Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D1035

Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-10 ta' April 2019 tal-Kumitat Konġunt tal-FSE tal-UE-Ġappun [2019/1035]

ĠU L 167, 24.6.2019, p. 81–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1035/oj

24.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/81


DEĊIŻJONI Nru 1/2019

tal-10 ta' April 2019

TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-FSE TAL-UE-ĠAPPUN [2019/1035]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAL-FSE TAL-UE-ĠAPPUN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (il-FSE bejn l-UE u l-Ġappun) u b'mod partikolari s-subparagrafu 4(e) tal-Artikolu 22.1, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.6, u l-Artikolu 21.30 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont is-subparagrafu 4(e) tal-Artikolu 22.1 tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess;

(2)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.6, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-Proċedura ta' Medjazzjoni; kif ukoll

(3)

Skont l-Artikolu 21.30, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura ta' Bord u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Arbitri,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness I;

Il-Proċedura ta' Medjazzjoni, kif stabbilita fl-Anness II;

Ir-regoli ta' Proċedura ta' Bord fl-Anness III; kif ukoll

Il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Arbitri kif stabbilit fl-Anness IV,

huma b'dan adottati.

Iffirmata f'Tokyo, fl-10 ta' April 2019.

Għall-Kumitat Konġunt tal-FSE tal-UE-ĠAPPUN

F'isem il-Ġappun

Taro KONO

F'isem l-UE

Cecilia MALMSTRÖM


ANNESS 1

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT SKONT IL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠAPPUN GĦAL SĦUBIJA EKONOMIKA

Artikolu 1

Kompożizzjoni u Presidenza

1.   Il-Kumitat Konġunt li huwa stabbilit permezz tal-ewwe1 paragrafu tal-Artikolu 22.1 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (minn issa 'l quddiem jissejjaħ “il-Ftehim”) ser iwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 22.1 tal-Ftehim u ser ikun responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-operat ġenerali tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt ser ikun kompost mir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Ġappun u, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 22.1 tal-Ftehim, ser ikun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun.

3.   Il-kopresidenti jistgħu jkunu rrappreżentati mid-delegati rispettivi tagħhom kif previst fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 22.1 tal-Ftehim. Kwalunkwe referenza sussegwenti f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għall-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt trid tinftiehem li tinkludi d-delegati tagħhom.

4.   Il-kopresidenti jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Il-listi tal-uffiċjali li jattendu l-laqgħa għal kull Parti se jiġu skambjati permezz tal-Punti ta' Kuntatt qabel il-laqgħa.

5.   Bi qbil reċiproku, il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li jistiednu lil osservaturi jew lil esperti indipendenti fuq bażi ad hoc.

Artikolu 2

Punti ta' Kuntatt

1.   Il-Punti ta' Kuntatt deżinjati skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 22.6 tal-Ftehim (minn issa 'l quddiem jissejħu “l-Punti ta' Kuntatt”) jikkoordinaw il-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.

2.   L-iskambji kollha ta' korrispondenza u komunikazzjonijiet bejn il-Partijiet fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat Konġunt u l-laqgħat tiegħu se jitwettqu permezz tal-Punti ta' Kuntatt skont is-subparagrafu 2(c) tal-Artikolu 22.6 tal-Ftehim.

3.   Il-Punti ta' Kuntatt ser ikunu responsabbli għall-koordinazzjoni tal-preparazzjonijiet tal-aġenda provviżorja, tal-abbozzi tad-deċiżjonijiet u tal-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll għall-korrispondenza u għall-komunikazzjoni bejn il-Kumitat Konġunt u l-kumitati speċjalizzati, il-gruppi ta' ħidma u korpi oħra stabbiliti skont dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Aġenda

1.   Se titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa b'mod konġunt mal-Punti ta' Kuntatt u, flimkien mad-dokumenti rilevanti, tingħadda lill-parteċipanti tal-Kumitat Konġunt mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

2.   Kull waħda mill-Partijiet tista' tipproponi punti għall-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

3.   Il-Partijiet jistgħu, bi qbil reċiproku, inaqqsu l-perjodi ta' żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 biex jitqiesu r-rekwiżiti ta' każ partikolari.

4.   L-aġenda se tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu tal-laqgħa tiegħu. Aspetti oħra barra minn dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

Artikolu 4

Lingwa ta' Ħidma

Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-korrispondenza u l-komunikazzjonijiet kollha bejn il-Partijiet fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll il-preparazzjoni ta' u d-deliberazzjonijiet dwar deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet ser isiru bl-Ingliż.

Artikolu 5

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt, skont l-Artikolu 22.2 tal-Ftehim, se jittieħdu b'kunsens. Dawn jistgħu jiġu adottati permezz ta' proċedura bil-miktub bl-iskambju ta' noti bejn il-Kopresidenti tal-Kumitat.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kumitat Konġunt se jiġu assenjati numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u titolu li jirreferi għas-suġġett tagħhom.

Artikolu 6

Minuti Konġunti

1.   Bħala regola ġenerali, l-abbozz tal-minuti konġunti se jinkludi l-aġenda finali u sommarju tad-diskussjonijiet taħt kull punt tal-aġenda.

2.   L-abbozzi tal-minuti konġunti ta' kull laqgħa se jitfasslu mill-Punti ta' Kuntatt, mill-aktar fis iżda mhux aktar tard minn 60 jum mid-data tal-laqgħa.

