Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0409

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
    UA vs « Eurobank Bulgaria » AD.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Apelativen sad - Sofia.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Kunċett ta’ ‘strument ta’ ħlas’ – Prokura ta’ mandatarju li jaġixxi f’isem id-detentur ta’ kont – Kopja tal-prokura bil-postilla – Artikoli 54 u 59 – Kunsens għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas – Kunċett ta’ ‘awtentikazzjoni’ – Tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għal dawn it-tranżazzjonijiet – Oneru tal-prova.
    Kawża C-409/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:600

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

    11 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Kunċett ta’ ‘strument ta’ ħlas’ – Prokura ta’ mandatarju li jaġixxi f’isem id-detentur ta’ kont – Kopja tal-prokura bil-postilla – Artikoli 54 u 59 – Kunsens għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas – Kunċett ta’ ‘awtentikazzjoni’ – Tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għal dawn it-tranżazzjonijiet – Oneru tal-prova”

    Fil-Kawża C‑409/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

    UA

    vs

    “Eurobank Bulgaria” AD

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

    Reġistratur: R. Stefanova‑Kamisheva, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal UA, minn V. B. Hambardzhiev u I. S. Velinova, advokati,

    –        għal “ Eurobank Bulgaria” AD, minn K. S. Chuturkova, advokat,

    –        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, R. Stoyanov u L. Zaharieva, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Očková u J. Vláčil, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmeri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Koleva u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 19 u 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), moqrija flimkien mal-Artikolu 59(1) tagħha.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UA, ċittadin Taljan, u “Eurobank Bulgaria” AD, bank stabbilit fil-Bulgarija (iktar ’il quddiem “Eurobank”), dwar il-ħlas ta’ somom ta’ flus li jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet bankarji mhux awtorizzati fuq l-assi tal-kont bankarju tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, kif ukoll dwar kumpens għad-danni materjali kkawżati minn dawn it-tranżazzjonijiet bankarji flimkien mal-interessi moratorji legali applikabbli.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

    3        Skont it-tielet sentenza tal-premessa 33 tad-Direttiva 2007/64:

    “It-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali marbutin mal-forniment u l-użu ta’ strument ta’ ħlas elettroniku, li l-effett tagħhom ikun li tiżdied ir-responsabbiltà tal-prova fuq il-konsumatur jew li jnaqqsu r-responsabbiltà tal-prova fuq min joħroġ l-istrument għandhom ikunu kkunsidrati nulli u bla effett.”

    4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-Komunità [Ewropea]. [...]”

    5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, kien ifformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    [...]

    3.      ‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness;

    [...]

    5.      ‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta' tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;

    [...]

    16.      ‘ordni tal-ħlas’ tfisser kwalunkwe istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

    [...]

    19.      ‘awtentikazzjoni’ tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-użu ta’ strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu;

    [...]

    23.      ‘strument tal-ħlas’ tfisser kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas;

    [...]”

    6        L-Artikolu 54 tal-istess direttiva, bit-titolu “Kunsens u rtirar tal-kunsens”, kien jipprevedi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li transazzjoni ta’ ħlas tkun ikkunsidrata bħala awtorizzata biss jekk min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonita’ ħlas. Transazzjoni ta’ ħlas tista’ tiġi awtorizzata minn min iħallas qabel jew, jekk hekk miftiehem minn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, wara l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta’ ħlas.

    2.      Il-kunsens biex titwettaq transazzjoni ta’ ħlas jew serje ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas għandu jingħata fil-forma miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.

    Fin-nuqqas ta’ kunsens bħal dan, transazzjoni ta’ ħlas għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux awtorizzata.

    3.      Il-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin minn min iħallas, iżda mhux aktar tard mill-punt ta’ irrevokabbiltà taħt l-Artiklu 66. Il-kunsens għal eżekuzzjoni ta’ serje ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas jistgħu wkoll jiġu rtirati bl-effett li kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas futura għandha titqies bħala mhux awtorizzata.

    4.      Il-proċedura biex jingħata l-kunsens għandha tiġi miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta’ ħlas tiegħu.”

