Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22006A0413(01)

    Ftehim ta’ Sħubija Bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

    ĠU L 105, 13.4.2006, p. 34–38 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/07/2010

    Related Council regulation

    22006A0413(01)

    Ftehim ta’ Sħubija Bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

    Official Journal L 105 , 13/04/2006 P. 0034 - 0038


    Ftehim ta’ Sħubija

    Bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar sajd ’il barra mill-kosta tal-Gżejjer Solomon

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Komunità", u

    Il-Gvern tal-Gżejjer Solomon, minn hawn ’il-quddiem imsejjaħ "Gżejjer Solomon";

    Bit-tnejn flimkien imsejħa "il-Partijiet";

    WAQT LI JQISU l-koperazzjoni mill-viċin u r-relazzjonijiet kordjali bejn il-Komunità u l-Gżejjer Solomon, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Lomé u Cotonou, u x-xewqa reċiproka li jsostnu u jiżviluppaw dawn ir-relazzjonijiet;

    WAQT LI JQISU x-xewqa tal-Gżejjer Solomon li jinkoraġġixxu l-utilizzazzjoni razzjonali tar-riżorsi tagħhom ta’ l-industrija tas-sajd permezz ta’ koperazzjoni intensifikata;

    WAQT LI JERĠGĦU JIFTAKRU LI, fejn għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, is-sajd fil-baħar, il-Gżejjer Solomon jeżerċitaw is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq żona li testendi sa 200 mil nawtiku ’l barra mil-linji bażi tal-kosti tagħhom;

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħażniet ta’ Ħut;

    KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta’ kondotta għal sajd responsabbli adottat mill-Konferenza tal-FAO fl-1995;

    WAQT LI JIDDIKJARAW LI l-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani mill-Istati ta’ mal-kosta fl-ilmijiet territorjali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom bl-iskop li jisfruttaw, jikkonservaw u jamministraw riżorsi ħajjin irid jitmexxa skond il-prinċipji u l-prattika tal-liġi internazzjonali u tal-konsiderazzjoni xierqa tal-prattika stabbilita fuq livell reġjonali;

    IDDETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, fl-inkoraġġiment tat-titjib fis-sajd responsabbli sabiex tkun assigurata l-konservazzjoni għal perjodu twil u l-utilizzazzjoni sostenibbli ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar;

    KONVINTI LI koperazzjoni bħal din għandha tieħu l-għamla ta’ inizjattivi u miżuri li, kemm jekk meħudin b’mod konġunt u kemm jekk b’mod separat, ikunu komplementari, konsistenti mal-politika u jassiguraw sinerġija fl-isforzi;

    DEĊIŻI LI, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jiġi stabbilit djalogu sabiex tkun identifikata politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon, u jiġu identifikati l-mezzi xierqa li jassiguraw li din il-politika tkun implimentata b’mod effettiv u li l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti f’dan il-proċess;

    XEWQANA LI jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Komunità fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon u appoġġ min-naħa tal-Komunità għal titjib fis-sajd responsabbli f’dik iż-żona tas-sajd;

    IDDEĊIDEW li jaħdmu ħalli jkun hemm koperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib fl-industrija tas-sajd u attivitajiet relatati permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ intrapriżi konġunti li jinvolvu liż-żewġ Partijiet;

    HAWNHEKK JAQBLU FUQ DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-kamp ta’ applikazzjoni

    Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

    - il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd bl-għan li jitjieb is-sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon biex ikunu garantiti l-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, u jiġi żviluppat is-settur ta’ l-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Solomon,

    - il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess mill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għaż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon,

    - l-arranġamenti għas-sorveljanza taż-żona fejn jinqabad il-ħut għall-kummerċ tal-Gżejjer Solomon bl-għan li jkun assigurat li jiġu osservati r-regoli u l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq,

    - il-miżuri għal konservazzjoni u amminstrazzjoni effettivi tal-ħażniet tal-ħut,

    - il-prevenzjoni ta’ sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat,

    - is-sħubijiet bejn kumpaniji li jkollhom l-iskop li jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd u attivitajiet relatati, fl-interess komuni.

