Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1618

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1618/1999 tat-23 ta' Lulju 1999 dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-istatistika strutturali tal-kummerċTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 192, 24.7.1999, p. 11–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1618/oj

    31999R1618

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1618/1999 tat-23 ta' Lulju 1999 dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-istatistika strutturali tal-kummerċTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    Official Journal L 192 , 24/07/1999 P. 0011 - 0013
    CS.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    ET.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    HU.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    LT.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    LV.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    MT.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    PL.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    SK.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90
    SL.ES Chapter 13 Volume 24 P. 88 - 90


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1618/1999

    tat-23 ta' Lulju 1999

    dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-istatistika strutturali tal-kummerċ

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-istatistika strutturali tal-kummerċ [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 410/98 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(vi) tiegħu,

    (1) Billi r-Regolament (KE, Euratom) Nru 58/97 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja dwar l-istruttura, l-attività, il-kompetittività u l-andament tal-kummerċ fil-Komunità;

    (2) Billi l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din l-istatistika u b'mod partikolari dwar il-kwalità u l-piż tagħha fuq il-kummerċ;

    (3) Billi huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-istatistika strutturali tal-kummerċ;

    (4) Billi l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

    L-Artikolu 1

    Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 58/97 huma speċifikati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 1999.

    Għall-Kummissjoni

    Yves-Thibault de Silguy

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 14, tas-17.1.1997, p. 1.

    [2] ĠU L 52, tal-21. 2.1998, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    INDIKATURI DWAR IL-KWALITÀ U KARATTERISTIĊI EWLENIJA

    It-Taqsima I

    L-għanijiet

    L-għan ta' dan l-Anness huwa li jistabbilixxi qafas komuni biex ikejjel ta' kull sena fil-livell tal-Komunità Ewropea l-kwalità ta' l-istatistika strutturali tal-kummerċ miġbura fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 58/97 dwar l-istatistika strutturali tal-kummerċ, minn issa' l quddiem imsejjaħ ir-Regolament SBS.

    It-Taqsima 2

    Il-kopertura

    1. L-indikaturi tal-kwalità u r-rapporti stabbiliti hawn taħt għandhom jiġu rapportati għall-attivitajiet kollha msemmija fit-Taqsima 3 ta' l-Anness 1 tar-Regolament SBS skond id-deroga stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2699/98 [1].

    2. L-informazzjoni stipulata f'dan l-Anness m'hemmx għalfejn tiġi rappurtata minn Stat Membru għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jekk l-ammont totali tal-valur miżjud f'factor cost f'dak l-Istat Membru normalment jirrappreżenta anqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea. Dan il-limitu għandu jkun applikat għal kull waħda mill-attivitajiet tan-NACE Rev 1 li għalihom huwa meħtieġ indikatur tal-kwalità jew rapport.

    It-Taqsima 3

    L-ewwel sena ta' referenza

    L-ewwel sena ta' referenza li dwarha l-informazzjoni mniżżla f'dan l-Anness għandha tkun rapportata hija s-sena kalendarja 1997. Jekk l-informazzjoni ma tkunx disponibbli għal din l-ewwwel sena ta' referenza matul iż-żmien għat-trasmissjoni kif stabbilit fit-Taqsima 4, il-paragrafu 2, is-sena ta' referenza l-aktar viċina lejn l-1997 li għaliha jkun hemm informazzjoni disponibbli għandha tintuża.

    It-Taqsima 4

    It-trasmissjoni ta' l-informazzjoni.

    1. L-indikaturi dwar il-kwalità u r-rapporti stabbiliti f'dan l-Anness għandhom ikunu trasmessi fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena kalendarja tal-perjodu ta' referenza.

    Dan il-perjodu tat-trasmissjoni jista' jkun estiż b'perjodu ekwivalenti għal żmien itwal konċess mill-Kummissjoni fir-Regolament (KE) Nru 2699/98, safejn dan iż-żmien itwal ikun jirrigwarda karatteristika prevista fit-Taqsima 5 ta' dan l-Anness.

    2. L-ewwel trasmissjoni ta' l-indikaturi ta' kwalità (it-taqsima 5, il-punti 1, 2, 3,u 4) u ta' rapporti (it-taqsima 6) għandhom isiru qabel it-tmiem ta' Diċembru 1999.

