Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Networks Trans-Ewropej (TENs)

Il-funzjoni tan-networks trans-Ewropej (TENs) hija li joħolqu infrastruttura moderna u effettiva li tgħaqqad ir-reġjuni Ewropej u n-networks nazzjonali. It-TENs huma essenzjali għall-operat xieraq tas-suq uniku tal-Unjoni Ewropea (UE) u għall-impjiegi, billi dawn jiżguraw il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni u tas-servizzi.

L-Artikoli 170, 171 u 172 flimkien mal-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdu l-bażi legali għat-TENs, li jeżistu fit-tliet setturi ta’ attività li ġejjin:

  • In-networks tat-trasport trans-Ewropej (TEN-T) ikopru proġetti ta’ interess komuni biex joħolqu infrastruttura tat-trasport ġdida jew biex jaġġornaw l-infrastruttura eżistenti, biex jindirizzaw in-nuqqasijiet, biex ineħħu imblukkar u jeliminaw ostakli tekniċi fil-flussi tat-trasport bejn l-Istati Membri tal-UE.
  • In-networks Trans-Ewropej tal-enerġija (TEN-E) ikopru s-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali. L-għan tagħhom huwa li jgħaqqdu l-infrastruttura tal-enerġija tal-Istati Membri tal-UE biex jgħinu joħolqu suq uniku tal-enerġija u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista.
  • In-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (eTEN) għandhom l-għan li jneħħu ostakli diġitali li jxekklu t-tlestija tas-suq uniku diġitali u jilħqu l-objettivi tal-UE li kull dar Ewropea jkollha aċċess għall-internet.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), fond li oriġinarjament inħoloq għall-perjodu 2014–2020 biex jistimola l-investiment fit-TENs u jikseb finanzjament kemm mis-setturi privati kif ukoll dawk pubbliċi, ġiet estiża għall-perjodu ta’ qafas finanzjarju plurjennali 2021–2027. L-ammonti allokati għall-programm mill-baġit tal-UE huma dawn li ġejjin.

  • Trasport. EUR 11.4 biljun (flimkien ma’ trasferiment ta’ EUR 10 biljun mill-Fond ta’ Koeżjoni), li EUR 1.4 biljun minnhom huma għal konnessjonijiet ferrovjarji transfruntieri ewlenin neqsin bejn il-pajjiżi ta’ koeżjoni.
  • Enerġija. EUR 5.2 biljun.
  • Diġitali. EUR 1.8 biljun.

Id-Direttiva (UE) 2021/1187 tissimplifika l-miżuri għall-avvanz tar-realizzazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport billi tarmonizza l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ ċerti proġetti. Ir-regoli l-ġodda “tat-TEN-T intelliġenti” jiċċaraw il-proċeduri li l-promoturi tal-proġetti jeħtieġ li jsegwu fir-rigward tal-għoti tal-permessi u tal-akkwist pubbliku għal proġetti transfruntiera. Id-direttiva tkopri proġetti li huma parti mit-taqsimiet identifikati minn qabel tan-network ewlieni tat-TEN-T. Din tkopri wkoll proġetti oħra fil-kurituri tan-network ewlieni, li l-ispiża totali tagħhom taqbeż it-EUR 300 miljun. Il-proġetti relatati esklużivament mat-telematika u ma’ teknoloġiji ġodda oħra mhumiex koperti mid-direttiva, peress li l-użu tagħhom mhuwiex limitat għan-network ewlieni tat-TEN-T. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-direttiva għal proġetti oħra fuq in-network ewlieni u komprensiv tat-TEN-t bħala parti minn approċċ usa’ u aktar armonizzat għall-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport.

ARA WKOLL

Top