    Artikolu 2

    Id-definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a) L-"awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon" tfisser id-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon jew is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Industrija tas-Sajd fid-Dipartiment ta’ l-Industrija tas-Sajd u tar-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon;

    (b) L-"awtoritajiet tal-Komunità" tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

    (ċ) Iż-"żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon" tfisser l-ilmiijiet territorjali li fuqhom għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni il-Gżejjer Solomon fejn għandu x’jaqsam is-sajd, identifikati permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Solomon bħala "il-limiti għall-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Solomon";

    (d) "Bastiment tal-Komunità" tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fil-Komunità;

    (e) "Intrapriża konġunta" tfisser kumpanija kummerċjali mwaqqfa fil-Gżejjer Solomon minn sidien ta’ bastimenti jew intrapriżi nazzjonali mill-Partijiet bl-iskop li jinvolvu ruħhom f’attivitajet tas-sajd jew attivitajiet oħrajn relatati;

    (f) "Kumitat konġunt" tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Gżejjer Solomon li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

    (g) "Sajd" tfisser:

    i. it-tiftix, il-qbid, it-teħid jew il-ġbir tal-ħut;

    ii. li wieħed jipprova jfittex, jaqbad, jieħu jew jiġbor il-ħut;

    iii. li wieħed jaqbad kwalunkwe attività oħra li b’mod raġonevoli tista’ tirriżulta fis-sejba, fil-qabda, fit-teħid jew fil-ġabra tal-ħut;

    iv. it-tqegħid, it-tiftix jew l-irkupru ta’ apparat li jservi biex jiġbor il-ħut f’żona waħda jew apparat elettroniku assoċjat bħal apparati tar-radju li jgħinu lill-bastimenti jsibu r-rotta jew ikunu jafu fejn qegħdin;

    v. kull ħidma fil-baħar biex tappoġġja jew tħejji b’mod dirett kull attività deskritta fis-sotto-paragrafi i) sa iv);

    vi. l-użu ta’ kwalunkwe vettura oħra, ta’ l-ajru jew tal-baħar, għal kull attività deskritta fis-sotto-paragrafi i) sa v) ħlief f’każ ta’ emerġenzi li jolqtu s-saħħa u s-sigurtà ta’ l-ekwipaġġ jew is-sigurtà ta’ bastiment;

    (h) "vjaġġ tas-sajd" tfisser kull bastiment użat jew maħsub biex jintuża għal skopijiet ta’ sajd, inkluż bastimenti ta’ appoġġ, bastimenti tat-trasport, u kwalunkwe bastiment ieħor involut direttament f’operazzjonijiet ta’ sajd bħal dawn;

    (i) "operatur" tfisser kwalunkwe persuna li tkun inkarigata jew responsabbli mit-tħaddim, mid-direzzjoni jew mill-kontroll ta’ bastiment tas-sajd, inkluż is-sid, il-kerrej jew il-kaptan;

    (j) "trasbord" tfisser il-ħatt tal-ħut, kollu jew parti minnu, minn fuq bastiment tas-sajd għal fuq bastiment tas-sajd ieħor kemm jekk fuq il-baħar u kemm jekk ġewwa l-port;

    Artikolu 3

    Il-prinċipji u l-għanijiet imsemmija fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

    1. Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jinkoraġġixxu sajd responsabbli, fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jistadu fiż-żona, mingħajr preġudizzju għal ftehim konkluż bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjun ġeografiku, inklużi ftehim reċiproku dwar is-sajd.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw bl-għan li jiddefinixxu u jimplimentaw politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomonu u għal dak il-għan għandhom jagħtu bidu għal djalogu dwar politika għar-riformi meħtieġa. Hawnhekk qed jintrabtu li ma jadottawx miżuri f’dan il-qasam mingħajr ma’ l-ewwel jikkonsultaw lil xulxin.

