EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0464

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-20 ta' Jannar 2005.
Johann Gruber vs Bay Wa AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Konvenzjoni ta' Brussell - L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13 - Kundizzjonijiet ta' applikazzjoni - Kunċett ta' "kuntratt konkluż minn konsumatur" - Xiri minn bidwi ta' madum għall-bejt ta' razzett għal użu in parti privata u in parti professjonali.
Kawża C-464/01.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:32

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2005 (*)

"Konvenzjoni ta’ Brussell – L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘kuntratt konkluż minn konsumatur’ – Xiri minn bidwi ta’ madum għall-bejt ta’ razzett għal użu in parti privata u in parti professjonali"

Fil-kawża C-464/01,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond il-Protokoll tat-3 ta’ Gunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2001, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2001, fil-kawża

Johann Gruber

vs

Bay Wa AG

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F . G. Jacobs,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

· għal J. Gruber, minn W. Graziani-Weiss, Rechtsanwalt,

· għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

· għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,

· għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello u G. Albenzio, avvocati dello Stato,

· għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. Telles Romão, bħala aġenti,

· għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Brussell").

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Gruber, iddomiċiljat fl-Awstrija, u l-kumpannija stabbilita taħt il-liġi Ġermaniża Bay Wa AG (iktar ’il quddiem "Bay Wa"), stabbilita l-Ġermanja, minħabba allegata eżekuzzjoni ħażina ta’ kuntratt li dan kien ikkonkluda ma din l-aħħar imsemmija.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell huma stabbiliti fit-Titolu II tagħha, li huwa magħmul mill-Artikoli 2 sa 24.

4       L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jagħmel parti mit-Titolu II tagħha, Taqsima 1, intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali", jistabbilixxi r-regola bażika li tipprovdi:

"Salv għad-dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-Konvenzjoni, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti għandhom jiġu mħarrka, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jidher fl-istess Taqsima, jipprovdi:

"Il-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti jistgħu jiġu mħarrka biss quddiem il-qrati ta’ Stat membru kontraenti ieħor bis-saħħa tar-regoli msemmija fit-Taqsimiet 2 sa 6 ta’ dan it-titolu."

6       L-Artikoli 5 sa 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jiffurmaw it-Taqsimiet 2 sa 6 tat-Titolu II tagħha, jipprovdu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, obbligatorja jew esklużiva.

7       Għalhekk, skond l-Artikolu 5, li jidher fit-Taqsima 2, intitolata "Ġurisdizzjoni speċjali", tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

"Il-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jiġi mħarrek, fi Stat kontraenti ieħor:

1)      fir-rigward ta’ kuntratt, quddiem il-Qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit; [...]"

8       Taħt l-istess Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikoli 13 sa 15 tagħha jiffurmaw it-Taqsima 4, intitolata "Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi".

9       L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jipprovdi:

"Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tagħha, iktar ’il quddiem imsejjaħ "il-konsumatur", il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din it-Taqsima […]:

1)      meta huwa bejgħ bin-nifs ta’ oġġetti mobbili materjali;

2)      meta huwa self li jitħallas lura bin-nifs jew tranżazzjoni oħra ta’ kreditu marbut ma’ l-iffinanzjar ta’ bejgħ ta’ tali oġġetti;

3)      għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

a)      il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn pubbliċità

u li

b)      l-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

[…]"

10     Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

"L-azzjoni tal-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt tista’ tinġieb kemm quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu din il-parti hija ddomiċiljata, u kif ukoll quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat." 

11     Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi dderogata biss jekk ikun hemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Jirriżulta mill-atti tal-kawża prinċipali li J. Gruber, li huwa bidwi, huwa sid ta’ razzett mibni madwar forma kwadra ("Vierkanthof") li jinsab fl-Awstrija ta’ fuq, viċin il-fruntiera Ġermaniża. Huwa jokkupa xi tużżana kmamar għall-użu ta’ residenza flimkien mal-familja tiegħu. Fir-razzett jitkabbru wkoll aktar minn 200 ħanżir, u hemm ukoll kamra kbira bil-magni u silos ta’ l-għalf tal-bhejjem. Min-naħa l-oħra, 10 sa 15 % tal-kwantitajiet totali ta’ l-għalf neċessarju għar-razzett huwa maħżuna hemmhekk. Il-parti tar-razzett użat għall użu privat huwa kemm kemm iktar minn 60 % tal-kejl tas-superfiċji komplessiv ta’ l-immobbli.