3.   L-abbozzi tal-minuti konġunti se jiġu approvati bil-miktub mill-Partijiet mill-aktar fis mhux aktar tard minn 70 jum mid-data tal-laqgħa. Ladarba jiġu approvati, il-Punti ta' Kuntatt jiffirmaw żewġ kopji tal-minuti u kull Parti tirċievi kopja oriġinali waħda ta' dawn id-dokumenti. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta' kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Artikolu 7

Pubbliċità u konfidenzjalità

1.   Sakemm fil-Ftehim ma jiġix speċifikat mod ieħor jew il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt mhumiex ser ikunu miftuħa għall-pubbliku.

2.   Meta Parti tissottometti informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali jew protetta kontra d-divulgazzjoni skont il-liġijiet tagħha u r-regolamenti tal-Kumitat Konġunt jew kwalunkwe kumitat speċjalizzat, grupp ta' ħidma jew korp ieħor stabbilit skont il-Ftehim, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali kif previst fl-Artikolu 1.6 tal-Ftehim.

3.   Kull Parti tista' tagħmel pubblika, bi kwalunkwe mezz xieraq, l-aġenda finalizzata bejn il-Partijiet qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, il-minuti konġunti approvati mfassla skont l-Artikolu 6, skont l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' hawn fuq. Kull Parti tiżgura li d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-interpretazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jiġu ppubblikati.

Artikolu 8

Spejjeż

Kull Parti trid tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab minħabba l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt. L-ispejjeż fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-laqgħat ser iġġarrabhom il-Parti li torganizza l-laqgħa. Fil-każ ta' laqgħa li sseħħ barra mill-Unjoni Ewropea jew mill-Ġappun, il-Partijiet jiddeċiedu b'kunsens reċiproku dwar ir-responsabbiltajiet għall-ispejjeż imġarrba għall-organizzazzjoni tal-laqgħa permezz ta' kunsens reċiproku.


ANNESS 2

PROĊEDURA TA' MEDJAZZJONI

I.   Objettiv

1.

L-objettiv tal-proċedura ta' medjazzjoni skont l-Artikolu 21.6 tal-Ftehim, kif previst f'dan id-dokument, huwa li jiffaċilita s-sejbien ta' soluzzjoni li jintlaħaq qbil fuqha b'mod reċiproku permezz ta' proċedura komprensiva u rapida bl-assistenza ta' medjatur.

II.   Definizzjonijiet

2.

Għall-finijiet ta' dan id-dokument:

(a)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

(b)

“Kodiċi tal-Kondotta” tfisser il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Arbitri msemmija fl-Artikolu 21.30 tal-Ftehim;

(c)

“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju;

(d)

“Kumitat Konġunt” tfisser il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 22.1 tal-Ftehim;

(e)

“Parti rikjesta” tfisser il-Parti li għaliha tkun indirizzata t-talba għad-dħul fi proċedura ta' medjazzjoni skont l-Artikolu 21.6 tal-Ftehim;

(f)

“Parti rikjedenti” tfisser il-Parti li titlob biex tidħol fi proċedura ta' medjazzjoni skont l-Artikolu 21.6 tal-Ftehim; kif ukoll

(g)

“Regoli ta' Proċedura” tfisser ir-Regoli ta' Proċedura ta' Bord kif issir referenza għalihom fl-Artikolu 21.30 tal-Ftehim.

III.   Bidu tal-proċedura ta' medjazzjoni

3.

Parti tista' titlob fi kwalunkwe waqt, li l-Partijiet jidħlu fi proċedura ta' medjazzjoni. Din it-talba għandha tiġi indirizzata lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-talba għandha tkun dettaljata biżżejjed li l-Parti l-oħra tifhem b'mod ċar it-tħassib tal-Parti li titlob il-proċedura ta' medjazzjoni. Fit-talba tagħha, il-Parti rikjedenti għandha tiddeskrivi l-kwistjonijiet involuti billi:

(a)

tidentifika l-miżura speċifika;

(b)

tipprovdi dikjarazzjoni tal-effetti negattivi allegati li l-Parti rikjedenti temmen li l-miżura għandha, jew se jkollha, fuq il-kummerċ jew l-investiment bejn il-Partijiet; kif ukoll

(c)

tispjega r-rabta kawżali bejn il-miżura u l-effetti negattivi fuq il-kummerċ u fuq l-investiment bejn il-Partijiet.

4.

Normalment Parti tkun mistennija tagħmel użu minn kwalunkwe dispożizzjoni ta' kooperazzjoni jew ta' konsultazzjoni rilevanti tal-Ftehim qabel ma tindirizza talba bil-miktub lill-Parti l-oħra skont il-paragrafu 3. Għal ċertezza akbar, konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 21.5 tal-Ftehim mhumiex meħtieġa qabel il-bidu tal-proċedura ta' medjazzjoni.

5.

Il-proċedura ta' medjazzjoni tista' tinbeda biss permezz ta' ftehim reċiproku tal-Partijiet sabiex jiġu esplorati soluzzjonijiet maqbula b'mod reċiproku u jitqies kwalunkwe parir u soluzzjoni proposti mill-medjatur. Il-Parti rikjesta għandha tagħti konsiderazzjoni simpatetika lit-talba u twieġeb billi taċċettaha jew billi tirrifjutaha bil-miktub fi żmien 10 ijiem mill-wasla tagħha. Jekk il-Parti rikjesta ma tweġibx fi żmien dan il-perjodu ta' żmien, it-talba għandha titqies bħala rifjutata. Id-data tal-irċevuta mill-Parti rikjedenti tar-risposta ta' aċċettazzjoni tal-Parti rikjesta għandha titqies bħal d-data tal-bidu tal-proċedura ta' medjazzjoni.

IV.   Għażla tal-medjatur

6.

Il-Partijiet għandhom jagħmlu sforz biex jaqblu dwar medjatur mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data tal-bidu tal-proċedura ta' medjazzjoni.

