Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2143

    2143/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2143/2004 tat- 13 ta’ Diċembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazji definittivi ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton/tajjar li joriġinaw fl-Indja

    ĠU L 370, 17.12.2004, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 65–67 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/01/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2143/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    65


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2143/2004

    tat-13 ta’ Diċembru 2004

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazji definittivi ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton/tajjar li joriġinaw fl-Indja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li m'humiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 tat-13 ta' Jannar 2004 li jimponi dazji definittivi ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton/tajjar li joriġinaw fl-Indja (2),

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, il-Kunsill impona dazju definittiv ta' kontrabilanċ fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li taqa' taħt il-kodiċi NM ex 6302 21 00 (kodiċi TARIC 6302210081, 6302210089), ex 6302 22 90 (kodiċi TARIC 6302229019), ex 6302 31 10 (kodiċi TARIC 6302311090), ex 6302 31 90 (kodiċi TARIC 6302319090) u ex 6302 32 90 (kodiċi TARIC 6302329019), li joriġinaw fl-Indja. Minħabba n-numru kbir ta' partijiet li kkooperaw, intagħżel kampjun tal-produtturi esportaturi Indjani u ġew imposti rati ta' dazju individwali li jvarjaw minn 4,4 % sa 10,4 % fuq il-kumpanniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li kumpanniji oħrajn li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ġew attribwiti rata ta' dazju ta' 7,6 %. Ġiet imposta rata ta' dazju ta' 10,4 % fuq il-kumpanniji li jew ma ddikjarawx ruħhom jew ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (2)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004 jistipula li fejn xi produttur esportatur ġdid fl-Indja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li huwa ma esportax lejn il-Komunità il-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002) (l-“ewwel kriterju”) u m'huwiex relatat ma' xi esportatur jew produttur fl-Indja li huwa soġġett għall-miżuri kontra s-sussidji imposti b'dak ir-Regolament (it-“tieni kriterju”), u li huwa fil-fatt esporta lejn il-Komunità dawk il-prodotti kkonċernati wara l-perijodu ta' investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn il-Komunità (it-“tielet kriterju”), allura l-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament jista' jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 7,6 %.

    B.   TALBIET TA' ESPORTATURI/PRODUTTURI ĠODDA

    (3)

    Erbgħa u għoxrin kumpannija Indjana applikaw biex ma jiġux trattati b'mod differenti mill-kumpanniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali iżda ma ġewx inklużi fil-kampjun (“status ta' parteċipant ġdid”).

    (4)

    Żewġ kumpanniji Indjani li talbu l-istatus ta' parteċipanti ġodda ma tawx tweġiba għall-kwestjonarju. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li jiġi vverifikat jekk dawn il-kumpanniji ssodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, u t-talba tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

    (5)

    Żewġ talbiet għall-istatus ta' parteċipant ġdid waslu tard wisq u għalhekk ma setgħet tintlaħaq ebda konklużjoni dwar dawn it-talbiet sad-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

    (6)

    L-għoxrin kumpannija li kien fadal wieġbu l-kwestjonarju li kien maħsub sabiex jivverifika jekk il-kumpanniji kkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

    (7)

    L-evidenza pprovduta minn tlettax mill-esportaturi/produtturi Indjani msemmija hawn fuq hija kkunsidrata biżżejjed biex dawn il-kumpanniji l-ġodda tingħatalhom ir-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u għalhekk li dawn it-tlettax-il kumpannija Indjana jiġu miżjudin mal-lista fl-Anness (l-“Anness”) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004.

    (8)

    Fir-rigward tas-seba' esportaturi/produtturi Indjani li kien fadal, tnejn minnhom kienu relatati ma' kumpanniji soġġetti għall-miżuri ta' kontrabilanċ attwali, tlieta esportaw il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perijodu ta' investigazzjoni oriġinali (jiġifieri mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002), wieħed ma setax jipprovdi fattura jew evidenza li huwa kien tabilħaqq esporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità wara l-perijodu ta' investigazzjoni oriġinali jew li huwa kien daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità.

    (9)

    Finalment, huwa nnotat li talba waħda ma setgħetx tiġi indirizzata fil-kuntest preżenti, minħabba li l-evidenza pprovduta mill-kumpannija applikanti teħtieġ li tiġi eżaminata aktar.

    (10)

    Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, kien ikkunsidrat li għas-sitt kumpanniji msemmija fil-premessa (8), għallinqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004 ma ġiex issodisfat. Għaldaqstant, il-pretensjoni tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

    (11)

    Kumpanniji li għalihom ma ġiex aċċettat l-istatus ta' parteċipant ġdid ġew informati bir-raġunijiet ta' dik id-deċiżjoni u ngħataw l-opportunità li jwasslu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

    (12)

    Iż-żewġ kumpanniji relatati mal-kumpanniji soġġetti għall-miżuri ta' kontrabilanċ attwali qalu f'każ wieħed li l-kumpannija relatata tagħhom ma baqgħetx teżisti, u fit-tieni każ li huma kienu qegħdin tabilħaqq jistennew li jkunu soġġetti għall-istess rata ta' dazju bħal dik tal-kumpannija relatata tagħhom.

    (13)

    Fl-ewwel każ ġie kkunsidrat li l-fatt li l-kumpannija relatata ma baqgħetx teżisti kien tabilħaqq element sinifikanti fil-proċedura attwali, u li f'dan il-każ, ma setax jitqies li l-parteċipant il-ġdid ma kienx qed jirrispetta t-tieni kriterju. Għalhekk ġie deċiż li din il-kumpannija kellha tkun soġġetta wkoll għar-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u għalhekk li tiżdied mal-lista fl-Anness.

    (14)

    Fit-tieni każ, fejn il-kumpannija applikanti hija relatata ma' kumpannija soġġetta għall-miżuri, instab li dan ma kellux awtomatikament iċaħħad lill-kumpannija milli tkun soġġetta għall-marġni ta' dazju medju peżat għal kumpanniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Tabilħaqq, ġie eżaminat jekk iż-żewġ kumpanniji relatati, jekk ikkunsidrati flimkien, kinux jintagħżlu fil-kampjun ta' produtturi esportaturi skond il-kriterji ta' għażla speċifikati fil-premessa (11) tar-Regolament (KE) Nru 74/2004. Minħabba li dan deher li m'huwiex il-każ, ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament imsemmi hawn fuq. Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tqis il-kumpanniji kollha relatati bħala entità waħda soġġetti għall-istess dazju, ġie deċiż li din il-kumpannija għandha tkun soġġetta wkoll għar-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u għalhekk tiżdied mal-lista fl-Anness.

    (15)

    L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmulin mill-partijiet interessati ġew analizzati u meqjusin debitament fejn meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanniji li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta' esportaturi/produtturi mill-Indja elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 74/2004:

    “Alps Industries Ltd

    Ghaziabad

    Ambaji Marketing Pvt. Ltd

    Ahmedabad

    At Home India Pvt. Ltd

    New Delhi

    Balloons

    New Delhi

    Bhairav India International

    Ahmedabad

    G-2 International export Ltd

    Ahmedabad

    Harimann International

    Mumbai

    Kabra Brothers

    Mumbai

    Mohan Overseas (P) Ltd

    New Delhi

    Pradip Overseas Pvt. Ltd

    Ahmedabad

    Sarah Exports

    Mumbai

    S.P. Impex

    Indore

    Synergy

    Mumbai

    Texmart Import export

    Ahmedabad

    Valiant Glass Works Private Ltd

    Mumbai”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Diċembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    (1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 1.


    Top