EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0051

Id-Direttiva 2002/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar it-tnaqqis tal-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu minn vetturi bil-mutur b'żewġ roti u bi tlieta u li temenda d-Direttiva 97/24/KETest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 252, 20.9.2002, p. 20–32 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0168

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/51/oj

32002L0051

Id-Direttiva 2002/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar it-tnaqqis tal-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu minn vetturi bil-mutur b'żewġ roti u bi tlieta u li temenda d-Direttiva 97/24/KETest b'relevanza għaż-ŻEE.

Official Journal L 252 , 20/09/2002 P. 0020 - 0032
CS.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
ET.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
HU.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
LT.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
LV.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
MT.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
PL.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
SK.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61
SL.ES Chapter 07 Volume 007 P. 51 - 61


Id-Direttiva 2002/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Lulju 2002

dwar it-tnaqqis tal-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu minn vetturi bil-mutur b'żewġ roti u bi tlieta u li temenda d-Direttiva 97/24/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl- l-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fl-1 ta' Mejju 2002,

Billi:

(1) Il-ħames programm ta' azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent, li fl-approċċ ġenerali tiegħu kien approvat mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, fil-laqgħa tal-Kunsill, ta' l-1 ta' Frar 1993 [4], jipprovdi biex isiru sforzi addizzjonali għal tnaqqis konsiderevoli fil-livell preżenti ta' emissjonijiet ta' tniġġis minn vetturi bil-mutur.

(2) Id-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta' vetturi bil-mutur ta' żewġ jew tliet roti [5] hija waħda mid-Direttivi separati skond il-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 li tirrelata għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti [6].

(3) Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/24/KE, il-Kummissjoni hija meħtieġa illi tissottometti, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, proposta ppreparata a bażi ta' riċerka u stima ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji derivati mill-applikazzjoni tal-valuri ta' limitu magħmula iktar stretti u li tistabbilixxi stadju sussegwenti li tulu jiġu adottati miżuri intiżi sabiex dejjem isaħħu l-valuri ta' limitu għal tniġġis tal-vetturi kkonċernati. Din l-azzjoni hija limitata għal muturi, ladarba stadju sussegwenti li jinvolvi valuri ta' limitu iktar stretti għal ċiklomuturi, li għandu jiġi applikat mis-17 ta' Ġunju 2002, huwa diġà previst fid-Direttiva 97/24/KE.

(4) A bażi ta' l-istima tal-prattikabilità teknika u r-renditi, ġie identifikat sett wieħed ta' limiti ta' testijiet tat-Tip I ġdid, applikabbli mill-2003 għall-muturi kollha, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 60 % għal idrokarburi u monossidu tal-karbun għal muturi b'erba' taħrikiet, u 70 % għal idrokarbuni u 30 % għal monossidu tal-karbun għal muturi b'żewġ taħrikiet. Fil-każ ta' muturi b'erba' taħrikiet, tnaqqis ulterjuri fl-ossidi tan-nitroġenu ma kinux ikkunsidrati prattikabbli mat-teknoloġiji maħsuba. Għal muturi b'żewġ taħrikiet, l-applikazzjoni ta' teknoloġija ta' injezzjoni diretta avvanzata, li għandha l-ikbar potenzjal ta' tnaqqis f'termini ta' monossidu tal-karbun u idrokarbuni, hija inevitabbilment marbuta ma' żieda moderata tal-limitu ta' ossidi tan-nitroġenu, meta mqabbla mal-valur limitu preżenti, u b'hekk iġġib il-limitu in linja ma' muturi b'erba' taħrikiet. A bażi ta' l-inventarju ta' l-emissjonijiet, li jikkonferma s-sehem marġinali ta' muturi fl-emissjonijiet totali ta' transport fit-triq ta' ossidi tan-nitroġenu, dan huwa meqjus bħala aċċettabbli.

(5) Fid-dawl tal-karatteristiċi speċjali u l-użu ta' ċerti kategoriji ta' vetturi magħrufa bħala enduro u muturi ta' prova u wara li tiġi kkunsidrata l-kontribuzzjoni żgħira ħafna tagħhom għall-emissjonijiet totali, dovuti għan-numru żgħir ta' dawn il-vetturi mibjugħa kull sena fl-Ewropa, deroga temporanja, fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-limiti ġodda fl-2003, għandha tingħata sabiex fabbrikanti jitħallew jintroduċu t-teknoloġija approprjata.

(6) L-Ispezzjoni u l-manutenzjoni huma meqjusa bħala essenzjali sabiex jiżguraw illi l-livelli ta' emissjoni tal-vetturi l-ġodda ma jeċċedux il-livelli aċċettabbli eżistenti. F'dan ir-rigward, u in linja mad-disposizzjonijiet għal karrozzi tal-passiġġieri, il-ħtiġiet għall-ittestjar tat-tip II, u b'mod partikolari l-limitu għall-kontenut ta' monossidu tal-karbun ta' 4,5 % skond il-volum, għandhom jiġu ssostitwiti bi ħtiġiet għall-kejl u r-reġistrazzjoni tad-data neċessarja għall-iskop ta' kontrolli tekniċi.

(7) Triċikli u kwadriċikli huma mgħammra b'inġenji jew b'injezzjoni bix-xrar jew b' injezzjoni kompressa (diżil); in linja mal-limiti ta' emissjonijiet għal karrozzi tal-passiġġieri, kull kategorija teħtieġ sett separat ta' valuri limiti. F'dan ir-rigward il-kwistjoni ta' emissjonijiet ta' partiċelli jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-futur.

(8) Il-karatteristiċi ta' karburanti ta' referenza użati għall-ittestjar ta' l-emissjonijiet għandhom jiġu allinejati ma' dawk applikabbli għal karozzi tal-passiġġieri, u hekk jiriflettu t-tibdiliet fl-ispeċifikazzjonijiet ta' karburant tas-suq skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-kwalità ta' karburanti ta' petrol u diżil.