7.

Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-medjatur fil-perjodu ta' żmien previst fil-paragrafu 6, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, il-kopresident tal-Kumitat Konġunt mill-Parti rikjedenti, jew in-nominat tagħhom, fi żmien ħamest ijiem mit-talba, għandhom jagħżlu b'lott, il-medjatur mis-sottolista ta' presidenti stabbilita skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21.9 tal-Ftehim. It-talba għandha tiġi kkuppjata lill-Parti l-oħra.

8.

L-uffiċċju ddeżinjat mill-Parti rikjedenti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-lott, u għandu jinforma lill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt, minn qabel, dwar id-data, il-ħin u l-post tal-lott. Il-kopresident mill-Parti rikjesta, jista' jkun preżenti jew jista' jkun irrappreżentat minn persuna oħra meta jsir il-lott. Ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet jistgħu jkunu preżenti wkoll. F'kull każ, il-lott issir bil-Parti jew bil-Partijiet li jkunu preżenti.

9.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-medjatur ma għandux ikun ċittadin ta' waħda mill-Partijiet u lanqas ma għandu jkun impjegat minn waħda mill-Partijiet.

10.

Il-medjatur, b'mod imparzjali u trasparenti, għandu jassisti lill-Partijiet biex dawn jiċċaraw il-kwistjoni involuta, inklużi l-effetti possibbli tal-miżura speċifika dwar il-kummerċ jew l-investiment, u l-ilħiq ta' soluzzjoni maqbula reċiprokament.

11.

Il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Arbitri adottat mill-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 21.30 tal-Ftehim, għandu japplika għall-medjatur mutatis mutandis.

V.   Regoli tal-proċedura ta' medjazzjoni

12.

Fi żmien 10 ijiem mid-data li fiha jkun intlaħaq qbil dwar il-medjatur skont il-paragrafu 6 jew ikun intgħażel skont il-paragrafu 7, il-Parti rikjedenti għandha tissottometti, bil-miktub, lill-medjatur u lill-Parti rikjesta deskrizzjoni dettaljata tal-kwistjoni involuta, inkluż kif il-miżura speċifika hija applikata jew tiġi applikata u kif taffettwa l-kummerċ jew l-investiment. Fi żmien 20 jum mid-data tal-preżentazzjoni ta' din is-sottomissjoni, il-Parti rikjesta tista' tipprovdi bil-miktub il-kummenti tagħha għad-deskrizzjoni. Fid-deskrizzjoni jew fil-kummenti tagħha, kull parti tista' tinkludi kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti.

13.

Il-medjatur jista' jiddeċiedi dwar l-aktar mod xieraq ta' kif il-kwistjoni involuta tiġi ċċarata, inklużi l-effetti possibbli tal-miżura speċifika fuq il-kummerċ jew l-investiment. Il-medjatur, b'mod partikolari, jista' jorganizza laqgħat bejn il-Partijiet, jikkonsulta lill-Partijiet b'mod konġunt jew b'mod individwali, u jipprovdi kwalunkwe appoġġ addizzjonali mitlub mill-Partijiet. Il-medjatur jista' jfittex ukoll l-assistenza ta', jew jikkonsulta ma', esperti rilevanti u partijiet ikkonċernati wara l-konsultazzjonijiet mal-Partijiet.

14.

Il-medjatur għandu jagħmel ħiltu biex joffri pariri u jipproponi soluzzjoni għall-konsiderazzjoni tal-Partijiet. Il-Partijiet jistgħu jaċċettaw jew jirrifjutaw is-soluzzjoni proposta jew jistgħu jaqblu rigward soluzzjoni differenti. Il-medjatur ma għandux jagħti pariri jew kummenti dwar il-konsistenza tal-miżura speċifika mal-Ftehim.

15.

Il-proċedura għandha sseħħ fil-Parti rikjesta, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

16.

Fi żmien 60 jum mid-data li fiha jkun intlaħaq qbil dwar il-medjatur skont il-paragrafu 6 jew intgħażel skont il-paragrafu 7, il-Partijiet għandhom jippruvaw jaslu għal soluzzjoni maqbula reċiprokament. Is-soluzzjoni maqbula reċiprokament għandha tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, jekk Parti titlob dan. Is-soluzzjonijiet maqbula reċiprokament għandhom isiru disponibbli pubblikament, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor. Il-verżjoni ddivulgata lill-pubbliku ma jistax ikun fiha informazzjoni li Parti tkun iddeżinjat bħala kunfidenzjali. Sakemm tintlaħaq soluzzjoni finali maqbula reċiprokament, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet interim possibbli.

17.

Wara talba ta' waħda mill-Partijiet, il-medjatur għandu joħroġ lill-Partijiet abbozz ta' rapport fattwali bil-miktub li jipprovdi sommarju fil-qosor ta':

(a)

il-kwistjoni involuta, inklużi l-effetti possibbli tal-miżura speċifika dwar il-kummerċ jew dwar l-investiment;

(b)

il-proċeduri li ġew segwiti;

(c)

il-fehmiet espressi mill-Partijiet, mill-esperti u mill-partijiet ikkonċernati, fejn rilevanti; kif ukoll

(d)

fejn applikabbli, kwalunkwe soluzzjoni maqbula reċiprokament u soluzzjoni interim.

fi żmien 15-il jum tat-talba għal dan ir-rapport.

Il-Partijiet jistgħu jikkummentaw dwar l-abbozz tar-rapport fattwali fi żmien 15-il jum mill-ħruġ tiegħu. Wara li jqis il-kummenti sottomessi mill-Partijiet, il-medjatur għandu jissottometti rapport fattwali finali bil-miktub lill-Partijiet fi żmien 30 jum mill-ħruġ tal-abbozz tar-rapport fattwali. Ir-rapport fattwali ma għandu jinkludi l-ebda interpretazzjoni tal-Ftehim mill-medjatur.

