EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31977D0706

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 1977 dwar l-iffissar ta’ mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi

ĠU L 292, 16.11.1977, p. 9–10 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/05/2015; Imħassar b' 32015D0632

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1977/706/oj

31977D0706



Official Journal L 292 , 16/11/1977 P. 0009 - 0010
Finnish special edition: Chapter 12 Volume 1 P. 0180
Greek special edition: Chapter 10 Volume 1 P. 0126
Swedish special edition: Chapter 12 Volume 1 P. 0180
Spanish special edition: Chapter 12 Volume 3 P. 0031
Portuguese special edition Chapter 12 Volume 3 P. 0031


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-7 ta’ Novembru 1977

dwar l-iffissar ta’ mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi

(77/706/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEW

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 103(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-istabbiliment ta’ politika komuni dwar l-enerġija huwa wieħed mill-objettivi li l-Komunità ffissat għaliha nfisha; billi l-Kummissjoni għandha tipproponi l-miżuri li għandhom jittieħdu għal dan l-iskop;

Billi l-istabbiliment ta’ solidarjetà ġenwina bejn l-Istati Membri fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ provvista huwa wieħed mill-ħtiġiet bażiċi għall-politika ta’ l-enerġija tal-Komunità;

Billi l-Kunsill għadda d-Direttiva 73/238/KEE ta’ l-24 Lulju 1973 dwar miżuri biex jimmitigaw l-effetti ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi [1];

Billi l-Kunsill għadda d-Direttiva 68/414/KEE ta’ l-20 Diċembru 1968 li timponi obbligazzjoni fuq l-Istati Membri ta’ KEE sabiex iżommu ħażniet minimi ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi [2], kif emendata bid-Direttiva 72/425/KEE [3];

Billi fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ provvista, l-konsum ta’ l-enerġija fil-Komunità għandu jiġi mnaqqas skond ix-xejra ta’ disponibilità li tista’ tiġi prevista u l-irtirar li jkun possibbli mill-ħażniet ta’ emerġenza;

Billi huwa meħtieġ li tiġi stipulata mira komuni sabiex tissalvagwarda l-unità tas-suq u jiġi żgurat li dawk kollha li jużaw l-enerġija fil-Komunità jġorru sehem ġust mid-diffikultajiet li jinqalgħu mill-kriżi;

Billi, waqt li jieħdu miżuri sabiex jilħqu l-mira tal-Komunità għat-tnaqqis fil-konsum ta’ l-enerġija, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-istruttura tas-swieq partikolari tagħhom,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Fejn jinqalgħu diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess u wara li tikkonsulta l-grupp li hemm provdut dwaru fid-Direttiva 73/238/KEE, tista’ tiffissa mira għat-tnaqqis tal-konsum ta’ prodotti petroliferi fil-Komunità kollha kemm hi sa 10 % tal-konsum normali. Din id-deċiżjoni għandha tkun applikabbli għal massimu ta’ xahrejn.

2. Sabiex tissalvagwarda l-unità tas-suq u tiżgura li l-konsumaturi kollha ta’ l-enerġija fil-Komunità jġorru s-sehem ġust tagħhom mid-diffikultajiet li jinqalgħu mill-kriżi, l-Kummissjoni:

(a) għandha fl-għeluq tal-perjodu ta’ xahrejn u fil-limiti stipulati fil-paragrafu 1, tipproponi lill-Kunsill mira ġdid għal:

- prodotti petroliferi li ma humiex sostitwibbli, espressi bħala perċentwali tal-konsum ta’ dawn il-prodotti,

- prodotti petroliferi li huma sostitwibbli, espressi bħala perċentwali tal-konsum tas-sorsi kollha sostitwibbli ta’ l-enerġija,

(b) fil-każ ta’ defiċit akbar, tista’ tipproponi lill-Kunsill li l-mira għat-tnaqqis fil-konsum teċċedi l-10 % u tiġi estiża għal forom oħra ta’ l-enerġija.

3. Il-kwantitajiet ta’ prodotti ta’ żejt mhux raffinat li jiġu ffrankati bħala riżultat tat-tnaqqis differenzjat tal-konsum li hemm provdut dwaru fil-paragrafu 2 għandhom jiġu mqassma bejn l-Istati Membri.

4. Il-Kunsill għandu fi żmien għaxart ijiem jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar kull proposta mill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5. Fejn l-intervent tal-Kummissjoni jkun ġie mitlub minn Stat Membru, l-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta tirċevi dik it-talba.

6. Kull Stat Membru jista’ jirreferi lil-Kunsill kull Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa mira għal’tnaqqis fil-konsum. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fi żmien għaxart ijiem minn meta l-każ jiġi riferit lilu, jista’ jirrevoka jew jemenda dik id-deċiżjoni.

7. Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni għandhom japplikaw malli l-Istati Membri jkunu ġew notifikati dwarhom.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom ta’ prodotti ta’ żejt mhux raffinat u/jew konsum ta’ enerġija kollu kemm hu jew b’mill-inqas sehemhom mil-mira tat-tnaqqis skond l-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħuda skond l-Artikolu 2 malli dawn jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 4

1. Jekk, wara li tikkonsulta l-grupp li hemm provdut dwaru fid-Direttiva 73/238/KEE jew skond il-bażi ta’ l-informazzjoni mgħoddija minn Stat Membru, l-Kummissjoni ssib li s-sitwazzjoni dwar provvisti ta’ żejt u prodotti ta’ żejt mhux raffinat fi Stat Membru wieħed jew aktar ma tiġġustifikax aktar li jkomplu jiġu applikati l-miżuri biex jitnaqqas il-konsum:

(a) hija għandha tiddeċiedi li temendhom jew tirrevokhom jekk il-miżuri jkunu ġew introdotti permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni;

(b) hija għandha tipproponi li l-Kunsill jemendhom jew jirrevokhom jekk il-miżuri jkunu ġew introdotti permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill.

2. Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda skond il-paragrafu 1 (a) għandhom jidħlu fis-seħħ malli l-Istati Membri jkunu ġew notifikati dwarhom. Kull Stat Membru jista’ jirreferi lil-Kunsill kull Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda jew tirrevoka l-miżuri biex jitnaqqas il-konsum.

3. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fi żmien għaxart ijiem minn meta l-każ jiġi riferit lilu.

Artikolu 5

Wara li tikkonsulta l-Istati Membri, l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, fis-7 ta’ Novembru 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Humblet

[1] ĠU L 228, tas-16.9.1973, p. 1.

[2] ĠU L 308, tat-23.12.1968, p. 14.

[3] ĠU L 291, tat-28.12.1972, p. 154.

--------------------------------------------------

Top