    7        L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2007/64, bit-titolu “Limiti ta’ l-użu ta’ l-istrument tal-ħlas”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “F’każijiet fejn strument tal-ħlas speċifiku jintuża għall-finijiet ta’ għoti tal-kunsens, min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jistgħu jiftiehmu fuq limiti ta’ nfiq għal transazzjonijiet ta’ ħlas eżegwiti permezz ta’ dak l-istrument ta’ ħlas.”

    8        Skont l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Notifika ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament”:

    “L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 75, u mhux aktar tard minn 13‑il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III.”

    9        L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta’ ħlas”, kien ifformolat kif ġej :

    “1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.

    2.      Fejn utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument tal-ħlas irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56.”

    10      L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, bit-titolu “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, kien jipprevedi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.

    2.      Jista’ jiġi stabbilit aktar kumpens finanzjarju skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.”

    11      L-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64, bit-titolu “Armonizzazzjoni sħiħa”, kien jipprevedi:

    “1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 30(2), 33, 34(2), 45(6), 47(3), 48(3), 51(2), 52(3), 53(2), 61(3), 72 u 88 safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

    [...]

    3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ma jidderogawx, għad-detriment ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, mid-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva jew li jikkorrispondu magħhom ħlief fejn ikun ipprovdut b’mod espliċitu.

    Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jistgħu jiddeċiedu li jagħtu termini aktar favorevoli lill-utenti ta' servizzi ta’ ħlas.”

     Iddritt Bulgaru

    12      Skont l-Artikolu 51 taż-Zakon za platezhnite uslugi i platezhnite sistemi ot 2009 g. (il-Liġi dwar is-Servizzi Ta’ Ħlas u s-Sistemi Ta’ Ħlas tal‑2009) (DV Nr  23 tas‑27 ta’ Marzu 2009), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar’ il quddiem iż-“ZPUPS”):

    “(1)      It-tranżazzjoni ta’ ħlas hija awtorizzata, jekk minn iħallas ikun ordnaha jew jekk huwa jkun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni tagħha. Fl-assenza ta’ kunsens, it-tranżazzjoni ta’ ħlas għandha titqies li ma hijiex awtorizzata.

    (2)      L-awtorizzazzjoni ta’ min iħallas għandha tingħata qabel l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas jew, jekk min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jkunu ftehmu hekk, wara l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni.”

    13      L-Artikolu 56 taż-ZPUPS kien ifformulat kif ġej:

    “(1)      Meta l-utent ta’ servizz ta’ ħlas jiddikjara li huwa ma jkunx awtorizza l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas jew jiddikjara li tranżazzjoni ta’ ħlas ma ġietx eżegwita korrettament, il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas għandu jkollu l-oneru li jipprova li t-tranżazzjoni ta’ ħlas ġiet awtentikata, irreġistrata debitament u kkontabilizzata u li din ma kinitx affettwata minn xi difett tekniku jew difett ieħor.

    (2)      L-awtentifikazzjoni hija proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-legalita tal-użu ta’ strument ta’ ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu [...];”

    14      L-Artikolu 57(1) taż-ZPUPS kien jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jirrimborsa immedjatament l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata lil min iħallas u, jekk ikun meħtieġ, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas fl-istat li dan kien fih qabel l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.”

    15      L-Artikolu 58(2) taż-ZPUPS kien jipprevedi:

    “Min iħallas għandu jbati it-telf kollu marbut ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk huwa jkun ikkawżahom permezz ta’ aġir frawdolenti jew billi jkun naqas, intenzjonalment jew b’riżultat ta’ negliġenza serja, milli jissodisfa obbligu jew obbligi taħt l-Artikolu 53. F’dawn il-każijiet, min iħallas għandu jbati t-telf irrispettivament mill-ammont tiegħu.”

    16      L-Artikolu 75 taż-Zakon za zadalzheniyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”), jipprovdi:

    “(1)      L-obbligu għandu jitwettaq favur il-kreditur jew favur xi ħadd awtorizzat minnu, minn qorti jew mil-liġi. Fil-każ kuntrarju, dan it-twettiq ikun validu biss jekk il-kreditur ikun ikkonfermah jew ikun ibbenefika minnu.

