Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R2347

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' ħażniet tal-baħar fond

ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/01/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2347/oj

32002R2347



Official Journal L 351 , 28/12/2002 P. 0006 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

tas-16 ta' Diċembru 2002

li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' ħażniet tal-baħar fond

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema Komunitarja għas-sajd u l-akwakultura [3] jeħtieġ illi l-Kunsill jadotta, fid-dawl tal-pariri xjentiċi disponibbli u, partikolarment, tar-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekononiku tas-Sajd, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi fuq bażi sostenibbli, u l-kondizzjonijiet ta' aċċess għal risorsi.

(2) Parir xjentifiku li jirrigwardja ċerti ħażniet ta' ħut li jinstab fil-baħar fond jindika li dawn il-ħażniet huma vulnerabbli għall-isfruttament, u li opportunitajiet tas-sajd għal dawn il-ħażniet għandhom ikunu limitati jew mnaqqsa sabiex jiġi żgurat is-sostinibbilita tagħhom.

(3) Parir xjentifiku jindika wkoll li t-tmexxija ta' l-isforz tas-sajd huwa metodu xieraq biex tiġi żgurata t-tmexxija prekawzjonali tal-ħażniet fil-baħar fond.

(4) Huwa għalhekk xieraq li jiġi provdut għall-ħruġ taż permess speċjali tas-sajd għal bastimenti li qed jistadu għal speċje fil-baħar fond u biex jiġi limitat l-isforz tas-sajd għal dawk il-ħażniet tal-ħut għal livelli riċenti.

(5) Tagħrif eżatt u aġġornat dwar operati tas-sajd huwa prerekwiżit għall-provvediment ta' parir xjentifiku ta' kwalità għolja, u tagħrif bħal dan jista' jinġabar l-aħjar minn osservaturi xjentifiċi mħarrġa u indipendenti f'kollaborazzjoni ma' l-industrija tas-sajd u partijiet interessati oħra.

(6) Tagħrif xieraq, verifikabbli u aġġornat għal parir xjentifiku dwar sajd u l-ambjent tal-baħar għandu jsir disponibbli lill-korpijiet rilevanti xjentifiċi u ta' tmexxija kemm jista' jkun malajr.

(7) Sabiex tiġi żgurata tmexxija effettiva u prekawzjonarja ta' l-isforz tas-sajd dirett lejn speċje tal-baħar fond, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-bastimenti li qed jistadu għal dawn l-ispeċje, permezz ta' permessi speċjali tas-sajd maħruġa bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jippreskrivi disposizzjonijiet ġenerali li jirrigwardjaw permessi speċjali tas-sajd [4] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2943/95 ta' l-20 ta' Diċembru 1995 li jiddikjara regoli dettaljati biex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 [5].

(8) Miżuri ta' kontroll addizzjonali għal dawk preskritti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [6] u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1489/97 tad-29 ta' Lulju 1997 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 rigward is-sistemi ta' monitorjar bis-satellita tal-bastimenti [7] huma meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mal-miżuri preskritti f'dan ir-Regolament.

(9) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adotti b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimetazzjoni konferiti fuq il-Kummisjoni [8],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop

Dan ir-Regolament japplika għal bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jwettqu attivitajiet tas-sajd f'sotto-erji ta' l-ICES (Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) I sa XIV inklużi, u ibħra tal-Komunità ta' erji ta' CECAF 34.1.1, 34.1.2, 34.1.3 u 34.2 li jwasslu għal qabdiet ta' speċje mniżżla f'lista fl-Anness I.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "speċje tal-baħar fond" ifisser speċje inklużi fil-lista fl-Anness I;

(b) "permess għas-sajd fil-baħar fond" ifisser permess speċjali għas-sajd fil-baħar fond maħruġ bi qbil ma' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1627/94;

(ċ) "qawwa" tfisser il-qawwa totali tal-magna installata ta' bastimenti f'kilowatt, imkejla bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86, tat-22 ta' Settembru 1986, li tiddefinixxi karatteristiċi għal bastimenti tas-sajd [9];

(d) "volum" ifisser tunnellaġġ mettriku gross, imkejjel bi qbil mar-Regolament (KEE) Nru 2930/86;

(e) "Ġranet tas-sajd kilowatt" ifissru l-prodott tal-qawwa kif definit f'(ċ) u n-numru ta' ġranet li fihom bastiment tas-sajd ikollu xi oġġett ta' tagħmir tas-sajd allokat fil-baħar.

