This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31994R0520
Council Regulation (EC) No 520/94 of 7 March 1994 establishing a Community procedure for administering quantitative quotas
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/94 tas-7 ta' Marzu 1994 li jistabblixxi proċedura tal-Komunità għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/94 tas-7 ta' Marzu 1994 li jistabblixxi proċedura tal-Komunità għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi
ĠU L 66, 10.3.1994, p. 1–6
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 14/08/2008: This act has been changed. Current consolidated version: 15/08/2008
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 31970R1023 | ||||
Repeal | 31970R1024 | ||||
Implicit repeal | 31973D0101(01) | Revoka parzjali | 14/03/1994 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 31994R0520R(01) | ||||
Implemented by | 31994R0738 | 31/03/1994 | |||
Implemented by | 31994R0747 | Implimentazzjoni | 15/03/1994 | ||
Implemented by | 31995R0657 | Implimentazzjoni | 29/03/1995 | ||
Modified by | 31996R0138 | Sostituzzjoni | artikolu 2.5 | 30/01/1996 | |
Modified by | 31996R0138 | Emenda | artikolu 19.1 | 30/01/1996 | |
Modified by | 32003R0806 | Sostituzzjoni | artikolu 22 | 05/06/2003 | |
Modified by | 32003R0806 | Sostituzzjoni | artikolu 23 | 05/06/2003 | |
Repealed by | 32008R0717 |
Official Journal L 066 , 10/03/1994 P. 0001 - 0006
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 29 P. 0111
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 29 P. 0111
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/94 tas-7 ta' Marzu 1994 li jistabblixxi proċedura tal-Komunità għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari Artikolu 113tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1023/70 tal-25 Mejju 1970 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi [1] stabbilixxa, għall-Komunità, proċedura għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi bażata fuq l-allokazzjoni tal-kwoti fost l-Istati Membri, li tista tfisser il-kompartimentalizzazjoni tas-suq tal-Komunità u kontrolli fil-fruntieri interni għall-prodotti konċernati; Billi skond Artikolu 7a tat-Trattat, is-suq intern huwa magħmul, mill-1 ta' Jannar 1993, minn firxa mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment ħieles tal-oġġetti, tan-nies, tas-servizzi u tal-kapital; Billi għalhekk għandha tiġi stabbilita sistema ġdida għall-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi f'konformità ma' dan il-għan u li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' politika kummerċjali komuni uniformi, skond il-linji ta' gwida esiġiti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej; Billi għandu jkun hemm għażla bejn bosta metodi ta' allokazzjoni, jiddependi fuq kriterji bħas-sitwazzjoni tas-suq tal-Komunità, it-tip ta' prodott konċernat, il-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiżi fornituri u l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, b'mod partikolari dawk li jaccettaw li jħallu għaddej in-negozju tradizzjonali; Billi l-amministrazzjoni tal-kwoti ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sistema ta' liċenzji maħruġa mill-Istati Membri skond il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fuq livell tal-Komunità; Billi l-proċeudra amministrattiva għandha tiżgura li l-applikanti kollha jkollhom aċċess imparzjali għall-kwoti, u billi d-dokumenti maħruġa għandhom ikunu b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu wżati fil-Komunità kollha; Billi huwa necessarju li jitwaqqaf kumitat biex jorganizza kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-għanijiet tal-implimentazzjoni ta' dan ir-regolament; Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u ta' dawk li jirregolaw l-implimentazzjoni tiegħu ma għandhomx jippreġudikaw regoli eżistenti nazzjonali u tal-Kommunità dwar sigrieti professjonali; Billi l-prodotti elenkati f'Anness II