(9) L-Istati Membri għandhom jitħallew, permezz ta' inċentivi tat-taxxa, jiffaċilitaw it-tqegħid fis-suq ta' vetturi illi jissodisfaw il-ħtiġiet adottati fuq livell Komunitarju u li jippromwovu teknoloġiji ambjentalment iktar avvanzati a bażi ta' valuri mandatorji ta' emissjonijiet; dawn l-inċentivi għandhom jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet intiżi sabiex jiġi evitati distorsjonijiet fis-suq intern; din id-Direttiva ma teffetwax id-dritt ta' l-Istati Membri illi jiġu inklużi emissjonijiet ta' pollutanti u sustanzi oħra fil-bażi tal-kalkoli tat-taxxi tat-traffiku fit-triq fuq vetturi b'żewġ u bi tliet roti.

(10) Skond it-Trattat, Stati Membri jistgħu inter alia joffru inċentivi fiskali jew finanzjarji għar-riadattament ta' vetturi bil-mutur aktar antiki b'żewġ u bi tliet roti, jekk b'hekk jissodisfaw il-valuri ta' limitu li jinsabu f'din id-Direttiva jew fil-verżjoni aktar antika tad-Direttiva 97/24/KE.

(11) Għandu jiġi introdott ċiklu ta' test ġdid ta' l-approvazzjoni tat-tip li jippermetti valutazzjoni aktar rappreżentattiva tal-prestazzjoni ta' l-emissjonijiet, f'kondizzjonijiet ta' test li jixbħu iktar mill-qrib dawk li jiltaqgħu magħhom vetturi li jintużaw, u li jieħu kont tad-differenza fil-mudelli ta' sewqan bejn muturi żgħar u kbar. Qiegħed isir xogħol addizzjonali ta' żvilupp sabiex jappoġġa l-introduzzjoni ta' ċiklu ta' test ġdid b'mod xjentifiku addattat.

(12) Huwa neċessarju illi jiġi stabbilit stadju ulterjuri ta' limiti mandatorji ta' emissjonijiet b'effett mill-2006 li jinkludi tnaqqis ulterjuri sostanzjali fir-rigward tal-valuri ta' limitu għall- 2003.

(13) Sabiex tiġi assigurata konformità mal-valuri ta' limitu ta' emissjoni, għandu jiġi introdott ittestjar ta' konformità ta' vetturi bil-mutur fis-servizz b'żewġ u bi tliet roti (testijiet fis-servizz) mill-1 ta' Jannar 2006. Għandhom jiġu introdotti ħtiġiet speċifiċi għall-operazzjoni korretta ta' tagħmir tal-kontroll ta' emissjonijiet tul il-ħajja normali ta' muturi b'żewġ jew bi tliet roti mill-1 ta' Jannar 2006 għal sa 30000 km.

(14) Għandu jiġi żgurat ukoll li l-kondizzjonijiet ta' operazzjoni ta' vetturi bil-mutur b'żewġ u bi tliet roti li jintużaw jikkorrispondu għas-settings għaċ-ċiklu tat-test u li ebda tagħmir ta' telf jew arranġamenti ta' qerq oħra ma jintużaw.

(15) Ladarba vetturi bil-mutur b'żewġ u bi tliet roti jipproduċu proporzjon li dejjem tiżdied ta' l-emissjonijiet totali ta' CO2 minn fonti ta' trasport, emissjonijiet ta' CO2 u/jew il-konsum ta' karburant ta' vetturi bil-mutur b'żewġ u bi tliet roti għandu jiġi stabbilit malajr kemm jista' jkun u jiġu inkorporati fl-istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' CO2 tat-trasport fit-triq.

(16) In vista tas-suq globali għal muturi u ta' problemi simili ta' kwalità ta' l-arja mad-dinja kollha, huwa tajjeb li jkun hemm sforz lejn ċiklu tat-test armonizzat. Wieħed jinnota li l-Kummissjoni tkompli fl-isforzi tagħha sabiex tiffinalizza dan it-test ċiklu armonizzat mal-partijiet kollha l-oħra involuti fi swieq oħra u tikkonkludi dan malajr kemm jista' jkun. Iċ-ċiklu tat-test dinji ta' l-emissjonijiet tal-muturi mad-dinja kollha bħalissa elaborat f'Ġinevra mill-Partit ta' Ħidma 29 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa huwa bażi tajba. Huwa approprjat illi jiġi introdott dan iċ-ċiklu tat-test ġdid mad-dinja kollha bħala alternattiva għall-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip għat-tieni stadju fl-2006. Meta jkun ġie rikonoxxut b'mod wiegħsa u għall-fażijiet ulterjuri ta' tnaqqis kollha ċ-ċiklu tat-test il-ġdid jista' jsir il-bażi regolari ta' l-approvazzjoni tat-tip.

(17) L-objettiv ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri dik tat-tnaqqis tal-livell ta' emissjonijiet ta' tniġġis minn vetturi bil-mutur b'żewġ u bi tliet roti, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk għar-raġuni ta' l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju. Il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hin minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(18) Id-Direttiva 97/24/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timmira sabiex tnaqqas il-livell ta' emissjonijiet ta' tniġġis minn vetturi bil-mutur b'żewġ u bi tliet roti billi tirrestrinġi l-valuri ta' limitu għal dawn l-emissjonijiet.

Artikolu 2

1. B'effett mill-1 ta' April 2003, l-ebda Stat Membru ma jista', fuq bażijiet li jirrelataw għall-miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja:

(a) jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 4(1) tad- Direttiva 92/61/KEE, jew

(b) jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-seħħ ta' vetturi,

jekk il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 97/24/KE.

