Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023X0417(06)

    Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar

    PUB/2023/427

    ĠU L 102, 17.4.2023, p. 93–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 102/93


    DIKJARAZZJONI UNILATERALI MIR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

    tal-24 ta’ Marzu 2023

    dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar

    Ir-Renju Unit ifakkar fl-impenn tiegħu li jiżgura sistema robusta ta’ sorveljanza tas-suq u infurzar fil-kuntest tal-arranġamenti uniċi miftiehma mal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Qafas ta’ Windsor (1) biex jiġi protett il-kummerċ fis-suq intern tar-Renju Unit, u l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità tas-suq intern u l-unjoni doganali tal-Unjoni Ewropea.

    Ir-Renju Unit jissottolinja li jrid ikun hemm infurzar robust biex jiġi żgurat li n-negozjanti ma jkunux qed jabbużaw minn dawn l-arranġamenti kummerċjali interni ġodda tar-Renju Unit biex jittrasportaw il-merkanzija fl-Unjoni Ewropea.

    Sorveljanza tas-suq

    Ir-Renju Unit jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-sorveljanza tas-suq, u l-ħidma tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra, biex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, ir-Renju Unit ser ikompli jiżgura li dawk l-awtoritajiet iwettqu programm ta’ attivitajiet li jixprunaw is-sikurezza u l-konformità, inkluż li jaħdmu man-negozji biex jiżguraw li jkunu konxji tal-obbligi tagħhom, jivvalutaw id-dokumentazzjoni u jivverifikaw il-prodotti fis-suq fejn rilevanti.

    Ir-Renju Unit ser ikompli:

    jibni l-kapaċità u l-kapaċità fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra;

    itejjeb il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza tal-prodotti;

    jiżgura li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom is-setgħat meħtieġa biex iwettqu attività ta’ monitoraġġ effettiv fil-kuntest tal-fruntiera internazzjonali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea;

    jappoġġa attivitajiet ibbażati fuq ir-riskju u bbażati fuq l-intelligence mill-awtoritajiet rilevanti, inklużi awditi, spezzjonijiet u kontrolli fuq il-post xierqa, biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli;

    juża intelligence u ġbir ta’ data robusti biex jiżgura bażi ta’ evidenza dettaljata għall-identifikazzjoni ta’ riskji emerġenti, inkluż ta’ movimenti possibbli fl-Unjoni Ewropea;

    juża informazzjoni preċiża u dettaljata biex tinforma d-deċiżjonijiet ta’ politika u ta’ infurzar; u

    jikkondividi u jirċievi informazzjoni permezz ta’ kwalunkwe sistema tal-IT rilevanti dwar l-attivitajiet ta’ konformità tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra.

    Ir-Renju Unit ser ikompli jappoġġa wkoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fi swieq oħra, permezz tal-Uffiċċju Uniku ta’ Kollegament għas-sorveljanza tas-suq.

    Infurzar

    Infurzar robust mhux ser jinvolvi verifiki jew kontrolli ġodda fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, iżda ser ifisser attività msaħħa mill-awtoritajiet rilevanti tar-Renju Unit, f’konformità mal-aħjar prattika internazzjonali, mal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn xieraq, sabiex jiġu protetti s-suq intern tar-Renju Unit u s-suq intern u l-unjoni doganali tal-Unjoni Ewropea, u jiġu indirizzati b’mod robust l-attività illegali u l-kuntrabandu, inkluż minn gruppi kriminali organizzati.

    Fir-rigward tal-merkanzija soġġetta għal regoli sanitarji u fitosanitarji, is-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet ta’ infurzar ser ikomplu jtejbu l-proċeduri speċifiċi stabbiliti fir-regoli applikabbli għad-dħul ta’ din il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ser isaħħaħ l-attività tiegħu ta’ monitoraġġ u infurzar biex jimmaniġġja b’mod effettiv ir-riskji li jirriżultaw mill-merkanzija ttrasportata f’pakketti, filwaqt li jirrikonoxxi d-dipendenza partikolari tal-konsumaturi fuq dawk il-movimenti.

    Ir-Renju Unit ser iżomm ukoll ir-reġim b’saħħtu tiegħu ta’ pieni għall-kummerċ illegali u l-attivitajiet ta’ kuntrabandu. Dan ser jinżamm taħt reviżjoni mill-qrib, bil-ħsieb li jiżdiedu l-penali relatati mal-abbuż ta’ dawn ir-regoli l-ġodda billi l-merkanzija tiġi ttrasportata fl-Unjoni Ewropea jekk ikun meħtieġ biex ikun hemm deterrent ulterjuri.

    Ir-Renju Unit ser jieħu azzjoni effettiva, dissważiva u proporzjonata fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità potenzjali. Dan ser jinkludi analiżi tar-riskju, azzjoni ta’ konformità bbażata fuq ir-riskju u valutazzjonijiet tar-riskju kontinwi tal-popolazzjonijiet tan-negozjanti, mirfuda minn sanzjonijiet u penali.


    (1)  Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023.


    Top