18.

Il-proċedura ta' medjazzjoni għandha tintemm:

(a)

bl-adozzjoni ta' soluzzjoni maqbula reċiprokament mill-Partijiet, fid-data tal-adozzjoni;

(b)

permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub tal-medjatur, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, li sforzi ulterjuri ta' medjazzjoni ma jwasslu mkien, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni;

(c)

permezz ta' ftehim reċiproku mill-Partijiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, fid-data ta' dak il-ftehim; jew

(d)

permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub u sostanzjata ta' Parti wara li jiġu esplorati soluzzjonijiet maqbula reċiprokament skont il-proċedura ta' medjazzjoni, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni.

It-terminazzjoni tal-proċedura ta' medjazzjoni hija mingħajr ħsara għall-paragrafu 17.

19.

Il-paragrafi 5 sa 9, 15 sa 26, 33, 34, u 42 sa 46 tar-Regoli ta' Proċedura ta' Bord għandhom japplikaw għall-proċedura ta' medjazzjoni, mutatis mutandis.

VI.   Kunfidenzjalità

20.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 16, l-istadji kollha tal-proċedura ta' medjazzjoni, inkluż kull parir jew soluzzjoni proposta, għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-medjatur u l-Partijiet għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni sottomessa lill-medjatur minn Parti jew li tkun waslet minn kwalunkwe sors ieħor li tkun deżinjata bħala kunfidenzjali. Madankollu, kwalunkwe Parti tista' tiddivulga lill-pubbliku li dik il-medjazzjoni qed isseħħ.

VII.   Relazzjoni ma' Proċeduri għas-Soluzzjoni tat-Tilwim oħra

21.

Il-proċedura ta' medjazzjoni hija mingħajr ħsara għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Partijiet skont il-Kapitolu 21 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim jew skont proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim ta' kwalunkwe ftehim ieħor.

22.

Parti ma għandhiex tiddependi fuq jew tintroduċi bħala evidenza f'soluzzjoni tat-tilwim oħra proċeduri skont dan il-Ftehim jew kwalunkwe ftehim ieħor, u lanqas ma għandu jiġi aċċettat li bord iqis:

(a)

pożizzjonijiet meħuda mill-Parti l-oħra matul il-proċedura ta' medjazzjoni jew informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 13;

(b)

il-fatt li l-Parti l-oħra tkun indikat ir-rieda tagħha li taċċetta soluzzjoni għall-kwistjoni basta b'medjazzjoni; jew

(c)

pariri mogħtija jew proposti magħmula mill-medjatur.

23.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, medjatur ma jistax iservi ta' arbitru jew membru ta' bord fi proċeduri oħra għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim jew skont kwalunkwe ftehim ieħor li jinvolvi l-istess kwistjoni li għaliha jkun medjatur.

VIII.   Perjodu ta' żmien

24.

Kull perjodu ta' żmien imsemmi f'din il-proċedura ta' medjazzjoni jista' jiġi mmodifikat permezz ta' qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

IX.   Spejjeż

25.

Kull parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha derivati mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' medjazzjoni.

26.

Il-Partijiet għandhom jaqsmu b'mod konġunt u ekwu l-ispejjeż derivati minn kwistjonijiet organizzazzjonali, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-medjatur. Ir-remunerazzjoni tal-medjatur għandha tkun ekwivalenti għar-remunerazzjoni tal-arbitri stabbilita fil-paragrafu 4 tar-Regoli ta' Proċedura ta' Bord.

ANNESS 3

REGOLI TA' PROĊEDURA TA' BORD

Fil-proċeduri tal-bord fit-Taqsima C tal-Kapitolu 21 (Soluzzjoni ta' Tilwim) tal-Ftehim, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

I.   Definizzjonijiet

1.

F'dawn ir-Regoli ta' Proċedura:

(a)

“persunal amministrattiv”, fir-rigward ta' arbitru, tfisser persuni li jaqgħu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, ħlief l-assistenti;

(b)

“konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti għall-finijiet tal-proċedura tal-bord, minbarra rappreżentanti ta' dik il-Parti;

(c)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

(d)

“arbitru” tfisser membru ta' bord;

(e)

“assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza jew tipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

(f)

“Kodiċi tal-Kondotta” tfisser il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Arbitri msemmija fl-Artikolu 21.30 tal-Ftehim;

(g)

“Parti li tressaq l-ilment” tfisser il-Parti li titlob l-istabbiliment ta' bord skont l-Artikolu 21.7 tal-Ftehim;

(h)

“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju;

(i)

“bord” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 21.7 tal-Ftehim;

(j)

“Parti li jsir ilment fil-konfront tagħha” tfisser il-Parti li jsir ilment kontriha quddiem bord skont l-Artikolu 21.7 tal-Ftehim;

(k)

“proċedimenti” tfisser il-proċedimenti tal-bord; u

(l)

“rappreżentant” fir-rigward ta' Parti tfisser uffiċjal jew kwalunkwe persuna oħra ta' dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta' Parti u persunal ieħor, li l-Parti tinnomina bħala r-rappreżentant tagħha għall-proċedimenti tal-bord.

II.   Ħatra ta' arbitri

2.

