Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0664

    2006/664/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Ġunju 2006 li tadatta l-Anness VIII ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 277, 9.10.2006, p. 4–6 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/664/oj

    9.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    4


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Ġunju 2006

    li tadatta l-Anness VIII ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

    (2006/664/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, iffirmat fil-Lussemburgu nhar il-25 ta’ April 2005, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija u b'mod partikolari l-Artikolu 34(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (2) jintroduċi tibdiliet għall-acquis li fuqu kienu bbażati n-negozjati mal-Bulgarija u tar-Rumanija dwar l-adeżjoni tagħhom.

    (2)

    Għaldaqstant jeħtieġ li l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija jiġi adattat sabiex ikun kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (3)

    Filwaqt li jsiru l-adattamenti meħtieġa għall-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, il-karattru u l-prinċipji funadamentali tar-riżultati tan-negozjati għandhom jinżammu u jiġu applikati għad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti. Barra minn hekk, l-adattamenti għall-Att ta' l-Adeżjoni għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ.

    (4)

    Il-miżuri ta' semi-sussistenza u ta' gruppi ta' produtturi previsti fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 bħala miżuri transizzjonali għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka, għall-Estonja, għal Ċipru, għall-Latvja, għal-Litwanja, għall-Ungerija, għal Malta, għall-Polonja, għar-Rumanija, għas-Slovenja u għas-Slovakkja. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija f'dawn l-oqsma għandhom jitħassru.

    (5)

    Id-dispożizzjonijiet dwar is-sostenn tekniku previst fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u konsegwentement għandhom jitħassru.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi assi Leader obbligatorju fi ħdan il-programm għall-iżvilupp rurali, li għandu jkopri perċentwal minimu ta' kontribut tal-FAEŻR għall-programm. Barra minn hekk, l-Artikolu 59 ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi miżura ta' sostenn għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, li hija differenti mill-arranġamenti li kienu ġew negozjati mal-Bulgarija u mar-Rumanija. Huwa għalhekk meħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar Leader stipulati fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija jiġu armonizzati mad-dispożizzjonijiet il-ġodda previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi appoġġ għall-użu ta' servizzi konsultattivi. Madankollu, hemm xi differenzi bejn l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija u dak ir-Regolament fl-ambitu ta' dik il-miżura. Sabiex jiġi evitat, notevolment, finanzjament doppju għall-ewwel tliet snin tal-programm, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jagħżlu li jimplementaw il-miżura prevista fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni jew il-miżura prevista fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (8)

    Barra minn hekk, meta laħqu qbil politiku dwar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu f'dikjarazzjoni komuni dwar il-Bulgarija u r-Rumanija li jestendu l-miżura dwar is-servizzi konsultattivi prevista fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija sa l-2013 fir-rigward tal-provvista tas-servizzi konsultattivi lill-bdiewa li jirċievu sostenn ta' semi-sussistenza. L-Att ta' l-Adeżjoni għandu jiġi emendat sabiex jieħu in konsiderazzjoni dan il-ftehim.

    (9)

    Ladarba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (3) stabbilixxa Fond uniku għas-sostenn Komunitarju favur l-iżvilupp rurali li jieħu post iż-żewġ sorsi preċedenti ta' finanzjament, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi li fuqha għandu jiġi kalkolat il-limitu massimu ta' 20 % speċikat fil-komplement mal-miżura ta' pagament dirett prevista fil-punt E tat-Taqsima I ta' l-Anness VIII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

    (10)

    Is-sostenn Komunitarju previst fil-punt E tat-Taqsima I ta' l-Anness VIII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għandu l-għan li jikkofinanzja pagamenti nazzjonali diretti jew għajnuniet mogħtija skond l-Artikolu 143ċ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (4). Għal din ir-raġuni, ma għandux jittieħed kont ta' dak is-sostenn fil-kalkolu tal-bilanċ bejn l-għanijiet deskritti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (11)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 m'għadux jinkludi l-vijabbiltà ekonomika bħala kriterju ta' l-eliġibbiltà tal-miżura dwar sostenn għall-investiment. Id-deroga relatata prevista għall-Bulgarija u għar-Rumanija fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni għandha għalhekk titħassar.

