Use quotation marks to search for an "exact phrase". Append an asterisk (*) to a search term to find variations of it (transp*, 32019R*). Use a question mark (?) instead of a single character in your search term to find variations of it (ca?e finds case, cane, care).
tistabbilixxi standards komuni għall-identifikazzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE jew ta’ persuni mingħajr stat ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-UE, kemm bħala refuġjati kif ukoll bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja1;
tiżgura li dawk il-persuni jkunu jistgħu jużaw livell minimu ta’ benefiċċji u drittijietfl-Istati Membri kollha tal-UE.
B’dan il-mod, hija tfittex li tillimita l-moviment bejn l-Istati Membri tal-UE tal-persuni kkonċernati minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni.
Standards komuni huma stabbiliti biex jiddeterminaw min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja, u biex jiddeterminaw il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jintroduċu jew iżommu regoli iktar favorevoli għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni.
“Refuġjati” u persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja huma definiti, kif inhuma definiti l-membri tal-familja tagħhom— li jestendu għall-missier, l-omm jew adult ieħor li huwa responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jekk il-persuna tkun taħt it-18-il sena (minuri) u ma tkunx miżżewġa.
Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet
L-Istati Membri għandhom l-obbligu kondiviż li jikkooperaw b’mod attiv mal-applikant meta jiddeterminaw l-elementi rilevanti ta’ applikazzjoni.
Lista mhux eżawrjenti ta’ aspetti fosthom fatti, dikjarazzjonijiet u ċirkostanzi (pereżempju, jekk il-persuna tkun sofriet minn persekuzzjoni) tingħata u din għandha titqies fil-valutazzjoni fuq bażi individwali, objettiva u imparzjali.
Meta huma jkunu għamlu kull sforz biex jissottomettu u jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet stabbilita, il-persuni li jfittxu ażil għandhom jingħataw il-benefiċċju tad-dubju anke jekk l-applikazzjoni ma jkollhiex dokumentarju jew evidenza oħra.
L-applikanti jistgħu jitqiesu li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali jekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni interna minn persekuzzjoni jew dannu serju fi kwalunkwe parti tat-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom li għalih huma jista’ jkollhom aċċess b’mod sikur u legali u fejn b’mod raġjonevoli huma mistennija li jissetiljaw.
protezzjoni kontra l-persekuzzjoni jew dannu serju tista’ tingħata biss mill-istat jew mill-partijiet jew l-organizzazzjonijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-istat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu;
dawn il-partijiet għandhom ikunu jistgħu u jkunu lesti li joffru protezzjoni effettiva u mhux temporanja;
l-applikant għandu jkollu aċċess għal tali protezzjoni.
X’inhu att ta’ persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra huwa ċċarat fir-rigward tal-istatus tar-refuġjati, u l-forom differenti li jista’ jieħu.
Irid ikun hemm raġuni għall-persekuzzjoni, u t-test jindika l-aspetti — ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija ta’ grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika — li għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tar-raġunijiet għall-persekuzzjoni.
In-nuqqas ta’ protezzjoni mill-persekuzzjoni għal waħda mir-raġunijiet indikati hawn fuq hija wkoll raġuni biex wieħed jikkwalifika għal status ta’ refuġjat.
Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja
Id-dannu serju li ċittadin mhux tal-UE kkonċernat jirriskja li jsofri jekk huwa/hija jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, jinkludi:
piena kapitali jew eżekuzzjoni;
tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig;
theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f'sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat.
Telf jew esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja
Id-direttiva telenka:
ċirkostanzi li fihom l-istatus ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja jieqfu (pereżempju meta l-applikant jikseb nazzjonalità ġdida) jew jiġu esklużi (pereżempju jekk l-applikant ikun wettaq delitt ta’ gwerra jew delitt kontra l-umanità);
raġunijiet li fuqhom dawk id-drittijiet jistgħu jiġu revokati, jintemmu jew jiġi rrifjutat it-tiġdid tagħhom — inkluż meta jkun hemm raġunijiet raġjonevoli biex l-applikant jitqies bħala periklu għas-sigurtà jew għall-komunità tal-pajjiż ospitanti tal-UE.
Kontenut tal-protezzjoni internazzjonali
Il-kontenut tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja jinġieb eqreb għal dak ta’ refuġjat, u b’hekk jelimina bil-kbir il-possibbiltà li l-pajjiżi tal-UE jillimitaw l-aċċess għal xi drittijiet għar-refuġjati biss.
