Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 32006R0708

708/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 708/2006 tat- 8 ta’ Mejju 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 21 u l-Interpretazzjoni 7 tal-Kumitat għall-Interpretazzjoni tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 122, 9.5.2006, s. 19–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 330M, 28.11.2006, s. 394–398 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Dokumentets juridiske status Ikke længere i kraft, Gyldighedsperiodens slutdato: 01/12/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R1126

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/708/oj

28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

394


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 708/2006

tat-8 ta’ Mejju 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 21 u l-Interpretazzjoni 7 tal-Kumitat għall-Interpretazzjoni tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-istandards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu eżistenti fl-14 ta' Settembru 2002.

(2)

Fl-24 ta’ Novembru 2005, il-Kumitat għall-Interpretazzjoni tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni 7 ta’ l-IFRIC L-applikazzjoni ta’ Strateġija ta’ Stqarrija mill-ġdid skond l-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji minn issa ’l quddiem imsejħa “IFRIC 7”. L-IFRIC 7 tikkjarifika r-rekwiżiti skond l-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet li kumpaniji kellhom jiffaċċjaw dwar kif kumpanija għandha tiddikjara mill-ġdid id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha skond l-IAS 29 fl-ewwel sena li fiha tidentifika l-eżistenza ta' iperinflazzjoni fl-ekonomija tal-munita funzjonali tagħha.

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2005, il-Bord ta’ l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħareġ Emenda għall-IAS 21 L-Effetti ta' Tibdil fir-Rati tal-Kambju Barranin - Investiment Nett f’Attività Estera, biex jikkjarifika r-rekwiżiti tiegħu dwar l-investiment ta’ entità f’attivitajiet esteri. Xi kumpaniji kienu qajmu tħassib dwar is-self li jifforma parti mill-investiment ta’ kumpanija f’attività estera peress illi l-IAS 21 kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jeħtieġu li s-self ikun denominat fil-munita funzjonali jew tal-kumpanija jew ta’ l-attività estera sabiex id-differenzi li jinħolqu fil-kambju jkunu jistgħu jingħarfu fit-taqsima ta’ l-ekwità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati. Madankollu, fil-prattika s-self jista' jkun denominat f’munita oħra (terza). L-IASB ikkonkluda illi ma kellux il-ħsieb li jimponi din ir-restrizzjoni, għalhekk ippubblika din l-emenda sabiex jippermetti li s-self ikun denominat f’munita terza.

(4)

Il-konsultazzjoni ma' l-esperti tekniċi fil-qasam tikkonferma illi l-IFRIC 7 u l-Emenda għall-IAS 21 jilħqu l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1725/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju ta' Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1725/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Interpretazzjoni 7 tal-Kumitat għall-Interpretazzjoni tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) L-applikazzjoni ta’ Strateġija ta’ Dikjarazzjoni mill-ġdid skond l-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji hija mdaħħla kif ġie stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 21 huwa emendat skond l-Emenda għall-IAS 21 L-Effetti ta' Tibdil fir-Rati tal-Kambju Barranin - Investiment Nett f’Attività Estera, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

(1)   Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 7 kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja tagħha fl-2006, ħlief dawk il-kumpaniji li għandhom id-data ta’ bidu f’Jannar jew Frar, li għandhom japplikaw l-IFRIC 7 mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja tagħhom fl-2007.

(2)   Kull kumpanija għandha tapplika l-Emenda għall-IAS 21 kif stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja tagħha fl-2006.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Charlie MCCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 261, 13.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 108/2006 (ĠU L 24, 27.1.2006, p. 1.)


ANNESS

STANDARDS TA' RAPPURTAĠĠ FINANZJARJU INTERNAZZJONALI

IFRIC 7

Interpretazzjoni 7 ta’ l-IFRIC L-applikazzjoni ta’ Strateġija ta’ Stqarrija mill-ġdid skond l-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji

IAS 21

Emenda għall-IAS 21 L-Effetti ta' Tibdil fir-Rati tal-Kambju Barranin - Investiment Nett f’Attività Estera

“Ir-riproduzzjoni hija permessa fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”