tat-Trattat, flimkien ma' tessuti u prodotti oħra li huma soġġetti għall-arranġamenti komuni speċifiċi tal-importazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-amministrazzjoni tal-kwota għandhom jitħallew barra mill-għan ta' dan ir-Regolament; Billi dan ir-Regolament għandu jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1023/70 u għalhekk dak ir-Regolament għandu jiġi imħassar; billi, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1024/70 [2], il-Kunsill applika r-Regolament (KEE) Nru 1023/70 għad-dipartimenti Franċiżi ‘l barra mill-pajjiż; billi ma hemmx bżonn aktar ta' regolament separat, sakemm id-dispożizzjonijiet komuni esiġiti f'dan ir-Regolament jgħoddu għat-territorju tal-Komunità fit-totalità kollha tagħhom, kif iddefiniti f'Artikolu 227 tat-Trattat; billi r-Regolament (KEE) Nru 1024/70 għalhekk għandu jiġi imħassar ukoll, ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT: PARTI I IL-PRINĊIPJI AMMINISTRATTIVI ĠENERALI Artikolu 1 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-kwoti kwantitattivi għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni, minn issa ‘l quddiem issir riferenza għalihom bħala "kwoti", sew jekk awtonomi sew jekk konvenzjonali, stabbiliti mill-Komunità. 2. Dan ir-Regolament ma jgħoddx għall-prodotti mniżżla f'Anness II tat-Trattat, u lanqas għal prodotti oħra li jkunu soġġetti għall-arranġamenti komuni u speċifiċi għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċjali għall-amministrazzjoni tal-kwota. Artikolu 2 1. Il-kwoti għandhom jiġu allokati fost l-applikanti kemm jista’ jkun malajr wara li jkunu nfetħu. Jista’ jkun deċiż, skond il-proċedura esiġiti f'Artikolu 23, li jiġu allokati f'bosta porzjonijiet. 2. Il-kwoti jistgħu, inter alia, jiġu amministrati, fost l-oħajn, billi jintuża wieħed mill-metodi segwenti, jew kombinazzjoni ta' dawn il-metodi: (a) metodu mfassal fuq iċ-ċirkolazzjoni ta' negozju tradizzjonali, skond Artikoli 6 sa 11; (b) metodu mfassal skond l-ordni ta' kif jidħlu l-applikazzjonijiet (fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel), skond Artikolu 12; (ċ) metodu li jalloka l-kwoti fi proporzjon tal-kwantitajiet mitluba meta jiġu mdaħħlin l-applikazzjonijiet (billi tintuża proċedura ta' "eżaminazzjoni simultanja"), skond Artikolu 13. 3. Il-metodu ta' allokazzjoni li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. 4. Jekk ikun ċar li l-ebda wieħed mill-metodi msemmija fil-paragrafu 2 ma jkun xieraq għat-talbiet speċifiċi ta' kwota li tkun ġiet miftuħa, il-Kummissjoni għandha tistabilixxi kwalunkwe metodu li jista' jkun xieraq skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. 5. Il-kwantitajiet li ma jkunux allokati, assenjati jew użati għandhom jitqassmu mill-ġdid skond Artikolu 14 fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jintużaw qabel ma jagħlaq il-perjodu kopert bil-kwota. 6. Minbarra fejn jiġu addottati dispożizzjonijiet oħra meta tiġi stabbilita l-kwota, ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa jew għall-esportazzjoni tal-prodotti soġġetti għal kwoti għandu jkun fuq il-kondizzjoni tal-preżentazzjoni tal-liċenzja għall-esportazzjoni jew għall-importazzjoni maħruġa mill-Istati Membri skond dan ir-Regolament. 7. L-Istati Membri għandom jaħtru l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti sabiex iwettqu miżuri implimentattivi li huma jkunu responsabbli għalihom taħt dan ir-Regolament. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtorità b'hekk maħtura. Artikolu 3 Il-Kummisjoni għandha tippubblika avviż li jħabbar il-ftuħ tal-kwoti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jistabbilixxi l-metodu ta' allokazzjoni magħżul, il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-applikazzjonijiet tal-liċenzji, il-limiti ta' żmien sabiex jiddaħħlu u l-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lil min għandhom jintbagħtu. Artikolu 4 1. L-importaturi u l-esportaturi kollha tal-Komunità, ikun xi jkun il-post fejn ikunu stabbiliti fil-Komunità, jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għal liċenzja waħda għal kull kwota jew porzjon ta' kwota lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri konċernati, miktuba fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru konċernat. Meta kwota tkun illimitata ma' reġjun jew ma' bosta reġjuni tal-Komunità, l-applikazzjoni għandha issir lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i tar-reġjun(i) konċernati. 