    (12)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jistabbilixxi regoli ġodda dwar il-finanzjament tan-nefqa fuq l-iżvilupp rurali. Billi dawk id-dispożizzjonijiet isegwu l-istess prinċipji bħall-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (5), li jissemmew fl-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgaria u tar-Rumanija, id-dispożizzjonijiet finanzjarji speċifiċi previsti fl-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni m'għadhomx meħtieġa. Barra minn hekk, jeħtieġ li f'dak l-Anness jiġi modifikat il-kontribut finanzjarju Komunitarju għall-miżuri agro-ambjentali u għall-miżuri għat-trattament xieraq tal-bhejjem billi, skond l-Artikolu 70 tar-Regolamement (KE) Nru 1698/2005, ir-rati ta' kofinanzjament m'għadhomx jiġu ffissati fil-livell tal-miżura iżda fil-livell ta' l-assi,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Anness VIII ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Is-Sezzjoni I għandha tiġi emendata kif ġej:

    (a)

    il-punti A u B għandhom jitħassru;

    (b)

    il-punt Ċ għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Ċ.

    Miżuri tat-tip Leader +

    Addizzjonalment għall-miżuri previsti fl-Artikolu 63(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, jista' jingħata sostenn lill-miżuri li ġejjin:

    (a)

    l-iżvilupp ta' sħubiji rappreżentattivi għall-iżvilupp lokali;

    (b)

    il-formulazzjoni ta' strateġiji integrati għall-iżvilupp;

    (ċ)

    il-finanzjament tar-riċerka u l-preparazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għal sostenn.”

    (ċ)

    il-punt D għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “D.

    Servizzi ta' konsultazzjoni għall-ażjendi agrikoli u ta' estensjoni agrikola

    (1)

    Għandu jingħata sostenn għall-provvista ta' servizzi ta' konsulenza għall-ażjendi agrikoli u ta' estensjoni agrikola.

    Għall-perjodu 2007–2009, dak is-sostenn ma jistax jiġi inkluż fil-programm għall-iżvilupp rurali jekk ikun previst sostenn skond l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (2)

    Għall-perjodu 2010–2013, dan is-sostenn għandu jingħata biss għall-provvista ta' servizzi lill-bdiewa li jirċievu sostenn semi-sussistenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 20(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    Bħala minimu, is-servizzi ta' konsultazzjoni lill-bdiewa msemmija fil-punt 1 għandhom ikopru:

    (a)

    il-kondizzjonijiet amministrattivi statutorji u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u fl-Annessi III u IV tiegħu;

    (b)

    l-istandards ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol ibbażati fuq il-liġi Komunitarja.”

    ;

    (d)

    il-punt E għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (3), l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

    “Il-kontribut Komunitarju għas-sostenn mogħti taħt din is-Subsezzjoni fil-Bulgarija jew fir-Rumanija fir-rigward ta' kull waħda mis-snin 2007, 2008 u 2009 ma għandux jeċċedi l-20 % ta' l-allokazzjoni annwali rispettiva tagħha li toriġina mis-Sezzjoni ta' Garanzija ta' l-EAGGF kif imsemmija fl-Artikolu 34(2) ta' dan l-Att ta' l-Adeżjoni.”

    (ii)

    għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

    “(5)

    Ma għandux jittieħed kont tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità għal din il-miżura fil-kalkolu tal-bilanċ bejn l-għanijiet taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.”

    (e)

    il-punti F u G għandhom jitħassru.

    2)

    Il-punt (1) tas-Sezzjoni II għandu jitħassar.

    3)

    Is-Sezzjoni IV għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

    “B'deroga mill-Artikolu 70(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jammonta għal 80 % għall-assi 1 u 3 kif ukoll għas-sostenn tekniku.

    B'deroga mill-Artikolu 70(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontribut finanzjarju Komunitarju jista' jammonta għal 82 % għall-assi 2.”

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha titfassal bil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, Bulgara u Rumena, b'kull wieħed mit-tlieta u għoxrin test ugwalment awtentiku.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fl-1 ta' Jannar 2007 suġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 19 ta’ Ġunju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PRÖLL


    (1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1463/2006 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42)

    (4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 953/2006 (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 1).

    (5)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).


    Top