Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0265

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2004 dwar il-konklużjoni tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-viżi u l-kwistjonijiet relatati mal-gruppi tat-turisti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ADS)

ĠU L 83, 20.3.2004, pp. 12–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/265/oj

Related international agreement

32004D0265



Official Journal L 083 , 20/03/2004 P. 0012 - 0013


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-8 ta' Marzu 2004

dwar il-konklużjoni tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-viżi u l-kwistjonijiet relatati mal-gruppi tat-turisti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ADS)

(2004/265/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 62(2)(b)(ii) u (iv) u l-Artikolu 63(3)(b) flimkien mat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-Artikolu 300(3) l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità l-Memorandum ta' Ftehim imsemmi f'din id-Deċiżjoni.

(2) Il-Memorandum ta' Ftehim ġie ffirmat, f'isem il-Komunità, dejjem soġġett għall-iffinalizzar tiegħu.

(3) Il-Memorandum ta' Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat illi jista' jieħu d-deċiżjonijiet li jkollhom effett legali fuq ċerti materji tekniċi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stipulati l-proċeduri simplifikati sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Komunità f'dawn il-każi.

(4) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-parametri ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex sejrin jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk mhumiex marbuta la biha u lanqas bl-applikazzjoni tagħha.

(5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi il-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka mhix sejra tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk mhix marbuta la biha u lanqas bl-applikazzjoni tagħha.

(6) Il-Memorandum ta' Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar il-viżi u l-kwistjonijiet relatati mal-gruppi tat-turisti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ADS) huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Memorandum ta' Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifikazzjoni stipulata fl-Artikolu 8(2) tal-Memorandum ta' Ftehim [2].

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Komunità fil-kontest tal-Kumitat dwar l-Istatus tad-Destinazzjoni Approvata rigward l-adozzjoni tar-Regoli tal-Procedura tiegħu, kif previst taħt l-Artikolu 6(5) tal-Memorandum ta' Ftehim, għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni minn kumitat speċjali nnominat mill-Kunsill.

Għad-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Kumitat dwar l-Istatus tad-Destinazzjoni Approvata, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tkun meħuda mill-Kunsill, illi jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq il-proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Marzu 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

D. Ahern

[1] Din l-Opinjoni ġiet mogħtija fis-26 ta' Frar 2004 (għad mhix ippublikata fil-Ġurnal Ufficjali).

[2] Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Memorandum ta' Ftehim għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

--------------------------------------------------

Top