2. L-applikazzjonijet għal liċenzji għandhom jingħataw skond l-arranġamenti stabbiliti fil-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Artikolu 5 Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-liċenzji li għandhom jinħarġu jkunu għal kwantitajiet sinifikattivi ekonomikament, wara li tikkunsidra in-natura tal-prodott kopert mill-kwota. PARTI II REGOLI SPEĊIFIĊI GĦALL-METODI AMMINISTRATTIVI DIFFERENTI Taqsima A Metodu bażat fuq ċirkolazzjonijiet ta' negozju tradizzjonali Artikolu 6 1. Meta l-allokazzoni tal-kwota tagħti każ ta' ċirkolazzjonijiet ta' negozju tradizzjonali, parti mill-kwota għandha tiġi merfugħa għall-importaturi jew għall-esportaturi tradizzjonali waqt li l-oħra għandha titħalla għall-importaturi jew għall-esportaturi l-oħra. 2. Importaturi jew esportaturi meqjusa bħala tradizzjonali huma dawk li jkunu kapaċi juru li matul il-kors ta' perjodu preċedenti, magħruf bħala "il-perjodu ta' riferenza" jkunu mportaw għal ġewwa l-Komunità jew esportaw minnha il-prodott jew il-prodotti koperti mill-kwota. 3. Il-parti mwarrba għall-importaturi jew għall-esportaturi tradizzjonali, il-perjodu ta' riferenza u l-parti allokata għall-applikanti l-oħra għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. 4. Sal-31 ta' Diċembru 1996, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-parti mwarrba għal applikanti oħra tħalli lok xieraq għas-sitwazzjoni maħluqa mill-eżistenza ta' restrizzjonijiet nazzjonali applikati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 288/82 tal-5 ta' Frar 1982 dwar ir-regoli komuni fuq importazzjonijiet [3] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3420/83 tal-14 ta' Novembru 1983 dwar arranġamenti ta' importazzjoni għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-pajjiżi li n-negozju jmexxuh huma bħala Stati, mhux liberalizzati fuq livell tal-Komunità [4]. 5. L-allokazzjoni għandha ssir skond il-prinċipji stabbiliti f'Artikoli 7 sa 11. Artikolu 7 Biex jikkwalifikaw għall-allokazzjoni ta' parti mill-kwota merfugħa għalihom, u sabiex jipprovdu evidenza għall-importazzjonijiet jew għall-esportazzjonijiet mwettqa matul il-perjodu ta' riferenza, importaturi jew esportaturi tradizzjonali għandhom idaħħlu ma' l-applikazzjonijiet tagħhom għal liċenzja: - kopja attestata tal-oriġinal tad-dħul f'ċirkulazzjoni ħielsa jew dikjarazzjoni ta' esportazzjoni magħmula f'isem l-importatur jew l-esportatur konċernat jew, fejn ikun applikabbli, dak tal-operatur li l-attivitajiet tiegħu jkunu ittieħdulu; - evidenza ekwivalenti oħra, kif stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom, fil-perjodu esiġit fl-avviż li jiftaħ il-kwota konċernata, jinformaw lill-Kummissjoni bin-numru u l-ammont f'daqqa tal-applikazzjonijiet għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni, imqassma skond dawk li jkunu ġejjin minn importaturi jew esportaturi tradizzjonali u l-importaturi jew l-esportaturi l-oħra, u bl-ammont tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni ta' qabel mwettqa mill-applikanti matul il-perjodu ta' riferenza. Artikolu 9 Il-Kummissjoni għandha tistħarreġ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fl-istess żmien u għandha tistabbilixxi l-kriterji kwantitattivi li għandhom jiġu sodisfatti mill-applikazzjonijiet tal-importaturi jew tal-esportaturi tradizzjonali kif segwit: - jekk l-applikazzjonijiet f'daqqa jkunu daqs jew anqas mill-ammont merfugħ għall-importaturi jew għall-esportaturi tradizzjonali, l-applikazzjonijiet