EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31987R3954

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta’ Diċembru, 1987, li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika

ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/02/2016; Imħassar b' 32016R0052

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/3954/oj

31987R3954



Official Journal L 371 , 30/12/1987 P. 0011 - 0013
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 8 P. 0030
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 8 P. 0030


Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87

tat-22 ta’ Diċembru, 1987,

li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, magħmula fuq il-parir ta’ grupp ta’ esperti maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi skond l-Artikolu 2(b) tat-Trattat il-Kunsill għandu jistabbilixxi standards uniformi ta’ sigurtà biex iħarsu s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali, u biex jassigura li dawn ikunu applikati, kif hemm stabbilit ukoll fit-Titolu Tnejn, Kapitolu III tat-Trattat;

Billi, fit-2 ta’ Frar, 1959, il-Kunsill adotta Direttivi [4], li jistabbilixxu standards bażiċi ta’ sigurtà, li t-test tagħhom kien sostitwit b’dak tad-Direttiva 80/836/Euratom [5], kif emendata bid-Direttiva 84/467/Euratom [6], u billi skond l-Artikolu 45 ta’ dik id-Direttiva Stati Membri għandhom jistabbilixxu livelli ta’ intervent meta jinqala’ aċċident;

Billi, wara l-aċċident ta’ l-istazzjon ta’ l-enerġija nukleari ta’ Chernobyl fis-26 ta’ April, 1986, kwantità konsiderevoli ta’ materjali radjoattivi ħarġet fl-atmosfera, li kkontaminat ikel u għalf f’ħafna pajjiżi Ewropej f’livelli sinifikanti fil-qasam tas-saħħa;

Billi, il-Komunità adottat miżuri [7] biex tassigura li ċerti prodotti agrikoli jidħlu biss fil-Komunità skond arranġamenti komuni li jħarsu s-saħħa tan-nies waqt li jżommu l-għaqda tas-suq u jevitaw tagħwiġ tal-kummerċ;

Billi jeħtieġ li titwaqqaf sistema li tippermetti lill-Komunità, wara aċċident nuklearu jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li jista’ jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjoattiva sinifikanti ta’ ikel u għalf, li tistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazjoni radjoattiva għall-ħarsien tan-nies;

Billi l-Kummissjoni tkun mgħarrfa b’aċċident nukleari jew b’livelli għolja mhux tas-soltu ta’ radjoatività permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru, 1987, dwar arranġamenti tal-Komunità għal bdil malajr ta’ informazjoni f’każ ta’ emerġenza radjoloġika [8], jew permezz tal-Konvenzjoni dwar Notifika Malajr ta’ Aċċident Nukleari tas-26 ta’ Settembru, 1986;

Billi l-Kummissjoni għandha tadotta minnufih, jekk ikun meħtieġ skond iċ-ċirkostanzi, regolament li jagħmel applikabbli livelli massimi permissibbli stabbiliti minn qabel;

Billi, skond informazzjoni disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, livelli derivati ta’ referenza kienu ġew stabbiliti u dawn jistgħu jintużaw bħala bażi biex ikunu stabbiliti livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva li għandhom ikunu applikati minnufih wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li jista’ jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazjoni radjoattiva sinifikanti ta’ ikel u għalf;

Billi dawn il-livelli massimi permissibbli iqisu kif imiss il-pariri xjentifiċi l-iktar riċenti li jkun hemm fil-mument fuq livell internazjonali, waqt li jirriflettu l-ħtieġa li jserrħu moħħ il-pubbliku u jevitaw li jkun hemm diverġenzi fil-prattika regolatorja internazzjonali;

Billi, iżda, huwa meħtieġ li jitqiesu kif imiss il-kondizzjonijiet partikolari li japplikaw u, għalhekk, li tkun stabbilita proċedura li tippermetti li jkun hemm addattament malajr ta’ dawn il-livelli stabbiliti minn qabel għal livelli massimi permissibbli li jkunu xierqa fiċ-ċirkostanzi ta’ aċċident nukleari partikolari jew ta’ kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li jista’ jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjoattiva sinifikanti ta’ ikel jew għalf;

Billi l-adozzjoni ta’ Regolament li jagħmel applikabbli livelli massimi permissibbli żżomm ukoll l-għaqda tas-Suq Komuni u tevita tagħwiġ tal-kummerċ fil-Komunità;

Billi, sabiex jeħfief l-addattament ta’ livelli massimi permissibbli, għandu jkun hemm proċeduri li bihom tkun tista’ ssir konsultazzjoni ma’ esperti, inkluż il-Grupp ta’ Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat;

Billi l-ħarsien ta’ livelli massimi permissibbli għandu jkun verifikat kif jixraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabblixxi l-proċedura biex jitqiesu l-livelli massimi permissibli ta’ kontaminazjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf li jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li jista’ jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazjoni radjoattiva sinifikanti ta’ ikel u għalf.

2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, "oġġetti ta’ ikel" tfisser prodotti li jistgħu jittieklu mill-bniedem minnufih jew wara pproċessar, u "għalf" tfisser prodotti li jistgħu jittieklu biss mill-annimali.