    3. Il-Partijiet għandhom ukoll jikkoperaw fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet ex-ante, li jkunu għaddejjin u ex-post, kemm b’mod konġunt kif ukoll b’mod unilaterali, tal-miżuri, tal-programmi u ta’ l-azzjonijiet li jiġu implimentati skond dan il-Ftehim.

    4. Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jassiguraw li dan il-Ftehim jiġi implimentat skond il-prinċipji ta’ gvern soċjali u ekonomiku tajjeb.

    5. L-impjiegi tal-baħrin mill-Gżejjer Solomon abbord il-bastimenti tal-Komunità għandhom ikunu rregolati mid-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol, li għandhom japplikaw bi dritt għall-kuntratti korrispondenti u għat-termini ġenerali ta’ l-impjiegi. Din tirreferi b’mod partikolari għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għar-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv, u għat-tneħħija ta’ kull xorta ta’ diskriminizzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-impjiegi u xogħol.

    Artikolu 4

    Il-koperazzjoni xjentifika

    1. Matul il-perjodu kopert minn dan il-Ftehim, il-Komunità u l-Gżejjer Solomon għandhom jimmonitorjaw l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon; għal dan il-għan għandha issir laqgħa xjentifika konġunta kull meta jkun meħtieġ, darba fil-Komunità u d-darba ta’ wara fil-Gżejjer Solomon.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt ipprovdut fl-Artikolu 9 u, fejn ikun meħtieġ u bi ftehim reċiproku, jieħdu miżuri biex jassiguraw l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqa fil-laqgħa xjentifika u ta’ l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli.

    3. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, jew b’mod dirett jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati, biex jassiguraw l-amministrazzjoni u l-konservazzjoni ta’ riżorsi ħajjin fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Paċifiku, u biex jikkoperaw fir-riċerka xjentifika rilevanti.

    Artikolu 5

    L-aċċess mill-bastimenti tal-Komunità għall-meded tal-baħar fejn jinqabad il-ħut għall-kummerċ fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon

    1. Il-Gżejjer Solomon hawnhekk jintrabtu li jawtorizzaw lill-bastimenti tal-Komunità li jaqbdu attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tas-sajd tagħhom skond dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

    2. L-attivitajiet tas-sajd irregolati b’dan il-Ftehim għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-Gżejjer Solomon. Il-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull emenda f’dawn il-liġijiet u r-regolamenti fi żmien sitt xhur u xahar rispettivament qabel ma jiġu applikati.

    3. Il-Gżejjer Solomon għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni effettiva tad-disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll ta’ l-industrija tas-sajd fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon fit-twettiq ta’ dan il-kontroll. Il-passi meħuda mill-Gżejjer Solomon biex ikun irregolat is-sajd fl-interess tal-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi. Għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni kemm għall-bastimenti tal-Komunità u tal-Gżejjer Solomon, kif ukoll għall-bastimenti barranin, mingħajr preġudizzju għall-ftehim konkluż bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjun ġeografiku wieħed, inkluż ftehim reċiproku dwar is-sajd.

    4. Il-Komunità għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha li jkunu meħtieġa biex ikun assigurat li l-bastimenti tagħha jkunu konformi ma’ dan il-Ftehim u mal-leġislazzjoni u mar-regolamenti li jirregolaw il-meded tal-baħar fejn jinqabd il-ħut għall-kummerċ fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

    Artikolu 6

    Il-liċenzji

    Il-proċedura biex tinkiseb liċenzja tas-sajd għal bastiment, il-ħlasijiet applikabbli u l-mod ta’ kif isir il-ħlas mis-sidien tal-vapuri għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness tal-Protokoll.