    (2)      Id-debitur għandu jiġi meħlus mid-debitu jekk huwa jkun wettaq in bona fide l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ persuna li, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi inekwivoċi, tkun tidher li hija intitolata tirċievi l-eżekuzzjoni kkonċernata. Il-kreditur veru għandu dritt ta’ azzjoni kontra l-persuna li favur tagħha jkun sar it-twettiq. It-twettiq fir-rigward ta’ kreditur li jkun is-suġġett ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ eżerċizzju jeħles lid-debitur jekk dan kien ta’ benefiċċju għall-kreditur.”

    17      L-Artikolu 422(3) tat-Targovski zakon (il-Liġi dwar il-Kummerċ) (DV Nru 48, tat‑18 ta’ Ġunju 1991), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali jipprevedi:

    “Fil-każ ta’ telf, ta’ qerda jew ta’ serq tad-dokument ta’ depożitu maħruġ, id-depożitant għandu immedjatament jinforma bil-miktub lill-bank dwar dan. Il-bank ma għandux ikun responsabbli jekk, qabel ma jirċievi l-komunikazzjoni, huwa jħallas in bona fide ammont lil persuna li, abbażi ta’ ċirkustanzi inekwivokabbli, tkun tidher li hija intitolata tirċievi l-imsemmi ammont”.

     Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    18      Fit‑22 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u Eurobank ikkonkludew kuntratt ta’ ftuħ ta’ kont kurrenti, li permezz tiegħu dan il-bank impenja ruħu jiftaħ u jamministra kont f’isem id-detentur għal żmien indeterminat u li jipprovdilu servizzi ta’ ħlas. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li, fil-kuntest tal-proġetti ta’ investiment tiegħu, huwa wettaq total ta’ tnax‑il trasferiment lejn il-kont bankarju tiegħu, li ġie kkreditat b’ammont totali ta’ EUR 999 860.

    19      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li, meta, fis‑6 ta’ Frar 2018, huwa żar l-aġenzija ta’ Eurobank, bl-intenzjoni li jwettaq tranżazzjoni bankarja bl-assi tiegħu, impjegat tal-bank ikkonċernat informah li l-bilanċ tal-kont tiegħu ma kienx iktar minn EUR 16 000 u pprovdielu għal dan l-għan rendikont tal-kont bankarju tiegħu għall-perijodu ta’ bejn il-ftuħ ta’ dan il-kont, jiġifieri t‑22 ta’ Novembru 2017, u s‑6 ta’ Frar 2018. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa kien għalhekk ikkonstata li ċertu “MK”, li ma kienx magħruf minnu, kien wettaq tranżazzjonijiet bankarji lejn kont ta’ dan tal-aħħar, permezz ta’ sitt ordnijiet ta’ trasferiment distinti, għal ammont totali ta’ EUR 982 000, fuq il-preżentazzjoni ta’ kopja ta’ prokura ddatata l‑1 ta’ Diċembru 2017, allegatament maħruġa minn nutar Taljan irreġistrat mal-Kunsill Nutarili ta’ Milano (l-Italja) (iktar ’il quddiem il- “prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

    20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kopja tal-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx iffirmata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali bagħat, minn naħa, senjalazzjoni lil Eurobank, fis‑6 ta’ Marzu 2018, dwar it-trasferiment illegali tal-assi tiegħu lil MK u talab li l-ammont mitlub jiġi rrimborsat lilu fil-kont bankarju tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa bagħat kopja ta’ din is-senjalazzjoni lill-Balgarska narodna banka (BNB, il-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija), fit‑8 ta’ Marzu 2018. Fl-aħħar nett, huwa bagħat talba bil-miktub għal informazzjoni lin-nutar Taljan ikkonċernat dwar il-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan in-nutar wieġeb li huwa la kien ħejja u lanqas iċċertifika xi prokura f’isem MK, li tagħti mandat lil dan tal-aħħar sabiex iwettaq tranżazzjonijiet fuq il-kontijiet bankarji tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u żied li l-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet “ċertament ‘falza’”. L-imsemmi nutar informa wkoll lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li fl‑20 ta’ Frar 2018 huwa kien irċieva, permezz ta’ posta elettronika, talba għall-konferma tal-validità tal-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħand impjegat ta’ Eurobank. Fir-risposta tiegħu għal din il-posta elettronika, huwa kien enfasizza li din il-prokura kellha titqies bħala “falza” u l-għada huwa kien informa lill-Kunsill Nutarili ta’ Milano dwar l-użu ta’ “prokura falza”.