    It-Taqsima 5

    L-indikaturi ta' kwalità: il-koeffiċjent tal-varjazzjoni u r-rata ta' nuqqas ta' tweġiba

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw l-informazzjoni dwar il-karattersitiċi, il-livelli u s-serje kif speċifikat hawn isfel, skond kull deroga li setgħet ġiet konċessa għas-sena ta' referenza.

    Għal kull serje, karatteristika u livell ta' attività msemmija hawn taħt, l-Istat Membru għandu jirrapporta l-koeffiċjent globali tal-varjazzjoni, waqt li jqis, skond id-disinn ta' l-istħarriġ, in-nuqqas ta' tweġibiet, l-iżbalji ta' klassifikar ħażin u, jekk meħtieġ, l-iżbalji fit-teħid tal-kampjuni.

    Il-koeffiċjent tal-varjazzjoni huwa l-proporzjon ta' l-isquare root tal-varjazzjoni ta' l-istimatur imqabbel mal-valur mistenni.

    1. Serje 1A (statistiki annwali ta' l-intrapriżi):

    - sitt karatteristiċi (11 11 0; 12 11 0; 12 15 0; 13 31 0; 15 11 0; 16 13 0),

    - NACE Rev. 1: livell ta' 3 ċifri (gruppi) jew raggruppamenti ta' attivitajiet kif imsemmi fit-taqsima 9 ta' l-Anness 1 tar-Regolament SBS.

    2. Serje 1B (statistika annwali ta' l-intrapriżi skond id-daqs tal-klassi):

    - tliet karatteristiċi (11 11 0; 12 11 0; 12 15 0),

    - NACE Rev. 1: livell ta' 3 ċifri (gruppi) jew ragruppamenti kif imsemmi fit-taqsima 9 ta' l-Anness 1 tar-Regolament SBS u ragruppamenti ta' daqsijiet tal-klassijiet kif ġej. 1-19; 20-249; 250-999; > 1000.

    3. Serje 1Ċ (l-istatistika reġjonali annwali):

    - żewġ karatteristiċi (11 21 0; 13 32 0),

    - NACE Rev. 1: livell ta' 2 ċifri (diviżjonijiet) u NUTS 2.

    4. In-nuqqas ta' tweġiba ta' l-unità

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ir-rata ta' nuqqas ta' tweġiba ta' l-unità ta' l-istatistika permezz tal-livell ta' 3 ċifri NACE Rev. 1 jew tar-ragruppamenti kif imsemmi fit-taqsima 9 ta' l-Anness 1 tar-Regolament SBS.

    5. Ir-rata ta' nuqqas ta' tweġiba skond il-varjabbli

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ir-rata tan-nuqqas ta' tweġiba skond il-varjabbli permezz tal-livell ta' 3 ċifri NACE Rev. 1 jew tar-ragruppamenti kif imsemmi fit-taqsima 9 ta' l-Anness 1 tar-Regolament SBS għall-karatteristiċi: 12 11 0, 12 15 0, 13 31 0, 15 11 0, 16 13 0.

    It-Taqsima 6

    Ir-rapporti speċifiċi

    L-Istati Membi għandhom jittrasmettu żewġ rapporti speċifiċi kif imsemmi hawn taħt.

    1. L-istrateġija ta' l-istħarriġ

    Dan ir-rapport għandu ta' l-anqas jindika l-użu ta' ċensiment jew ta' kampjun kif ukoll l-użu ta' sorsi amministrattivi jew ta' stħarriġ statistiku għal kull sotto-popolazzjoni ta' intrapriżi.

    2. L-attività prinċipali

    Dan ir-rapport għandu jindika kif l-attività prinċipali tiġi determinata għall-unitajiet ta' osservazzjoni użati biex jikkompilaw ir-riżultati trasmessi lill-Eurostat taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament SBS. B'mod partikolari l-informazzjoni għandha tkun provduta fuq il-frekwenza ta' l-aġġornament ta' l-attività prinċipali ta' l-unità waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh jekk din tkunx koperta minn stħarriġ statistiku jew minn sors amministrattiv.

    It-Taqsima 7

    It-tixrid tad-data nazzjonali dwar il-kwalità mill-Eurostat

    Ebda data nazzjonali dwar il-kwalità ma għandha tkun ippubblikata mingħajr il-kunsens ta' l-Istat Membru.

    It-Taqsima 8

    Il-perijodu transitorju

    L-informazzjoni stabbilita fit-Taqsima 5, il-punt 5 mhix obbligatorja għall-ewwel sentejn ta' referenza, jiġifieri l-1997 u l-1998.

    [1] ĠU L 14, tas-17.1.1997, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top