Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996D0469

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għal prevenzjoni tal-kanċerTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 192, 2.8.1996, p. 31–32 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/06/2014; Imħassar b' 32014D0604(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/469/oj

    31996D0469



    Official Journal L 192 , 02/08/1996 P. 0031 - 0032


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tat-30 ta' Lulju 1996

    li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għal prevenzjoni tal-kanċer

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (96/469/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi l-Komunità għandha tagħti kontribut biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa umana billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk neċessarju, tislef appoġġ għall-azzjonijiet tagħhom;

    Billi l-azzjoni tal-Komunità għandha tkun diretta lejn il-prevenzjoni ta' mard, li jinkludi l-kanċer, billi tippromovi riċerka fil-kawżi u fit-trasmissjoni tagħhom kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa;

    Billi, mis-sena 1986, bdew jinżammu laqgħat ta' esperti ta' livell għoli dwar il-kanċer, fil-qafas tal-Programm "Ftehim Ewropew dwar il-Kanċer"; billi dawn l-esperti dwar il-kanċer ikkostitwixxew grupp li jipprovdi konsulenza lill-Kummissjoni fuq l-aspetti xjentifiċi tal-kanċer;

    Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 1986 [1] tinnota l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta' l-Esperti tal-Kanċer dwar il-preparazzjoni ta' l-ewwel pjan ta' azzjoni kontra l-kanċer [2];

    Billi, skond id-Deċiżjoni 90/238/Euratom, KEFA, KEE tal-Kunsill u r-Rappreżentati tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill tas-17 ta' Mejju. 1990, li tadotta pjan ta' azzjoni 1990-1994 fil-kuntest tal-Programm "Ewropa Kontra l-Kanċer" [3], il-Kummissjoni għandha tinvolvi mill-qrib esperti dwar il-prevenzjoni tal-kanċer fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

    Billi d-Deċiżjoni Nru. 646/96/EC [4] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tadotta t-tielet pjan ta' azzjoni kontra l-kanċer 1996-2000, hi diretta lejn il-prevenzjoni tal-kanċer skond il-ħtiġiet ta' l-Artikoli 3(o) u 129 tat-Trattat;

    Billi l-premessi ma' din id-Deċiżjoni jistqarru li, biex ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha xjentifika neċessarja, il-Kummissjoni tikkopera ma' esperti xjentifiċi;

    Billi hu mportanti li tissaħħaħ il-bażi xjentifika fuq liema jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni;

    Billi, hu neċessarju għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza ġuridika, li tiġi formalizzata l-eżistenza ta' dan il-grupp;

    Billi għandha tiġi stabbilita l-komposizzjoni tal-grupp biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tad-direzzjoni u ta' l-iskop tal-programm l-"Ewropa Kontra l-Kanċer" fil-kuntest tat-tielet pjan ta' azzjoni kontra l-kanċer;

    Billi l-pariri xjentifiċi minn esperti Ewropej ta' livell għoli fil-prevenzjoni tal-kanċer għandhom ikunu magħmula kontinwament disponibbli f'forma ta' kumitat ta' natura konsultattiva stabbilit mill-Kummissjoni,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kumitat konsultattiv għal prevenzjoni tal-kanċer, hawnhekk iżjed il quddiem msejjaħ il-"Kumitat", hu hawnhekk stabbilit mill-Kummissjoni.

    Il-Kumitat għandu jkun kompost minn mhux iktar minn 15-il membru.

    Artikolu 2

    Il-Kumitat jista' jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni fuq il-kwistjonijiet kollha dwar:

    - data dwar il-kanċer, li tinkludi l-epidemjoloġija,

    - sejbien bikri tal-kanċer u screening tal-kanċer,

    - informazzjoni tal-pubbliku dwar il-prevenzjoni tal-kanċer,

    - aspetti rilatati mal-kanċer ta' l-edukazzjoni dwar is-saħħa fl-iskejjel,

    - proċedura ta' garanzija ta' kwalità fil-kontroll l-kanċer (li tinkludi l-kwistjoni ta' kwalità ta' ħajja għal pazjenti tal-kanċer u kura li ttaffi l-uġigħ),

    - aspetti preventivi li jistgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi tar-riżultati tar-riċerka fondamentali u klinika tal-kanċer imwettqa taħt il-programm Biomed u inizjattivi oħra ta' riċerka,

    - taħriġ għal professjonisti sanitarji fi kwistjonijiet li jirrilataw mal-kanċer.

    Artikolu 3

    1. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom jirrelataw ma' talbiet ta' opinjonijiet magħmula mir-rappreżentanti tas-Servizzi tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti tas-Servizzi tal-Kummissjoni, waqt li jitolbu l-opinjoni tal-Kumitat, jistgħu jistabbilixxu t-tul ta' żmien f'liema għandha tingħata l-opinjoni.

