Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0331

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 1988 li temenda d-Direttiva 83/181/KEE li tistabbilixxi l-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva 77/388/KEE rigward eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerta merkanzija

ĠU L 151, 17.6.1988, p. 79–81 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/11/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/331/oj

31988L0331



Official Journal L 151 , 17/06/1988 P. 0079 - 0081
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0003


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta' Ġunju 1988

li temenda d-Direttiva 83/181/KEE li tistabbilixxi l-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva 77/388/KEE rigward eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerta merkanzija

(88/331/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-arranġamenti għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud dwar ċerti importazzjonijiet, kif preskritti fid-Direttiva 83/181/KEE [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 85/346/KEE [4], jirreferu għall-iktar grad ta' uniformità possibbli bejn is-sistema tad-dazji doganali u dik tat-taxxa fuq il-valur miżjud; billi l-Kunsill, bir-Regolament (KEE) Nru 1315/88 [5], adotta emendi għas-sistema tad-dazji doganali; billi huwa xieraq li uħud minn dawn l-emendi jiġu inkorporati fid-Direttiva 83/181/KEE, sakemm u safejn jilħqu l-għanijiet ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa;

Billi d-Direttiva 83/181/KEE tistabbilixxi mhux biss l-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 84/386/EEC [7], imma hija wkoll immirata sabiex tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar it-taxxa, b'mod speċifiku, regoli dwar l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni finali ta' merkanzija, liema regoli jmorru lil hinn mill-iskop ta' l-Artikolu msemmi; billi dawn ir-regoli għandhom jiġu emendati jew supplimentati b'tali mod li jiġu applikati b'mod aktar uniformi fil-livell tal-Komunità;

Billi, fl-interess taċ-ċarezza legali, il-mod kif inhu mqiegħed il-kliem fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 83/181/EEC għandu jsir aktar eżatt.,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 83/181/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 11(2) huwa mibdul b'dan li ġej:

"2. Għandha wkoll tingħata eżenzjoni rigward ir-rigali li hija d-drawwa li jingħataw fl-okkażjoni taż-żwieġ minn persuni li għandhom il-post tar-residenza normali tagħhom f’pajjiż lokat barra mill-Komunità u li jiġu riċevuti minn persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti fil-paragrafu 1. L-eżenzjoni għandha tapplika għal rigali b’ valur ta' mhux iktar minn 200 Ecu għal kull unità. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jikkonċedu eżenzjoni għal iktar minn 200 Ecu sakemm il-valur ta' kull oġġett eżentat ma jaqbiżx l-1000 Ecu."

2. L-Artikolu 22 huwa mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 22

Merkanzija li l-valur totali tagħha ma jaqbiżx l-10 Ecu għandha tkun eżentata mad-dħul fil-pajjiż. L-Istati Membri jistgħu jikkonċedu eżenzjoni għall-merkanzija importata li l-valur totali tagħha jkun iktar minn 10 Ecu iżda liema valur ma jaqbiżx it-22 Ecu.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu merkanzija li tkun ġiet importata b'ordni postali mill-eżenzjoni preskritta fl-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu."

3. Fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 35(1)(b) il-kliem "l-Artikolu 60(1)(b)" huwa mibdul bil-kliem "l-Artikolu 60".

4. "Kapitolu IIa

Sustanzi ta' riferenza għall-kontroll tal-kwalità ta' prodotti mediċi

Artikolu 38(a)

Il-konsenji li jkun fihom kampjuni ta' sustanzi ta' riferenza approvati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-kontrolli tal-kwalità tal-materjali użati fil-fabbrikazzjoni ta' prodotti mediċinali u li jkunu indirizzati lil persuni awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jirċievu dawn il-konsenji mingħajr taxxa, għandhom ikunu eżenti mad-dħul fil-pajjiż."

