Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 32006D0880

    2006/880/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2006 li tipprovdi assistenza finanzjarja Komunitarja eċċezzjonali lill-Kosovo

    ĠU L 339, 6.12.2006, σ. 36 έως 38 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, σ. 574 έως 576 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Νομικό καθεστώς του εγγράφου Δεν ισχύει πλέον, Ημερομηνία λήξης ισχύος: 11/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/880/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    574


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Novembru 2006

    li tipprovdi assistenza finanzjarja Komunitarja eċċezzjonali lill-Kosovo

    (2006/880/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) (“UNSCR 1244 (1999)”) fl-10 ta' Ġunju 1999 li timmira biex tippromwovi ta' l-istabbiliment, sakemm tintlaħaq soluzzjoni finali, ta' l-awtonomija sostantiva u l-gvern awtonomu fi ħdan dik li qabel kienet ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja.

    (2)

    Il-Komunità Internazzjonali, waqt li tibbaża ruħha fuq UNSCR 1244 (1999), stabbiliet preżenza ta' sigurtà internazzjonali (“KFOR”) u amministrazzjoni ċivili interim — il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (“UNMIK”). L-UNMIK tikkonsisti f'erba' komponenti (Pilastri) u l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja r-raba' Pilastru responsabbli għar-rikostruzzjoni u l-iżvilupp ekonomiku. L-UNMIK, u partikolarment il-Pilastru IV tagħha, kisbet progress sostanzjali fl-istabbiliment ta' qafas istituzzjonali, legali u politiku li jwassal għall-ħolqien ta' ekonomija soda bbażata fuq prinċipji tas-suq.

    (3)

    Mill-istabbiliment tagħha, l-UNMIK ittrasferiet osqma sinifikanti ta' kompetenza lill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu (“PISG”). B'mod partikolari, ir-responsabbiltà għall-baġit ġiet ittrasferita mill-UNMIK lill-Ministeru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi fi ħdan il-PISG, bir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarjat Ġenerali tan-NU jżomm is-setgħa aħħarija li japprova l-baġit.

    (4)

    Fl-24 ta' Ottubru 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva l-proposta tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jibda l-proċess politiku biex jiddetermina l-istatus futur tal-Kosovo.

    (5)

    L-awtoritajiet tal-Kosovo intitolati li jirċievu assistenza Komunitarja u responsabbli biex jaqblu u jissodisfaw il-kondizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi marbuta ma' din l-assistenza huma għalhekk l-UNMIK u l-PISG jew, meta l-istatus futur tal-Kosovo jkun ġie ddeterminat, l-istituzzjoni u l-istituzzjonijiet magħżula biex iwettqu dawn il-kompiti u responsabbiltajiet.

    (6)

    Fi ħdan il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li huwa l-qafas għar-relazzjonijiet ta' l-UE mar-reġjun, huwa mixtieq li jiġu appoġġati l-isforzi biex tiġi sostnuta l-istabbilizzazzjoni politika u ekonomika fil-Kosovo, bil-ħsieb li ssir evoluzzjoni lejn l-iżvilupp ta' relazzjoni ta' kooperazzjoni sħiħa mal-Komunità biex b'hekk il-futur Ewropew tal-Kosovo jkun iktar tanġibbli.

    (7)

    Il-Komunità diġà sabet li tkun miżura xierqa li tingħata għajnuna biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet finanzjarji tal-Kosovo f'ċirkostanzi eċċezzjonalment diffiċli u, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/140/KE ta' l-14 ta' Frar 2000 li tipprovdi assistenza Komunitarja eċċezzjonali lill-Kosovo (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/511/KE tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar assistenza finanzjarja eċċezzjonali ulterjuri lill-Kosovo (3), ipprovdiet assistenza finanzjarja eċċezzjonali fil-forma ta' għotjiet diretti li jammontaw għal EUR 35 miljun u EUR 30 miljun fl-2000 u l-2001 rispettivament. L-aħħar ħlas taħt tali assistenza ġie rilaxxat f'Diċembru 2002.

    (8)

    Din l-assistenza finanzjarja eċċezzjonali tikkomplimenta l-programmi ta' assistenza Komunitarji oħra għall-Balkani tal-Punent.

    (9)

    F'Novembru 2005 l-awtoritajiet tal-Kosovo qablu mal-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) dwar Ittra ta' Intenzjoni u Memorandum ta' Linji Politiċi Ekonomiċi u Finanzjarji li jistabbilixxu qafas fiskali għall-2006, inklużi orjentazzjonijiet tat-terminu medju. Huma kkompletaw fil-bidu ta' Marzu 2006 Qafas ta' Nfiq għat-Terminu Medju. Il-qafas jidentifika ħtiġiet finanzjarji ta' baġit u barra mill-baġit fl-2006-2008. Għalhekk, huwa stmat li assistenza finanzjarja esterna tal-baġit ta' xi EUR 81miljun — EUR 14 miljun fl-2006 u EUR 67 miljun fl-2007, rispettivament — ikunu jinħtieġu sa l-aħħar ta' l-2007.

    (10)

    Għalkemm l-attività ekonomika reġgħet bdiet wara l-konflitt, il-Kosovo qiegħed fl-livell baxx ta' żvilupp ekonomiku. Il-Kosovo m'huwiex f'pożizzjoni li jissellef jew domestikament jew fis-suq finanzjarju internazzjonali u taħt l-istatus attwali tiegħu m'huwiex eliġibbli għas-sħubija fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Għalhekk ma jistax jibbenefika milli jislef assistenza assoċjata mal-programmi tagħhom.