    22      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-impjegati ta’ Eurobank urew negliġenza serja billi ppermettew lil MK jiddisponi mill-assi disponibbli fil-kont bankarju tiegħu fuq il-preżentazzjoni ta’ prokura irregolari minħabba l-assenza ta’ firma tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fuqha.

    23      Eurobank tafferma li, fit‑22 ta’ Novembru 2017, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali fetaħ il-kont kurrenti tiegħu f’waħda mill-aġenziji tagħha, l-impjegat tal-aġenzija fehem li huwa kellu l-intenzjoni jiġġestixxi dan il-kont billi jirrikorri għal mandatarju. Minħabba t-tranżazzjonijiet internazzjonali mistennija fuq l-imsemmi kont u sabiex jiġi żgurat l-aċċess mill-bogħod u l-kontroll tal-movimenti ta’ somom ta’ flus fuq l-istess kont, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie offrut servizzi bankarji online, sistema ta’ notifiki permezz ta’ messaġġi testi (SMS) u karta ta’ debitu, iżda huwa rrifjuta li juża dawn is-servizzi.

    24      Eurobank ma tikkontestax il-fatti stabbiliti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija tindika li MK ippreżenta lill-impjegat tal-bank ikkonċernat, l-ewwel, fil‑15 ta’ Diċembru 2017, u, sussegwentement, waqt kull ordni ta’ ħlas, il-kopja, iċċertifikata konformi mal-oriġinal minn nutar Taljan ddatata l‑5 ta’ Diċembru 2017, ta’ prokura ddatata l‑1 ta’ Diċembru 2017. Din il-kopja kienet tinkludi postilla maħruġa mill-awtorità kompetenti, jiġifieri s-Sostituto Procuratore della Repubblica Italiana (Deputat Prosekutur tar-Repubblika Taljana), u kollox kien ġie tradott mil-lingwa Taljana għal-lingwa Bulgara minn traduttur ġuramentat.

    25      Eurobank tirrikonoxxi li, fl‑20 ta’ Frar 2018, hija staqsiet lil dan in-nutar jekk il-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx ġiet redatta u rreġistrata korrettament fir-reġistru nutarili tiegħu, jekk il-kopja nutarili ta’ din il-prokura kellhiex l-istess valur ġuridiku bħall-imsemmija prokura nnifisha u jekk kinitx prattika stabbilita li dawn il-kopji jinħarġ,u billi tintbagħat kopja skannjata tal-prokura inkwistjoni. Mingħajr ma pprovda tweġiba preċiża u ċara għall-mistoqsijiet li kienu sarulu, l-imsemmi nutar kien wieġeb li d-dokument ippreżentat lil Eurobank kien “falz”.

    26      Fis‑27 ta’ Frar 2018, Eurobank bagħtet talba bil-miktub permezz ta’ posta elettronika lis-Sostituto Procuratore della Repubblica Italiana (Deputat Prosekutur tar-Repubblika Taljana), li, permezz tal-firma tiegħu, kien awtentika l-kopja nutarili tal-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ postilla. Bi tweġiba għal din it-talba, Eurobank irċeviet il-konferma uffiċjali tal-Procura di Monza (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Monza, l-Italja) li l-postilla li kienet tinsab fuq il-kopja ta’ din il-prokura u maħruġa fit‑12 ta’ Diċembru 2017 kienet valida.