13     Bay Wa topera fil-Ġermanja bosta kumpanniji separati minn xulxin mill-perspettiva organizzattiva. Hija għandha negozju tal-materjal tal-kostruzzjoni mhux ’il bogħod mill-fruntiera Astrijaka f’Pocking (il-Ġermanja), kif ukoll ħanut tad-Do-it-yourself u ta’ l-affarijiet għall-ġonna. Dan l-aħħar imsemmi dipartiment ta’ Bay Wa qassam fuljetti publiċitari li ġew imqassma wkoll fl-Awstrija.

14     Billi ried ibiddel il-madum tas-saqaf tar-razzett tiegħu, J. Gruber sar jaf bil-fuljetti pubbliċitarji ta’ Bay Wa li kienu mehmuża mal-Braunauer Rundschau, ġurnal reġjonali perjodiku mqassam fid-djar. Il-madum propost għall-bejgħ mid-dipartiment tal-materjali tal-kostruzzjoni ta’ Bay Wa f’Pocking ma kienx jidher f’dawk il-fuljetti.

15     J. Gruber għamel bosta telefonati lill-impjegat ta’ Bay Wa dwar it-tipi differenti ta’ madum u dwar il-prezzijiet, li fihom ta ismu u l-indirizz tiegħu, iżda mingħajr ma stqarr li huwa bidwi. Dan l-impjegat għamillu offerta fuq it-telefon, iżda J. Gruber xtaq jara l-madum fil-post. Fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu għand Bay Wa, l-impjegat għamillu offerta bil-miktub, bid-data tat-23 ta’ Lulju 1998. Waqt dik il-laqgħa, J. Gruber informa lill-impjegat ta’ Bay Wa li huwa kellu razzett u xtaq jgħatti s-saqaf tar-razzett tiegħu. Huwa qallu wkoll li għandu bini sekondarju li jintuża essenzjalment għall-biedja, iżda ma speċifikax jekk il-bini li kellu jiġi mgħotti kienx ser jintuża għal kummerċ jew għal użu privat. L-għada, J. Gruber ċempel, mill-Awstrija, lill-imsemmi impjegat sabiex javżah li kien aċċetta l-offerta ta’ Bay Wa. Għalhekk, dan l-aħħar imsemmi bgħat bil-facsimile konferma ta’ l-ordni lill-bank ta’ J. Gruber fl-Awstrija.

16     Skond J. Gruber, il-madum ikkunsinnati minn Bay Wa, użati minn dan l-aħħar imsemmi sabiex jgħatti s-saqaf tar-razzett, kellhom differenzi kbar fil-kulur, minkejja l-garanzija mogħtija fir-rigward ta’ l-omoġeneità tal-kulur, tant illi s-saqaf kellu jerġa jsir. Konsegwentement, huwa ddeċieda jibda proċeduri legali, abbażi tal-garanzija u tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ, u minn naħa talab il-ħlas lura tal-prezz tax-xiri tal-madum, jiġifieri 258123 ATS, kif ukoll l-ispejjeż tat-tneħħija tagħhom u tqegħid mill-ġdid tal-madum, jiġifieri 141877 ATS, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ l-ispejjeż eventwali kollha.

17     Għal dan il-għan, fis-26 ta’ Mejju 1999, J. Gruber beda proċeduri legali quddiem il-Landesgericht Steyr (l-Awstrija) li kienet ġiet appuntata bħala l-qorti kompetenti fl-Awstrija mill-Oberster Gerichtshof, skond l-Artikolu 28 tal-liġi ta’ l-1 ta’ Awwissu 1895 dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenza u tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ordinarji fl-oqsma ċivili (Jurisdiktionsnorm, RGBl. 111).

18     Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Novembru 2000, il-Landesgericht Steyr irrifjutat l-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma minn Bay Wa u għalhekk iddikjaratha kompetenti biex taqta’ l-kawża.

19     Skond dik il-qorti, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma sodisfatti. Fil-fatt, fil-każ ta’ kuntratt li jkollu żewġ għanijiet, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema għan, privat jew professjonali, li huwa predominanti. Peress li huwa diffiċli li tiġi stabbilita l-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-attivitajiet privati u dawk professjonali fil-każ ta’ impriżi agrikoli, l-imsemmija qorti kkunsidrat li xejn ma kien ippermetta lill-bejjiegħ li jkun jaf oġġettivament jekk finalità waħda jew oħra kinitx tippredomina waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li, fid-dubju, ikun każ ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur. Minbarra dan, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 13(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, huwa irrilevanti li l-prodott konkret, finalment mixtri mill-konsumatur, kien ġie rreklamat jew le. Huwa biżżejjed li l-miżuri kienu ttieħdu sabiex tiġi assigurata pubbliċità favur kumpannija partikolari. Issa, ikun permezz tal-pubbliċità li Bay Wa setgħet tikkonkludi kuntratt ma’ J. Gruber, anki jekk dik il-pubbliċità ġejja minn dipartiment ieħor minn dak li jipprovdi l-merkanzija. Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni ta’ "proposta magħmula speċifikament" mill-bejjiegħ skond is-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni tiġi wkoll sodisfatta f’dan il-każ, peress li J. Gruber kien irċieva offerta minn fuq it-telefon. Huwa irrilevanti jekk dik kinitx ġiet aċċettata.

