Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2014/450/PESK — dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

Regolament (UE) Nru 747/2014 — dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

  • Id-Deċiżjoni 2014/450/PESK u r-Regolament (UE) Nru 747/2014 jistabbilixxu miżuri tal-Unjoni Ewropea (UE) li jirrestrinġu l-involviment tan-nazzjonali tal-UE u ta’ persuni u entitajiet oħra soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE f’ċerti attivitajiet li jikkonċernaw is-Sudan, b’mod partikolari attivitajiet militari, flimkien ma’ restrizzjonijiet immirati fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta’ ffriżar tal-assi li jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1591 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fir-rigward tad-Darfur.
  • Id-Deċiżjoni 2014/450/PESK tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/40/PESK. Fl-interess taċ-ċarezza, is-sanzjonijiet fuq is-Sudan imposti bid-Deċiżjoni 2011/423/PESK huma separati minn dawk li jittrattaw is-Sudan t’Isfel u huma integrati f’test legali wieħed.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 747/2014 iħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 131/2004 u (KE) Nru 1184/2005.

PUNTI EWLENIN

Fil-kamp ta’ applikazzjoni personali u territorjali applikabbli tagħhom (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 747/2014), is-sanzjonijiet tal-UE jipprojbixxu:

  • il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn is-Sudan, minn nazzjonali tal-Istati Membri, mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru tal-bandiera tagħhom, ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż:
    • armi u munizzjon;
    • vetturi u tagħmir militari;
    • tagħmir paramilitari u spare parts għal tali oġġetti, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tal-Istati Membri kif ukoll jekk le;
  • il-forniment dirett jew indirett, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan, jew għall-użu fis-Sudan, ta’:
    • assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, mal-manifattura, mal-manutenzjoni u mal-użu ta’ armi u materjal relatat;
    • servizzi oħra relatati mal-armi u mal-materjal relatat jew mal-forniment, mal-manifattura, mal-manutenzjoni jew mal-użu tagħhom;
    • finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ armi u materjal relatat jew ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari:
      • għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni
      • assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra.

Id-deċiżjoni tirrikjedi li dawn il-miżuri jiġu rieżaminati f’intervalli regolari, mill-inqas kull 12-il xahar.

Miżuri restrittivi

Id-deċiżjoni timponi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq dawk li jitqiesu li:

  • jimpedixxu l-proċess tal-paċi;
  • jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà f’Darfur u fir-reġjun;
  • jikkommettu ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali jew tad-drittijiet tal-bniedem jew atroċitajiet oħra;
  • jiksru l-embargo fuq l-armi jew ikunu responsabbli għal titjiriet militari offensivi fir-reġjun tad-Darfur, u fuqu.

L-Anness tad-deċiżjoni u l-Anness I tar-regolament jistabbilixxu l-lista ta’ individwi li l-Istati Membri jridu jwaqqfu milli jidħlu jew jgħaddu mit-territorji tagħhom u dawk l-individwi, kumpaniji, entitajiet jew korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom se jiġu ffriżati.

Kwalunkwe persuna elenkata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU trid tiġi inkluża fl-annessi.

L-annessi jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Eżenzjonijiet umanitarji

F’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2664 (2022), ir-Regolament (UE) 2023/720 u d-Deċiżjoni (PESK) 2023/726 jintroduċu fid-dritt tal-UE eżenzjoni mill-miżuri ta’ ffriżar tal-assi għat-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja u attivitajiet oħra ta’ sokkors imwettqa minn programmi tan-NU, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jipparteċipaw fi pjanijiet ta’ rispons umanitarju tan-NU jew f’raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji u parteċipanti xierqa oħra ddeterminati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU.

Il-fornituri li jinvokaw l-eżenzjoni umanitarja jridu jagħmlu sforzi raġonevoli biex jimminimizzaw kwalunkwe benefiċċju pprojbit mis-sanzjonijiet, inkluż permezz ta’ forniment dirett jew indirett jew devjazzjoni lejn individwi jew entitajiet elenkati.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

Kemm id-deċiżjoni kif ukoll ir-regolament ilhom japplikaw mil-.

SFOND

Il-bażijiet legali għal dawn is-sanzjonijiet tal-UE huma l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għad-deċiżjoni, u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-regolament.

Għal aktar tagħrif ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK tal- dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK (ĠU L 203, , pp. 106–112).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2014/450/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014 tal- dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 131/2004 u (KE) Nru 1184/2005 (ĠU L 203, , pp. 1–12).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament

Top