    27      Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) laqgħet it-talbiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi applikat iż-ZPUPS. Dik il-qorti ddeċidiet li bank huwa, bħala prinċipju, responsabbli għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, ħlief meta dawn ikunu ġew eżegwiti b’riżultat tal-fatt li d-detentur tal-kont ma kienx issodisfa, intenzjonalment jew b’riżultat ta’ negliġenza serja, l-obbligi tiegħu, f’liema każ il-valur tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma jiġix irrimborsat lid-detentur tal-kont, irrispettivament mill-ammont ta’ din it-tranżazzjoni. Skont l-imsemmija qorti, peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali la invokat u lanqas uriet l-eżistenza ta’ tali aġir min-naħa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali dwar l-eventwali bona fide tagħha.

    28      Eurobank appellat mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem l-Apelativen sad Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

    29      Fid-dawl tal-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64, li jiddetermina sa fejn din id-direttiva twettaq armonizzazzjoni totali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà, fl-ipoteżi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun aġixxa in bona fide u l-istrument ta’ ħlas li ġie ppreżentat lilu kien regolari minn perspettiva formali, li tapplika l-Artikolu 75(2) taż-ZZD fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-debitur għandu jiġi meħlus mid-debitu jekk huwa jkun wettaq in bona fide l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ persuna li, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi inekwivoċi, tkun tidher li hija intitolata tirċievi l-eżekuzzjoni.

    30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi kopja tal-oriġinal tal-prokura kkonċernata li tinkludi ċertifikazzjoni nutarili tal-firma tal-mandant, li fuqha tqegħdet postilla. Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tabolixxi r-rekwiżit ta’ legalizzazzjoni għad-dokumenti pubbliċi barranin, konkluża f’Den Haag fil‑5 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), il-legalizzazzjoni ta’ dokument permezz ta’ postilla tkopri l-formalità li permezz tagħha jiġu ċċertifikati l-awtentiċità tal-firma u l-kapaċità li fiha jkun aġixxa l-firmatarju tal-att, jiġifieri f’dan il-każ in-nutar.

    31      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn tali prokura tawtorizza lill-mandatarju jeżegwixxi atti ta’ dispożizzjoni fuq l-assi tal-kont bankarju kkonċernat, din tista’ tiġi kklassifikata bħala “strument tal-ħlas” fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, sa fejn din il-prokura tifforma parti minn proċedura użata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jibda ordni ta’ ħlas.

    32      Dik il-qorti tenfasizza wkoll li, sabiex tiġi awtorizzata, tranżazzjoni ta’ ħlas għandha tkun ġiet eżegwita abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas konformement mal-Artikolu 54(1) ta’ din id-direttiva. Skont l-imsemmija qorti, dan ir-rekwiżit ta’ kunsens jippreżupponi l-produzzjoni tal-prova tal-kapaċità ta’ awtur tad-dikjarazzjoni ta’ rieda attestata mill-ordni ta’ ħlas, fejn din il-prova hija marbuta mal-awtentikazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas, jiġifieri proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-użu ta’ strument ta’ ħlas partikolari, inklużi l-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu.

    33      Barra minn hekk, l-istess qorti tirrileva li, skont l-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, l-oneru tal-prova tal-awtentikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat. F’dan il-każ, jekk Eurobank tipprova li hija awtentikat l-istrument ta’ ħlas inkwistjoni, billi tistabbilixxi r-regolarità tal-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunsens ta’ min iħallas ikun stabbilit u t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas imwettqa b’dan l-istrument jitqiesu li ġew “awtorizzati”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-istess direttiva.

    34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Il-prokura li permezz tagħha l-mandatarju jwettaq att li jaqa’ taħt id-dritt ta’ proprjetà f’isem min iħallas permezz ta’ ordni ta’ ħlas jikkostitwixxi strument ta’ ħlas fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2007/64]?

    Il-postilla maħruġa minn awtorità barranija kompetenti taħt il-[Konvenzjoni ta’ Den Haag] tagħmel parti mill-proċedura ta’ awtentikazzjoni kemm tal-istrument ta’ ħlas u kemm tat-tranżazzjoni ta’ ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64?