20     Min naħa l-oħra, permezz tas-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, l-Oberlandesgericht Linz (l-Awstrija) iddeċidiet favur l-appell ta’ Bay Wa kontra l-imsemmija deċiżjoni u rrifjutat id-domanda ta’ J. Gruber fuq il-bażi li l-qrati Awstrijaċi mhumiex kompetenti biex jaqtgħu il-kawża.

21     Skond l-Oberlandesgericht Linz, sabiex ikun hemm kuntratt konkluż minn konsumatur skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jeħtieġ li l-kuntratt jammonta għal att li għandu għan ieħor li mhux professjonali jew kummerċali għall-persuna kkonċernata. Sabiex dan l-għan jiġi identifikat, l-intenzjoni tal-benefiċjarju tas-servizz hija irrilevanti. Li huma importanti huma ċ-ċirkustanzi oġġettivi tat-tranżazzjoni li fiha l-parti kontraenti setgħet issir taf. L-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jkunux applikabbli ħlief jekk il-parti interessata essenzjalment tkunx aġixxiet barra mill-kuntest ta’ l-attività professjonali tagħha u jekk il-parti l-oħra għall-kuntratt kienet taf jew kellha tkun taf dwar din iċ-ċirkustanza fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, dik il-konoxxenza trid tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-elementi oġġettivi kollha.

22     Issa, it-tranżazzjoni in kwistjoni kellha, mill-elementi oġġettivi magħrufa minn Bay Wa, għan essenzjalment professjonali. Ix-xiri tal-madum imwettaq minn bidwi sabiex jgħatti r-razzett tiegħu huwa prima facie konness ma’ l-attività tal-kummerċ agrikolu. Fil-każ ta’ impriża agrikola, ir-razzett huwa minn natura tiegħu post professjonali li jservi wkoll, iżda mhux primarjament, għar-residenza tal-proprjetarju u l-membri tal-familja tiegħu. Il-fatt li jgħix f’razzett huwa konsegwenza ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ operatur agrikolu u għalhekk għandha rabta partikolari miegħu; essenzjalment għall-parti l-kbira tal-popolazzjoni. Meta J. Gruber iddikjara li huwa għandu impriża agrikola u ried jissostitwixxi l-madum tar-razzett tiegħu, Bay Wa ġiet imwassla, ġustament, tikkonkludi li hu kien essenzjalment qed jaġixxi għal finijiet professjonali. L-iskoperta relattiva għall-proporzjon tas-superfiċi użata għal użu privat u għal użu professjonali ma tkunx tat-tip li tinvalidaw din il-konklużjoni, peress li dawk l-elementi ma kienux ġew mgħarrfa lill-Bay Wa. Il-bejjiegħ ma kellu l-ebda raġuni sabiex jaħseb li J. Gruber kien ser juża l-madum esklużivament jew prinċipalment għall-finijiet mhux professjonali. Fl-aħħar nett, l-importanza tal-kwantitajiet mixtrija, jiġifieri total ta’ 24 000 maduma, setgħa leġittimament jikkostitwixxi, għall-bejjiegħ, element determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-bini kien essenzjalment użat għal użu professjonali.

23     Għalhekk, J. Gruber appella quddiem l-Oberster Gerichtshof kontra s-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001 ta’ l-Oberlandesgericht Linz.

24     Sabiex isostni l-appell tiegħu J. Gruber jgħid li, sabiex ikun jista’ jiġi meqjus bħala konsumatur skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jeħtieġ li l-għan professjonali ta’ l-attività tippredomina. Issa, f’dan il-każ partikolari, l-użu privat tar-razzett huwa iktar importanti mill-użu professjonali tiegħu. Huwa jżid li l-parti l-oħra kontraenti tal-konsumatur għandha l-obbligu li ssaqsi kif ukoll li tagħti l-pariri lill-klient, peress li tkun responsabbli fir-riskju ta’ żball eventwali. Skond hu, Bay Wa f’dan il-każ kellha raġunijiet suffiċjenti sabiex tikkunsidra li kien każ ta’ użu essenzjalment privat tar-razzett u, fid-dubju, hija kellha ssaqsi lix-xerrej dwar dan. Minbarra dan, il-bejgħ tal-madum kien ġie ppreċedut minn pubbliċità mqassma fl-Awstrija minn Bay Wa, li kien wassal lil J. Gruber jinnegozja ma’ din l-aħħar imsemmija, filwaqt li, qabel dak it-tqassim, huwa ma kienx jaf b’dik il-kumpannija. Fl-aħħar nett, J. Gruber kien wettaq fl-Awstrija l-atti preparatorji kollha għall-konklużjoni ta’ kuntratt.