Artikolu 3

Permess tas-sajd fil-baħar fond

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attivitajiet tas-sajd li jwasslu għal qbid u ż-żamma abbord ta' aktar minn 10 tunnellati mettriċi kull sena kalendarja ta' speċje tal-baħar fond minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u li huma reġistrati fit-territorju tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal permess tas-sajd fil-baħar fond.

Għandu madankollu jkun projbit li jinqabdu jew jiżżammu abbord, jittrasborjaw jew iniżżlu l-art kull kwantita aggrega ta' l-ispeċje tal-baħar fond li taqbeż il-100kg f'kull vjaġġ bil-baħar, minbarra jekk il-bastiment msemmi jkollu permess tas-sajd fil-baħar fond.

2. Fuq talba ta' miżuri speċifiċi ta' Stat Membru miżuri speċifiċi jistgħu jiġu preskritti biex jitqies sajd staġjonali jew artisanali.

3. Regoli dettaljati sabiex jiġi applikat il-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 4

Restrizzjoni fuq l-isforz

1. L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-qawwa aggregata u l-volum aggregat tal-bastimenti tiegħu li, f'xi waħda mis-snin 1998, 1999 jew 2000, ikunu niżżlu l-art aktar minn 10 tunnellati mettriċi ta' kull taħlita ta' l-ispeċje tal-baħar fond.

Dawn il-valuri aggregati jridu jiġu komunikati lill-Kummissjoni.

Fuq talba miktuba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fi żmien tletin ġurnata, dokumentazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-qbil magħmula minn bastimenti li jkun ingħatalhom permessi tas-sajd fil-baħar fond.

2. Kull Stat Membru jista' joħroġ biss permessi tas-sajd fil-baħar fond lill-bastimenti tiegħu jekk:

(a) il-qawwa aggregata ta' dawk il-bastimenti ma taqbiżx il-qawwa aggregata stabbilita bi qbil mal-paragrafu 1, u/jew

(b) il-volum aggregat ta' dawk il-bastimenti ma jaqbiżx il-volum aggregat stabbilit bi qbil mal-paragrafu 1.

Artikolu 5

Rappurtaġġ ta' karatteristiċi ta' tagħmir tas-sajd u operati tas-sajd

B'żieda ma' l-obbligazzjonijiet tiegħu skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, is-sid ta' bastiment tas-sajd tal-Komunità li għandu permess għas-sajd fil-baħar fond għandu jirreġistra fir-reġistru tal-bastiment jew f'formola provvduta mill-Istat Membru tal-bandiera it-tagħrif mniżżel f'lista fl-Anness III.

Artikolu 6

Sistema ta' monitorjar tal-bastiment

1. Minkejja l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1489/97, fil-każ ta' nuqqas tekniku jew nuqqas ta' funzjonament tal-mezz ta' segwiment bis-satellita mwaħħla abbord f'bastiment tas-sajd, is-sid ta' bastiment għandu jirrapporta s-sitwazzjoni gjografika tiegħu lill-Istati Membri tal-bandiera u kostali kull sagħtejn.

2. Wara li jkun ġie konkluż il-vjaġġ bil-baħar, il-bastiment ja jistax jitlaq mill-port sakemm il-mezz ta' segwiment bis-satellita jkun qed jiffunzjona għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti.

3. Waqtiet imtennija ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligazzjonijiet preskritti f'paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu kusidrati bħala kondotta li tikser serjament il-Politika Komuni tas-Sajd, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1447/1999, ta' l-24 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi lista ta' tipi ta' mġiba li serjament jiksru r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd [10].

4. Regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 7

Portijiet nominati

1. Mill-1 ta' Marzu 2003 għandu jiġi projbit li titniżżel l-art kull kwantità ta' kull taħlita ta' speċje tal-baħar fond li taqbeż il-100kg f'kull post ieħor għajr il-portijiet li jkunu ġew nominati biex jitniżżlu l-art speċje tal-baħar fond.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina portijiet li fihom kull nżul l-art ta' speċje tal-baħar fond li jaqbeż il-100 kg għandu jseħħ u għandu jistabbilixxi l-proċeduri ta' spezzjoni u ta' sorveljanza assoċjati, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet biex jiġu reġistrati u rapportati l-kwantitajiet ta' speċje tal-baħar fond f'kull nżul l-art.

