Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2028

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas- 16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet

ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 162–168 (MT)
ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1–7 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0609

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2028/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

162


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 2028/2004

tas-16 ta' Novembru 2004

li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 279(2),

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Berlin ta' Marzu 1999 wasal għal numru ta' konklużjonijiet dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom.

(2)

Skond l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, il-persentaġġ miżmum mill-Istati Membri bħala spejjeż ta' ġbir għandu jiġi stipulat għal 25 % ta' l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1(a) u (b) ta' l-Artikolu 2 ta' dik id-Deċiżjoni li huma stabbiliti wara l-31 ta' Diċembru 2000 bl-eċċezzjoni ta' dawk l-ammonti li, biex ikun hemm konformità mar-Regolamenti dwar ir-riżorsi proprji, kellhom isiru disponibbli għall-Komunitajiet qabel it-28 ta' Frar 2001, li għalihom għandha tkompli tapplika r-rata ta' 10 % .

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta' Berlin iddeċieda li, fit-tqassim tal-piż finanzjarju li jġorru l-Istati Membri l-oħra għall-korrezzjoni favur ir-Renju Unit ta' żbilanċi fil-budget, l-ishma ta' l-Awstrija, tal-Ġermanja, ta' l-Olanda u ta' l-Isvezja għandhom ikunu aġġustati sabiex il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom tkun limitata għal kwart tal-kontribuzzjoni normali tagħhom.

(4)

Skond it-Trattat ta' Amsterdam u l-Protokolli 4 u 5 mehmuża miegħu, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda m' għandhomx għalfejn jipparteċipaw f'miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE u mhumiex għalhekk obbligati li jitgħabbew bil-konsegwenzi finanzjarji bħala riżultat ta' miżuri meħuda, ħlief l-ispejjeż amministrattivi. Jistgħu għalhekk jiksbu aġġustament fir-riżorsi proprji mħallsa għal kull sena li fiha ma jipparteċipawx.

(5)

Ladarba l-Istati Membri huma ugwalment obbligati li jħallsu interessi jekk ikun hemm dewmien fid-dħul tar-riżorsi proprji fil-kontijiet u ladarba bħalissa qed jinstabu diffikultajiet fid-determinazzjoni tar-rati ta' l-interessi li għandhom jiġu applikati li, fil-prattika, jwasslu għal differenzi bejn ir-rati notifikati mill-Istati Membri parteċipanti fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja li huma diffiċli biex jiġu ġustifikati, ir-rata ta' referenza għal dawn l-Istati għandha tkun standardizzata fuq il-bażi tar-rata użata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tagħha ta' finanzjament mill-ġdid, liema rata tista' tiġi mqabbla ma' dawk proposti bħala rati ta' referenza għal Stati Membri barra ż-żona tal-euro.

(6)

Is-sistema ta' kontijiet doppji introdotta fl-1989 kienet stabbilita biex tiddistingwi bejn dazji rkuprati u dazji mhux imħallsa. Din is-sistema laħqet biss parzjalment l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-mekkaniżmu ta' kwittanza użat fir-rigward ta' partiti mill-kontijiet separati. Kontrolli magħmula mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri u mill-Kummissjoni indikaw anomaliji rikorrenti fiż-żamma tal-kontijiet separati, li ma jħallux lill-kontijiet jirriflettu s-sitwazzjoni reali fir-rigward ta' rkupru. Il-kontijiet separati għandhom jitnaddfu minn dawk l-ammonti li l-irkupru tagħhom huwa improbabbli fit-tmiem ta' perijodu partikolari u li ż-żamma tagħhom tagħti bilanċ impreċiż. Barra minn hekk, għall-finijiet ta' l-effiċenzja a paragun tan-nefqa, l-Istati Membri ma jbatux iżjed l-ispejjeż amministrattivi involuti fil-monitoraġġ ta' dawn l-ammonti.

(7)

Il-Kummissjoni għandha timxi b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Għandha, b'mod partikolari, jkollha l-possibbiltà li twassal il-kummenti tagħha lill-Istat Membru konċernat.