25     Bay Wa tirribatti li, f’impriża agrikola, ir-razzett huwa qabel kollox post tax-xogħol u, normalment, il-kunsinni konnessi ma’ din l-impriża ma jistgħux isiru fuq bażi ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi. F’dan il-każ partikolari, l-użu privat ikun f’kull każ aċċessorju u Bay Wa ma kienx ikollha għarfien ta’ użu bħal dan. Il-konsumatur għandu jiddikjara b’mod ċar f’liema kwalità qed jaġixxi meta, bħal f’dan il-każ, ikun possibbli li jiġi preżunt, prima facie, li dan huwa każ ta’ għan professjonali. Il-parti l-oħra għall-kuntratt m’għandha l-ebda obbligu li ssaqsi informazzjoni f’dan ir-rigward. Id-dubji dwar il-kwalità tal-konsumatur għandhom iwasslu sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà tar-regoli ta’ kompetenza tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Minbarra dan, id-dipartiment tal-materjali tal-kostruzzjoni ta’ Bay Wa li għandu ġew ordnati l-madum ma kienx ibbenefika mill-pubbliċità mwettqa permezz tal-fuljett u l-ħwienet tad-Do-it-yourself u ta’ l-affarijiet għall-ġonna ta’ l-istess kumpannija, li għaliha kienet saret l-imsemmija pubbliċità, ma jbiegħux madum li jgħattu bihom. F’kull każ, ma saret l-ebda pubbliċità tal-madum. L-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt ma ġewx imwettqa fl-Awstrija, iżda fil-Ġermanja, peress li, skond id-dritt Ġermaniż, id-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni permezz tat-telefon tammonta għal manifestazzjoni tal-volontà li teħtieġ għarfien ta’ rċevuta u li l-konferma ta’ l-ordni mill-bejjiegħ kienet saret permezz ta’ faks mill-Ġermanja. Fil-każ ta’ offerta u ta’ aċċettazzjoni mhux simultanja, kif inhu l-każ meta l-ordni ssir bit-telefon fuq il-bażi ta’ offerta preċedenti, il-kuntratt jiġi meqjus konkluż fil-post tad-domiċilju tal-konvenut.

26     L-Oberster Gerichtshof issostni li, jekk toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-regoli tal-kompetenzi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi għandhom natura derogatorja mill-prinċipju tal-kompetenza tal-qrati ta’ l-Istat kontraenti fit-territorju li fih il-konvenut huwa ddomiċiljat, b’mod li l-kunċett ta’ konsumatur jiġi interpretat b’mod strett, il-Qorti ma tkunx għadha ppronunċjat ruħha fuq ċerti kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni fil-kawża li qed tinstema’ quddiemha.

27     Peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni għall-kawża li qed tisma’ tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li ssaqsi d-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Sabiex jiġi deċiż jekk il-parti interessata għandhiex il-kwalità ta’ konsumatur skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fi tranżazzjoni ta’ natura parzjalment privata, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-predominanza ta’ l-għan privat jew ta’ l-għan professjonali ta’ dik it-tranżazzjoni bħala element determinanti u li permezz tagħha jista’ jiġi deċiż jekk huwiex l-għan privat jew l-għan professjonali li huwa predominanti?

2)      Jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tat-tranżazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-elementi oġġettivament apparenti mill-perspettiva tal-parti l-oħra kontrattwali tal-konsumatur?

3)      Kuntratt li jista’ jiġi attribwit kemm għal attività professjonali kif ukoll għal attività privata jrid, fid-dubju, jiġi kkunsidrat bħala konkluż minn konsumatur?

4)      Il-konklużjoni tal-kuntratt huwa ppreċedut minn pubbliċità skond l-Artikolu 13, [l-ewwel inċiż] (3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, meta l-parti kontraenti l-oħra sussegwenti tal-konsumatur wettqet pubbliċità permezz ta’ fuljett fl-Istat kontraenti fejn hu ddomiċiljat il-konsumatur, iżda li l-prodott mixtri sussegwentement minn dan l-aħħar imsemmi ma bbenefikax hu stess mill-pubbliċità?