jiġu milqugħin għal kollox, - jekk l-applikazzjonijiet f'daqqa jaqbżu l-ammont merfugħ għall-importaturi jew għall-esportaturi tradizzjonali, l-applikazzjonijiet jiġu milqugħin fuq bażi pro rata, maħdum fuq skond kemm ikun is-sehem ta' kull applikant tal-importazzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet, - jekk b'dan il-kriterju kwantitattiv ikunu allokati ammonti akbar milli jkunu saru applikazzjonijieti għalihom, il-kwantitajiet żejda jitqassmu skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 14. Artikolu 10 Il-parti mill-kwota merfugħa għall-importaturi jew għall-esportaturi mhux tradizzjonali għandha tiġi allokata skond Artikolu 12. Artikolu 11 Jekk ma jaslux applikazzjonijiet mill-importaturi jew mill-esportaturi tradizzjonali, l-importaturi jew l-esportaturi li japplikaw jieħdu l-kwota kollha jew il-porzjon konċernat. F'każijiet bħal dawn, l-allokazzjoni għandha ssir skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 12. Taqsima B Il-metodu bażat fuq l-ordni li biha jiddaħħlu l-applikazzjonijiet Artikolu 12 1. Jekk kwota jew porzjon ta' kwota jiġi allokat fuq il-bażi ta' "min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel", il-Kummisjoni għandha tapplika l-proċedura esiġita f'Artikolu 23 biex tistabbilixxi l-kwantità li l-operaturi jkunu intitolati għaliha sakemm tiġi eżawrita l-kwota. F'li tiġi stabbilita din il-kwantità, l-istess għall-operaturi kollha, wieħed irid jagħti kas għall-ħtieġa li jiġu assenjati kwantitajiet sinnifikanti ekonomikament wara li tiġi kkunsidrata l-għamla tal-prodott konċernat. 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu kkontrollaw il-bilanċ tal-Komunità li jkun baqa' disponibbli, għandhom jassenjaw għal kull importatur jew kull esportatur il-kwantità stabbilita skond paragrafu 1. 3. Meta l-pussessuri ta' liċenzja jkunu jistgħu jagħtu prova li huma jkunu tabilħaqq importaw jew esportaw il-kwantità kollha li għaliha tkun inħarġitilhom il-liċenzja, jew parti li tkun stabbilita skond il-proċedura esiġita f′ Artikolu 23, jistgħu idaħħlu applikazzjoni għal liċenzja ġdida. Din l-applikazzjoni tiġi pproċessata skond l-istess kondizzjonijiet ta' qabel. Din il-proċedura tista, tiġi rrepetuta sakemm tiġI eżawrita l-kwota. 4. Biex tiżgura li l-applikanti jkollhom aċċess indaqs għall-kwota, il-Kummissjoni trid tispeċifika d-dati u l-ħinijiet għall-aċċess għall-bilanċ disponibbli tal-Komunità fl-avviż li jiftaħ il-kwota. Taqsima Ċ Il-metodu li bih jiġu allokati l-kwoti skond il-kwantitajiet mitluba Artikolu 13 1. Meta kwota tiġi allokata skond il-kwantitajiet li jkunu saru applikazzjonijiet għalihom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet tal-liċenzji li jkunu waslulhom b'konformità mad-dati tal-għeluq u l-kondizzjonijiet imwaqqfa skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Din l-informazzjoni għandha tispeċifika n-numru tal-applikanti u l-kwantitajiet flimkien li jkunu saru applikazzjonijiet għalihom. 2. Skond id-data tal-għeluq stabbilita skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni pprovduta fl-istess ħin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u għandha tistabbilixxi l-kwantità tal-kwota jew tal-porzjonijiet konċernati u li għalihom, l-awtoritajiet imsemmija, għandhom joħorġu l-liċenzji għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni. 3. Meta l-applikazzjonijiet għal-liċenzji f'daqqa jkunu daqs il-kwantità tal-kwota konċernata, jew inqas, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu milqugħin kollha. 4. Meta l-applikazzjonijiet f'daqqa jaqbżu l-kwantità tal-kwota konċernata, għandhom jiġu milqugħin b'mod proporzjonali, skond il-kwantitajiet li jkunu saru applikazzjonijiet għalihom. Taqsima D L-allokazzjoni tal-kwantitajiet għat-tqassim mill-ġdid Artikolu 14 1. Il-kwantitajiet għat-tqassim mill-ġdid għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri skond Artikolu 20. 