(8)

Filwaqt li wieħed iqis il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni temporanja dwar ċerti diffikultajiet amministrattivi, jaqbel li jsiru provvedimenti għal xi arranġamenti transitorji.

(9)

Bi tweġiba għal talba tal-Qorti ta' l-Awdituri u biex jiġi żgurat li l-kontijiet separati jipprovdu stampa aħjar tas-sitwazzjoni attwali tal-budget, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni finali ta' kull tliet xhur għal sena partikolari, stima ta' l-ammont totali ta' drittijiet li jinstabu fil-kontijiet separati li l-irkupru tagħhom huwa improbabbli.

(10)

Skond l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, bil-għan li tiġi applikata dik id-Deċiżjoni, “GNP” għandu jfisser “GNI” għas-sena bi prezzijiet tas-suq kif indikati mill-Kummissjoni b'applikazzjoni ta' l-ESA 95 skond ir-Regolament (KEE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (4). Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (5) tal-15 ta' Lulju 2003 jistabbilixxi regoli dwar l-armonizzazzjoni ta' dħul gross domestiku bi prezzijiet tas-suq.

(11)

Skond id-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, il-Kummissjoni għandha twettaq, qabel l-1 ta' Jannar 2006, analiżi globali tas-sistema tar-riżorsi proprji. Proposti ġodda magħmula mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' din l-analiżi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-Artikolu 2(3), lill-Artikolu 4 u lill-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni,

(12)

Ir-Regolament (KE, Euratom) 1150/2000 għandu għalhekk jiġi emendata skond dan (6),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

1.

Fit-titolu, l-Artikolu 1, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5:

(a)

Ir-referenzi għal “Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom” għandhom jiġu mibdula b'“Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom”.

(b)

Fl-Artikolu 1 ir-referenza ġdida għal Deċiżjoni 2000/597/KE għandha tkun akkumpanjata bin-nota fil-qiegħ segwenti: “* ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1. ”

2.

Fl-Artikolu 6:

(a)

Il-paragrafu 3(ċ) qed jiġi mibdul bis-segwenti:

“(ċ)

Ir-riżorsi tal-VAT u r-riżorsi addizzjonali, b'kont meħud ta' l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għal żbilanċi fil-budget għandhom, madankollu, jiġu mniżżla fil-kontijiet kif speċifikat fil-punt (a) kif ġej:

it-tnax-il waħda msemmija fl-Artikolu 10(3) għandha tiġi mniżżla fl-ewwel jum ta' xogħol ta' kull xahar,

il-bilanċi msemmija fl-Artikolu 10(4) u (7) u l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 10(6) u (8) għandhom jiġu mniżżla ta' kull sena, ħlief għall-aġġustamenti partikolari msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 10(6), li għandhom jiġu mniżżla fil-kontijiet fl-ewwel jum ta' xogħol tax-xahar li jkun imiss wara l-ftehim bejn l-Istati Membru konċernat u l-Kummissjoni.”

(b)

Is-segwenti għandu jiġi miżjud fit-tmiem tal-paragrafu 4(b):

“Flimkien mad-dikjarazzjoni trimestrali finali għal sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jibgħatu stima ta' l-ammont totali ta' drittijiet li jinstabu fil-kontijiet separati fil-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena li l-irkupru tagħhom sar improbabbli.”

3.

L-Artikolu 7 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Artikolu 7

Wara l-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara sena partikolari, m' għandhom isiru l-ebda korrezzjonijiet oħra lis-somma tad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar mibgħuta mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 6(4)(a) għas-sena in kwistjoni, ħlief dwar punti notifikati qabel din id-data mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru konċernat .”

4.

Fl-Artikolu 9:

(a)

Għandu jiġi mdaħħal il-paragrafu segwenti :

“1a.   Il-Kummissjoni għandha tirċievi, mill-Istati Membri jew mill-korpi maħtura minnhom bi kwalunkwe mezzi xierqa, preferibbilment b' mezzi elettroniċi, bħala regola ġenerali fil-jum li fih jiġu mdaħħla, imma fi żmien mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol, dikjarazzjoni ta' kontijiet li turi d-dħul tar-riżorsi proprji.”