L-uffiċċju ddeżinjat mill-Parti li tressaq l-ilment skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim għandu jkun responsabbli mill-organizzazzjoni tal-lott msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 21.8 tal-Ftehim, u għandu jinforma lill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt, minn qabel, dwar id-data, il-ħin u l-post tal-lott. Il-kopresident mill-Parti li jsir l-ilment fil-konfront tagħha jista' jkun preżenti jew ikun irrappreżentat minn persuna oħra meta jsir il-lott. Ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet jistgħu jkunu preżenti wkoll. F'kull każ, il-lott issir bil-Parti jew bil-Partijiet li jkunu preżenti.

3.

Il-Partijiet għandhom jinfurmaw bil-miktub lil kull individwu li jkun intgħażel biex iservi ta' arbitru skont l-Artikolu 21.8 tal-Ftehim bil-ħatra tiegħu. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha jkun ġie infurmat bil-ħatra tiegħu.

III.   Laqgħa organizzazzjonali

4.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-Partijiet għandhom jiltaqgħu mal-bord fi żmien sebat ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord sabiex jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord iqisu xierqa, inklużi:

(a)

ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-arbitri li għandhom ikunu konformi mal-istandards u l-kriterji tad-WTO;

(b)

ir-remunerazzjoni li trid titħallas lill-assistenti. L-ammont totali tar-remunerazzjoni għall-assistent jew għall-assistenti ta' kull arbitru ma għandux jaqbeż il-50 % tar-remunerazzjoni ta' dak l-arbitru, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor; u

(c)

l-iskeda ta' żmien għall-proċedimenti, li għandha tiġi stabbilita abbażi taż-żona tal-ħin tal-Parti li jsir l-ilment fil-konfront tagħha.

L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet li jkunu uffiċjali jew persuni oħra ta' dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra biss, jistgħu jipparteċipaw f'din il-laqgħa fiżikament jew permezz ta' konferenza bit-telefon jew bil-vidjo.

IV.   Notifiki

5.

Kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument trażmess:

(a)

mill-bord għandha tintbagħat liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin;

(b)

minn Parti lill-bord għandha tiġi kkuppjata lill-Parti l-oħra fl-istess ħin; u

(c)

minn Parti lill-Parti l-oħra għandha tiġi kkuppjata lill-bord fl-istess ħin, kif xieraq.

Kwalunkwe dokument imsemmi f'dan il-paragrafu għandu jiġi kkuppjat fl-istess ħin lill-korp estern imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim, fejn rilevanti.

6.

In-notifika lil Parti ta' kwalunkwe dokument imsemmi fil-paragrafu 5 għandha tiġi indirizzata lill-uffiċċju ddeżinjat minn dik il-Parti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim.

7.

Kwalunkwe notifika msemmija fil-paragrafu 5 għandha ssir b'email jew, fejn xieraq, b'mezzi oħra ta' telekomunikazzjoni li jipprovdu rekord tal-bgħit tagħha. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, tali notifika għandha titqies bħala li ġiet irċevuta fid-data tal-bgħit tagħha.

8.

Żbalji minuri ta' natura klerikali f'talba, notifika, sottomissjonijiet bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċedimenti tal-bord jistgħu jiġu kkoreġuti bil-preżentazzjoni ta' dokument ġdid li jindika l-bidliet b'mod ċar.

9.

Jekk l-aħħar jum għall-preżentazzjoni ta' dokument ikun jum ta' vaganza legali tal-Ġappun jew tal-Unjoni Ewropea jew fi kwalunkwe jum ieħor li fih l-uffiċċji tal-Gvern ta' Parti jkunu magħluqin b'mod uffiċjali jew b'force majeure, id-dokument għandu jitqies li jkun ġie riċevut fil-jum tax-xogħol li jkun imiss. Fil-laqgħa organizzazzjonali msemmija fil-paragrafu 4, kull Parti għandha tissottometti lista tal-jiem ta' vaganza legali tagħha u kwalunkwe jum ieħor li fih l-uffiċċji tagħhom ikunu magħluqa b'mod uffiċjali. Kull Parti għandha żżomm il-lista tagħha aġġornata matul il-proċedura tal-bord.

V.   Sottomissjonijiet bil-miktub

10.

Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tippreżenta s-sottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord. Il-Parti li jkun tressaq l-ilment fil-konfront tagħha għandha tippreżenta l-kontrosottomissjoni bil-miktub tagħha mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-irċevuta tas-sottomissjoni bil-miktub tal-Parti li tressaq l-ilment.

VI.   Operat tal-bord

11.

Il-president tal-bord għandu jippresiedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Bord jista' jiddelega lill-president l-awtorità biex jagħmel deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

12.

Sakemm fil-Kapitolu 21 tal-Ftehim jew f'dawn ir-Regoli ma jiġix previst mod ieħor, il-bord jista' jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, inkluż bit-telefon, permezz ta' trażmissjonijiet bil-faks jew links tal-kompjuter.

13.

F'każ ta' kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta fil-Kapitolu 21 tal-Ftehim, f'dawn ir-Regoli jew fil-Kodiċi tal-Kondotta għall-Arbitri imsemmija fl-Artikolu 21.30, il-bord, wara li jikkonsulta mal-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

14.

Il-bord fi kwalunkwe ħin jista' jimmodifika perjodu barra mill-perjodu ta' żmien stabbilit fil-Kapitolu 21 tal-Ftehim u jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv fil-proċedimenti wara li jikkonsulta mal-Partijiet. Meta l-bord jikkonsulta mal-Partijiet, għandu jinforma lill-Partijiet bil-miktub dwar il-modifika jew l-aġġustament proposti u r-raġuni għalihom.

VII.   Seduti ta' smigħ

15.

Abbażi tal-iskeda ta' żmien iddeterminata skont il-paragrafu 4, wara li jikkonsulta mal-Partijiet u mal-arbitri l-oħra, il-president tal-bord għandu jiddetermina d-data u l-ħin tas-seduta ta' smigħ.

