Help Print this page 
Title and reference
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 xeħtet dawl fuq nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (UE). Ibbażata fi Frankfurt, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) inħolqot fl-2010 biex tipprevjeni r-riskji li s-settur tal-assigurazzjoni jiġi destabbilizzat.

ATT

Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE.

SOMMARJU

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 xeħtet dawl fuq nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (UE). Ibbażata fi Frankfurt, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) inħolqot fl-2010 biex tipprevjeni r-riskji li s-settur tal-assigurazzjoni jiġi destabbilizzat.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Dan iwaqqaf l-EIOPA, korp tal-UE li jappoġġa l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u jiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-liġijiet tal-UE għas-setturi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol fil-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni konsistenti tal-liġi

L-EIOPA tfassal standards regolatorji u tekniċi li jakkumpanjaw il-liġijiet adottati mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni, konglomerati finanzjarji (kumpaniji finanzjarji kbar attivi f’diversi setturi finanzjarji), pensjonijiet tax-xogħol u intermedjarji tal-assigurazzjoni (negozji li jbiegħu pensjonijiet u poloz tal-assigurazzjoni). Din għandha wkoll is-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea.

Xejriet tas-suq

L-EIOPA għandha l-kompitu li tiżgura l-istabbiltà tas-swieq tal-assigurazzjoni u l-protezzjoni tad-detenturi tal-poloz, il-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet. Pereżempju, din twettaq monitoraġġ tat-tendenzi tal-konsumaturi u tivvaluta riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet tas-swieq. Taħti ċerti kundizzjonijiet stretti, tista’ tipprojbixxi temporanjament jew tirrestrinġi attivitajiet finanzjarji li jkunu ta’ theddida għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Ksur tal-liġi

L-EIOPA għandha s-setgħa li tinvestiga ksur tal-liġi minn awtorità nazzjonali. Dan jirriżulta meta din tal-aħħar tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mal-liġi Ewropea.

Fi żmien xahrejn, l-EIOPA tista’ toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità nazzjonali. Imbagħad, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ opinjoni formali li teħtieġ lill-awtorità tieħu l-azzjoni neċessarja biex tikkonforma mal-liġi. Jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-awtorità nazzjonali jibqa’ jippersisti, l-EIOPA tista’ tindirizza deċiżjoni direttament lil istituzzjoni finanzjarja taħt ċerti kundizzjonijiet stretti. Din id-deċiżjoni tipprevali fuq deċiżjonijiet preċedenti meħuda mill-awtorità nazzjonali.

Superviżjoni finanzjarja Ewropea

L-EIOPA hija parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja maħluqa fl-2010 li tinkludi tliet organizzazzjonijiet superviżorji oħrajn:

L-awtorità superviżorja responsabbli għas-swieq finanzjarji, ibbażata f’Pariġi (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

L-awtorità superviżorja responsabbli għas-settur bankarju, ibbażata ġewwa Londra (Awtorità Bankarja Ewropea).

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku responsabbli għas-superviżjoni globali tal-istabbiltà finanzjarja tal-UE, ibbażat fi Frankfurt.

Għal aktar informazzjoni, ara l-websajt tal-EIOPA.

REFERENZA

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1094/2010

16.12.2010

-

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48-83

Rettifika

-

-

ĠU L 54, 22.2.2014, p. 23-23

Att li jemenda

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/51/UE

23.5.2014

31.3.2015

ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1-61.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162-164).

Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120-161).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE tal-5 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi Kumitat tal-Assigurazzjoniet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (ĠU L 3, 7.1.2004, p. 34-35).

L-aħħar aġġornament: 16.04.2015

Top