IFRIC INTERPRETAZZJONI 7

L-applikazzjoni ta’ Strateġija ta’ Stqarrija mill-ġdid skond l-IAS 29

Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji

Referenzi

L-IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul

L-IAS 29 Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju f’Ekonomiji Iperinflazzjonarji

Sfond

1

Din l-Interpretazzjoni tagħti gwida dwar kif għandhom jiġu applikati l-kondizzjonijiet ta’ l-IAS 29 f’perjodu ta’ rappurtaġġ fejn entità tiddentifika (*) fl-ekonomija l-eżistenza ta’ iperinflazzjoni tal-munita funzjonali tagħha, meta dik l-ekonomija ma kenitx iperinflazzjonali fil-perjodu preċedenti, u b’hekk l-entità tistqarr mill-ġdid id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha skond l-IAS 29.

Kwistjonijiet

2

Il-kwistjonijiet indirizzati f’din l-Interpretazzjoni huma:

(a)

kif għandha tkun interpretata l-kondizzjoni “…dikjarata skond il-valur ta’ qies prevalenti fid-data tal-karta ta’ bilanċ” fil-paragrafu 8 ta’ l-IAS 29 meta entità tapplika dan l-Istandard?

(b)

entità kif għandha tqis il-ftuħ tal-figuri diferiti ta’ taxxa fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji riveduti tagħha?

Konsensus

3

Fil-perjodu ta’ rappurtaġġ meta entità tidentifika l-eżistenza ta' l-iperinflazzjoni fl-ekonomija tal-munita funzjonali tagħha, meta ma kenitx iperinflazzjonali fil-perjodu preċedenti, l-entità għandha tapplika l-kondizzjonijiet ta’ l-IAS 29 bħallikieku l-ekonomija minn dejjem kienet iperinflazzjonali. Għalhekk, skond il-figuri li mhumiex monetarji meqjusa fuq prezz storiku, il-karta ta’ bilanċ ta’ ftuħ ta’ l-entità fil-bidu tal-perjodu l-aktar kmieni ppreżentat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu riveduti biex jirriflettu l-effett ta’ l-inflazzjoni mid-data li fiha l-assi kienu ġew akkwistati u meta l-passivi kienu nġarrbu sad-data ta’ għeluq tal-karta ta' bilanċ tal-perjodu tar-rappurtaġġ. Għall-oġġetti li mhumiex monetarji li jinsabu fil-ftuħ tal-karta ta’ bilanċ f’ammonti kurrenti fid-dati differenti minn dawk ta' kisba jew ħlas, dik id-dikjarazzjoni għandha tirrifletti minflok l-effett ta' l-inflazzjoni mid-data meta dawk l-ammonti miżmuma kienu ġew determinati sad-data ta’ għeluq tal-karta ta’ bilanċ tal-perjodu tar-rappurtaġġ.

4

Fid-data ta’ għeluq tal-karta ta’ bilanċ, il-figuri diferiti ta’ taxxa huma identifikati u meqjusa skond l-IAS 12. Madankollu, il-figuri tat-taxxa diferuti fil-ftuħ tal-karta ta' bilanċ għall-perjodu ta' rappurtaġġ għandhom ikunu determinati hekk:

(a)

l-entità terġa tqies il-figuri diferiti ta’ taxxa skond l-IAS 12 wara li tkun tennet mill-ġdid l-ammonti nominali miżmuma tal-figuri tagħha li mhumiex monetarji fid-data tal-karta ta’ bilanċ ta’ ftuħ tal-perjodu ta’ rappurtaġġ billi tapplika l-valur ta’ qies f’dik id-data.

(b)

il-figuri diferiti ta’ taxxa meqjusa mill-ġdid skond (a) huma riveduti minħabba l-bidla fil-valur ta’ qies mid-data tal-ftuħ tal-karta ta’ bilanċ tal-perjodu ta’ rappurtaġġ sad-data ta’ l-għeluq tal-karta ta’ bilanċ ta’ dak il-perjodu.

L-entità tapplika l-istrateġija f’(a) u (b) meta terġa tistqarr il-figuri diferuti tat-taxxa fil-ftuħ tal-karta ta’ bilanċ ta’ kwalunkwe perjodu komparattiv ippreżentat fir-rapporti finanzjarji riveduti għall-perjodu ta’ rappurtaġġ fejn tapplika l-entità IAS 29.