(b)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“2.   Rendikont ta' l-ammonti akkreditati għandu jingħata f'euro skond ir-Regolament Finanzjarju (*) li huwa applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.

(*)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).”"

5.

Fl-Artikolu 10:

(a)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“1.   Wara t-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-ġbir skond l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (**), id-dħul tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta' dik id-Deċiżjoni, għandu jsir sa mhux aktar tard mill-ewwel jum ta' xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ġie stabbilit id-dritt skond l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

(**)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.”"

(b)

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 għandhom jiġu mibdula bis-segwenti:

“3.   Ir-riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għal żbilanċi fil-budget – eskluża r-riżerva relatata ma' self u garanziji fuq self u mar-riżerva għal għajnuna ta' emerġenza – għandhom jiġu akkreditati fl-ewwel jum ta' xogħol ta' kull xahar, bl-ammonti jkunu daqs waħda minn tnax-il parti tat-totali rilevanti fil-budget, konvertiti f'muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju ta' l-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena tal-kalendarju ta' qabel is-sena tal-budget, kif pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, Serje ‘Ċ’.

Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa ta' l-FAEGG, Sezzjoni tal-Garanzija, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1765/92 u skond il-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta' flus kontanti, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iġibu ‘l quddiem b'xahar jew tnejn fl-ewwel trimestru tas-sena finanzjarja id-dħul ta' wieħed minn kull tnax jew frazzjoni ta' wieħed minn kull tnax ta' l-ammonti fil-budget għar-riżorsi tal-VAT u/jew għar-riżorsa addizzjonali, b'kont meħud ta' l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għal żbilanċi fil-budget, iżda esklużi r-riżorsi proprji biex tiġi koperta r-riżerva għal garanziji fuq is-self u r-riżerva għall-għajnuna ta' emerġenza.”

(ċ)

Is-sitt subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Id-dħul f'dak li għandu x'jaqsam mar-riserva monetarja tal-FAEGG imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, ir-riserva li għandha x'taqsam ma' self u garanziji ta' self u riserva ta' għajnuna b'emerġenza maħluqa bid-Deċiżjoni 94/728/KE (***) għandu jsir fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar ta' wara meta l-budget ikun ġie akkreditat fl-ispiża kkonċernata u għandu jkun limitat għall-imsemmija spiża jekk l-akkreditament ikun effetwat qabel is-16 jum tax-xahar. Jekk dan ma jkunx il-każ, id-dħul għandu jsir fl-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-ispiża.

(***)  Deċiżjoni mħassra u mibdula bir-Regolament (KE) Nru 2040/2000 (ĠU L 244, 29.9.2000, p. 27).”"

(d)

Fis-seba' subparagrafu tal-paragrafu 3, it-test “l-Artikolu 6 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (13), minn issa “l quddiem imsejjaħ ‘ir-Regolament Finanzjarju’ għandu jiġi mibdul b”“Artikolu 8 tar-Regolament Finanzjarju”.

(e)

Id-disa', l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il-subparagrafu tal-paragrafu 3 għandhom jiġu sostitwiti bis-segwenti:

“Kwalunkwe bidla fir-rata uniformi tar-riżorsi tal-VAT, fir-rata tar-riżorsa addizzjonali, u fil-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għal żbilanċi fil-budget u fl-iffinanzjar tiegħu msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, għandha teħtieġ l-adozzjoni finali ta' budget rettifikattiv u għandha tagħti lok għal aġġustamenti mill-ġdid ta' l-uħud minn kull tnax li kienu ġew imdaħħla mill-bidu tas-sena finanzjarja.

Dawn l-aġġustamenti mill-ġdid għandhom jitwettqu meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-budget rettifikattiv, jekk jiġi adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B'deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament Finanzjarju, dawn l-aġġustamenti mill-ġdid għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-budget rettifikattiv in kwistjoni.