2. B'effett mill-1 ta' April 2003, Stati Membri għandhom jirrifjutaw illi jagħtu approvazzjoni tat-tip KE skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/61/KEE għal kull tip ta' vettura fuq bażijiet li jirrelataw għall-miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja, jekk tonqos li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 97/24/KE.

Għat-test tat-tip I, il-valuri ta' limitu stabbiliti fir-ringiela A tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 mad-Direttiva 97/24/KE għandha tintuża.

Għat-test tat-tip I, il-valuri ta' limitu stabbiliti fir-ringieli B tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 tad-Direttiva 97/24/KE għandhom jintużaw.

3. B'effett mill-1 ta' Lulju 2004, Stati Membri għandhom:

(a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-Direttiva 92/61/KEE bħala mhux aktar validi; u

(b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda li mhumiex akkumpanjati b'ċertifikat ta' konformità skond id-Direttiva 92/61/KEE,

fuq bażijiet li jirrelataw għall-miżuri li għandhom jittieħdu kontra tniġġis ta' l-arja jekk il-vetturi jonqsu li jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 97/24/KE.

Għat-test tat-tip I tal-mopeds, il-valuri ta' limitu stabbiliti fit-tieni ringiela tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness I, is-Sezzjoni 2.2.1.1.3 tad-Direttiva 97/24/KE għandhom jintużaw.

Għat-test tat-tip I għal muturi u triċikli, il-valuri ta' limitu stabbiliti fir-ringieli A tat-tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 tad-Direttiva 97/24/KE għandhom jintużaw.

4. Għal muturi tal-provi u enduro b'żewġ roti, skond id-Direttiva 92/61/KEE, id-data stabbilita fil-paragrafu 2 għandha tkun l-1 ta' Jannar 2004 u d-data stabbilita fil-paragrafu 3 għandha tkun l-1 ta' Lulju 2005.

Muturi tal-provi huma ddefiniti bħala vetturi bil-karatteristiċi li ġejjin:

(a) Għoli massimu tas-sedil: 700 mm;

(b) Spazju minimu mill-art: 280 mm;

(ċ) Kapaċità massima tat-tank tal-karburant: 41 l;

(d) Proprozjon minimu global ital-gear (proporzjon primarju × proporzjon tal-gear × proporzjon finali tal-ġibda) ta' 7,5.

Muturi enduro huma definiti bħala vetturi li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a) Għoli minimu tas-sedil ta' 900 mm;

(b) Spazju minimu mill-art 310 mm;

(ċ) Proporzjon minimu global ital-gear fl-ogħla gear (proporzjon primarju × proporzjon tal-gear × proporzjon finali tal-ġibda) ta' 6,0.

Artikolu 3

1. B'effett mill-1 ta' Jannar 2006, Stati Membri għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/61/KEE għal tip ġdid ta' vettura fuq bażijiet li jirrelataw għal miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja, jekk tonqos li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 97/24/KE.

Għat-test tat-tip I, il-valuri ta' limitu stabbiliti fir-ringieli B tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 mad-Direttiva 97/24/KE għandhom jintużaw.

2. B'effett mill-1 ta' Jannar 2007, Stati Membri għandhom:

(a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-Direttiva 92/61/KEE bħala m'għadhomx validi; u

(b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda li mhumiex akkumpanjati minn ċertifikat ta' konformità skond id-Direttiva 92/61/KEE,

fuq bażijiet li jirrelataw għall-miżuri li għandhom jittieħdu kontra tniġġiż ta' l-arja jekk il-vetturi jonqsu li jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 97/24/KE.

Għal tip ta' vetturi li mhux aktar minn 5000 unità minnhom huma mibjugħa annwalment fl-Unjoni Ewropea, id-data għandha tkun l-1 ta' Jannar 2008.

Artikolu 4

1. Stati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjoni għal inċentivi tat-taxxa biss fir-rigward ta' vetturi li jikkonformaw mad-Direttiva 97/24/KE. Dawn l-inċentivi għandhom jikkonformaw ma' waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandhom japplikaw għall-vetturi ġodda kollha offerti għall-bejgħ fis-suq ta' Stat Membru li jikkonformaw bil-quddiem mal-valuri ta' limitu mandatorji stabbiliti fir-ringiela A tat- Tabella A fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 mad-Direttiva 97/24/KE; għandhom jiġu terminati b'effett mill-applikazzjoni mandatorja tal-valuri ta' limitu ta' emissjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(3) għal vetturi ġodda; jew

(b) għandhom japplikaw għall-vetturi ġodda kollha offerti għall-bejgħ fis-suq ta' Member State li jikkonformaw bil-quddiem mal-valuri ta' limitu mandatorji stabbiliti fir-ringieli B tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 tad-Direttiva 97/24/KE. Għandhom jispiċċaw fid-data ta' l-applikazzjoni mandatorja tal-valuri ta' limitu ta' l-emissjoni għal vetturi ġodda stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta' din id-Direttiva.

2. Għal kull tip ta' vettura msemmija fil-paragrafu 1, l-inċentivi tat-taxxa għandhom ikunu għal ammont iktar baxx mill-ispiża addizzjonali biex jiġu ottenuti u armati fuq il-vettura s-soluzzjonijiet tekniċi introdotti sabiex jassiguraw konformità mal-valuri stabbilita fi jew ir-ringiela A jew ir-ringiela B tat-Tabella fil-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 mad-Direttiva 97/24/KE.

3. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata f'ħin suffiċjenti bil-pjanijiet sabiex jinħolqu jew jinbidlu l-inċentivi tat-taxxa msemmija fil-paragrafu 1, sabiex tkun tista' tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha.