5)      Hemm kuntratt konkluż minn konsumatur skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell meta l-bejjiegħ jagħmel offerta permezz tat-telefon lix-xerrej iddomiċiljat fi Stat ieħor, u dik l-offerta ma tiġix aċċettata, iżda li x-xerrej minħabba dan jakkwista l-prodott oġġett ta’ l-offerta fuq il-bażi ta’ offerta miktuba?

6)      Il-konsumatur ikun wettaq fl-Istat tiegħu l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt, skond l-Artikolu 13, [l-ewwel inċiż] (3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jekk huwa jaċċetta permezz tat-telefon, fl-Istat tad-domiċilju tiegħu, offerta stabbilita fl-Istat fejn il-parti kontraenti l-oħra hija ddomiċiljata?"

 Fuq l-ewwel tliet domandi

28     Permezz ta’ l-ewwel tliet domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni mfassla fil-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kuntratt tat-tip bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittratta attivitajiet in parti professjonali u in parti privati, iridux jiġu kkunsidrati li ġew konklużi minn konsumatur skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni.

29     Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju tagħha, l-Oberster Gerichtshof essenzjalment issaqsi dwar jekk u, f’dan il-każ, b’liema kundizzjonijiet kuntratt li għandu żewġ għanijiet, bħal dak li J. Gruber ikkonkluda ma’ Bay Wa, jaqa’ taħt regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Aktar speċifikament, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb aktar spjegazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li hija tkun trid tieħu in kunsiderazzjoni għall-kwalifikazzjoni ta’ kuntratt bħal dan, dwar l-importanza f’dan ir-rigward tal-predominanza ta’ l-għan privat jew professjonali mħaddan permezz tat-tranżazzjoni li fuqa jittratta l-kuntratt, kif ukoll dwar l-effett ta’ l-għarfien mill-parti l-oħra kontraenti tal-parti li favuriha din it-tranżazzjoni sseħħ, minn naħa, tal-għan ta’ l-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjonijiet li fihom din il-konklużjoni seħħet.

30     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Brussell tistabbilixxi, fit-Titolu II, Taqsima 4, ir-regoli tal-Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Dan l-aħħar imsemmi kunċett huwa ddefinit, kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 ta’ dik il-konvenzjoni, bħala li jkopri l-"kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tagħha".

31     Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċetti użati mill-Konvenzjoni ta’ Brussell − li jinkludi, b’mod partikolari, dak tal-"konsumatur" skond l-Artikolu 13 sa 15 ta’ din il-konvenzjoni − għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu meta jirreferu prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ l-imsemmija konvenzjoni, sabiex jassiguraw l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati kontraenti kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1978, Bertrand, 150/77, Ġabra p. 1431, punti 14 sa 16; tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C-89/91, Ġabra p. I-139, punt 13; tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C-269/95, Ġabra p. I-3767, punt 12; tas-27 ta’ April 1999, Mietz, C-99/96, Ġabra p. I-2277, punt 26, tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C-96/00, Ġabra p. I-6367, punt 37).

32     Issa, fl-ewwel lok, fis-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ l-Istat kontraenti fit-territorju li fiha l-konvenut huwa ddomiċiljat jikkostitwixxi l-prinċipju ġenerali, imsemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, u hija biss permezz ta’ deroga għal dan il-prinċipju li din tipprovdi każijiet elenkati li fihom il-konvenut jista’ jew għandu jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat kontraenti ieħor. Konsegwentement, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorja għal dan il-prinċipju ġenerali huma ta’ interpretazzjoni stretta, fis-sens li huma ma jagħtux lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżi espressament previsti mill-imsemmija konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenżi ċċitati Bertrand, punt 17; Shearson Lehman Hutton, punti 14 sa 16; Benincasa, punt 13, u Mietz, punt 27).

33     Interpretazzjoni bħal din tapplika a fortiori għal regola ta’ ġurisdizzjoni, bħal dik ta’ l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tippermetti lill-konsumatur, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tagħha, li tħarrek lill-konvenut quddiem il-qrati ta’ l-Istat kontraenti fit-territorju li fih il-konvenut huwa ddomiċiljat. Fil-fatt, barra mill-każ li hija tipprevedi espressament, din il-konvenzjoni ma tidhirx favorevoli għall-ammissjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrenti (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C-220/88, Ġabra p. I-49, punti 16 u 19; Shearson Lehman Hutton, iċċitat iktar ’il fuq, punt 17; Benincasa, iċċitat iktar ’il fuq, punt 14, u ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C-168/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 20).

