Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1182

Ir-Regolament (KE) Nru 1182/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Mejju 1999 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 dwar statistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri bil-għan li tiġi mnaqqsa l-informazzjoni li għandha tingħata

ĠU L 144, 9.6.1999, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004; Impliċitament imħassar minn 32004R0683

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1182/oj

31999R1182



Official Journal L 144 , 09/06/1999 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament (KE) Nru 1182/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Mejju 1999

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 dwar statistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri bil-għan li tiġi mnaqqsa l-informazzjoni li għandha tingħata

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-13 ta' April 1999,

(1) Billi, skond ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 [4], il-Komunità u l-Istati Membri qegħdin jiġbru statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri (Intrastat) matul il-perjodu transitorju li jibda fl-1 ta' Jannar 1993 u li jagħlaq fid-data li fiha tibda taħdem sistema unifikata ta' tassazzjoni fl-Istati Membri fejn joriġinaw;

(2) Billi s-simplifikazzjoni ta' leġislazzjoni għas-suq intern, kif formulat fl-inizzjattiva SLIM (leġislazzjoni aktar sempliċi għas-suq intern), timmira biex ittejjeb il-kompetittività bejn l-intrapriżi u l-potenzjal ta' ħolqien ta' mpjiegi;

(3) Billi s-simplifikazzjoni tas-sistema Intrastat kienet magħżula bħala proġett pilota tas-SLIM, u l-proposti speċifiċi formulati mill-Grupp ta' Xogħol tas-SLIM-Intrastat bil-għan li jitnaqqas il-piż fuq dawk li jipprovdu informazzjoni statistika li kienu nklużi f'komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, ġew aċċettati minn dawk l-istituzzjonijiet;

(4) Billi l-limitazzjoni ta' l-informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet, waqt li jinżamm livell aċċettabbli ta' informazzjoni għal dawk li jagħmlu użu minnha, hu mezz prim sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jipprovdu informazzjoni statistika;

(5) Billi t-tneħħija tal-mezz ta' trasport u t-termini tal-kunsinna hija waħda minn dawn il-miżuri ta' simplifikazzjoni; billi, madanakollu, ir-rappurtaġġ dwar il-pajjiż ta' oriġini, ir-reġjun ta' oriġini u/jew ir-reġjun ta' destinazzjoni huma ta' benefiċċju partikolari għal ħafna utenti u għalhekk għandhom jinżammu;

(6) Billi huwa importanti li tiġi simplifikata n-nomenklatura magħquda sabiex tintuża fuq bażi uniformi kemm ġewwa l-Komunità u fil-kummerċ estern, sabiex issir aktar faċli li tiġi applikata s-sistema — b'mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; billi f'dan il-kuntest ir-riżultati tad-diskussjonijiet li qegħdin isiru, immexxija mill-Kummissjoni ma' l-Istati Membri u ma l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-kummerċ u ta' l-industrija fil-qafas tas-SLIM għandhom jiġu meqjusa, waqt li jinżamm il-prinċipju ta' nomenklatura waħda;

(7) Billi huwa meħtieġ għal ċerti Stati Membri li jitolbu r-rapurtaġġ ta' termini tal-kunsinna, il-mezz presunt tat-trasport u l-proċedura statistika; billi ċerti Stati Membri jistgħu jixtiequ li jkollhom rapporti oħra minbarra dawk meħtieġa għall-informazzjoni li jifforma parti mis-sistema statistika tal-Komunità; billi, madanakollu, huwa mixtieq li jkun hemm livelli li taħthom l-Istati Membri ma jistgħux jippreskrivu li l-informazzjoni statistika trid tkun skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 3330/91, sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(8) Billi, sabiex jiġu milħuqa l-aspettattivi ta' dawk li jipprovdu tagħrif statistiku u sabiex jiġu meqjusa l-istrutturi amministrattivi differenti ta' l-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jingħataw aktar flessibilità sabiex jistabbilixxu t-termini għat-trasmissjoni ta' dikjarazzjonijijet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-informazzjoni statistika meħtieġa mis-sistema Intrastat għandha ssir permezz ta' dikjarazzjonijiet perjodiċi li għandhom jintbagħtu mill-parti responsabbli biex tipprovdi t-tagħrif lid-dipartimenti nazzjonali kompetenti, taħt dawk il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni tistabbilixxi skond l-Artikolu 30."

2. L-Artikolu 23 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu (1), il-punti (f) u (g) għandhom jitħassru;

(b) il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"2. L-Istati Membri jistgħu jippreskrivu lill-informazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tiġi provduta fuq il-medjum ta' informazzjoni statistika:

(a) fl-Istati Membri tal-wasla, il-pajjiż ta' oriġini; madanakollu, dik l-informazzjoni tista' tiġi preskritta biss fil-limiti tal-liġi tal-Komunità;

(b) fl-Istat Membru li jibgħat, ir-reġjun ta' l-oriġini; fl-Istat Membru tal-wasla, ir-reġjun tad-destinazzjoni."

(ċ) il-paragrafu 3 isir il-paragrafu 4 u għandu jidħol il-paragrafu 3 ġdid li ġej:

"3. Fil-każ ta' fornituri ta' informazzjoni statistika li l-valur annwali ta' wasliet jew ta' tluq jaqa' taħt il-livelli ffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita taħt l-Artikolu 30, mhuwiex meħtieġ li informazzjoni apparti dik elenkata fil-paragrafi 1 u 2 tingħata għal dawk il-wasliet jew tluq fil-medjum dwar l-informazzjoni statistika.

Minbarra l-informazzjoni provduta fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward biss ta' min jipprovdi tagħrif statistiku bi tluq jew wasliet ta' valur annwali li jeċċedi l-livelli t'hawn fuq, jistabbilixxu li l-informazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tiġi provduta fuq il-medjum ta' informazzjoni ta' statistika:

(a) il-kundizzjonijiet dwar kunsinna;

(b) il-mezz presunt tat-trasport;

(ċ) il-proċedura statistika."

(d) il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

"5. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-pubblikazzjoni ta' lista ta' informazzjoni meħtieġa għal fornituri ta' informazzjoni statistika mill-Istati Membri, kif ukoll il-livelli msemmija fil-paragrafu 3, fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Mejju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU C 203, tat-3.7.1997, p. 10, emendat permezz ta' ĠU C 171, tal-5.6.1998, p. 12.

[2] ĠU C 19, tal-21.1.1998, p. 49.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' April 1998 (ĠU C 138, ta' l-4.5.1998, p.89). Pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Lulju 1998 (ĠU C 285, ta' l-14.9.1998, p. 1). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 98, tad-9.4.1999, p. 153). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 1999. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 1999.

[4] ĠU L 316, tas-16.11.1991, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3046/92 (ĠU L 307, tat-23.10.1992, p. 27).

--------------------------------------------------

Top