Artikolu 5

Approvazzjonijiet tat-tip għandhom ukoll jikkonfermaw l-operazzjoni korretta tat-tagħmir ta' kontroll ta' emissjonijiet tul il-ħajja normali ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti sa mill-1 ta' Jannar 2006 għal tipi ta' vetturi ġodda u sa mill-1 ta' Jannar 2007 għat-tipi ta' vetturi kollha sa 30000 km. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2002 proposta li tiddefinixxi "ħajja normali" u tistabbilixxi disposizzjonijiet supplimentari. Fl-analiżi tagħha tal-benefiċċju ta' l-ispejjeż il-Kummissjoni għandha toqgħod partikolarment attenta għall-effetti li l-proposti tagħha għandhom fuq impriżi żgħar u medji.

Artikolu 6

1. B'effett mill-1 ta' Jannar 2006 għal vetturi bil-mutur ġodda b'żewġ jew bi tliet roti u mill-1 ta' Jannar 2007 għat-tipi kollha ta' vetturi, approvazzjonijiet tat-tip mogħtija lil vetturi għandhom ukoll jeħtieġu konferma ta' l-operazzjoni korretta ta' tagħmir ta' kontroll ta' emissjonijiet matul il-ħajja normal tal-vettura taħt kondizzjonijiet normali ta' użu (konformità ta' vetturi fis-servizz li jinżammu u jintużaw tajjeb).

2. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tiddefinixxi "ħajja normali" u tistabbilixxi disposizzjonijiet supplimenatri. Għandhom jinkludu, inter alia, jekk xieraq:

- kriterji biex jitwettqu kontrolli,

- kriterji għall-għażla tal-vetturi li għandhom jiġu ttestjati,

- kriterji biex jitwettqu t-testijiet,

- regoli għall-eliminazzjoni ta' l-iżbalji possibbli,

- il-kriterju illi ma jkun hemm l-ebda piż għas-sid/it-titolari tal-vettura.

Fl-analiżi tagħha dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż il-Kummissjoni għandha toqgħod partikolarment attenta għall-effetti li l-proposti tagħha għandhom fuq impriżi żgħar u medji.

Artikolu 7

1. B'effett mill-1 ta' Jannar 2006 l-Istati Membri ma jistgħux aktar jagħtu approvazzjoni tat-tip KE u għandhom jirrifjutaw approvazzjoni nazzjonali tat-tip għal vettura b'żewġ jew bi tliet roti jekk l-emmissjoni ta' C02 u l-konsum ta' karburant tagħha mhumiex stabbiliti skond id-disposizzjonijiet rilevanti

2. B'effett mill-1 ta' Jannar 2007 Stati Membri għandhom:

- jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi bil-mutur ġodda b'żewġ roti b'kapaċità ta' l-inġenju ta' aktar minn 150 cm3 skond id-Direttiva 92/61/KEE bħala mhux aktar validi, u

- jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda mhux akkumpanjati b'ċertifkat ta' konformità skond id-Direttiva 92/61/KEE,

jekk l-emissjonijiet tagħhom ta' C02 u l-konsum ta' karburant mhumiex stabbiliti skond id-disposizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra restrinġiment ulterjuri fl-istandards ta' emissjoni tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id- Direttiva, b'kont meħud ta':

(a) żviluppi tekniċi fil-kamp tat-teknoloġija tal-kontroll ta' l-emmissjoni u l-kapaċità teknika u ekonomika tagħhom fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għal muturi, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fis-suq divers li dawn il-vetturi jissodisfaw;

(b) l-avvanzi fl-iżvilupp ta' ċiklu ta' test aktar rappreżentattiv għal muturi li jirrimedja l-limitazzjonijiet kurrenti taċ-ċiklu kurrenti tat-test, bħal cold start u dinamiċi ta' sewqan għoli;

(ċ) l-opportunità li jiġi armonizzat iċ-ċiklu tat-test fuq skala dinjija;

(d) il-korrelazzjoni tal-valuri limit bejn iċ-ċiklu tat-test kurrenti u dak ġdid;

(e) xogħol ulterjuri fuq emissjonijiet ta' partiċelli, u l-ħruġ ta' emissjonijiet ta' partiċelli minn inġenji b'injezzjoni kompressa u b'injezzjoni bix-xrar;

(f) xogħol kontinwu fuq il-konformità ta' reżistenza u użu;

(g) xogħol ulterjuri fuq cold starting, sistemi ta' djanjostika abbord (OBD), u emissjonijiet ta' evaporazzjoni;

(h) xogħol kontinwu fuq is-sostituzzjoni ta' konvertituri katalitiċi;

(i) l-Impatt ekonomiku fuq produzzjoni ta' serje żgħira u fuq fabbrikanti ta' volum żgħir;

Barra minn hekk il-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija għall-kejl ta' emissjonijiet speċifiċi CO2 minn vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti.

2. Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, tissottometti lill-Kumitat għall-Addattament għall-Progress Tekniku proposta li tistabbilixxi metodu ta' test għall-kejl ta' emissjonijiet ta' partiċelli skond ir-riżultati ta' l-istudji kif preskritti fil-paragrafu 1(e), li għandha tiġi applikata għall-approvazzjonijiet ġodda tat-tip mill-1 ta' Jannar 2004.

3. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fiha:

(a) valuri ta' limitu mandatorji ta' l-emissjonijiet li għandhom jintużaw fit-test tat-Tip I għal triċikli u kwadriċikli għat-tieni stadju mandatorju mill-2006 u valuri ta' limitu mandatorji ta' emissjoni għal emissjonijiet tal-partiċelli skond ir-riżultati ta' l-istudji preskritti fil-paragrafu 1(e).