3. Kull Stat Membru għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni fi żmien 60 ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament lista ta' portijiet nominati u, fi żmien 30 jum wara dan, il-proċeduri ta' spezzjoni u ta' sorveljanza assoċjati riferiti fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 8

Osservaturi

1. Kull Stat Membru għandu jassenja osservaturi xjentifiċi lill-bastimenti tas-sajd li lilhom ikun inħarġilhom permess tas-sajd fil-baħar fond bi qbil ma' pjan ta' kampjunar kif provdut fil-paragrafu 2.

2. Kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta' kampjunar għall-allokazzjoni ta' osservaturi u kampjunar fil-port li għandhom jiżguraw ġbir ta' fatti magħrufa (data) rappreżentattivi li huma xierqa għall-istima u t-tmexxija ta' ħażniet ta' ħut tal-baħar fond.

Il-pjan ta' kampjunar għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' evalwazzjoni xjentifika u statistika fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. Regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu adottati bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 11(2).

4. L-osservatur xjentifiku għandu:

(a) jirreġistra independentement f'reġistru tal-bastiment it-tagħrif riferit fl-Artikolu 5;

(b) jippreżenta rapport lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat fi żmien 20 ġurnata wara li jintemm il-perjodu ta' osservazzjoni. Kopja ta' dan ir-rapport għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, fi żmien 30 ġurnata wara l-irċevuta ta' talba bil-miktub;

(ċ) jwettaq dmirijiet addizzjonali kif ikun meħtieġ fil-pjan ta' kampjunar.

5. L-osservatur xjentifiku m'għandux ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) wieħed li jiġi mis-sid tal-bastiment jew uffiċjal ieħor li jservi fuq il-bastiment li għalih huwa assenjat l-osservatur;

(b) impjegat tas-sid tal-bastiment li għalih huwa assenjat;

(ċ) impjegat tar-rappreżentant tas-sid;

(d) impjegat ta' kumpanija kontrollata mis-sid jew rappreżentant tiegħu;

(e) wieħed li jiġi mir-rappreżentant tas-sid.

Artikolu 9

Tagħrif

B'żieda ma' l-obbligazzjonijiet preskritti fl-Artikolu 15 u 19i tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri, fuq il-bażi tat-tagħrif reġistrat f'reġistri ta' bastimenti inklużi reġistrazzjonijiet sħaħ ta' ġranet tas-sajd barra mill-port u reġistrazzjonijiet preżentati mill-osservaturi xjentifiċi, għandhom jikkomunikaw, għal kull nofs tas-sena kalendarja fi żmien tliet xhur mill-iskandenza ta' dik in-nofs sena kalendarja, lill-Kummissjoni t-tagħrif dwar qbid ta' speċje tal-baħar fond u l-isforz tas-sajd, espressi bħala ġranet tas-sajd kilowatt, mqassma skond il-kwart tas-sena, it-tip ta' tagħmir, l-ispeċje, kif ukoll tagħrif li jirrigwardja dawk fl-Anness II u skond ir-rettanglu statistiku ta' l-ICES jew is-sottodiviżjoni ta' l-CECAF.

Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti mingħajr dewmien dan it-tagħrif lill-korpijiet xjentifiċi rilevanti.

Artikolu 10

Segwiment

Il-Kummissjoni trid tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-iskema totali għat-tmexxija ta' speċje fil-baħar fond qabel it-30 ta' Ġunju 2005. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni trid tipproponi lill-Kunsill kull emenda meħtieġa għal din l-iskema.

Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3760/92.

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċeduri.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Fischer Boel

[1] ĠU C 151 E, tal-25.6.2002, p. 184.

[2] Opinjoni mogħtija fl-10 ta' Ottubru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1181/98 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, p. 1).

[4] ĠU L 171, tas-6.7.1994, p. 7.

[5] ĠU L 308, tal-21.12.1995, p. 15.

[6] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p.1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2846/98 (ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 5).

[7] ĠU L 202, tat-30.7.1997, p.18. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2445/1999 (ĠU L 298, tad-19.11.1999, p. 5).