16.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-Parti li fiha sseħħ is-seduta ta' smigħ skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.15 tal-Ftehim għandha:

(a)

tiddetermina l-post tas-seduta tas-smigħ u tinforma lill-president tal-bord b'dan; u

(b)

tkun responsabbli għall-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta' smigħ.

17.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, u mingħajr ħsara għall-paragrafu 46, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-ispejjeż derivati mill-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta' smigħ.

18.

Il-president tal-bord għandu jinnotifika bil-miktub fiż-żmien dovut lill-Partijiet, u fejn rilevanti lill-korp estern imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim, id-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta' smigħ. Din l-informazzjoni għandha ssir pubblikament disponibbli mill-Parti fejn isseħħ is-seduta ta' smigħ jew, fejn rilevanti, mill-korp estern imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.25 tal-Ftehim, sakemm is-seduta ta' smigħ ma tkunx magħluqa għall-pubbliku.

19.

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li jkun hemm seduta ta' smigħ waħda biss. Jekk it-tilwim ikun jinvolvi kwistjonijiet ta' kumplessità eċċezzjonali, il-bord jista' jlaqqa' flimkien seduti ta' smigħ addizzjonali fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, wara li jikkonsulta mal-Partijiet. Għal kull waħda mis-seduti ta' smigħ addizzjonali, il-paragrafi 15 sa 18 japplikaw mutatis mutandis.

20.

L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta ta' smigħ kollha.

21.

Il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu s-seduta ta' smigħ, irrispettivament minn jekk is-seduta ta' smigħ tkunx miftuħa għall-pubbliku jew le:

(a)

rappreżentanti tal-Partijiet;

(b)

konsulenti;

(c)

assistenti u persunal amministrattiv;

(d)

interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qorti tal-bord; u

(e)

esperti, kif deċiż mill-bord skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21.17 tal-Ftehim.

22.

Mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta' seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tagħti lill-bord lista bl-ismijiet ta' dawk il-persuni li jkunu sejrin jagħmlu argumenti orali jew preżentazzjonijiet matul is-seduta ta' smigħ f'isem dik il-Parti, u ta' rappreżentanti jew konsulenti oħrajn li jkunu sejrin jattendu s-seduta ta' smigħ.

23.

Il-bord għandu jmexxi s-seduta ta' smigħ b'dan il-mod, filwaqt li jiżgura li l-Parti li tressaq l-ilment u l-Parti li jitressaq l-ilment fil-konfront tagħha jingħataw l-istess ħin kemm fl-argument kif ukoll fil-kontroargument:

Talba

(a)

it-talba tal-Parti li tressaq l-ilment; u

(b)

l-argument tal-Parti li jitressaq l-ilment fil-konfront tagħha.

Kontroargument

(a)

ir-risposta tal-Parti li tressaq l-ilment; u

(b)

il-kontrorisposta tal-Parti li jsir l-ilment fil-konfront tagħha.

24.

Il-bord jista' jindirizza mistoqsijiet diretti lil kwalunkwe waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta ta' smigħ.

25.

Il-bord għandu jara li titħejja traskrizzjoni tas-seduta ta' smigħ u li din tiġi ppreżentata lill-Partijiet mill-aktar fis wara s-seduta ta' smigħ. Il-Partijiet jistgħu jikkummentaw dwar it-traskrizzjoni, u l-bord jista' jqis dawk il-kummenti.

26.

Kull Parti tista' tippreżenta sottomissjoni supplimentari bil-miktub rigward kwalunkwe kwistjoni li tkun tqajmet matul is-seduta ta' smigħ fi żmien 10 ijiem mid-data tas-seduta ta' smigħ.

VIII.   Deliberazzjonijiet

27.

L-arbitri biss jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-bord. Minkejja s-sentenza preċedenti, il-bord jista' jippermeti li l-assistenti jkunu preżenti matul id-deliberazzjonijiet tiegħu.

IX.   Mistoqsijiet bil-miktub

28.

Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, il-bord jista' jissottometti mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kwalunkwe mistoqsija sottomessa lil waħda mill-Partijiet għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra.

29.

Kull Parti għandha tipprovdi wkoll lill-Parti l-oħra b'kopja tar-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tal-bord. Kull Parti għandha tingħata opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar ir-risposta tal-Parti l-oħra fi żmien ħamest ijiem mill-irċevuta ta' din il-kopja.

X.   Sostituzzjoni tal-arbitri

30.

Għas-sostituzzjoni ta' arbitru skont l-Artikolu 21.11 tal-Ftehim, l-Artikolu 21.8 japplika mutatis mutandis.

31.

Meta Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għal din ir-raġuni jenħtieġ li jiġi sostitwit, dik il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun kisbet biżżejjed evidenza tal-falliment tal-arbitru li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta.

32.

Meta Parti tqis li arbitru minbarra l-President ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jagħżlu arbitru ġdid skont il-paragrafu 30.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li l-arbitru jinbidel, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun finali.

Jekk, skont din it-talba, il-president isib li l-arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, l-arbitru l-ġdid għandu jintgħażel skont il-paragrafu 30.

33.

Jekk Parti tqis li l-president tal-bord ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jagħżlu president ġdid skont il-paragrafu 30.

Jekk il-Partijiet ma jaqblux dwar il-bżonn li jinbidel il-president, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta liż-żewġ arbitri li jifdal. L-arbitri għandhom jiddeċiedu, mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data tal-preżentazzjoni tat-talba, jekk hemmx bżonn li l-president tal-bord jinbidel. Id-deċiżjoni mill-arbitri dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun finali.

