Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R2181

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2181/2002 tas-6 ta’ Diċembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1239/95 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar proċeduri quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti

    ĠU L 331, 7.12.2002, p. 14–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/10/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2181/oj

    32002R2181



    Official Journal L 331 , 07/12/2002 P. 0014 - 0015


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2181/2002

    tas-6 ta’ Diċembru 2002

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1239/95 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar proċeduri quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jitstabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar id-drittijiet fil-Komunità fuq varjetajiet ta’ pjanti [1], kif l-aħħar emendat mir- Regolament (KE) Nru 2506/95 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Billi:

    (1) L-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti (l-Uffiċċju) imwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 2100/94 jimplimenta u japplika l-iskema għall-ħarsien tad-drittijiet dwar il-varjetajiet tal-pjanti.

    (2) Ir-regoli dwar l-azzjonijiet quddiem l-Uffiċċju huma mniżżla fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 [3], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 448/96 [4]. L-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament ħaseb biex rapporti dwar l-eżamijiet magħmula taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorijiet ta’ Stat Membru jew pajjiż terz li huwa Membru ta’ l-Unjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV) jista’ jkun ikkunsidrat bażi suffiċjenti għal deċiżjoni. L-Artikolu 27 kien madankollu provvediment temporanju li ma baqax effettiv wara t-30 ta’ Ġunju 1998.

    (3) L-intenzjoni li jiġi applikat l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1239/95 fuq bażi temporanja biex jinbena sistema indipendenti tal-Komunità, bl-Uffiċċju jieħu ħsieb għall-eżami tekniku tal-varjetajiet sottomessi ma’ l-applikazzjoni għall-ħarsien tal-varjetà tal-pjanti. L-esperjenza ta’ l-Uffiċċju madankollu wera l-ħtieġa biex jiġu kkunsidrati rapporti oħra ta’ l-eżamijiet kif speċifikat fl-Artikolu 27.

    (4) Il-maġġoranza tad-drittijiet dwar il-varjetajiet tal-pjanti fil-Komunità mogħtija wara t-30 ta’ Ġunju 1998 kienu bbażati fuq deċiżjonijiet f’ konsiderazzjoni ta’ l-ezamijiet tekniċi li saru taħt ir-risponsabbiltà ta’ awtoritajiet minbarra dan l-Uffiċċju, li pprovdew għotjiet f’suq kompetittiv ħafna.

    (5) Għalhekk jeħtieġ li jiġu regolarizzati d-drawwiet ta’ l-Uffiċċju mill-1 ta’ Lulju 1998. Fl-istess ħin, il-possibiltà li jiġi applikat l-Artikolu 27 fil-ġejjieni għandha tibqa’ miftuħa. Ir-Regolament (KE) Nru1239/95 għandu għalhekk jiġi emendat b’effett mill-1 ta’ Lulju 1998.

    (6) L-Uffiċċju tal-Kunsill Amministrattiv tal-Komunità Dwar il-Varjetajiet tal-Pjanti ġie ikkonsultat.

    (7) Il-miżuri taħt dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għad-Drittijiet dwar il-Varjetajiet tal-Pjanti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1239/95 huwa emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 27 għandu jkun sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 27

    Rapporti oħra dwar l-eżamijiet

    1. Rapport ta’ eżamijiet fuq ir-riżultati ta’ testijiet tekniċi li jkunu saru jew li jkunu għadhom isiru għal raġunijiet uffiċjali fi Stat Membru minn wieħed mill-uffiċċji responsabbli għall-ispeċi kkonċernati skond l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Bażiku jista’ jkun ikkunsidrat mill-Uffiċċju li jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jekk:

    - il-materjal sottomess għal test tekniku jkun ikkonforma, fil-kwantità u fil-kwalità, ma’ kull standard stabbilit skond l-Artikolu 55(4) tar- Regolament Bażiku,

    - it-test tekniku jkun sar b’mod konsistenti ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv skond l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Bażiku, u jkun sar skond il-linji gwida maħruġa għat-testijiet, fuq istruzzjonijiet ġenerali mogħtija, skond l-Artikolu 56(2) ta’ dak ir-Regolament u l-Artikoli 22 u 23 ta’ dan ir-Regolament,

    - l-Uffiċċju kellu l-opportunità jimmonitorja l-mod kif ikun tmexxa l-eżami tekniku kkonċernat, u

    - fejn ir-rapport finali mhuwiex immedjatament disponibbli, ir-rapporti temporanji dwar kull perijodu ta’ tkabbir ikunu sottomessi lill-Uffiċċju qabel ir-rapport ta’ l-eżami.

    2. Fejn l-Uffiċċju ma jikkunsidrax li r-rapport ta’ l-eżami msemmi fil-paragrafu 1 jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jista’ jsegwi l-proċedura taħt l-Artikolu 55 tar-Regolament, wara konsultazzjoni bejn l-applikant u l-Uffiċċju tat-testijiet ikkonċernat.

    3. L-Uffiċċju u kull uffiċċju nazzjonali kompetenti dwar il-varjetà tal-pjanti fi Stat Membru għandu jagħti għajnuna amministrattiva lill-ieħor billi jqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu, jekk ikun mitlub, kwalunkwe rapporti ta’ testijiet fuq xi varjetà, għall-iskop li jiġi stmat il-karattru distintiv, l-uniformità u l-istabilità ta’ dik il-varjetà. Ammont speċifiku għandu jkun mitlub bħala ħlas mill-Uffiċċju jew uffiċċju nazzjonali kompetenti dwar il-varjetà tal-pjanti għas-sottomissjoni ta’ tali rapport, liema ammont ikun miftiehem bejn l-uffiċcji kkonċernati.

    4. Rapport ta’ eżamijiet fuq ir-riżultati ta’ testijiet tekniċi li jkunu saru jew li jkunu għadhom isiru għal raġunijiet uffiċjali f’pajjiż terz li huwa Membru ta’ l-Unjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti jista’ jkun ikkunsidrat mill-Uffiċċju li jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jekk l-ezami tekniku jikkonforma mal-kondizzjonijiet imniżżla fi ftehim bil-miktub bejn l-Uffiċċju u l-awtorità kompetenti ta’ tali pajjiż terz. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom għallanqas jinkludu:

    - dawk relatati mal-materjal, kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel inċiż,

    - li t-test tekniku jkun tmexxa skond il-linji gwida maħruġa għat-testijiet, jew istruzzjonijiet ġenerali mogħtija, skond l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Bażiku,

    - li l-Uffiċċju kellu l-opportunità jistma kemm kienu adattati l-faċilitajiet biex imexxu test tekniku għall-ispeċi kkonċernata f’dak il-pajjiż terz u jimmonitorja t-tmexxija tat-test tekniku kkonċernat, u

    - dawk relatati mad-disponibbilità ta’ rapporti, kif imniżżel fil-paragrafu 1, ir-raba’ inċiż."

    2. Fl-Artikolu 95 it-tieni paragrafu huwa mħassar.

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1998.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Diċembru 2002.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1.

    [2] ĠU L 258, tat-28.10.1995, p. 3.

    [3] ĠU L 121, ta’ l-1.6.1995, p. 37.

    [4] ĠU L 62, tat-13.3.1996, p. 3.

    --------------------------------------------------

    Top