2. Meta fil-bidu, il-kwota tiġi allokata skond il-metodu esiġit f′ Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha żżid mill-ewwel il-kwantitajiet għat-tqassim mill-ġdid ma' l-ammonti li jkunu għadhom disponibbli, jew tużahom sabiex toħloq mill-ġdid il-kwota jekk tal-aħħar tkun ġiet eżawrita. 3. Meta fil-bidu, il-kwota tiġi allokata b'metodu ieħor, il-kwantitajiet għat-tqassim mill-ġdid għandhom jiġu assenjati skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż ieħor fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. PARTI III IR-REGOLI DWAR IL-LIĊENZJI TA' IMPORTAZZJONI JEW TA' ESPORTAZZJONI Artikolu 15 1. Meta il-metodu li jintuża jkun dak esiġit f'Artikolu 12, l-Istati Membri għandhom joħorġu l-liċenzji mill-ewwel malli jiġi vverifikat il-bilanċ disponibbli tal-Komunità. 2. F'każijiet oħra: - il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtoritajiet fl-Istati Membri, fi żmien li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23, bil-kwantitajiet li għalihom huma joħorġu l-liċenzji għall-applikanti varji. Għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom; - l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jridu joħorġu liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni fi żmien għaxart ijiem xogħol min-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni; - dawn l-awtoritajiet għandhom jinformaw lill-Kummissjoni li l-liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni jkunu nħarġu. Artikolu 16 Il-ħruġ tal-liċenzji jista' jkun magħmul fuq it-tpoġġija ta' garanzija, skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Artikolu 17 1. Il-liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodotti li jkunu soġġetti għall-kwoti u għandhom ikunu validi għall-Komunità kollha, ikun xi jkun il-post ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni msemmi fl-applikazzjonijiet mill-operaturi. Meta l-kwota tkun illimitata għal reġjun wieħed jew għal bosta reġjuni tal-Komunità, il-liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni għandhom ikunu jgħoddu biss fl-Istat(i) Membru/i tar-reġjun/i msemmi(ja). 2. Il-perjodu ta' validità tal-liċenzji ta' importazzjoni jew tal-esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jkun ta' erba' xhur. Madankollu, jista' jkun hemm perjodu differenti ta' validità skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. 3. Il-pussessuri ta' liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni jistgħu, fuq talba, jiksbu xi siltiet minnhom mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-liċenzji fl-Istati Membri konċernati. Dawn is-siltiet għandu jkollhom l-istess effetti legali tal-liċenzji mnejn ikunu ttieħdu, sal-kwantità li għalihom jkunu nħarġu l-liċenzji. 4. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni, il-liċenzji u s-siltiet għandhom jiġu miktuba fuq il-formoli li jikkonformaw ma' l-abbozz li l-karatteristiċi tiegħu għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Artikolu 18 Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom ikunu addottati skond il-proċedura mniżżla f'Artikolu 23, il-liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni u s-siltiet minnhom ma jistgħux jiġu mislufa jew trasferiti, kemm fuq ħlas u kemm mingħajr ħlas, mill-persuna li d-dokument ikun inħareġ f'ismha. Artikolu 19 1. Il-liċenzji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni jew is-siltiet minnhom li jkunu mhux użati kollha kemm huma jew parti minnhom, ħlief f'każijiet ta' force majeure, għandhom jintbagħtu lura lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mill-inqas fi żmien għaxart ijiem xogħol minn meta tagħlaq id-data. 2. Meta l-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni jkun fuq il-kondizzjoni ta' tpoġġija ta' garanzija, il-garanzija għandha tintilef, ħlief f'każijiet ta' force majeure, meta l-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ġie sodisfatt. Artikolu 20 L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mill-ewwel malli jkunu mgħarrfa, u