Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi l-EIOPA, korp tal-Unjoni Ewropea (UE) li jgħin fil-koordinazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali u li jassigura l-implimentazzjoni konsistenti ta’ liġijiet tal-UE għas-setturi ta’ assigurazzjoni u pensjonijiet tax-xogħol fl-Istati Membri tal-UE.
  • Għandu l-għan li jippromwovi l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja tal-pubbliku fis-swieq tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet.
  • Huwa jfittex li jipproteġi d-drittijiet tad-detenturi tal-poloz, tal-membri tal-iskemi tal-pensjonijiet u tal-benefiċċjarji.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni konsistenti tal-liġi

  • L-EIOPA tfassal standards regulatorji u tekniċi li jakkumpanjaw liġijiet adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew għal:
    • kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni;
    • konglomerati finanzjarji (kumpaniji finanzjarji kbar attivi f’diversi setturi finanzjarji);
    • pensjonijiet tax-xogħol;
    • intermedjarji tal-assigurazzjoni (negozji li jbigħu l-poloz tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni).
  • Hija għandha wkoll is-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE rilevanti.

Xejriet tas-suq

  • Sabiex tiġi assigurata l-istabbiltà tas-swieq tal-assigurazzjoni u jiġu protetti d-detenturi tal-poloz, il-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi tal-pensjonijiet, l-EIOPA twettaq firxa ta’ kompiti. Dawn jinkludu l-monitoraġġ ta’ xejriet tal-konsumatur u l-valutazzjoni ta’ riskji potenzjali tas-suq kif ukoll vulnerabbiltajiet.
  • Taħt ċertu kundizzjonijiet stretti, l-EIOPA tista’ tipprojbixxi jew tillimita temporanjament attivitajiet finanzjarji li jistgħu jheddu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew ikollhom il-potenzjal li jikkawżaw danni finanzjarji sinifikanti lill-klijenti jew lill-konsumaturi.

Ksur tal-liġi

  • L-EIOPA għandha s-setgħa li tinvestiga ksur tal-liġi minn awtorità nazzjonali, meta l-awtorità nazzjonali ma jirnexxilhiex tassigura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mal-liġi tal-UE.
  • L-EIOPA tista’ toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità nazzjonali fi żmien xahrejn. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ mbagħad toħroġ opinjoni formali li tkun teħtieġ li l-awtorità tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi. Jekk l-awtorità nazzjonali tibqa’ ma tikkonformax, l-EIOPA tista’ tindirizza deċiżjoni direttament għal istituzzjoni finanzjarja taħt ċertu kundizzjonijiet stretti. Din id-deċiżjoni ser tkun prevalenti fuq deċiżjonijiet preċedenti li ttieħdu dwar l-istess affari mill-awtorità nazzjonali.

Konverġenza superviżorja

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2175 saħħaħ l-iskop tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tal-EIOPA. Huwa jassigura li l-EIOPA:

  • tkun kapaċi tassisti s-superviżuri nazzjonali fl-użu u fl-awtorizzazzjoni ta’ mudelli interni — użati minn kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti kapitali tas-solvenza — u b’hekk jgħinu fil-ksib ta’ riżultati iktar konverġenti madwar l-Istati Membri;
  • tista’ tippromwovi prattiċi superviżorji konverġenti fis-suq intern tal-UE u tassisti l-awtoritajiet kompetenti jipproteġu d-detenturi tal-poloz tal-assigurazzjoni f’tilwim transfruntiera bl-introduzzjoni ta’ pjattaformi ta’ kollaborazzjoni — li għandhom jitwaqqfu kull meta l-awtoritajiet kompetenti jaraw il-ħtieġa għal koordinazzjoni skont l-iżviluppi speċifiċi tas-suq — u l-ħtieġa għal skambju ta’ informazzjoni aħjar bejn is-superviżuri differenti tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li qed joperaw transfruntiera;
  • mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħrajn, tivvaluta x-xogħol tas-superviżuri nazzjonali (evalwazzjoni bejn il-pari) u tippubblika rapporti biex tinkoraġġixxi l-konformità u żżid it-trasparenza;
  • f’każ ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu minn operaturi fis-settur finanzjarju jew minn awtoritajiet kompetenti fl-ambitu tagħhom, tagħti kunsens minn qabel fejn għandha tittieħed deċiżjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (li għandha setgħat globali f’dan il-qasam b’rispett għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011 (minbarra l-Artikolu 76 tiegħu dwar azzjonijiet preparatorji u l-Artikoli 77(1) u (2) dwar proviżjonijiet għal persunal tranżitorju li applikaw mis-16 ta’ Diċembru 2010).
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2175 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 48–83).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331,15.12.2010, pp. 162–164).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE tal-5 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi Kumitat tal-Assigurazzjoniet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (ĠU L 3, 7.1.2004, p. 34–35).

l-aħħar aġġornament 14.12.2021

Top