34     Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li s-sistema partikolari stabbilita mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Taqsima 4, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tidderoga r-regola tal-prinċipju previst fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 tagħha u għar-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali għall-kuntratti in ġenerali, li tinsab fl-Artikolu 5, punt 1, ta’ dik il-konvenzjoni, għandha l-għan li tassigura protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala parti f’kuntratt meqjusa ekonomikament aktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenzja mill-parti kontraenti professjonali l-oħra, parti li mgħandhiex tiġi skoraġġata milli tirrikorri għal rimedji legali billi tiġi mġegħla tfittex rimedji quddiem il-qrati ta’ l-Istat fit-territorju li fih il-parti kontraenti l-oħra hija ddomiċiljata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Shearson Lehman Hutton, punt 18, u Gabriel, punt 39).

35     Mis-sistema tar-regoli tal-kompetenza implementati mill-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll minħabba r-raġuni ta’ l-eżistenza tagħha tas-sistema speċifika stabbilita mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Taqsima 4, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawk id-dispożizzjonijiet ikopru biss lill-konsumatur finali privat, mhux involut f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali, u li l-benefiċċju ta’ dispożizzjonijiet bħal dawn ma jridux jiġu estiżi għal persuni li għalihom protezzjoni partikolari mhix ġustifikata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bertrand, punt 21; Shearson Lehman Hutton, punti 19 u 22; Benincasa, punt 15, u Gabriel, punt 39).

36     Fil-punti 16 sa 18 tas-sentenza Benincasa, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat f’dan ir-rigward li l-kunċett tal-"konsumatur" fis-sens ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13, u l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell trid tiġi interpretata b’mod strett, billi jsir riferiment għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna f’kuntratt stabbilit, fir-rigward tan-natura u l-għan tagħha, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ dik l-istess persuna, persuna waħda biss tista’ tiġi kkunsidrata bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kuntratti biss konklużi barra u indipendentement mill-attività jew għan kollu ta’ l-ordni professjonali, fl-għan waħdieni li jissodisfa l-ħtiġijiet proprji tal-konsum privat ta’ individwu, fir-rigward tas-sistema partikolari prevista mill-imsemmija konvenzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur bħala l-parti kkunsidrata dgħajfa, filwaqt li protezzjoni bħal din mhijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali.

37     Jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi ta’ l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, bħala prinċipju huma applikabbli biss fis-sitwazzjoni fejn l-għan tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet huwa użu li mhux wieħed professjonali ta’ l-oġġett jew tas-servizz ikkonċernat.

38     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk u b’liema mod kuntratt, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirreferi għal attivitajiet in parti professjonali u in parti privati u li jistgħu ikunu koperti minn regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorja msemmija fl-Artikoli 13 sa 15.

39     F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mill-għan ta’ l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jiġifieri l-protezzjoni debita tal-persuna li hija preżunta li ssib ruħha f’pożizzjoni dgħajfa fir-rigward tal-parti kontraenti l-oħra, li l-benefiċċju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bħala prinċipju ma għandux jiġi invokat minn persuna li tikkonkludi kuntratt għal użu li hija in parti kkonċernata b’attività professjonali tagħha u għalhekk hija biss in parti barra minnha. Tkun biss differenti fil-każ fejn ir-rabta ta’ l-imsemmi kuntratt ma’ l-attività professjonali tal-parti interessata kienet tant żgħira li tkun marġinali u, għalhekk, kellha biss rwol negliġibbli fil-kuntest ta’ t-tranżazzjoni li għaliha dan il-kuntratt ġie konkluż meta kkunsidrat fl-intier tiegħu.

40     Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta persuna tikkonkludi kuntratt għal użu marbut ma’ l-attività professjonali tagħha, hija trid tiġi meqjusa li qeghda f’pożizzjoni ugwali mal-parti kontraenti l-oħra, b’mod li l-protezzjoni partikolari rriżervata għall-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-konsumaturi ma tkunx iġġustifikata f’dan il-każ.

41     Dik il-kunsiderazzjoni mhijiex invalidata mill-fatt li l-kuntratt in kwistjoni għandu wkoll għan privat u tibqa’ rilevanti tkun xi tkun ir-relazzjoni bejn l-użu privat u professjonali, u dan anki jekk l-użu privat ikun predominanti, sakemm il-proporzjoni ta’ l-użu konness ma’ l-attività professjonali ma tkunx negliġibbli.

42     Konsegwentement, fil-każ ta’ kuntratt li għandu żewġ għanijiet, ma jkunx meħtieġ li l-użu ta’ l-imsemmi oġġett jew servizz għal finijiet professjonali jkun predominanti sabiex l-Artikoli 13 sa 15 ta’ l-imsemmija konvenzjoni tiġi tapplika.