jkun xi jkun il-kas, mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data ta' għeluq tal-liċenzji, bil-kwantitajiet tal-kwoti assenjati u mhux użati, bil-ħsieb li wara jerġgħu jiġI mqassma skond Artikolu 2(5). Artikolu 21 L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, fl-aħħar ta' kull xahar, bil-kwantitajiet tal-prodotti soġġetti għal kwoti li jkunu ġew importati jew esportati matul ix-xahar ta' qabel. PARTI IV DISPOSIZZJONIJIET FINALI Artikolu 22 Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Artikolu 23 1. Meta ssir riferenza għall-proċedura mniżżla f'dan Artikolu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta abbozz tal-miżuri li għandhom jttieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu ta' żmien li l-president jista' jesiġi skond l-urġenza tal-ħaġa. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza esiġita f'Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ li jaddotta skond il-proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati skond il-proċedura stabbilita f'dak Artikolu. Il-president ma għandux jivvota. 2. (a) Il-Kummissjoni għandha taddotta miżuri li għandhom jgħoddu mill-ewwel. (b) Madankollu, jekk il-miżuri ma jaqblux mal-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill mill-ewwel. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet fuqhom għal perjodu ta' mhux aktar minn xahar mid-data ta' komunikazzjoni bħal din. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien imsemmi fis-sotto-paragrafu ta' qabel. Artikolu 24 Il-proċeduri sabiex ikun applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 23. B′ mod partikolari għandhom jistabbilixxu l-implimentazzjoni tal-metodi tal-allokazzjoni, l-informazzjoni li għandha tiġI mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-miżuri maħsuba sabiex jiżguraw konformità ma dan ir-Regolament. Artikolu 25 1. L-informazzjoni li tasal għand il-Kunsill, għand il-Kummissjoni jew għand l-Istati Membri skond dan ir-Regolament tista' tintuża biss għall-iskopijiet li għalihom kienet mitluba. 2. Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u dawk kollha li jkunu qegħdin jaġixxu f'isimhom, ma jistgħux jgħaddu informazzjoni li fir-rigward tagħha tkun saret talba issostanzjata kif dovut għal trattament kunfidenzjali, ħlief meta tingħata l-awtorizzazzjoni espressa mill-parti li tkun qegħda tgħaddi l-informazzjoni. 3. Dan Artikolu ma għandux ma jħallix lill-awtoritajiet tal-Komunità milli jikxfu informazzjoni ta' natura ġenerali, b'mod partikolari r-raġunijiet li fuqhom jittieħdu d-deċiżjonijiet skond dan ir-Regolament, jew bħala evidenza wżata minnhom sabiex isaħħu l-argumenti tagħhom f'każ ta' proċeduri legali. Kxif bħal dan għandu jagħti kas tal-interess leġittimu tal-partijiet konċernati f'li tinżamm il-kunfidenzjalità kummerċjali. Artikolu 26 L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa u għandhom jikkoperaw fit-tħaddim ta' dan ir-Regolament. Il-proċeduri għat-tifrix tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni għandhom, fejn ikun hemm il-bżonn, jiġu stabbiliti skond il-proċedura esiġita f'Artikolu 23. Artikolu 27 Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1023/70 u (KEE) Nru 1024/70 huma hawnhekk imħassra. Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra jridu jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Artikolu 28 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jkun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Marzu 1994. Għall-Kunsill Il-President Th. Pangalos [1] ĠU L 124, tat-8.6.1970, p. 1. Ir-regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni tal-1985. [2] ĠU L 124, tat-8.6.1970, p. 5. [3] ĠU L 35, tad-9.2.1982, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir- Regolament (KEE) Nru 2875/92 (ĠU L 287, tat-2.10.1992, p. 1). [4] ĠU L 346, tat-8.12.1983, p. 6. Regolament (KEE) Nru 2456/92 (ĠU No L 252, tal-31.8.1992, p. 1). --------------------------------------------------