    (11)

    Bil-ħsieb ta' l-arranġamenti attwali taħt UNSCR 1244 (1999), minħabba l-livell relattivament baxx ta' żvilupp ekonomiku u l-finanzi pubbliċi u l-kontijiet esterni prekarji tiegħu, assistenza finanzjarja mill-Komunità fil-forma ta' għotjiet diretti, f'kollegament ma' donaturi oħra, tkompli tkun il-forma xierqa ta' assistenza.

    (12)

    Tali assistenza ser tipprovdi sostenn kruċjali għad-distakk sakemm tintlaħaq soluzzjoni dwar l-istatus tal-Kosovo. Hija ma tkunx relatata ma' l-arranġamenti dwar l-istatus ġdid li qed jiġi negozjat u ma twassalx għal appoġġ Komunitarju u internazzjonali ulterjuri li aktarx ikun meħtieġ mas-soluzzjoni dwar l-istatus lil hinn mill-2007.

    (13)

    Il-ħruġ ta' din l-għotja ta' assistenza huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' l-awtorità baġitarja.

    (14)

    L-appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut wara l-verifika ta' jekk il-kondizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li għandhom jiġi maqbula ma' l-awtoritajiet tal-Kosovo fuq approvazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħux jiġu sodisfatti b'mod sodisfaċenti.

    (15)

    Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità marbutin ma' l-assistenza finanzjarja preżenti, huwa meħtieġ li jiġu previsti miżuri xierqa mill-Kosovo relatati mal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza, kif ukoll kontrolli mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

    (16)

    Din l-assistenza għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    (17)

    It-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, poteri oħrajn li m'humiex dawk ta' l-Artikolu 308,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli lill-Kosovo assistenza finanzjarja eċċezzjonali fil-forma ta' għotja ta' massimu ta' EUR 50 miljun bil-ħsieb li tittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja fil-Kosovo, jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' qafas ekonomiku u fiskali sod, jiġu ffaċilitati il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta' funzjonijiet amministrattivi essenzjali u jiġu indirizzati l-ħtiġiet ta' investiment pubbliku.

    2.   Din l-assistenza finanzjarja Komunitarja għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u b'mod konsistenti mal-ftehim jew il-qbil li jkunu ntlaħqu bejn il-FMI u l-Kosovo.

    3.   L-assistenza finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1). Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tista' tiddeċiedi li testendi l-perijodu ta' disponibbiltà b'massimu ta' sena waħda.

    Artikolu 2

    1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taqbel ma' l-awtoritajiet tal-Kosovo, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji marbutin ma' din l-assistenza, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Ftehim. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehim jew il-qbil imsemmijin fl-Artikolu 1(2).

    2.   Qabel ma tipproċedi għall-implimentazzjoni attwali ta' l-assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-validità taċ-ċirkwiti finanzjarji tal-Kosovo, il-proċeduri amministrattivi, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għal din l-assistenza Komunitarja makro-finanzjarja.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u f'koordinazzjoni ma' l-FMI, li l-linji politiċi ekonomiċi fil-Kosovo huma skond l-objettivi ta' din l-assistenza u li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika u dawk finanzjarji li sar qbil fuqhom qed jiġu sodisfatti b'mod sodisfaċenti.

    Artikolu 3

    1.   L-assistenza għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Kosovo f'żewġ jew, jekk xieraq, tliet pagamenti. L-ewwel pagament għandu jkun rilaxxat wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1), u fuq bażi ta' valutazzjoni sodisfaċenti tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 2(2).

    2.   It-tieni u kwalunkwe pagament ulterjuri għandhom jiġu rilaxxati fuq bażi ta' konformità sodisfaċenti mal-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2(1), bil-progress sodisfaċenti lejn it-twettiq tal-kondizzjonijiet stabbilit fil-Memorandum ta' Ftehim previst fl-Artikolu 2(1), u mhux qabel li jkunu għaddew tliet xhur mir-rilaxx tal-pagament preċedenti.

    3.   Il-fondi għandhom jiġu mħallsa lill-Ministeru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi tal-PISG, jew meta l-istatus futur tal-Kosovo jkun ġie determinat, lill-istituzzjoni magħżula biex twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet, esklussivament b'appoġġ tal-ħtiġiet ta' finanzjament baġitarji tal-Kosovo.

    Artikolu 4

    L-implimentazzjoni ta' din l-assistenza għandha sseħħ skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-regoli implimentattivi tiegħu. B'mod partikolari, il-Memorandum ta' Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1) għandu jipprovdi għal miżuri xierqa mill-Kosovo relatati mal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra marbuta ma' din l-assistenza. Dan għandu jipprovdi wkoll għal kontrolli mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), bid-dritt li jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, u għal verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri, fejn xieraq, li għandhom jitwettqu fuq il-post.

    Artikolu 5

    Mill-inqas darba f'sena, u qabel il-15 ta' Settembru, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jinkludi valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Novembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. HYSSALA


    (1)  Opinjoni mogħtija fit-12.10.2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 47, 19.2.2000, p. 28.

    (3)  ĠU L 183, 6.7.2001, p. 42.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


    Επάνω