    3)      Meta l-istrument ta’ ħlas (inkluż strument ta’ ħlas li jawtorizza lil terz iwettaq atti li jaqgħu taħt id-dritt ta’ proprjetà f’isem min iħallas) ikun regolari minn perspettiva formali (esterna), il-qorti nazzjonali tista’ tqis li t-tranżazzjoni ta’ ħlas hija awtorizzata, jiġifieri li min iħallas ta l-kunsens tiegħu sabiex titwettaq din it-tranżazzjoni?”

     Fuq iddomandi preliminari

     Fuq lewwel domanda

    35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li prokura, li permezz tagħha d-detentur ta’ kont bankarju jawtorizza lil mandatarju jwettaq att ta’ dispożizzjoni ta’ assi, fuq dan il-kont, permezz ta’ ordni ta’ ħlas, tikkostitwixxi “strument tal-ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    36      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, qabel kollox, li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi determinata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH, C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37      Il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “strument ta’ ħlas ”, fis-sens ta’ din id-Direttiva, bħala “kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas”.

    38      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tiddistingwixxi bejn żewġ kategoriji ta’ strumenti ta’ ħlas. Minn naħa hemm l-apparat personalizzat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi kklassifikat bħala personalizzat, strument ta’ ħlas għandu jippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika li l-ordni ta’ ħlas kienet inbdiet minn utent awtorizzat jagħmel dan (sentenzi tad‑9 ta’ April 2014, T‑Mobile Austria, C‑616/11, EU:C:2014:242, punt 33, u tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank, C‑287/19, EU:C:2020:897, punt 70).

    39      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “strument ta’ ħlas” jinkludi wkoll kwalunkwe sett ta’ proċeduri miftiehem bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

    40       Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-użu ta’ dan l-apparat personalizzat u/jew ta’ dan is-sett ta’ proċeduri għandu jippermetti, fih innifsu, li tinbeda ordni ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 55 sa 57 tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li “strument ta’ ħlas ” jinħareġ u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 4, kif ukoll mal-punt 5 tal-Anness tagħha, l-imsemmija direttiva hija applikabbli għas-servizzi ta’ ħlas li jinkludu kwalunkwe attività ta’ negozju elenkata f’dan l-anness, b’mod partikolari, għall-ħruġ u/jew għall-akkwist ta’ strumenti ta’ ħlas.

    41      F’dan il-każ, prokura speċifika u espressa mogħtija mid-detentur ta’ kont bankarju favur mandatarju, li tawtorizza lil dan tal-aħħar iwettaq tranżazzjonijiet fuq dan il-kont u, għaldaqstant, li tistabbilixxi biss rabta ġuridika bejn id-detentur ta’ dan il-kont u l-mandatarju tiegħu, bħall-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tista’ tagħti bidu, b’mod iżolat, għal ordni ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64.

    42      Konsegwentement, prokura, bħall-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha d-detentur ta’ kont bankarju jawtorizza unilateralment lill-mandatarju tiegħu jwettaq att ta’ dispożizzjoni ta’ assi f’ismu, ma tikkostitwixxix, waħedha, “strument tal-ħlas”, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64.

    43      Madankollu, mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ ftuħ ta’ kont kurrenti, konkluż fit‑22 ta’ Novembru 2017 bejn Eurobank u r-rikorrent fil-kawża prinċipali, kienu jipprevedu espressament li l-kont inkwistjoni setgħa jiġi ġġestit permezz ta’ mandatarju awtorizzat permezz ta’ prokura ċċertifikata b’mod nutarili li tkun tinkludi dikjarazzjoni ta’ rieda espliċita li jitwettqu atti ta’ dispożizzjoni bil-fondi tal-imsemmi kont.

    44      Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li, f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-użu konġunt ta’ tali prokura u ta’ ordni ta’ ħlas maħruġa mill-mandatarju nnominat f’din il-prokura jista’ jagħmel parti minn “sett ta’ proċeduri” miftiehem bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li dan l-utent jista’ juża sabiex jibda ordni ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64.