43     Interpretazzjoni bħal din hija kkorroborata miċ-ċirkustanza li d-definizzjoni tal-kunċett tal-konsumatur li tidher fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija abbozzata f’termini nettament restrittivi li jużaw ton negattiv ("kuntratt konkluż […] għal użu […] barrani għall-attività professjonali"). Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kuntratt konkluż minn konsumatur trid tirċievi interpretazzjoni stretta peress li tammonta għal deroga mir-regola tal-kompetenza tal-prinċipju previst fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni u eċċezzjonalment tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju ta’ l-applikant (ara l-punti 32 u 33 tas-sentenza preżenti).

44     L-imsemmija interpretazzjoni hija neċessarja wkoll minħabba l-fatt li l-kwalifikazzjoni tal-kuntratt jirriżulta biss mill-evalwazzjoni ġenerali tiegħu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’bosta okkażjonijiet li n-nuqqas ta’ moltiplikazzjon tal-kriterji tal-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rapport ġuridiku jammonta għal wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C-256/00, Ġabra p. I-1699, punt 27; Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C-18/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 26).

45     L-interpretazzjoni li tinnega l-kwalità tal-konsumatur, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, meta l-użu ta’ l-oġġett jew servizz għandu għan li jirrileva relazzjoni sinjifikattiva ma’ l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata hija wkoll l-aktar waħda konformi mal-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali kif ukoll tal-previdibbiltà tal-qorti kompetenti għall-konvenut futur, li jikkostitwixxi l-bażi ta’ dik il-konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Besix, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 sa 26).

46     Fir-rigward tar-regoli abitwali fil-qasam tar-responsabbiltà li tressaq il-prova, hija l-persuna li għandha l-intenzjoni li tinvoka l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li trid tistabbilixxi li, fil-kuntratt b’għan doppju in kwistjoni, l-użu professjonali jkollu rwol biss negliġibbli, filwaqt li l-parti avversa jkollha dritt tressaq prova kuntrarja.

47     Fir-rigward ta’ l-elementi ta’ prova li diġà ġew ppreżentati quddiemha, hija allura l-qorti li li tkun intalbet taqta’ l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kuntratt kienx intiż ikopri, b’mod mhux negliġibbli, ħtiġijiet rilevanti ta’ l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata jew jekk, għall-kuntrarju, l-użu professjonali kien negliġibbli. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali trid tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut, in-natura u l-għan tal-kuntratt, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi oġġettivi li jmorru ma’ din il-konklużjoni.

48     Finalment, għal dak li jirrigwarda d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-ħtieġa għall-parti kontraenti ta’ l-allegat konsumatur li kellu konoxxenza ta’ l-għan tat-tranżazzjoni li fir-rigward tiegħu l-kuntratt ġie konkluż kif ukoll tal-kundizzjonijiet li fihom dik il-konklużjoni saret, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, sabiex tiffaċilita kemm jista’ jkun l-amministrazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tal-provi, hemm lok għall-qorti li tibbaża ruħha qabel fuq l-elementi tal-prova li oġġettivament jirriżultaw mill-atti.

49     Jekk dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-qorti tikkonkludi li l-kuntratt iservi b’mod sinjifikattiv għal ħtiġijiet rilevanti ta’ l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata, l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jkunux f’kull każ applikabbli minħabba l-post eċċezzjonali li dawk id-dispożizzjonijiet jokkupaw fis-sistema implementata minn din il-konvenzjoni. Għalhekk huwa inutli, f’dak il-każ, li jiġi eżaminat jekk l-użu professjonali setgħax jkun magħruf jew le mill-parti kontraenti l-oħra.

50     Jekk, minn naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi oġġettivi ta’ l-atti mhumiex ta’ tip li juru b’mod suffiċjenti skond il-liġi li t-tranżazzjoni kienet tat lok għall-konklużjoni ta’ kuntratt b’żewġ għanijiet għandha għan professjonali sinjifikattiv, dan il-kuntratt għandu, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat li ġie konkluż minn konsumatur skond l-imsemmija Artikoli 13 sa 15, taħt piena li jneħħu l-effett utili ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

51     Madankollu, fir-rigward tan-natura derogatorja tas-sistema tal-protezzjoni implementata mill-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-qorti trid, f’dan l-aħħar każ imsemmi, tivverifika wkoll jekk il-parti l-oħra għall-kuntratt setgħetx leġittimament tinjora l-għan extraprofessjonali tat-tranżazzjoni minħabba l-fatt li l-allegat konsumatur kien, fir-realtà, bl-imġiba tiegħu fir-rigward tal-parti futura kontraenti l-oħra tiegħu, jagħti l-impressjoni lil dan ta’ l-aħħar li huwa kien qed jagixxi b’għanijiet professjonali.