Jekk l-arbitri jiddeċiedu li l-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, jintgħażel president ġdid skont il-paragrafu 30.

34.

Il-proċedimenti għandhom jiġu sospiżi għall-perjodu ddedikat biex jitwettqu l-proċeduri previsti fil-paragrafi 30 sa 33.

XI.   Kunfidenzjalità

35.

Meta parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-mikub lill-bord, fuq talba tal-Parti l-oħra u fi żmien 20 jum mid-data tat-talba, din għandha tipprovdi wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet li jistgħu jiġu ddivulgati lill-pubbliku. F'dawn ir-regoli ma hemm xejn li jipprekludi lil Parti milli tiddivulga s-sottomissjonijiet tagħha lill-pubbliku sakemm ma tiddivulgax informazzjoni deżinjata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali. Il-bord għandu jiltaqa' f'sessjoni magħluqa jekk is-sottomissjonijiet u l-argumenti ta' Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-bord u l-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduta ta' smigħ tal-bord meta s-seduta ta' smigħ issir f'sessjoni magħluqa.

XII.   Kuntatti ex parte

36.

Il-bord ma għandux jiltaqa' jew jikkomunika ma' Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

37.

Arbitru ma għandu jiddiskuti l-ebda aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma' Parti jew maż-żewġ Partijiet fin-nuqqas tal-arbitri l-oħra.

XIII.   Sottomissjonijiet Amicus curiae

38.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien tlett ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-bord, il-bord jista' jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba mingħand persuni msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 21.17 tal-Ftehim u li jkunu indipendenti mill-gvernijiet tal-Partijiet, sakemm is-sottomissjonijiet jaslu fi żmien 10 ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-bord.

39.

Is-sottomissjonijiet għandhom ikunu konċiżi u qatt ma għandhom ikunu itwal minn 15-il paġna bi spazji doppji, u għandhom ikunu rilevanti direttament għal kwistjoni fattwali jew legali meqjusa mill-bord. Is-sottomissjonijiet għandu jkun fihom deskrizzjoni tal-persuna li tipprovdi s-sottomissjonijiet inkluż:

(a)

għal persuna fiżika, in-nazzjonalità tagħha; u

(b)

għal persuna ġuridika, il-post ta' stabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus ġuridiku tagħha, l-objettivi ġenerali tagħha u s-sors ta' finanzjament tagħha.

Fis-sottomissjonijiet tagħha, kull persuna għandha tispeċifika l-interess li għandha fil-proċedimenti. Is-sottomissjonijiet għandhom jiġu abbozzati bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont il-paragrafi 42 u 43 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

40.

Fir-rapport tiegħu, il-bord għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva skont il-paragrafi 38 u 39. Fir-rapport tiegħu, il-bord mhuwiex obbligat jindirizza l-argumenti li jkunu saru f'tali sottomissjonijiet. Dawk is-sottomissjonijiet għandhom jiġu pprovduti lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom. Il-kummenti lill-Partijiet li jkunu ġew sottomessi lill-bord fi żmien 10 ijiem għandhom jitqiesu mill-bord.

XIV.   Każijiet urġenti

41.

F'każijiet ta' urġenza msemmija fil-Kapitolu 21 tal-Ftehim, il-bord, wara li jikkonsulta mal-Partijiet, għandu jaġġusta l-perjodi ta' żmien imsemmija f'dawn ir-Regoli, kif xieraq. Il-bord għandu jinnotifika lill-Partijiet b'tali aġġustamenti.

XV.   Lingwa u traduzzjoni

42.

Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21.5 tal-Ftehim, u mhux aktar tard miż-żmien tal-laqgħa organizzazzjonali msemmija fil-paragrafu 4, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, mhux aktar tard minn 90 jum wara l-adozzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura mill-Kumitat Konġunt skont il-paragrafu 4(f) tal-Artikolu 22.1 tal-Ftehim, lista ta' lingwi li għalihom ikollha preferenza. Il-lista għandha tinkludi mill-anqas lingwa ta' ħidma waħda tad-WTO.

43.

Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni, kull parti għandha tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha bil-lingwa tal-għażla tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi traduzzjoni għal waħda mil-lingwi ta' ħidma tad-WTO nnotifikati mill-Parti l-oħra skont il-paragrafu 42, meta jkun xieraq. Il-Parti responsabbli mill-organizzazzjoni tas-seduta ta' smigħ orali għandha tagħmel arranġamenti għal sottomissjonijiet orali bl-istess lingwa ta' ħidma tad-WTO, meta jkun xieraq.

44.

Ir-rapport interim u finali tal-bord għandu jinħareġ bil-lingwa ta' ħidma komuni. Jekk il-Partijiet ma jkunux qablu dwar lingwa ta' ħidma komuni, ir-rapport interim u finali tal-bord għandu jinħareġ bil-lingwi ta' ħidma tad-WTO imsemmija fil-paragrafu 43.

45.

Parti tista' tipprovdi kummenti dwar il-preċiżjoni tat-traduzzjoni ta' kwalunkwe verżjoni tradotta ta' dokument imfassal skont dawn ir-regoli.

46.

F'każ li tkun meħtieġa traduzzjoni jew interpretazzjoni ta' sottomissjonijiet bil-miktub jew orali ta' Parti fil-lingwa ta' ħidma rilevanti tad-WTO, dik il-Parti għandha ġġarab l-ispejjeż tagħha.

ANNESS 4

KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-ARBITRI

I.   Definizzjonijiet

1.

