżunti (servizzi affidabbli) għalhekk tidher wisq dgħajfa biex tissodisfa l-ewwel kondizzjoni ta' l-Artikolu 81(3). |
(5) |
It-tieni kondizzjoni għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) hija li l-konsumaturi għandhom jiġu kkompensati għall-effetti negattivi li jirriżultaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-każ ta' restrizzjonijiet iebsin, bħall-iffissar orizzontali ta' prezzijiet li jseħħu meta t-tariffa tal-konferenza tiġi stabbilta u l-ħlasijiet u l-ħlasijiet miżjuda jiġu stabbiliti b'mod konġunt, l-effetti negattivi huma serji ħafna. Madankollu l-ebda effett pożittiv ċar ma ġie identifikat. L-utenti tat-trasport jikkunsidraw li l-konferenzi joperaw għall-benefiċċju ta' l-anqas membri effiċjenti u jitolbu għat-tneħħija tagħhom. Il-konferenzi ma jissodisfawx aktar it-tieni kondizzjoni ta' l-Artikolu 81(3). |
(6) |
It-tielet kondizzjoni għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) hija li l-kondotta m'għandhiex timponi fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Il-konsorzji huma ftehim ta' kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-linji tat-tbaħħir li ma jużawx l-iffissar tal-prezzijiet u huma għalhekk anqas restrittivi minn konferenzi. L-utenti tat-trasport iqisumhom li jipprovdu servizzi marittimi skedati adegwati, affidabbli u effiċjenti. Barra minn hekk l-użu ta' ftehim individwali ta' servizzi żdied sinifikament fis-snin reċenti. Skond id-definizzjoni, tali ftehim ta' servizzi individwali ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni u jipprovdu benefiċċji għall-esportaturi peress li jagħmluha possibbli li jitfasslu servizzi speċjali. Barra minn hekk, minħabba li l-prezz jiġi stabbilt minn qabel u ma jiċċaqlaqx għal perijodu predeterminat (normalment sa sena waħda), il-kuntratti tas-servizz jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbilità tal-prezzijiet. Għalhekk ma ġiex stabbilit li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni permessi taħt ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 (iffissar ta' prezzijiet u regolamentazzjoni ta' kapaċità) huma indispensabbli għall-forniment ta' servizzi ta' tbaħħir aktar affidabbli għall-utenti tat-trasport peress li dawn jistgħu jinkisbu b'mezzi anqas restrittivi. It-tielet kondizzjoni taħt l-Artikolu 81(3) mhix għalhekk sodisfatta. |
(7) |
Fl-aħħarnett, ir-raba' kondizzjoni taħt l-Artikolu 81(3) teħtieġ li l-konferenza għandha tibqa' soġġetta għal limitazzjonijiet kompetittivi effiċjenti. Fiċ-ċirkostanzi tas-suq attwali l-konferenzi huma preżenti fi kważi r-rotot kummerċjali kollha maġġuri u huma jikkompetu ma' trasportaturi raggruppati f'konsorzji u ma' kumpannija indipendenti. Waqt li jista' jkun hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet dwar rati ta' trasport ta' merkanzija fl-oċean minħabba l-indeboliment tas-sistema tal-konferenza ftit li xejn hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet fir-rigward tal-ħlasijiet u l-ħlasijiet miżjuda anċillari. Dawn jiġu stabbiliti mill-konferenza u l-istess livell ta' ħlasijiet jiġi ta' spiss applikat minn trasportaturi mhux tal-konferenza. Barra minn hekk, it-trasportaturi jipparteċipaw f'konferenzi u konsorzji fl-istess kummerċ, jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva u jakkumulaw il-benefiċċji tal-konferenza (iffissar ta' prezzijiet u regolamentazzjoni ta' kapaċità) u ta' l-eżenzjonijiet ġenerali tal-konsorzji (kooperazzjoni operazzjonali għal forniment ta' servizz konġunt). Minħabba n-numru dejjem jiżdied ta' rabtiet bejn it-trasportaturi fl-istess kummerċ, li jiġi ddeterminat sa fejn il-konferenzi huma soġġetti għal kompetizzjoni effettiva interna u esterna huwa eżerċizzju kumpless ħafna u wieħed li jista' jsir biss fuq il-bażi ta' każ każ. |
(8) |
Il-konferenzi ta' linji tat-tbaħħir għalhekk ma jissodisfawx aktar l-erba' kondizzjonijiet kumulattivi għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u l-eżenzjoni ġenerali fir-rigward ta' tali konferenzi għandha għalhekk titneħħa. |