Il-protezzjoni internazzjonali li għandha tingħata mill-Istat Membru ospitanti tal-UE tinkludi d-drittijiet li ġejjin.
L-aċċess tar-refuġjati u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għal informazzjoni, f’lingwa li jistgħu jifhmu jew li huma raġjonevolment mistennija li jifhmu, dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-istatus tagħhom.
Protezzjoni tal-unità tal-familja.
Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku, il-ħruġ ta’:
permessi ta’ residenza — validi għal mill-inqas 3 snin għar-refuġjati, u mill-inqas sena (sentejn mat-tiġdid) fil-każ ta’ protezzjoni sussidjarja, u
dokumenti ta’ vjaġġar biex wieħed jivvjaġġa barra mit-territorju nazzjonali — fil-każ ta’ protezzjoni sussidjarja, biss meta l-individwi ma jkunux kapaċi jiksbu passaport nazzjonali.
Aċċess għall-impjieg u opportunitajiet edukattivi u ta’ taħriġ relatati mal-impjieg, bi trattament ugwali fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg.
Aċċess għall-edukazzjoni — trattament ugwali bħal taċ-ċittadini għall-minuri u bħall-persuni residenti legalment li mhumiex ċittadini tal-UE għall-adulti.
Aċċess ugwali għal proċeduri għar-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki professjonali barranin.
Trattament ugwali maċ-ċittadini fir-rigward tal-għajnuna soċjali (din tista’ tkun limitata għal benefiċċji ewlenin fil-każ ta’ protezzjoni sussidjarja).
Rappreżentazzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjati minn gwardjan legali jew, fejn meħtieġ, minn organizzazzjoni responsabbli għall-benesseri tal-minuri, jew minn rappreżentazzjoni xierqa oħra kif previst fis-sistema legali nazzjonali.
Aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk ta’ persuni residenti legalment oħra li mhumiex ċittadini tal-UE.
Libertà ta’ moviment fi ħdan it-territorju nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ta’ persuni residenti legalment oħra li mhumiex ċittadini tal-UE.
Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni.
Jekk ikun meħtieġ, assistenza għal ripatrijazzjoni.
Pajjiżi li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva
L-Irlanda u r-Renju Unit*għażlu li jibqgħu barra mid-direttiva, kif setgħu jagħmlu skont il-Protokoll 21 anness għat-Trattat ta’ Lisbona. Konsegwentement, huma jibqgħu jkunu marbuta bid-Direttiva 2004/83/KE.
Id-Danimarka la hija marbuta b’din id-direttiva u lanqas bid-direttiva preċedenti minħabba l-Protokoll 22 dwar il-pożizzjoni tagħha anness għat-Trattat ta’ Lisbona.
Revoka
Id-Direttiva 2011/95/KE hija mħassra u sostitwita bir-Regolament (UE) 2024/1347 (ara s-sommarju) mill-.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Id-Direttiva 2011/95/UE tirrevedi u tissostitwixxi d-Direttiva 2004/83/KE. Ħafna mill-artikoli tad-Direttiva 2011/95/UE, li jirrelataw mal-aspetti li ma kinux koperti mid-Direttiva 2004/83/KE, ilhom japplikaw mit-. Ir-regoli l-ġodda li jinsabu fid-Direttiva 2011/95/UE kellhom isiru liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-.
Protezzjoni sussidjarja. Protezzjoni internazzjonali għall-persuni li qed ifittxu ażil li ma jikkwalifikawx bħala refuġjati. Skont id-direttiva, dawn huma persuni li jekk jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jiffaċċjaw riskju veru li jsofru dannu serju (iddefinit fit-test).
Każistika. Il-liġi kif stabbilita mir-riżultat ta’ każijiet preċedenti.
Refoulement. L-att li r-refuġjati jew il-persuni li jfittxu ażil (xi ħadd li t-talba tiegħu għal status ta’ refuġjat tkun għadha ma ġietx iddeterminata) jiġu sfurzati jirritornaw lejn pajjiż fejn x’aktarx se jiffaċċjaw persekuzzjoni.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, , pp. 9-26)
DOKUMENTI RELATATI
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta’ rotot legali lejn l-Ewropa (COM(2016) 197 final, )
Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, , pp. 168-194).
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru. 516/2014 ġew inkorrati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, , pp. 60–95).
Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, , pp. 96-116).
Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, , pp. 31–59).
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tas- dwar l-istabbiliment tal-’Eurodac’ għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, , pp. 1-30).
*Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u sar pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.