(b) obbligu sabiex jitkejlu l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 fl-approvazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 7. Il-Kummissjoni għandha wkoll tissottometti proposti approprjati għall-inklużjoni ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti fl-istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta' emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport (ftehim għat-tnaqqis ta' emissjonijiet medji tas-CO2, l-ittikkettar, l-inċentivi tat-taxxa);

(ċ) disposizzjonijiet li jirrelataw għar-reżistenza li għandhom jiġu applikati mill-1 ta' Jannar 2006, skond l-Artikolu 5;

(d) ħtiġiet għall-inklużjoni ta' testing ta' konformità fuq vetturi fis-servizz (testijiet fi-sservizz) fil-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti b'effett mill-1 ta' Jannar 2006 skond l-Artikolu 6;

(e) sett ġdid ta' valuri ta' limitu (stadju III) għal ċiklomuturi, inklużi emissjonijiet tal-partiċelli skond ir-riżultati ta' l-istudji preskritti fil-pargrafu 1(e), li għandhom jiġu applikati sa mill- 2006. Id-disposizzjonijiet dwar il-ħtiġiet ta' reżistenza u l-obbligu għall-kejl ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 fl-approvazzjoni tat-tip jiġu applikati wkoll għal mopeds.

4. IL-Kummissjoni għandha tissotometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jikkonċernaw l-ispezzjoni u l-manutenzjoni, il-kontroll ta' OBD u ta' l-emissjonijiet evaporattivi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura illi biss partijiet għal sostituzzjoni u addattament għal sistemi ta' l-ispurgar li jikkonformaw mad-Direttiva 97/24/KE u din id-Direttiva jitqiegħdu fis-suq. Il-ħruġ ta' l-approvazzjoni tat-tip għandu jkun suffiċjentement verifikabbli u d-data dwar l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa għandhom jinstabu u jiġu rintraċċati malajr, b'mod effiċjenti u trasparenti fis-sistema Ewropea tad-data.

5. Malajr kemm jista' jkun u fl-iktar tard wara l-iżvilupp tekniku taċ-ċiklu dinji tat-test, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-inklużjoni tiegħu u sett ġdid ta' valuri ta' limitu, li jinkludu emissjonijiet ta' partiċelli għal inġenji b'injezzjoni kompressa u inġenji b'injezzjoni bix-xrar b'żewġ taħrikiet. Dawn il-valuri ta' limitu għandhom jiġu stabbiliti f'korrelazzjoni għat-tieni stadju mandatorju fl-2006 ta' din id-Direttiva (ringiela B, fit-tabella tal-Kapitolu 5, l-Anness II, is-Sezzjoni 2.2.1.1.5 (tad-Direttiva 97/24/KE) sabiex jiggarantixxu l-istess livell ta' emissjoni. Iċ-ċiklu tat-test għandu jiġi introdott flimkien ma' dawn il-valuri ta' limitu ġodda (ir-ringiela Ċ li għandha tiġi inserita fit-tabella il-Kapitolu 5, l-Anness II, is-sezzjoni 2.2.1.1.5 tad-Direttiva 97/24/KE) bħala alternattiva għall-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip bl-għażla tal-fabbrikant għat-tieni stadju mandatorju fl-2006. In linja ma' l-adozzjoni taċ-ċiklu tat-test ġdid dinji f'reġjuni oħra imbagħad isir l-unika proċedura regolari ta' l-approvazzjoni tat-tip. Għal stadji ulterjuri fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' l-ispurgar wara l- 2006 iċ-ċiklu ġdid tat-test b' valuri ta' limitu bbażati fuq dan iċ-ċiklu jkunu l-unika proċedura valida ta' l-approvazzjoni tat-tip.

Artikolu 9

Il-Kapitolu 5 tad-Direttiva 97/24/KE għandu jiġi emendat skond it-test fl-Anness ma' hawnhekk.

Artikolu 10

Stati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amminsitrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' April 2003. Għandhom jinfuraw bihom lill-Kummissjoni minnufih.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 11

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-19 ta' Lulju 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

T. Pedersen

[1] ĠU Ċ 337 E, tat-28.11.2000, p. 140 u ĠU Ċ 240 E, 28.8.2001, p. 146.

[2] ĠU Ċ 123, tal-25.4.2001, p. 22.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Frar 2001 (ĠU Ċ 276, 1.10.2001, p. 135), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2001 (ĠU Ċ 301, 26.10.2001, p. 43) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001. Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2002 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2002.

[4] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 1.

[5] ĠU L 226, tat-18.8.1997, p. 1.

[6] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72. Id-Direttiva hekk kif l-aħħar emendata bid- Direttiva 2000/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 106, tat-3.5.2000, p. 1).

--------------------------------------------------

ANNESS

EMENDI GĦALL-KAPITOLU 5 TAD-DIRETTIVA 97/24/KE

1. L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Is-Sezzjoni 1.4 għandha tiġi sostitwita b'li ġej:

1.4. "Tniġġis tal-Gass" ifisser l-emissjonijiet ta' l-ispurgar tal-gass ta' monossidu tal-karbun, ossidi tan-nitroġenu espressi f'termini ta' ekwivalenti tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), u idrokarbuni, li jassumu proporzjon ta'

- C1H1,85 għall-petrol;

- C1H1,86 għad- diżil.

(b) Is-Sezzjonijiet li ġejjin għandhom jiżdiedu:

1.5. "Apparat ta' telf" ifisser apparat li jkejjel, iħoss jew jirrispondi għal varjabbli operattivi (e.g. il-veloċità tal-vettura, il-veloċità ta' l-inġenju, il-gear użat, it-temperatura, il-pressjoni tad-dħul jew xi parametru ieħor) għall-iskop ta' l-attivazzjoni, il-modulazzjoni, l-itardjar jew id-deattivazzjoni ta' l-operazzjoni ta' kull komponent jew funzjoni tas-sistema ta' kontroll ta' l-emissjoni b'tali mod illi l-effiċjenza tas-sistema' ta' kontroll ta' l-emissjoni titnaqqas taħt kondizzjonijiet li wieħed jiltaqa' magħhom waqt użu normali tal-vettura sakemm l-użu ta' dan l-apparat ma jiġix sostanzjalment inkluż fil-proċedura applikata tat-test ta' ċertifikazzjoni ta' l-emissjoni.