5. Dan li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 56:

"(d) Premjijiet, trofej u tifkiriet ta' natura simbolika u ta' valur limitat maħsuba sabiex jitqassmu bla ħlas lil persuni normalment residenti f'pajjiż ieħor, jiġifieri mhux il-pajjiż li fih issir l-importazzjoni, f'konferenzi kummerċjali jew okkażjonijiet internazzjonali simili; in-natura tagħhom, il-valur ta' kull unità tagħhom jew karatteristiċi oħra, ma jridux ikunu tali li jistgħu jindikaw illi huma maħsuba għal għanijiet kummerċjali."

6. L-Artikoli 62 u 63 huma mibdula b'dan li ġej:

"Artikolu 62

Bla ħsara għall-Artikolu 63, materjal stampat ta' pubbliċità bħalma huma katalgi, listi ta' prezzijiet, direzzjonijiet dwar l-użu jew fuljetti għandhom ikunu eżenti mad-dħul jekk ikollhom x’jaqsmu ma’:

(a) merkanzija għall-bejgħ jew għall-kiri minn persuna stabbilita barra mill-Istat membru ta' l-importazzjoni, jew

(b) servizzi offruti minn persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, jew

(ċ) trasport, assigurazzjoni kummerċjali jew servizzi bankarji offruti minn persuna stabbilita f'pajjiż terz.

Artikolu 63

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 62 għandha tkun limitata għal avviżi pubbliċitarji stampati li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-materjal stampat irid juri biċ-ċar l-isem ta' l-impriża li tipproduċi, tbiegħ jew tikri l-merkanzija, jew li toffri s-servizzi li għalihom tirreferi;

(b) kull konsenja jrid ikun fiha mhux iktar minn dokument wieħed jew kopja waħda ta' kull dokument jekk tkun magħmula minn numru ta' dokumenti. Il-konsenji li jkun fihom numru ta' kopji ta' l-istess dokument jistgħu madankollu jingħataw eżenzjoni jekk il-piż gross totali tagħhom ma jaqbiżx kilogramma;

(ċ) il-materjal stampat ma jridx ikun is-suġġett ta' konsenji magħmula fi gruppi mill-istess kunsinnatarju għal għand l-istess riċevitur.

Madankollu, il-kondizzjonijiet taħt (b) u (ċ) ma għandhomx japplikaw għal materjal stampat li għandu x'jaqsam ma’ merkanzija li tkun jew għall-bejgħ jew għall-kiri jew ma’ servizzi offruti minn persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor sakemm dan il-materjal stampat ikun wieħed importat, u li ħa jiġi mqassam mingħajr ħlas."

7. Dan li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 79:

"(s) l-importazzjonijiet ta' pubblikazzjonijiet uffiċjali maħruġa bl-awtorità tal-pajjiż ta' l-esportazzjoni, ta' istituzzjonijiet internazzjonali, ta' awtoritajiet reġjonali jew lokali u ta' organi stabbiliti permezz tal-liġi pubblika fil-pajjiż ta' l-esportazzjoni, u materjal stampat imqassam fl-okkażjoni ta' l-elezzjonjonijiet għall-Parlament Ewropew jew fl-okkażjoni ta' l-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż li fih joriġina l-materjal stampat, minn organizzazzjonijiet politiċi barranija magħrufa uffiċjalment bħala tali fl-Istati Membri, safejn u sakemm dawn il-pubblikazzjonijiet u materjal stampat kienu suġġetti għat-taxxa fil-pajjiż ta' l-esportazzjoni u ma bbenifikawx mir-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni."

8. "Karburanti u lubrikanti preżenti f'vetturi bil-mutur ta' l-art u f'kontenituri speċjali"

.