    Artikolu 7

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja

    1. Il-Komunità għandha tagħti lill-Gżejjer Solomon kontribuzzjoni finanzjarja unika skond it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll u fl-Annessi. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ żewġ elementi relatati, li huma:

    (a) L-aċċess mill-bastimenti tal-Komunità għaż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, u

    (b) Is-sostenn finanzjarju tal-Komunità għat-titjib tas-sajd responsabbli u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

    Il-parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkun iffissata u amministrata fid-dawl ta’ l-għanijiet identifikati bi ftehim komuni bejn il-Partijiet skond il-Protokoll, li jinkiseb fil-kuntest tal-politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon u skond programm ta’ implimentazzjoni annwali u għal bosta snin.

    2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Komunità għandha titħallas kull sena skond il-Protokoll u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokoll tiegħu dwar kwalunkwe bidla fl-ammont tal-kontribuzzjoni bħala riżultat ta’:

    (a) ċirkustanzi serji, li m’humiex fenomeni naturali, li ma jħallux li jsiru attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon (skond l-Artikolu 14 tal-Ftehim);

    (b) tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmul bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet sabiex jiġu amministrati l-ħażniet konċernati, fejn dan jitqies meħtieġ għall-konservazzjoni u għall-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi fuq il-bażi ta’ l-aqwa parir xjentifiku disponibbli (skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll);

    (ċ) żjieda fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmula bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet fejn l-aqwa parir xjentifiku disponibbli jkun jaqbel li l-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan (skond l-Artikoli 1 u 4 tal-Protokoll);

    (d) valutazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta’ politika settorjali dwar l-industrija tas-sajd fil-Gżejjer Solomon (skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll), fejn din tkun iġġustifikata mir-riżultati ta’ l-ipprogrammar annwali u dak tul bosta snin osservat miż-żewġ Partijiet;

    (e) it-tmiem ta’ dan il-Ftehim skond l-Artikolu 12;

    (f) is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim taħt l-Artikolu 13.

    Artikolu 8

    L-inkoraġġiment tal-koperazzjoni fost l-operaturi ekonomiċi u fis-soċjetà ċivili

    1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, kummerċjali xjentifika u teknika fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd u fis-setturi relatati. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin bl-għan li jikkoordinaw il-miżuri differenti li għandhom mnejn jittieħdu għal dan l-iskop.

    2. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar it-teknika u l-apparat tas-sajd, il-metodi ta’ preservazzjoni u l-ipproċessar industrijali tal-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd.

    3. Il-Partijiet għandhom ifittxu li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni ta’ relazzjonijiet bejn l-intrapriżi mill-Partijiet fl-isferi tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investiment.

    4. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b’mod partikolari, it-twaqqif ta’ intrapriżi konġunti fl-interess ta’ xulxin. Il-ħolqien ta’ intrapriżi konġunti fil-Gżejjer Solomon u t-trasferiment tal-bastimenti tal-Komunità lill-intrapriżi konġunti għandhom ikunu konformi, b’mod sistematiku, mal-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon u tal-Komunità.

    Artikolu 9

    Il-Kumitat Konġunt

    1. Għandu jitwaqqaf Kumitat Konġunt biex jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat konġunt għandu jwettaq l-operazzjonijiet li ġejjin:

    (a) jimmonitorja l-ħidma, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ l-ipprogrammar annwali u dak tul bosta snin imsemmi fl-Artikolu 5(2) tal-Protokoll u l-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tiegħu;

    (b) jipprovdi l-komunikazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa għall-kwistjonijiet ta’ interess reċiproku relatati ma’ l-industrija tas-sajd;

    (ċ) jagħmilha ta’ forum biex jintlaħaq ftehim ta’ ħbieb għal kull tilwima li għandha x’taqsam ma’ l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

    (d) jivvaluta mill-ġdid, fejn meħtieġ, il-livell ta’ opportunitajiet tas-sajd u, b’hekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1,2, u 3 tal-Protokoll;

    (e) kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jiddeċiedu fuqha bi ftehim reċiproku.