Il-kalkolazzjoni ta' l-uħud minn kull tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja għandha tkun ibbażata fuq l-ammonti previsti fl-abbozz tal-budget, imsemmi fl-Artikolu 272(3) tat-Trattat KE u fl-Artikolu 177(3) tat-Trattat KEEA u konvertiti f'muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju ta' l-ewwel jum ta' kwotazzjoni wara l-15 ta' Diċembru tas-sena tal-kalendarju ta' qabel is-sena tal-budget, l-aġġustament għandu jsir mad-dħul għax-xahar ta' wara.

Jekk il-budget ma ġiex adottat b'mod finali qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, l-Istati Membri għandhom idaħħlu, fl-ewwel jum ta' xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, waħda mit-tnax-il parti ta' l-ammont tar-riżorsi tal-VAT, u r-riżorsa addizzjonali b'kont meħud ta' l-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għal żbilanċi fil-budget, imdaħħla fil-budget adottat l-aħħar b'mod finali; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel jum dovut wara l-adozzjoni finali tal-budget jekk ikun adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data dovuta wara l-adozzjoni finali tal-budget.”

(f)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“4.   Kull Stat Membru għandu, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni annwali dwar il-bażi tar-riżorsi tal-VAT prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, jiġi debitat b'ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tinstab fid-dikjarazzjoni msemmija billi tiġi applikata r-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja preċedenti, u akkreditat bit-tnax-il pagament magħmula matul dik is-sena finanzjarja. Madankollu, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT ta' kull Stat Membru li għalih tiġi applikata r-rata ta' hawn fuq ma jistax jaqbeż il-persentaġġ tal-GNP tiegħu determinat bl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-bilanċ u għandha tinforma lill-Istati Membri tempestivament biex huma jkunu jistgħu idaħħluh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru ta' l-istess sena.”

(g)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi mħassar.

(h)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit bis-segwenti:

“6.   Kwalunkwe korrezzjoni fil-bażi tar-riżorsi tal-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha tagħti lok għal kull Stat Membru konċernat li l-bażi tiegħu, b'kont meħud ta' dawn il-korrezzjonijiet, ma taqbiżx il-persentaġġi determinati bl-Artikoli 2(1)(ċ) u 10(2)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom ...” (il-bqija ma jinbidilx).

(i)

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 għandha tiġi mibdula bis-segwenti:

“Il-bidliet għall-GNP msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom ukoll iwasslu għal aġġustament fil-bilanċ ta' kwalunkwe Stat Membru li l-bażi tiegħu, b'kont meħud ta' dawk il-korrezzjonijiet, huwa limitat sal-persentaġġi determinati bl-Artikoli 2(1)(ċ) u 10(2)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom.'”

(j)

Għandu jiġi miżjud il-paragrafu segwenti:

“10.   B'mod konformi ma' l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, ‘GNP’ għandu jfisser ‘GNI’ għas-sena bil-prezzijiet tas-suq kif definit fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq (****).

(****)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1”"

6.

Għandu jiġi miżjud l-Artikolu segwenti:

“Artikolu 10a

1.   Fejn, skond it-Trattat ta' Amsterdam u l-Protokolli 4 u 5 tiegħu, Stat Membru ma jieħux sehem fil-finanzjament ta' azzjoni jew politika speċifika ta' l-Unjoni, għandu jkun intitolat għal aġġustament, ikkalkulat skond il-paragrafu 2, ta' l-ammont li ħallas f'riżorsi proprji fir-rigward ta' kull sena li fiha ma ħax sehem. Dan l-aġġustament għandu jsir darba biss u għandu jkun finali fl-eventwalità ta' modifikazzjoni sussegwenti tal-figura tal-GNP.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-aġġustament matul is-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja konċernata, fl-istess waqt li tiddetermina l-bilanċi tal-GNP previsti fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.

Il-kalkolu għandu jsir abbażi tal-figuri relatati mas-sena finanzjarja in kwistjoni:

il-GNP aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu;

l-eżitu tal-budget tan-nefqa operazzjonali li tikkorrispondi mal-miżura jew mal-politika in kwistjoni.