1.6. "Strateġija ta' kontroll ta' emissjoni irrazzjonali" tfisser kull strateġija jew miżura illi, meta l-vettura taħdem taħt kondizzjonijiet normali ta' użu, tnaqqas l-effettività tas-sistema' ta' kontroll ta' emissjoni sa livell inqas minn dak mistenni fil-proċedura applikabbli tat-test ta' emissjoni.

;

(ċ) Is-Sezzjoni2.2.1.1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

2.2.1.1. It-Test tat-tip I (kontroll tal-valur medju ta' emissjonijiet fil-pjap tat-tarf f'żona urbana b'konġestjoni għolja).

2.2.1.1.1. It-test jitwettaq skond il-proċedura stabbilita fl-Appendiċi 1. Il-metodi użati għall-ġbir u l-analiżi tat-tniġġis gassuż huma dawk stabbiliti.

2.2.1.1.2. Il-Figura 1.2.2 turi r-rotot għat-test tat-tip I.

2.2.1.1.3. Il-vettura titqiegħed fuq dynamometer tax-chassis armat permezz ta' simulazzjoni ta' piż u inertia.

2.2.1.1.4. Matul it-test il-gassijiet ta' l-ispurgar huma ddiluwiti u kampjun proporzjonali huwa miġbur f'basket wieħed jew aktar. Il-gassijiet ta' l-ispurgar tal-vettura ttestjata huma ddiluwiti, jittieħdu kampjuni minnhom u jiġu analizzati, skond il-proċedura deskritta hawn taħt, u l-volum totali ta' l-ispurgar diluwit jitkejjel.

+++++ TIFF +++++

Figura 1.2.2Flow chart għat-test tat-tip I

2.2.1.1.5. Soġġett għall-ħtiġiet għal 2.2.1.1.6, it-test għandu jiġi ripetut tliet darbiet. Il-masses li jirriżultaw mill-emissjonijiet gassużi ottenuti f'kull test għandhom ikunu inqas mil-limiti murija fit-tabella hawn taħt (ir-ringieli A għal 2003 u r-ringieli B għal 2006):

| Klassi | Piż ta' monossidu tal-karbun (CO) | Piż ta' idrokarbuni (HQ) | XPiż ta' l-ossidi tan-nitroġenu (NO) |

L1 (g/km) | L2 (g/km) | L3 (g/km) |

Valuri ta' limitu għal muturi (b'żewġ roti) għall-approvazzjoni tat-tip u konformità tal-produzzjoni

A (2003) | I (< 150 cm') | 5,5 | 1,2 | 0,3 |

II (≥ 150 cm') | 5,5 | 1,0 | 0,3 |

B (2006) | I (< 150 cm') (UDC kiesaħ) [1] | 2,0 | 0,8 | 0,15 |

II (≥ 150 cm') (UDC + EUD kiesaħ) [2] | 2,0 | 0,3 | 0,15 |

Valuri ta' limitu għal triċikli u kwadriċikli għall-approvazzjoni tat-tip u konformità tal-produzzjoni (injezzjoni posittiva)

A (2003) | Kollha | 7,0 | 1,5 | 0,4 |

Valuri ta' limitu għal triċikli u kwadriċikli għall-approvazzjoni tat-tip u konformità tal-produzzjoni (injezzjoni kompressa)

A (2003) | Kollha | 2,0 | 1,0 | 0,65 |

2.2.1.1.5.1. Minkejja l-ħtiġiet ta' 2.2.1.1.5., għal kull tniġġis jew kombinazzjoni ta' tniġġis, wieħed mit-tliet masses li jirriżultaw jista' jeċċedi, b'mhux aktar minn 10 %, il-limitu preskritt, sakemm il-medja aritmetika tat-tliet riżultati hija inqas mil-limitu preskritt. Meta l-limiti preskritti huma eċċeduti għal iktar minn tniġġis wieħed, huwa immaterjali jekk dan iseħħx fl-istess test jew f'testijiet differenti.

2.2.1.1.5.2. Waqt l-ittestjar għall-konformità mal-valuri ta' limitu fir-ringieli B għal 2006 għal muturi b'veloċità massima preskritta ta' 110 km/h, il-veloċità massima għaċ-ċiklu tas-sewqan extra-urban tiġi restritta għal 90 km/h.

2.2.1.1.6. In-numru ta' testijiet preskritti f'2.2.1.1.5 huwa mnaqqas għall-kondizzjonijiet iddefiniti hawn taħt, meta V1, huwa r-riżultat ta' l-ewwel test u V2 huwa r-riżultat tat-tieni test għal kull tniġġis.

2.2.1.1.6.1. Isir biss test wieħed biss jekk ir-riżultat ottenut għal kull tniġġis huwa inqas minn jew daqs 0,70 L (jiġifieri V1 ≤ 0,70 L).

2.2.1.1.6.2. Jekk il-ħtieġa ta' 2.2.1.1.6.1 mhijiex sodisfatta, isiru żewġ testijiet biss jekk, għal kull tniġġis huma sodisfatti l-ħtiġiet li ġejjin:

V1 ≤ 0,85 L u V1 + V2 ≤ 1,70 L u V2 ≤ L.

;

(d) It-Tabella I u t-Tabella II fis-Sezzjoni 2.2 għandhom jitħassru;

(e) Is-Sezzjoni 2.2.1.2għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

2.2.1.2. Test tat-Tip II (test tal-monosidu tal-karbun bl-inġenju mqabbad biss) u data ta' emissjonijiet għal kontroll ta' l-inġenju.

2.2.1.2.1. Din il-ħtieġa tapplika għall-vetturi kollha mħaddma b'inġenju b'injezzjoni pożittiva li għalihom hija mfittxa l-approvazzjoni tat-tip KE skond din id-Direttiva.