    2. Il-Kumitat m'għandux, fuq l-inizjattiva proprja tiegħu, jagħti opinjonijiet fuq kwistjonijiet li jidħlu fir-responsabbiltà tal-kumitati xjentifiċi l-oħra stabbiliti mill-Kummissjoni.

    3. Il-Kumitat għandu jagħmel kull mezz biex jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi tal-konsensus. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat m'għandhomx jiġu segwiti b'vot.

    4. Fejn l-opinjoni mitluba għandha l-qbil unanimu tal-membri tal-Kumitat, dan ta' l-aħħar għandu jistabbilixxi l-konklużjonijiet komuni. Fin-nuqqas ta' qbil unanimu, il-posizzjonijiet varji mittieħda fil-kors tad-deliberazzjonijiet għandhom jiddaħħlu f'rapport magħmul taħt il-patroċinju tar-rappreżentanti tas-Servizzi tal-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn esperti ta' livell għoli li għandhom il-kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 5

    Il-Kumitat għandu jaħtar president u żewġ viċipresidenti mill-membri tiegħu. L-elezzjoni għandha sseħħ b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti.

    Artikolu 6

    1. Il-funzjoni ta' membru ta' Kumitat għandha ddum tliet snin. Għandha tkun imġedda. Madankollu, il-president u l-viċipresidenti tal-Kumitat ma jistgħux jiġu rieletti immedjatament wara li jkunu fil-kariga għal żewġ perijodi konsekuttivi ta' tliet snin.

    Wara l-iskadenza taż-żmien tal-mandat tagħhom, il-membri tal-Kumitat jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu kkonfirmati jew mibdula bħala membri.

    M'għandux jiġi provdut ħlas għall-funzjonijiet eżerċitati.

    2. Meta membru tal-Kumitat ma jistax jaqdi dmirijietu, jew fil-każ ta' riżenja volontarja, hu għandu jiġi mibdul għall-bqija tal-mandat tiegħu skond il-proċedura prevista, skond il-każ, fl-Artikolu 4 jew 5.

    Artikolu 7

    Il-lista tal-membri għandha tiġi ppublikata kull tliet snin mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal skopijiet ta' informazzjoni.

    Artikolu 8

    1. Il-Kumitat jista' jifforma gruppi ta' ħidma li jitrattaw aspetti speċifiċi fl-oqsma tal-kompetenza msemmija fl-Artikolu 2, ppreseduti minn wieħed mill-membri tagħhom u komposti minn massimu ta' ħames personalitajiet xjentifiċi bi kwalifiki għolja. In-numru ta' gruppi ta' ħidma għandu jkun limitat għal massimu ta' ħamsa fi kwalunkwe ħin.

    2. Il-mandat tal-gruppi ta' ħidma għandu jkun stabbilit mill-Kumitat.

    Artikolu 9

    1. Il-Kumitat jew l-gruppi ta' ħidma għandhom jiltaqgħu fuq l-istedina ta' rappreżentant tas-Servizzi tal-Kummissjoni, ġeneralment fil-bini tal-Kummissjoni.

    2. Ir-rappreżentanti tas-Servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll uffiċjali oħra u aġenti interessati tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi ta'ħidma.

    3. Ir-rappreżentant tas-Servizzi tal-Kummissjoni jista' jistieden individwi b'kompetenza partikolari fuq is-suġġett diskuss biex jipparteċipa fil-laqgħat bħala osservaturi, fuq bażi temporanja jew permanenti.

    4. Is-Servizzi tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu s-segretarjat tal-Kumitat u tal-gruppi ta' ħidma.

    Artikolu 10

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu obbligati li ma jiżvelawx informazzjoni li jsiru jafu biha bħala riżultat tax-xogħol tal-Kumitat meta r-rappreżentant tas-Servizzi tal-Kummissjoni jinformahom li l-opinjoni mitluba tirrelata ma' materjal ta' natura konfidenzali.

    F'dan il-każ, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tas-Servizzi tal-Kummissjoni biss jistgħu jkunu preżenti fil-laqgħat.

    Artikolu 11

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmula fi Brussel, it-30 ta' Lulju 1996.

    Għall-Kummissjoni

    Pádraig Flynn

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU C 184, tat-23.7.1986, p. 19.

    [2] Deċiżjoni tal-Kunsill 88/351/KEE, ĠU L 160, tat-28.6.1988, p. 52.

    [3] ĠU L 137, tat-30.5.1990, p. 31.

    [4] ĠU L 95, tas-16.4.1996, p. 9.

    --------------------------------------------------

    Top