Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R0643

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2000 tat-28 ta’ Marzu 2000 dwar arranġamenti għall-użu tal-Euro għall-għanijet ta’ l-amministrazzjoni baġitarja tal-Fondi Strutturali

    ĠU L 78, 29.3.2000, p. 4–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/643/oj

    32000R0643



    Official Journal L 078 , 29/03/2000 P. 0004 - 0005


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2000

    tat-28 ta’ Marzu 2000

    dwar arranġamenti għall-użu tal-Euro għall-għanijet ta’ l-amministrazzjoni baġitarja tal-Fondi Strutturali

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 53(2) tiegħu,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jipprovdi li d-deċiżjonijiet, impenni u pagamenti tal-Kummissjoni jiġu denominati u magħmula f’euro bi qbil ma’ l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

    (2) Ir-rati ta’ kambju bejn il-euro u l-muniti nazzjonali ta’ l-Istati Membri li għandhom il-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom għandhom ikunu dawk iffissati b’mod irrevokabbli bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 [2]; bi qbil ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom, KEFA, KE) Nru 3418/93 tad-9 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 [3], kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni 1999/537/KE, KEFA, Euratom [4], għall-Istati Membri li ma għandhomx il-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom ir-rati ta’ kambju huma r-rati ta’ l-euro ta’ kull xahar maħduma fuq il-bażi tar-rati fis-seħħ dakinhar ta’ qabel l-aħħar ġurnata xogħol tax-xahar ta’ qabel ix-xaħar li għalih huma ssettjati r-rati; dawn ir-rati huma ppubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    (3) Bi qbil mad-disposizzjonijiet transizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għal kontribuzzjonijiet mogħtija taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jistabbilixxi disposizzjonijiet sabiex jimplimentaw ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kordinament ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom u mal-ħidmiet tal-Bank Ewropew ta’ Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra [5], kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KE) Nru 3193/94 [6], id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ħlasijiet stabbiliti firRegolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1866/90 tat-2 ta’ Lulju 1990 dwar arranġamenti għall-użu ta’ l-ecu għall-għanijet ta’ l-amministrazzjoni baġitarja tal-Fondi Strutturali [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2745/94 [8], għandhom jibqgħu jiġu applikati.

    (4) Il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 147 tat-Trattat, il-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali, u l-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akwakultura ġew ikkonsultati fuq dan ir-Regolament.

    (5) Il-miżuri ddettati f’dan ir-Regolament huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u Tibdil ta’ Reġjuni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Preżentazzjoni ta’ pjanijiet, applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet mill-Fondi u rapporti ta’ implimentazzjoni annwali u finali

    1. Il-pjanijiet ta’ żvilupp, il-pjanijiet ta’ finanzjament, l-applikazzjonijiet għal għajnuna u supplimenti tal-programm u r-rapporti annwali u finali li hemm referenza għalihom fir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni f’euro.

    2. Fir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali u finali, l-ammonti f’euro fid-dikjarazzjonijiet ta’ nfieq għandhom jikkorrispondu għall-ammonti f’euro miksubin bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    Pagamenti

    1. Dikjarazzjonijiet ta’ nfieq minħabba applikazzjonijiet ta’ pagamenti, iċċertifikati mill-awtorità ta’ ħlas bi qbil ma’ l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni f’euro.

    2. L-Istati Membri li ma għandhomx il-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom fid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ ħlas għandhom jaqilbu f’euro l-ammonti ta’ nfieq li jkunu daħlu fih f’munita nazzjonali, japplikaw ir-rati fis-seħħ fil-ġurnata ta’ qabel ta’ l-aħħar ta’ xogħol fil-Kummissjoni fix-xahar ta’ qabel ix-xahar li matulu tiġi rreġistrata l-ispiża fil-kontijiet ta’ l-awtorità ta’ ħlas responsabbli għall-kontribuzzjoni konċernata.

    3. Meta l-euro ssir il-munita nazzjonali ta’ Stat Membru, il-proċedura ta’ konverżjoni stabbilita fil-paragrafu ta’ qabel għandha tkompli tapplika għall-infieq kollu rreġistrat fil-kontijiet mill-awtorità ta’ ħlas qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tar-rata ta’ kambju stabbilita bejn il-munita nazzjonali u l-euro.

    Artikolu 3

    Revoka

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1866/90 huwa b’dan il-mezz revokat mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti fl-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul Brussell, fit-28 ta’ Marzu 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Michaele Schreyer

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

    [2] ĠU L 359, tal-31.12.1998, p. 1.

    [3] ĠU L 315, tas-16.12.1993, p. 1.

    [4] ĠU L 206, tal-5.8.1999, p. 24.

    [5] ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 1.

    [6] ĠU L 337, ta’ l-24.12.1994, p. 11.

    [7] ĠU L 170, tat-3.7.1990, p. 36.

    [8] ĠU L 290, tal-11.11.1994, p. 4.

    --------------------------------------------------

    Top