2.2.1.2.2. Meta ttestjati skond l-Appendiċi 2 (test tat-tip II) waqt li hu mqabbad l-inġenju:

- il-kontenut ta' monossidu tal-karbun skond il-volum tal-gassijiet ta' l-ispurgar emess hu rreġistrat.

- il-veloċità ta' l-inġenju tul it-test għandha tiġi rreġistrata, inklużi kwalunkwe tolleranzi.

2.2.1.2.3. Meta ttestjat f'veloċità "għolja bl-inġenju mqabbad" (jiġifieri. >2000 min−1):

- il-kontenut ta' monossidu tal-karbun skond il-volum tal-gassijiet ta' l-ispurgar emess hu rreġistrat.

- il-veloċità ta' l-inġenju tul it-test għandha tiġi rreġistrata, inklużi kwalunkwe tolleranzi.

2.2.1.2.4. It-temperatura taż-żejt ta' l-inġenju fil-ħin tat-test għandha titkejjel u tiġi rreġistrata.

2.2.1.2.5. Id-data rreġistrata hija kompletata fis-Sezzjonijiet rilevanti tad-dokument, imsemmi fl-Anness VII tad-Direttiva 92/61/KEE.

;

(f) Is-Sezzjoni li ġejja għandha tiżdied:

2.3. L-użu ta' apparat ta' telf u/jew starteġija ta' kontroll ta'emissjonijiet irrazzjonali mhuwiex permess

2.3.1. L-apparat ta' kontroll ta' l-inġenju, funzjoni, sistema jew miżura jistgħu jiġu nstallati mal-vettura sakemm:

- hija attivata biss għal dawk l-iskopijiett bħal protezzjoni tal-magna, cold starting jew warming up, jew

- hija attivata biss għal dawk l-iskopijiet bħal sigurtà operazzjonali jew strateġiji ta' sigurtà u limp-home.

2.3.2. L-użu ta' apparat tal-kontroll ta' l-inġenju, il-funzjoni, is-sistema jew il-miżura li tirriżulta fl-użu ta' strateġija tal-kontroll ta' l-inġenju differenti jew modifikata għal dik normalment użata matul iċ-ċikli tat-test ta' l-emissjoni applikabbli jkunu permessi jekk, fil-konformità mal-ħtiġiet tas-sezzjoni 2.3.3, jidher ċar illi dik il-miżura ma tnaqqasx l-effettività tas-sistema' ta' kontroll ta' l-emissjoni. Fil-każijiet l-oħra kollha, dan l-apparat għandu jiġi kkunsidrat bħala apparat ta' telf.

2.3.3. Il-fabbrikant għandu jipprovdi pakkett ta' dokumentazzjoni li jagħti aċċess għad-disinn bażiku tas-sistema u l-mezzi li bihom tikkontrolla l-varjabbli ta' produzzjoni tagħha, kemm jekk il-kontroll huwa dirett kif ukoll jekk hu indirett.

(a) Il-pakkett formali ta' dokumentazzjoni, li għandu jiġi fornit lis-servizz tekniku fil-ħin tas-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip, għandu jinkludi deskrizzjoni sħiħa tas-sistema'. Din id-dokumentazzjoni tista' tkun qasira sakemm turi provi li l-produzzjonijiet kollha permessi minn matriċi ottenut minn firxa ta' kontroll ta' l-inputs individwali ta' unitajiet ġew identifikati.

Id-dokumentazzjoni għandha tikkontjeni wkoll ġustifikazzjoni għall-użu ta' kull apparat ta' kontroll ta' l-ingenju, funzjoni jew miżura u tinkludi materjal addizzjonali u data tat-test sabiex jintwera l-effett fuq emissjonijiet ta' l-ispurgar ta' kull apparat ta' dan it-tip installat fil-vettura. Din l-informazzjoni għandha tiġi mehmuża mad-dokumentazzjoni meħtieġa fl-Anness V.

(b) Materjal addizzjonali illi juri l-parametri li huma modifikati permezz ta' kwalunkwe apparat ta' kontroll ta' l-ingenju, funzjoni, sistema jew miżura u l-kondizzjonijiet tal-limiti li taħthom joperaw il-miżuri. Il-materjal addizzjonali għandu jinkludi deskrizzjoni tal-loġika ta' kontroll tas-sistema tal-karburant, ta' l-istrateġiji tal-ħin u l-punti switch tul il-modi kollha ta' operazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tibqa' strettament kunfidenzjali u tinżamm mill-fabbrikant, iżda għandha tkun miftuħa għal ispezzjoni fil-ħin ta' l-apporvazzjoni tat-tip.

;

(g) Is-Sezzjoni 3.1.1. għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

3.1.1. Vettura tittieħed mis-serje u tigi soġġettata għat-test deskritt f' 2.2.1.1. Il-valuri ta' limitu għall-kontroll tal-konformità tal-produzzjoni huma dawk indikati fit-tabella fis-Sezzjoni 2.2.1.1.5.

;

(h) Is-Sezzjoni preċedenti 3.1.1 għandha tiġi enumerata mill-ġdid għal 3.1.2 u tiġi emendata kif ġej:

-il-kliem "Tabelli I u II" għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem "it-Tabella fis-Sezzjoni 2.2.1.1.5";

-il-kliem "it-Tabelli msemmija f' 2.2.1.1.2" għandhom jiġu ssostitwiti b'"it-Tabella fis-Sezzjoni 2.2.1.1.5";

(i) is-Sezzjoni 3.1.3 ta' l-Appendiċi 1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

3.1.3. l-issikar tas-sistema ta' intake tista' tiġi kkontrollata sabiex jiġi assigurat li l-karburazzjoni mhijiex effetwata b'intake aċċidentali ta' l-arja.