9. L-Artikolu 82 huwa mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 82

1. Bla ħsara għall-Artikoli 83, 84 u 85, dawn li ġejjin għandhom ikunu eżenti mad-dħul fil-pajjiż:

(a) il-karburant li jkun fit-tankijiet standard ta':

- vetturi bil-mutur privati jew kummerċjali u ta' motoċikletti;

- kontenituri speċjali;

(b) il-karburant f'tankijiet li jistgħu jinġarru minn post għall-ieħor u li jkunu f'vetturi bil-mutur privati u fuq motoċikletti, sa massimu ta' 10 litri għal kull vettura u dan mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żamma u l-ġarr tal-karburant.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a) "vettura bil-mutur kummerċjali" tfisser kull vettura tat-triq li taħdem b'mutur (inklużi t-trekters li jkollhom trejlers magħhom) li, skond it-tip ta' għamla u skond it-tagħmir, hija disinjata għal u kapaċi iġġorr, kemm jekk bil-ħlas u kemm jekk le:

- iktar minn disa’ persuni inkluż is-sewwieq,

- merkanzija,

u kull vettura bil-mutur tat-triq li tintuża għal għan speċjali u mhux għal trasport bħala tali;

(b) "vettura bil-mutur privata" tfisser kull vettura bil-mutur li mhix koperta bid-definizzjoni mogħtija fl-(a);

(ċ) "tankijiet standard" tfisser:

- it-tankijiet li jkunu mwaħħlin b'mod permanenti mill-manifattur fuq il-vetturi bil-mutur kollha ta' l-istess tip bħall-vettura fil-kwistjoni u li permezz tat-twaħħil permanenti tiegħhom il-karburant jintuża direttament, kemm għall-propulsjoni u kemm, fejn japplika, għall-ħidma, matul it-trasport, tas-sistemi ta' tkessiħ u ta' sistemi oħra.

It-tankijiet tal-petrol imwaħħla fuq il-vetturi bil-mutur u disinjati għall-użu dirett tal-petrol bħala karburant u t-tankijiet imwaħħla ma’ sistemi anċillari li bihom tista’ tkun mgħammra l-vettura għandhom ukoll jiġu meqjusa bħala tankijiet standard,

- it-tankijiet imwaħħla permanentement mill-manifattur fuq il-kontenituri kollha ta' l-istess tip bħall-kontenitur involut fil-kwistjoni u li t-twaħħil permanenti tiegħu jgħin sabiex il-karburant jintuża direttament għall-ħidma, matul it-trasport, tas-sistemi ta' tkessiħ u ta' sistemi oħra li bihom ikunu mgħammra l-kontenituri speċjali;

(d) "kontenitur speċjali" jfisser kull kontenitur mgħammar b'apparat speċjali disinjat għal sistemi ta' tkessiħ, sistemi ta' ossiġenizzazzjoni, sistemi ta' iżolazzjoni termika, jew sistemi oħra."

10. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 83 huwa emendat kif ġej:

- fid-Daħla, il-kelmiet "u kontenituri speċjali" jiddaħħlu wara l-kelmiet "vetturi bil-mutur kummerċjali",

- wara l-(b), jiżdied dan li ġej:

- "(ċ) għal 200 litru għal kull kontenitur speċjali u għal kull vjaġġ."

11. Dan li ġej huwa miżjud ma' l-Artikolu 90(3):"… jew għal tnaqqis f'din l-eżenzjoni."

12. Dan li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 91:

"(ċ) l-eżenzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim konklużi a bażi ta' reċiproċità ma’ pajjizi terzi li huma Partijiet Kontrattanti tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (Chicago 1944) bil-għan li jiġu implimentati l-Prattiċi Rakkommandati 4.42 u 4.44 fl-Anness 9 tal-Konvenzjoni (it-tmien edizzjoni, Lulju 1980)."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1989. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Stoltenberg

[1] ĠU C 318, tat-30.11.1987, pġ. 21.

[2] ĠU C 180, tat-8.7.1987, pġ. 14.

[3] ĠU L 105, tat-23.4.1983, pġ. 38.

[4] ĠU L 183, tas-16.7.1985, pġ. 21.

[5] ĠU L 123, tas-17.5.1988, pġ. 2.

[6] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1.

[7] ĠU L 208, tat-3.8.1984, pġ. 58.

--------------------------------------------------

Top