5

Wara li entità tkun stqarret mill-ġdid ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-figuri kollha korrispondenti fir-rapporti finanzjarji għal perjodu ta’ rappurtaġġ sussegwenti, inklużi l-figuri diferiti ta’ taxxa, huma riveduti permezz ta' l-applikazzjoni tal-bidla fil-valur ta' qies għal dak il-perjodu ta' rappurtaġġ sussegwenti, biss għar-rapporti finanzjarji rivisti għall-perjodu ta’ rappurtaġġ preċedenti.

Data effettiva

6

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Marzu 2006 jew wara. Applikazzjoni minn kmieni hija mħeġġa. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal rapporti finanzjarji għal perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Marzu 2006, għandha xxandar dan il-fatt.

Emenda għall- IAS 21

L-Effetti tat-Tibdil fir-Rati tal-Kambju Barranin

Dan id-dokument jistabbilixxi emendi għall-IAS 21 L-Effetti tat-Tibdil fir-Rati tal-Kambju Barranin. L-emendi jiffinalizzaw il-proposti fl-Abbozz ta’ l-Emendi Proposti għall-Korrezzjoni Teknika 1 ta’ l-IAS 21 Investiment Nett f’Attività Estera ppubblikati f’Settembru 2005.

Entità għandha tapplika dawn l-emendi f’dan id-dokument għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara. L-applikazzjoni minn kmieni hija mħeġġa.

Investiment Nett f’Attività Estera

Il-paragrafu 15A huwa miżjud kif ġej.

“15A

L-entità li għandha oġġett monetarju li tirċievi minn jew li jitħallas lill-attività estera deskritta fil-paragrafu 15 tista’ tkun kwalunkwe sussidjarja tal-grupp. Per eżempju, entità li għandha żewġ sussidjarji, A u B. Is-Sussidjarja B hija l-attività estera. Is-Sussidjarja A tagħti self lis-Sussidjarja B. Is-self mogħti mis-Sussidjarja A lil Sussidjarja B ikun parti mill-investiment nett ta' l-entità fis-Sussidjarja B jekk il-ħlas tas-self la jkun ippjanat u lanqas maħsub li jseħħ fil-futur qrib. Dan ikun ukoll il-każ jekk is-Sussidjarja A tkun hija stess l-attività barranija.”

L-għarfien ta’ differenza fil-kambju

Il-paragrafu 33 huwa emendat kif ġej.

“33

Meta oġġett monetarju jagħmel parti mill-investiment nett irrappurtat minn entità f’attività estera u huwa denominat fil-munita funzjonali ta' l-entità li qed tirrapporta, tinħoloq differenza fil-kambju fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji individwali ta’ l-attività estera skond il-paragrafu 28. Jekk oġġett bħal dan huwa denominat fil-munita funzjonali ta’ l-attività estera, tinħoloq differenza fil-kambju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji separati ta’ l-entità li qed tirrapporta skond il-paragrafu 28. Jekk oġġett bħal dan huwa denominat f’munita differenti mill-munita funzjonali ta’ l-entità li qed tirrapporta jew ta’ l-attività estera, tinħoloq differenza fil-kambju fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji separati ta’ l-entità li qed tirrapporta u fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' l-attività estera skond il-paragrafu 28. Dawn id-differenzi fil-kambju jerġgħu jiġu kklassifikati fil-komponent separat ta’ l-ishma fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jinkludu l-attività estera u l-entità li qed tirrapporta (jiġifieri d-dikjarazzjonijiet finanzjarji li fihom l-attività estera hija konsolidata, proporzjonalment konsolidata jew inkluża fil-kontijiet permezz tal-metodu ta’ l-ekwità).”

Il-paragrafu 58A huwa miżjud kif ġej.

“58A

Investiment Nett f’Attività Estera (Emenda għall-IAS 21), maħruġ f’Diċembru 2005, biż-żieda tal-paragrafu 15A u l-emenda tal-paragrafu 33. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara. L-applikazzjoni minn kmieni hija mħeġġa.”


(*)  L-identifikazzjoni ta’ l-iperinflazzjoni hija bbażata fuq il-ġudizzju ta’ l-entità tal-kriterji fil-paragrafu 3 ta’ l-IAS 29.


Op