L-aġġustament għandu jkun daqs il-riżultat tal-moltiplikazzjoni ta' l-ammont totali tan-nefqa in kwistjoni, bl-eċċezzjoni ta' dik iffinanzjata minn pajjiżi terzi parteċipanti, bil-persentaġġ li l-GNP ta' l-Istat Membru li hu intitolat għall-aġġustament jirrapreżenta fil-GNP ta' l-Istati Membri kollha. L-aġġustament għandu jiġi finanzjat mill-Istati Membri parteċipanti skond skala determinata billi jiġi diviż il-GNP rispettiv tagħhom bil-GNP ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha. Bil-għan li jiġi kalkolat l-aġġustament, l-ammonti għandhom jiġu konvertiti mill-munita nazzjonali għall-euro bir-rata tal-kambju fl-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena tal-kalendarju li tiġi qabel is-sena tal-budget konċernata.

M' għandha ssir l-ebda reviżjoni sussegwenti ta' dan l-aġġustament fil-każ ta' modifika sussegwenti tal-figura tal-GNP.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri fi żmien xieraq bl-ammont ta' l-aġġustament sabiex ikunu jistgħu jakkreditawh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru.”

7.

L-Artikolu 11 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Artikolu 11

1.   Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas ta' l-interessi min-naħa ta' l-Istat Membru konċernat.

2.   Fil-każ ta' Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata ta' l-interessi għandha tkun daqs ir-rata kif pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid, fl-ewwel jum tax-xahar li fih ħabtet id-data dovuta, miżjuda b'żewġ punti ta' persentaġġ.

Din ir-rata għandha tiġi miżjuda b'0.25 ta' punt ta' persentaġġ għal kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu ta' dewmien.

3.   Fil-każ ta' Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar in kwistjoni mill-Banek Ċentrali għall-operazzjonijiet prinċipali tagħhom ta' finanzjament mill-ġdid, miżjuda b'żewġ punti ta' persentaġġ, jew, għall-Istati Membri li għalihom ir-rata tal-Bank Ċentrali mhix disponibbli, l-iktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar in kwistjoni fis-suq tal-flus ta' l-Istat Membru, miżjud b'żewġ punti ta' persentaġġ. Din ir-rata għandha tiġi miżjuda b'0.25 ta' punt ta' persentaġġ għal kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu ta' dewmien.

4.   Għall-ħlas ta' l-interessi, imsemmi fil-paragrafu 1, l-Artikolu 9(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.”

8.

L-Artikolu 12(5) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“5.   L-Istati Membri, jew il-korp maħtur minnhom skond l-Artikolu 9(1), għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet ta' ħlas tal-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard minn ħamest' ijiem ta' xogħol minn meta jiġu riċevuti, u għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta' kontijiet bi kwalunkwe mezz xieraq, preferibbilment elettroniċi, sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol mit-twettiq ta' kull transazzjoni. Madanakollu, fil-każ ta' tranżazzjonijiet ta' ċaqliq ta' kontanti, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet fil-perijodu mitlub mill-Kummissjoni.”

9.

It-Titolu V għandu jiġi mħassar.

10.

L-intestatura ta' TITOLU VI għandha tiġi mibdula bis-segwenti:

 

“Proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom”.

11.

L-Artikolu 15 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Artikolu 15

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, il-bilanċ ta' sena finanzjarja partikolari għandu jikkonsisti fid-differenza bejn:

id-dħul kollu miġbur fir-rigward ta' dik is-sena finanzjarja,

u

l-ammont ta' pagamenti magħmula fuq approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja miżjuda bl-ammont ta' approprjazzjonijiet għall-istess sena finanzjarja miġjuba l-quddiem skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Finanzjarju. Din id-differenza għandha tiġi miżjuda jew imnaqqsa, min-naħa l-waħda, bl-ammont nett ta' approprjazzjonijiet miġjuba l-quddiem minn snin finanzjajri preċedenti li ġew ikkanċellati u, min-naħa l-oħra, b' deroga mill-Artikolu 5 (1) tar-Regolament Finanzjarju, minn:

pagamenti magħmula b' eċċess minn approprjazzjonijiet mhux differenzjati miġjuba l-quddiem mis-sena finanzjarja preċedenti taħt l-Artikolu 9 (1) u (4) tar-Regolament Finanzjajru b' riżultat ta' kambjament fir-rati ta' l-euro,

u

l-bilanċ li jirriżulta mill-qliegħ u t-telf mill-kambju matul is-sena finanzjarja.”