F'dan il-Kodiċi tal-Kondotta:

(a)

“persunal amministrattiv”, fir-rigward ta' arbitru, tfisser persuni li jaqgħu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, ħlief l-assistenti;

(b)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

(c)

“arbitru” tfisser membru ta' bord;

(d)

“assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza jew tipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

(e)

“kandidat” tfisser individwu li ismu jinsab fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 21.9 tal-Ftehim;

(f)

“bord” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 21.7 tal-Ftehim; u

(g)

“proċedimenti” tfisser il-proċedimenti tal-bord;

II.   Provvediment tal-Kodiċi tal-Kondotta

2.

Il-Partijiet għandhom jipprovdu dan il-Kodiċi tal-Kondotta lil kull kandidat meta isimhom jiġi inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 21.9 tal-Ftehim.

III.   Prinċipji ta' governanza

3.

Kull kandidat u arbitru għandu josserva standards ta' kondotta għoljin, skont dan il-Kodiċi tal-Kondottta, sabiex l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jiġu ppreservati.

IV.   Obbligi ta' divulgazzjoni

4.

Qabel ma jaċċetta l-ħatra tiegħu bħala arbitru, kandidat li jintalab iservi ta' arbitru għandu jiddikjara kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni li aktarx taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li tista' toħloq b'mod raġonevoli dehra ta' mġiba mhux xierqa jew preġudizzju fil-proċedimenti. Għal dan il-għan, għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni bħal din, inklużi interessi finanzjarji, interessi professjonali, jew interessi tax-xogħol jew tal-familja.

5.

L-obbligu ta' divulgazzjoni skont il-paragrafu 4 huwa obbligu kontinwu u għandu japplika wkoll għal arbitru wara li dan jaċċetta l-ħatra tiegħu. Matul il-proċedimenti, arbitru għandu jiddivulga bil-miktub kwalunkwe informazzjoni ġdida fir-rigward tal-obbligu skont il-paragrafu 4 lill-Partijiet l-aktar kmieni possibbli sabiex dawn isiru konxji tagħha.

6.

Fl-issodisfar ta' dawn ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni, għandha tiġi rispettata l-privatezza personali.

V.   Qadi tad-dmirijiet

7.

Malli jaċċetta l-ħatra tiegħu, arbitru għandu jkun disponibbli biex iwettaq u għandu jwettaq dmirijietu bir-reqqa u b'effiċjenza matul il-proċedura tal-bord, u b'ġustizzja u diliġenza.

8.

Arbitru għandu jqis biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jitqiesu meħtieġa u ma għandu jiddelega d-dmir ta' tali konsiderazzjoni lill-ebda persuna oħra.

9.

Arbitru ma għandux jieħu sehem f'kuntatti ex parte li jikkonċernaw kwistjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-bord fil-proċedimenti.

VI.   Indipendenza u imparzjalità

10.

Arbitru għandu jkun indipendenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta' interess diretti u indiretti, ma għandux jiġi influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, konsiderazzjonijiet politiċi, l-insistenza mill-pubbliku u l-lealtà lejn Partit jew il-biża' mill-kritika, u għandu jevita li jagħti impressjoni ta' mġiba mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

11.

Arbitru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta xi benefiċċju li jista' bi kwalunkwe mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, it-twettiq xieraq ta' dmirijietu.

12.

Arbitru ma għandux juża l-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord għall-aġevolament ta' ebda interess personali jew privat u għandu jevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li oħrajn huma f'pożizzjoni speċjali li jinfluwenzawh.

13.

Arbitru ma għandux iħalli relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, tan-negozju, professjonali, personali, familjari jew soċjali, passati jew preżenti, jinfluwenzaw il-kondotta jew il-ġudizzju tiegħu.

14.

Arbitru għandu jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju, li x'aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista', b'mod raġonevoli, jagħti impressjoni ta' mġiba mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

15.

Kull eksarbitru għandu jevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li kellu preġudizzji fit-twettiq ta' dmirijietu jew li ħa vantaġġ mid-deċiżjoni tal-bord fejn ikun serva.

VII.   Kunfidenzjalità

16.

Arbitru fl-ebda ħin ma għandu jiddivulga informazzjoni mhux pubblika dwar, jew li tkun inkisbet waqt, il-proċedura tal-bord li jkun inħatar għalih. Arbitru ma għandu qatt juża tali informazzjoni biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal ħaddieħor jew biex jaffettwa l-interess ta' ħaddieħor b'mod negattiv.

17.

L-ebda arbitru ma għandux jiddivulga d-deċiżjoni tal-bord jew ta' partijiet minnha, sakemm id-deċiżjoni ma ssirx disponibbli għall-pubbliku.

18.

Arbitru ma għandu qatt jiddivulga d-deliberazzjonijiet ta' bord jew il-fehma ta' xi arbitru, u lanqas ma għandu jagħmel stqarrijiet dwar il-proċedura tal-bord li għalih ikun inħatar jew dwar il-kwistjonijiet diskussi f'tali proċedura.

19.

L-obbligi skont il-paragrafi 16 sa 18 għandhom ikomplu japplikaw għal arbitru preċedenti.

VIII.   Obbligi oħrajn

20.

Kandidat jew arbitru għandu jikkomunika kwistjonijiet dwar ksur attwali jew potenzjali ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta liż-żewġ Partijiet għall-konsiderazzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli u fuq bażi kunfidenzjali.

21.

Arbitru għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli u xierqa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal amministrattiv tiegħu jkunu konxji tal-obbligi tal-arbitri skont il-Partijiet III, IV, VI u VII ta' dan il-Kodiċi tal-Kondotta, u jikkonformaw magħhom.

22.

Kull arbitru għandu jżomm rekord u jagħti rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedura tal-bord u l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll tal-ħin u tal-ispejjeż tal-assistenti tiegħu.

Top