;

(j) fis-Sezzjoni 5.3.1 ta' l-Appendiċi 1, l-aħħar sentenza għandha tinqara kif ġej:Żewġ ċikli kompleti ta' pre-kondizzjonament jitwettqu qabel jinġabru l-gassijiet ta' l-ispurgar.;

(k) is-Sezzjoni 6.1.3 ta' l-Appendiċi 1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

6.1.3. Qabel jibda' l-ewwel ċiklu ta' pre-kondizzjonament, ċirkulazzjoni ta' l-arja ta' veloċità varjabbli hija diretta lejn il-mutur jew it-triċiklu bil-mutur. Żewġ ċikli kompleti mbagħad jitwettqu li tulhom ma jinġabar ebda gass ta' l-ispurgar. Is-sistema ta' ventilazzjoni għandha tinkludi mekkaniżmu kkontrollat mill-veloċità tal-bench roller sabiex, fil-firxa ta' 10 km/h sa 50 km/h, il-veloċità lineari ta' l-arja fil-fetħa tal-blower hija ugwali għall-veloċità relattiva tar-roller b'approssimazzjoni ta' 10 %. Għal veloċitajiet tar-roller inqas minn 10 km/h, il-veloċità ta' l-arja tista' tkun żero. Is-Sezzjoni ta' l-aħħar ta' l-apparat tal-blower għandu jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

(i) arja tas-superfiċi ta' mill-inqas 0,4 m2;

(ii) it-tarf t'isfel bejn 0,15 u 0,20 m 'il fuq mil-livell ta' l-art;

(iii) distanza mit-tarf ewlieni tal-mutur jew tat-triċiklu bil-mutur bejn 0,3 u 0,45 m.

;

(l) Is-Sezzjoni 6.2.2 ta' l-Appendiċi 1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

6.2.2. L-ewwel ċiklu jibda meta jibdew it-teħid tal-kampjuni u l-kejl tar-rotazzjonijiet tal-pompa.

;

(m) is-Sezzjoni 7.2.1 ta' l-Appendiċi 1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

7.2.1. Wara żewġ ċikli ta' pre-kondizzjonament (l-ewwel mument ta' l-ewwel ċiklu), l-operazzjonijiet speċifikati f' 7.2.2 sa 7.2.5 jitwettqu simultanjament.

;

(n) is-Sezzjoni 7.4 ta' l-Appendiċi 1 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

"7.4. Analiżi

7.4.1. Il-gassijiet ta' l-ispurgar miżmuma f'borża għandhom jiġu analizzati malajr kemm jista' jkun u f'kull każ mhux aktar minn 20 minuta wara li jispiċċa ċ-ċiklu tat-test.

7.4.2. Qabel l-analiżi ta' kull kampjun il-firxa ta' l-analizzatur li għandha tintuża għal kull tniġġis għandha tiġi stabbilita għal żero bil-gass żero approprjat.

7.4.3. L-analizzaturi huma mbagħad stabbiliti għall-kurvi ta' kalibrazzjoni permezz ta' gassijet span b'konċentrazzjonijiet nominali ta' 70 sa 100 % tal-firxa.

7.4.4. Iż-żeri ta' l-analizzatur huma mbagħad ikkontrollati mill-ġdid. Jekk il-qari jvarja b'iktar minn 2 % tal-firxa minn dak stabbilit f' 7.4.2, il-proċedura tiġi ripetuta.

7.4.5. Il kampjuni huma mbagħad analizzati.

7.4.6. Wara l-analiżi, punti żero u span huma kkontrollati mill-ġdid bl-użu ta' l-istess gassijiet. Jekk dawn il-kontrolli mill-ġdid huma f'2 % ta' dawk f' 7.4.3, l-analiżi hija kkunsidrata aċċettabbli.

7.4.7. Il-punti kollha f'din is-Sezzjoni l-flow-rates u l-pressjoni tal-gassijiet varji għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati matul il-kalibrazzjoni ta' l-analizatturi.

7.4.8. Il-figura adottata għall-konċentrazzjoni ta' kull tniġġis imkejjel fil-gassijiet hija dik li tinqara wara l-istabilizzazzjoni fuq l-apparat tal-kejl."

;

(o) Is-Sezzjoni 2.2 ta' l-Appendiċi 2 għandha tiġi ssostitwita b'li ġej:

2.2. It-test tat-tip II speċifikat fis-Sezzjoni 2.2.1.2 ta' l-Anness II għandu jitkejjel immedjatament wara t-test tat-Tip I bl-inġenju b'veloċità normali meta mqabbad u veloċità għolja meta mqabbad.

;

2. L-Anness IV għandu jiġisostitwit b'li ġej:

"

ANNESS IV

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦALL-KARBURANT TA' REFERENZA (PETROL)

Il-karburant ta' referenza użat huwa dak deskritt fl-ANNESS IX, is-Sezzjoni 1, tad-Direttiva 70/220/KEE.

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦALL-KARBURANT TA' REFERENZA (DIŻIL)

Il-karburant ta' referenza użat huwa dak deskritt fl-ANNESS IX, is-Sezzjoni 2, tad-Direttiva 70/220/KEE.

"

[1] Ċiklu tat-test: KEE R40 (b'emissjonijiet imkejjla għas-sitt modi kollha - il-kampjuni jittieħdu f' T = 0).

[2] Ċiklu tat-testr: KEE R40 + EUDC (emissjonijiet imkejjla mill-modi kollha - il-kapjun jittieħdu f' T = 0), bil-veloċità massima ta' 120 km/h.

[3] L-emendi tekniċi neċessarji rrelatati ma' l-Appendiċi 1 u s-subappendiċi 1 u 4 ta' l-Anness lI tal-Kapitolu 5 ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati mhux aktar tard mill 1 ta' Ottubru 2002 in konformità mal-proċedura tal-Kumitat dwar l-Addattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi u dwar it-Tneħħija tal-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ fis-Settur tal-Vetturi bil-mutur, skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1).

--------------------------------------------------

Top