12.

Fl-Artikolu 16:

It-tieni subparagrafu għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“   Kwalunkwe differenzi apprezzabbli relatati ma' l-istimi oriġinali jistgħu jagħtu lok għal ittra ta' emenda fl-abbozz preliminarju tal-budget għas-sena finanzjarja segwenti jew budget rettifikattiv għas-sena finanzjarja kurrenti.”

13.

Fl-Artikolu 17:

(a)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“2.   L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

(a)

raġunijiet ta' force majeure; jew

(b)

raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b'deċiżjoni ta' l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta' drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta' appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perijodu ta' ħames snin massimu għandu jibda' mid-data ta' l-aħħar ħlas li ġie magħmul, fejn dan ma temmx id-dejn.

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b'mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f'anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).”

(b)

Għandu jiġi mdaħħal il-paragrafu segwenti:

“3.   Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skond il-limiti ta' żmien imsemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ġie applikat sakemm id-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-€50 000.

Dan il-kwadru ta' żmien jista' jiġi estiż sa massimu ta' tliet snin mill-Istati Membri għal każijiet ta' drittijiet stabbiliti li ġew dikjarati bħala irrekuperabbli jew ikkunsidrati irrekuperabbli qabel l-1 ta' Lulju 2006.

Dan ir-rapport, li għandu jsir fuq formola li għandha tiġi provduta mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 20, għandu jinkludi l-fatti kollha meħtieġa għal eżami sħiħ tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) li ostakolaw lill-Istat Membru konċernat milli jagħmel disponibbli l-ammonti in kwistjoni u l-miżuri ta' rkupru li l-Istat Membru ħa fil-każ jew fil-każijiet in kwistjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3 biex tibgħat il-kummenti tagħha lill-Istat Membru konċernat.

Fejn il-Kummissjoni tara li hemm bżonn li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jibda' jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni supplimentari mitluba.”

(ċ)

Il-Paragrafu 3 preżenti jsir il-paragrafu 5 u jaqra kif ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, permezz ta' rapporti annwali, bid-dettalji u r-riżultati ta' l-ispezzjonijiet tagħhom u bl-informazzjoni ġenerali u l-kwistjonijiet ta' prinċipju li jikkonċernaw l-aktar problemi importanti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, kwistjonijiet li dwarhom hemm tilwima. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa l-1 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja in kwistjoni. Ir-rapport sommarju dwar in-notifiki minn Stati Membri taħt dan l-Artikolu għandu jinstab fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 280(5) tat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 20, tfassal rapport u emendi tiegħu debitament sostanzjati. Għandhom jiġu previsti kwalunkwe limiti ta' żmien xierqa għall-implimentazzjoni.”

14.

Fl-Artikolu 18 (1), ir-referenza għal “Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom” għandha tiġi mibdula b' “Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom”.

15.

Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1(ċ) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“(ċ)

il-miżuri ta' spezzjoni u l-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 18(2) u (3).”

16.

It-Titolu IX li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“TITOLU IX

Disposizzjonijiet transitorji

Artikolu 21a

Ir-rata prevista fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament għandha tkompli tapplika għall-kalkolu ta' interessi għall-ħlasijiet tardivi fejn id-data dovuta taħbat qabel it-tmiem tax-xahar li fih jidħol fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2028/2004 tal-16 Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (*****).

(*****)  ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1.”"

17.

It-Titolu IX preżenti jsir it-Titolu X.

Artikolu 2

Id-disposizzjonijiet l-oħra tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jkunux speċifikatament emendati b'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih ikun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar is-16 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  ĠU L 253, 7.10.2000, p 42.

(2)  Opinjoni mogħtija fis-26 ta' Frar 2004 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(3)  ĠU C 318, 30.12.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180 18.7.2003 p. 1).

(5)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1.

(6)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.


Top