(9) |
L-esklużjoni mill-projbizzjoni ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat ta' ftehim purament tekniċi u l-proċedura li tittratta konflitti ta' liġi li jistgħu jinqalgħu huma żejda wkoll. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jitħassru wkoll. |
(10) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 għandu jiġi revokat fl-intier tiegħu. |
(11) |
Il-konferenzi tal-linji huma ttollerati f'diversi ġurisdizzjonijiet. F'dan, kif ukoll f'setturi oħrajn, il-liġi tal-kompetizzjoni ma tiġix applikata bl-istess mod mad-dinja kollha. Fid-dawl tan-natura globali ta' l-industrija tal-linji tat-tbaħħir, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa biex tippromwovi t-tneħħija ta' l-eżenzjoni għall-iffissar tal-prezzijiet għal konferenzi ta' linji li jeżistu xi mkien ieħor waqt li żżomm l-eżenzjoni għal kooperazzjoni operattiva bejn kumpanniji tat-tbaħħir miġbura f'konsorzji u alleanzi, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarjat ta' l-OECD fl-2002. |
(12) |
Il-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari ġew esklużi mir-regoli li jimplimentaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, oriġinarjament stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 u sussegwentement fir-Regolament (KE) Nru 1/2003. Attwalment huma l-uniċi setturi li għadhom esklużi mir-regoli implimentattivi Komunitarji dwar il-kompetizzjoni. In-nuqqas ta' setgħat effettivi ta’ infurzar għal dawn is-setturi huwa anomalija minn perspettiva regolatorja. |
(13) |
L-esklużjoni ta' servizzi ta' trasport marittimu mhux regolari mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rati għal dawn is-servizzi huma nnegozjati liberament fuq bażi ta' każ b'każ skond il-kondizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda. Madankollu, tali kondizzjonijiet tas-suq huma preżenti f'setturi oħrajn u d-dispożizzjonijiet sostantivi ta' l-Artikoli 81 u 82 diġà japplikaw għal dawn is-servizzi. M'hemm l-ebda raġuni konvinċenti li tressqet biex tinżamm l-esklużjoni attwali ta' dawn is-servizzi mir-regoli li jimplimentaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Bl-istess mod, għalkemm is-servizzi ta' kabotaġġ ta' spiss m'għandhom l-ebda effett fuq kummerċ intra-Komunitarju, dan ma jfissirx li mill-bidunett għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. |
(14) |
Peress li l-mekkaniżmi li jinstabu fir-Regolament (KE) Nru 1/2003 huma xierqa biex jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni għas-setturi kollha, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament għandu jiġi emendat sabiex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari. |
(15) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ. |
(16) |
Peress li l-Istati Membri jista' jkollhom jaġġustaw l-impenji internazzjonali tagħhom fid-dawl tat-tneħħija tas-sistema tal-konferenzi, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 dwar l-eżenzjoni ġenerali għall-konferenzi tal-linji għandhom jibqgħu japplikaw għal konferenzi li jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għal perijodu ta' transizzjoni, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE) Nru 4056/86 għandu jiġi revokat.
Madankollu, l-Artikolu 1(3)(b) u (ċ), l-Artikoli 3 sa 7, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 għandhom jibqgħu japplikaw fir-rigward ta' konferenzi ta' linji tat-tbaħħir li jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 tat-18 ta’ Ottubru 2006, għal perijodu ta' transizzjoni ta' sentejn minn dik id-data.
Artikolu 2
L-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jitħassar.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
M. PEKKARINEN
(1) Opinjoni ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni mgħotija fil-5 ta’ Lulju 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 378, 31.12.1986, p. 4. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.
(4) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).