    2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, darba fil-Komunità u darba fil-Gżejjer Solomon, u għandu jkun ippresedut mill-Parti li tkun qiegħda tilqa’ għandha l-laqgħa. Għandu jagħmel laqgħa speċjali fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

    Artikolu 10

    Iż-żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

    Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Gżejjer Solomon.

    Artikolu 11

    It-tul tal-Ftehim

    Dan il-Ftehim għandu japplika għal tliet snin mid-data ta’ meta jidħol fis-seħħ; jiġġedded b’mod awtomatiku għal perjodi addizzjonali ta’ tliet snin, sakemm ma tingħatax notifika tat-tmiem tiegħu skond l-Artikolu 12.

    Artikolu 12

    It-tmiem

    1. Dan il-Ftehim jista’ jiġi mitmum minn xi waħda mill-Partijiet f’każ li jkun hemm ċirkustanzi serji bħad-degradazzjoni tal-ħażniet konċernati, l-iskoperta ta’ livell imnaqqas ta’ utilizzazzjoni ta’ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas li jiġu mħarsa l-wegħdiet magħmulin mill-Partijiet fil-każ tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat.

    2. Il-Parti konċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim mill-anqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu addizzjonali.

    3. Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel għandu jingħata bidu għal konsultazzjonijiet mill-Partijiet.

    4. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha jseħħ it-tmiem għandu jonqos b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

    5. Qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità ta’ kwalunkwe Protokoll ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jibdew negozjati biex jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim liema emendi jew żjidiet huma meħtieġa għal mal-Protokoll u l-Anness.

    Artikolu 13

    Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja

    1. L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim jew fil-Protokoll u fl-Anness tiegħu. Din is-sospensjoni titlob li l-Parti konċernata tinnotifika l-intenzjoni tagħha bil-miktub mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha mistennija tibda s-sospensjoni. Mal-wasla ta’ din in-notifika, il-Partijiet għandhom jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet bl-għan li jirriżolvu d-differenzi tagħhom bi ħbiberija.

    2. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 7 għandu jonqos b’mod proporzjonali u pro rata temporis, skond kemm idum is-sospensjoni.

    Artikolu 14

    Is-sospensjoni minħabba force majeur

    1. Fejn ċirkustanzi serji, li m’humiex fenomeni naturali, ma jħallux li jsiru attivitajiet ta’ sajd fiż-żona ekonomika esklussiva (EEZ) tal-Gżejjer Solomon, il-Komunità Ewropea tista’ tissospendi l-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja pprovdut fl-Artikolu 2 tal-Protokoll, wara li jkunu saru konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet fejn hu possibbli, u bil-kondizzjoni li l-Komunità tkun ħallset b’mod sħiħ l-ammonti kollha dovuti fil-mument tas-sospensjoni.

    2. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jerġa’ jibda hekk kif il-partijiet jaraw, bi ftehim reċiproku wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet, li ċ-ċirkustanzi li ma kinux jippermettu li jsiru l-attivitajiet tas-sajd m’għadhomx jeżistu u li s-sitwazzjoni tippermetti li jerġgħu jibdew l-attivitajiet tas-sajd. Dan il-ħlas għandu jsir fi żmien xahrejn wara li tkun saret il-konferma min-naħa taż-żewġ partijiet.

    3. Il-validità tal-liċenzji mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim u l-Artikolu 1 tal-Protokoll għandha tiġi estiża b’perjodu li jkun daqs dak li matulu kienu sospiżi l-attivitajiet tas-sajd.

    Artikolu 15

    Il-Protokoll u l-Anness għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim, imfassal f'duplikat bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, kull wieħed mit-testi jkun awtentiku bl-istess mod, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri ta’ adozzjoni tagħhom ġew ikkompletati.

    --------------------------------------------------

    Top