52     Dan huwa l-każ, per eżempju, meta individwu jordna mingħajr ma jispeċiika l-għanijiet oġġetti li effettivament iservu għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, juża għal dan il-għan ittra bl-intestazzjoni professjonali, jew jara li jiġu kkunsinnati fl-indirizz professjonali tiegħu oġġetti jew isemmi l-possibbiltà li jirkupra t-taxxa fuq il-valur miżjud.

53     F’każ bħal dan, ir-regoli speċifiċi tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi msemmija fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mhumiex applikabbli anki jekk il-kuntratt mhux intiż bħala tali li jwettaq għan professjonali sostanzjali, peress li l-individwu jrid jiġi kkunsidrat bħala li rrinunzja għall-protezzjoni prevista mill-imsemmija artikoli, kif jirriżulta mill-impressjoni li huwa ta lill-parti kontraenti l-oħra ta’ bona fede.

54     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi li r-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fil-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhom jiġu interpretati b’dan il-mod:

–       persuna li kkonkludiet kuntratt li jirreferi għal oġġett iddestinat għal użu in parti professjonali u in parti barra mill-attività professjonali tagħha ma tistgħax tinvoka r-regoli tal-ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 13 sa 15 ta’ l-imsemmija konvenzjoni, sakemm l-użu professjonali jkun marġinali sal-punt li jkollu rwol negliġibbli fil-kuntest globali tat-tranżazzjoni in kwistjoni, filwaqt li l-aspett extraprofessjonali predominanti jkun mingħajr effet f’dan ir-rigward;

–       hija l-qorti li mitluba tiddeċiedi li għandha taqta’ jekk il-kuntratt in kwistjoni ġiex konkluż sabiex ikopri, b’mod sinjifikattiv, ħtiġijiet rilevanti għall-attività professjonali tal-persuna kkonċernata jew jekk, għall-kuntrarju, l-użu professjonali kellux biss rwol insinjifikanti;

–       għal dan il-għan, hemm lok għall-imsemmija qorti li tieħu in kunsiderazzjoni l-element kollha ta’ fatt rilevanti li jirriżultaw oġġettivament mill-atti; min-naħa l-oħra, m’hemmx lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi jew elementi li fihom il-parti kontraenti l-oħra setgħet ikollha konoxxenza tagħhom matul il-konklużjoni tal-kuntratt, ħlief jekk il-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur taġixxi b’mod li hija leġittimament setgħet tagħti l-impressjoni, lill-parti l-oħra għall-kuntratt, li hija kienet qed taġixxi b’għanijiet professjonali.

 Fuq l-aħħar tlett domandi

55     Peress li l-aħħar tliet domandi kienu mistoqsija biss fis-sitwazzjoni li fiha tiġi stabbilita l-kwalità tal-konsumatur skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u fid-dawl tar-risposta mogħtija f’dan ir-rigward għall-ewwel tliet domandi, m’għadx hemm lok li tingħata risposta għall-aħħar tliet domandi, dwar il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

56     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni msemmija fil-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża, u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja, għandhom jiġu interpretati hekk:

–       persuna li kkonkludiet kuntratt li jirreferi għal oġġett iddestinat għal użu in parti professjonali u in parti barra mill-attività professjonali tagħha ma tistgħax tinvoka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 13 sa 15 ta’ l-imsemmija konvenzjoni, sakemm l-użu professjonali jkun marġinali sal-punt li jkollu rwol negliġibbli fil-kuntest globali tat-tranżazzjoni in kwistjoni, filwaqt li l-fatt li l-aspett extraprofessjonali predominanti jkun mingħajr effet f’dan ir-rigward;

–       hija l-qorti li mitluba tiddeċiedi li għandha taqta’ jekk il-kuntratt in kwistjoni ġiex konkluż sabiex ikopri, b’mod sinjifikattiv, ħtiġijiet rilevanti għall-attività professjonali tal-persuna kkonċernata jew jekk, għall-kuntrarju, l-użu professjonali kellux biss rwol insinjifikanti;

–       għal dan il-għan, hemm lok għall-imsemmija qorti li tieħu in kunsiderazzjoni l-element kollha ta’ fatt rilevanti li jirriżultaw oġġettivament mill-atti; min-naħa l-oħra, m’hemmx lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi jew elementi li fihom il-parti kontraenti l-oħra setgħet ikollha konoxxenza tagħhom matul il-konklużjoni tal-kuntratt, ħlief jekk il-persuna li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur taġixxi b’mod li hija leġittimament setgħet tagħti l-impressjoni, lill-parti l-oħra għall-kuntratt, li hija kienet qed taġixxi b’għanijiet professjonali.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top