Artikolu 2

1. Fil-każ li l-Kummissjoni tirċievi - partikolarment skond l-arranġamenti tal-Komunità għal bdil malajr ta’ informazjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika jew skond il-Konvenzjoni IAEA tas-26 ta’ Settembru, 1986, dwar notifika malajr ta’ aċċident nukleari - informazjoni uffiċjali dwar aċċidenti jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, li turi li l-livelli massimi permissibbli fl-Anness jistgħu jintlaħqu jew li jkunu ntlaħqu, hija għandha tadotta minnufih, jekk ikun meħtieġ fiċ-ċirkostanzi, Regolament li jagħmlu applikabbli dawk il-livelli maxximi permissibbli.

2. It-terminu ta’ validità ta’ kull regolament skond it-tifsira tal-paragrafu 1 għandhu jkun qasir kemm jista’ jkun u m’għandux jaqbeż it-tliet xhur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(4).

Artikolu 3

1. Wara konsultazzjoni ma’ esperti, li għandha tinkludi l-Grupp ta’ Esperti ta’ l-Artikolu 31, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill proposta għal Regolament biex jadatta jew jikkonferma d-disposizzjonijiet tar-Regolament imsemmi fl-Artikolu 2(1) fi żmien xahar mill-adozzjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha, meta tibgħat il-proposta għar-Regolament imsemmi fil-Paragrafu 1, tqis l-i standards bażiċi stabbiliti skond l-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat, inkluż il-prinċipju li l-esposizzjonijiet kollha għandhom jinżammu raġonevolment baxxi kemm jista’ jkun, billi tqis l-aspett tal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali u fatturi ekonomiċi u soċjali.

3. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni b’maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta għal Regolament imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 fit-terminu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 2(2).

4. Fil-każ li l-Kunsill ma jiddeċidix f’dak it-terminu ta’ żmien, il-livelli stabbiliti fl-Anness għandhom jibqgħu japplikaw sakemm il-Kunsill jiddeċiedi jew sakemm il-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha għax il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) ma jkunux aktar japplikaw.

Artikolu 4

Il-terminu ta’ validita ta’ kull Regolament skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun limitat. Dan it-terminu għandu jkun rivedut fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

1. Sabiex ikun assigurat li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti fl-Anness iqisu kull informazzjoni xjentifika ġdida li tkun disponibbli, il-Kummissjoni għandha minn żmien għall-ieħor, tieħu l-opinjoni ta’ esperti, magħdud il-Grupp ta’ Esperti skond l-Artikolu 31.

2. Fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, il-livelli massimi permissibli stabbiliti fl-Anness jistgħu jkunu riveduti jew miżjuda meta tintbagħat proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 31 tat-Trattat.

Artikolu 6

1. Ikel u għalf li ma jkunux skond il-livelli massimi permissibbli stabbiliti f’Regolament adottat skond l-Artikoli 2 jew 3 m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ikel jew għalf importati minn pajjiżi terzi għandhom jitqiesu li tqiegħdu fis-suq jekk, fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, dawn jgħaddu minn proċedura tad-dwana li ma tkunx proċedura ta’ passaġġ.

2. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, partikolarment każi fejn ma jitħarsux il-livelli massimi permissibbli. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 7

Regoli biex ikun applikat dan ir-Regolament, u lista ta’ ikel sekondarju, flimkien mal-livelli massimi li japplikaw għalihom, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 [9], li għandu japplika b’analoġija. Għal dan il-fini għandu jitwaqqaf kumitat ad hoc.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 22 ta’ Diċembru, 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Wilhjelm

[1] ĠU C 174, tat-2.7.1987, pġ. 6.

[2] Opinjoni mogħtija fis-16 ta’ Diċembru, 1987 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 180, tat-8.7.1987, pġ. 20.

[4] ĠU C 11, ta’ l-20.2.1959, pġ. 221/59.

[5] ĠU L 246, tas-17.9.1980, pġ. 1.

[6] ĠU L 265, tal-5.10.1984, pġ. 4.

[7] Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1707/86 (ĠU L. 146, tal- 31.5.1986, pġ. 88;) (KEE) Nru 3020/86, (ĠU L 280, ta’ l-1.10.1986, pġ. 79;) (KEE) Nru 624/87, (ĠU L 58, tat-28.2.1987, pġ. 101;) (KEE) Nru 3955/87, (Ara paġna 14 tal-Ġurnal Uffiċjali).

[8] Ara paġna 76 tal-Ġurnal Uffiċjali.

[9] ĠU L 148, tat-28.6.1968, pġ. 13.

--------------------------------------------------

ANNESS

LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI GĦAL IKEL U GĦALF

| Ikel tat-trabi | Prodotti tal- ħalib | Ikel ieħor minbarra ikel sekondarju | Ikel likwidu | Għalf |

Isotopi ta’ l-istronzju partikolarment Sr-90 | | 125 | 750 | | |

Isotopi tal-jodju partikolarment I -131 | | 500 | 2000 | | |

Isotopi tal-plutonju u element tal-plutonju b’radjazzjoni alfa, partikolarment Pu-239, Am 241 | | 20 | 80 | | |

Nuklidi oħra kollħa li żmienhom bin-nofs jaqbeż 10 jiem, partikolarment Cs-134, Cs-137 | | 1000 | 1250 | | |

--------------------------------------------------

Top