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU L 274, tal-25.9.1986, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 3259/94 (ĠU L 339, tad-29.12.1994, p. 11).

[10] ĠU L 167, tat-2.7.1999, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Lista ta' speċje tal-baħar fond

Isem xjentifiku | Isem Komuni |

Aphanopus carbo | Black scabbardfish |

Apristuris spp. | Iceland catshark |

Argentina silus | Greater silver smelt |

Beryx spp. | Alfonsinos |

Centrophorus granulosus | Gulper shark |

Centrophorus squamosus | Leafscale gulper shark |

Centroscyllium fabricii | Mazzola sewda |

Centroscymnus coelolepis | Mazzola Portugiża |

Coryphaenoides rupestris | Roundnose grenadier |

Dalatias licha | Kitefin shark |

Deania calceus | Birdbeak dogfish |

Etmopterus princeps | Greater lanternshark |

Etmopterus spinax | Velvet belly |

Galeus melastomus | Blackmouth dogfish |

Galeus murinus | Mouse catshark |

Hoplostethus atlanticus | Orange roughy |

Molva dypterigia | Blue ling |

Phycis blennoides | Forkbeards |

Centroscymnus crepidater | Longnose velvet dogfish |

Scymnodon ringens | Knifetooth dogfish |

Hexanchus griseus | Six-gilled shark |

Chlamydoselachus anguineus | Frilled shark |

Oxynotus paradoxus | Sailfin roughshark (Sharpback shark) |

Somniosus microcephalus | Greenland shark |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Lista addizjonali ta' speċje tal-baħar fond imsemmija fl-Artikolu 9

Isem xjentifiku | Isem Komuni |

Pagellus bogaraveo | Red (blackspot) seabream |

Chimaera monstrosa | Rabbit fish (Rattail) |

Marcrourus berglax | Roughhead grenadier (Rough rattail) |

Mora moro | Common mora |

Antimora rostrata | Blue antimora (Blue hake) |

Epigonus telescopus | Black (Deep-water) cardinal fish |

Helicolenus dactylopterus | Bluemouth (Blue mouth redfish) |

Conger conger | Conger eel |

Lepidopus caudatus | Silver scabbard fish (Cutlass fish) |

Alepocephalus bairdii | Baird's smoothhead |

Lycodes esmarkii | Eelpout |

Raja hyperborea | Arctic skate |

Sebastes viviparus | Small redfish (Norway haddock) |

Hoplostethus mediterraneus | Silver roughy (Pink) |

Trachyscorpia cristulata | Spiny (Deep-sea) scorpionfish |

Raja nidarosiensus | Norwegian skate |

Chaecon (Geryon) affinis | Deep-water red crab |

Raja fyllae | Round skate |

Hydrolagus mirabilis | Large-eyed rabbit fish (Ratfish) |

Rhinochimaera atlantica | Straightnose rabbitfish |

Alepocephalus rostratus | Risso's smoothhead |

Polyprion americanus | Wreckfish |

--------------------------------------------------

ANNESS III

Tagħrif li jirrigwarda karatteristiċi ta' tagħmir tas-sajd u operati tas-sajd riferiti fl-Artikolu 5

1. Għal bastimenti li jużaw lanez twal (long-lines):

- in-numru medju ta' ganċijiet użati fuq il-lanez twal (long-lines),

- il-ħin totali li l-lanez ikunu fil-baħar f'kull perjodu ta' 24 siegħa u n-numru ta' sparar (shots) f'dan il-perjodu,

- fond tas-sajd.

2. Għal bastimenti li jużaw xbiek fissi:

- id-daqs tal-malji użat fix-xbieki,

- it-tul medju tax-xbieki,

- l-għoli medju tax-xbieki,

- il-ħin totali li x-xbieki jkunu fil-baħar f'kull perjodu ta' 24 siegħa u n-numru ta' ġbid (hauls) f'dan il-ħin,

- fond tas-sajd.

3. Għal bastimenti li jużaw tagħmir irmunkat:

- id-daqs tal-malji użat fix-xbieki,

- il-ħin totali li x-xbieki jkunu fil-baħar f'kull perjodu ta' 24 siegħa u n-numru ta' ġbid (hauls) f'dan il-ħin,

- fond tas-sajd.

--------------------------------------------------

Top