Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R2257

Ir-Regolament (KE) Nru 2257/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità biex tkun addattata l-lista tal-karatteristiċi ta' l-istħarriġTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 336, 23.12.2003, p. 6–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32019R1700

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/2257/oj

32003R2257



Official Journal L 336 , 23/12/2003 P. 0006 - 0007


Ir-Regolament (KE) Nru 2257/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-25 ta' Novembru 2003

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità biex tkun addattata l-lista tal-karatteristiċi ta' l-istħarriġ

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 285 fih imsemmi,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [1],

Billi:

(1) L-istħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol għandu jsir skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 577/98 [2] għandu jkopri b'mod adegwat aspetti ġodda u li qed jitfaċċaw reċentement tas-suq tax-xogħol.

(2) Skond l-aġenda tal-politika soċjali Ewropea adottata mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza f'Diċembru 2000, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/177/KE tat-18 ta' Frar 2002 fuq il-prinċipji ta' azzjoni għall-politika ta' l-impjieg ta' l-Istati Membri għas-sena 2002 [3] u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2002/549/KE tal-21 ta' Ġunju 2002 fuq il-prinċipji ta' azzjoni ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u l-Komunità [4], il-mod li fih ix-xogħol hu organizzat għandu jkun adattat għall-bżonnijiet kemm tan-negozji kif ukoll ta' l-individwi.

(3) Il-karatteristiċi ta' l-istħarriġ stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru. 577/98 kienu determinati skond il-bżonnijiet statistiċi u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol prevalenti fil-mument.

(4) Il-ġbir ta' l-informazzjoni m'għandux jimponi piż fuq dawk li jirrispondu li hu sproporzjonat mar-riżultati li dawk li jużaw l-istħarriġ jistgħu raġonevolment jistennew.

(5) Il-Kumitat għall-Programm Statistiku, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 [5] ġie kkonsultat mill-Kummissjoni.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru. 577/98 għandu għalhekk jiġi emendat kif mitlub miċ-ċirkostanzi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru. 577/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

1. Il-punti (b), (ċ), (d) u (ġ) tal-paragrafu 1 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(b) L-istatus tax-xogħol:

- L-istatus tax-xogħol matul il-ġimgħa ta' referenza,

- jibqgħu jiġu riċevuti l-pagi u s-salarji,

- raġuni għaliex ma ħadmux allavolja kellhom impjieg,

- tfittxija għal impjieg għal persuna mingħajr impjieg,

- tip ta' impjieg imfittex (għal rashom jew impjegati),

- metodi użati biex jinstab impjieg,

- jekk għandhomx x'iżommhom biex jibdew ix-xogħol;

(ċ) karatteristiċi ta' l-impjieg tax-xogħol prinċipali:

- L-istatus professjonali,

- attività ekonomika taċ-ċentru lokali,

- xogħol,

- responsabbiltajiet ta' sorveljanza,

- numru ta' persuni li jaħdmu fiċ-ċentru lokali,

- pajjiż tal-post tax-xogħol,

- reġjun tal-post tax-xogħol,

- sena u xahar meta l-persuna bdiet taħdem fl-impjieg attwali,

- involviment tas-servizz pubbliku għall-impjieg biex jinstab l-impjieg attwali,

- permanenza ta' l-impjieg (u raġunijiet),

- dewmien ta' l-impjieg temporanju jew kuntratt ta' impjieg ta' dewmien limitat,

- distinzjoni bejn full-time u part-time (u raġunijiet),

- appalt ma' aġenzija ta' l-impjiegi temporanji,

- xogħol mid-dar;

(d) sigħat maħduma:

- numru ta' sigħat fil-ġimgħa li s-soltu jinħadmu,

- numru ta' sigħat fil-fatt maħduma,

- numru ta' sigħat ta' sahra fil-ġimgħa ta' referenza,

- raġuni għaliex is-sigħat fil-fatt maħduma huma differenti mis-sigħat tas-soltu; '"

"(ġ) tfittxija għal impjieg:

- tip ta' impjieg imfittex,

- dewmien tat-tfittxija għal impjieg,

- sitwazzjoni tal-persuna eżatt qabel ma tibda tfittex impjieg,

- reġistrazzjoni fl-uffiċċju pubbliku għall-impjieg u jekk hux qed jiġu riċevuti xi benefiċċji,

- għal persuna li mhix qed tfittex impjieg, rieda li taħdem,

- raġunijiet għaliex il-persuna ma fittxitx impjieg,

- nuqqas ta' faċilitajiet ta' kura."

2. Il-punt li ġej hu miżjud mal-paragrafu 1:

"(n) ħinijiet tax-xogħol mhux tas-soltu:

- xogħol bix-xift,

- xogħol ta' filgħaxija,

- xogħol ta' bil-lejl,

- xogħol ta' nhar ta' Sibt,

- xogħol ta' nhar ta' Ħadd."

3. Fil-paragrafu 2, it-tielet inċiż hu sostitwit b'dan li ġej:

"— il-volum ta' modulu ad hoc għandu jkun limitat għal 11-il varjabbli."

4. Il-paragrafu li ġej għandu jinżied:

"4. Fuq proposta mill-Kummissjoni, lista ta' varjabbli, minn hawn 'il quddiem imsejħa "varjabbli strutturali", tista' tkun identifikata minn fost il-karatteristiċi ta' l-istħarriġ speċifikati fil-paragrafu 1 li għandhom jiġu mistħarrġa biss bħala medji annwali b'referenza għal 52 ġimgħa pjuttost milli medji ta' kull kwart ta' sena. Din il-lista ta' varjabbli strutturali, il-qies minimu tal-kampjun u l-frekwenza ta' l-istħarriġ ser ikunu mfasslin skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. Spanja, il-Finlandja u r-Renju Unit jistgħu jistħarrġu l-varjabbli strutturali b'referenza għal kwart wieħed ta' sena matul perjodu ta' transizzjoni sat-tmiem ta' l-2007."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Novembru 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

L. Moratti

[1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali); Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003.

[2] ĠU L 77, ta' l-14.3.1998, pġ. 3. Regolament kif ġie l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2104/2002 (ĠU L 324, tad-29.11.2002, pġ. 14).

[3] ĠU L 60, ta' l-1.3.2002, pġ. 60.

[4] ĠU L 182, tal-11.7.2002, pġ. 1.

[5] ĠU L 181, tat-28.6.1989, pġ. 47.

--------------------------------------------------

Top