    45      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li prokura maħruġa mid-detentur ta’ kont bankarju, assoċjata ma’ ordni ta’ ħlas maħruġa mill-mandatarju nnominat f’din il-prokura, tista’ tikkostitwixxi element tal-proċeduri kollha miftiehma bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u l-utent ta’ dawn is-servizzi sabiex tinbeda ordni ta’ ħlas, fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

    46      Għandu jiġi enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, li klawżola kuntrattwali li tippermetti l-użu ta’ prokura fil-kuntest ta’ sett ta’ proċeduri li jkun jikkostitwixxi strument ta’ ħlas ma tistax tnaqqas il-livell għoli ta’ kontroll tal-awtorizzazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas li jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, dan il-fornitur jista’, b’mod partikolari, ikun meħtieġ jivverifika, fid-dawl tar-regoli nazzjonali applikabbli, il-valur probatorju tal-prokura kif ukoll l-identità tal-persuna li tippreżenta ruħha bħala l-mandatarju billi tuża din il-prokura sabiex tagħti bidu għal ordni ta’ ħlas.

    47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li prokura, li permezz tagħha d-detentur ta’ kont bankarju jawtorizza lil mandatarju jwettaq att ta’ dispożizzjoni ta’ assi, fuq dan il-kont, permezz ta’ ordni ta’ ħlas ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, “strument tal-ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, sett ta’ proċeduri, miftiehem bejn id-detentur ta’ dan il-kont u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li jippermetti lill-mandatarju nnominat f’tali prokura jibda ordni ta’ ħlas mill-imsemmi kont, jista’ jiġi kklassifikat bħala “strument tal-ħlas”.

     Fuq ittieni u ttielet domanda

    48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova et, C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, billi tislet b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info, C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tat-tieni domanda ssemmi, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti fiha u li ma tinkludix klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    50      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa li jingħataw interpretazzjonijiet permezz ta’ deċiżjoni preliminari, hekk kif tirriżulta mill-Artikolu 267 TFUE, testendi biss għar-regoli li jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali, huwa paċifiku li dawk konklużi mill-Unjoni jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jistgħu għalhekk ikunu s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati Membri u Stati terzi (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Qurbani, C‑481/13, EU:C:2014:2101, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51      Huwa biss meta u sa fejn l-Unjoni tkun assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mhux konkluża mill-Unjoni u meta, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jkollhom l-effett li jorbtu lill-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali konvenzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Qurbani, C‑481/13, EU:C:2014:2101, punti 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52      F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma fih ebda dispożizzjoni speċifika applikabbli għal-legalizzazzjoni ta’ prokura għall-finijiet ta’ ġestjoni ta’ kont tal-ħlas. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta direttament ir-regoli dwar il-postilla mqiegħda fuq tali prokura minn awtorità barranija kompetenti b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag. Madankollu, xejn ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64, milli tippreċiża jekk tranżazzjoni ta’ ħlas eżegwita mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas abbażi ta’ prokura nutarili li jkollha l-postilla prevista mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag għandhiex titqies li hija awtorizzata jew le.

    53      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, prokura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi biss element wieħed tal-proċeduri kollha miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ dawn is-servizzi u li dan l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas juża sabiex jibda ordni ta’ ħlas. Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tistaqsi, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, taħt liema kundizzjonijiet l-użu konġunt ta’ tali prokura u ta’ ordni ta’ ħlas maħruġa mill-mandatarju jista’ jattesta l-“kunsens” tad-detentur tal-kont bankarju kkonċernat.

    54      Konsegwentement, il-portata ta’ dawn id-domandi għandha tiġi estiża sabiex tinkludi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirregolaw il-kwistjoni tal-kunsens għal tranżazzjoni ta’ ħlas. Barra minn hekk, peress li, fil-kuntest tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regolarità, mill-perspettiva formali, tal-istrument ta’ ħlas hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-kunsens ta’ min iħallas għat-tranżazzjoni ta’ ħlas, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 59(2) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi regola dwar il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jiġi stabbilit tali kunsens, hija wkoll meħtieġa. Fl-aħħar nett, peress li, hekk kif espost fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kkonċernati minn dawn id-domandi huma s-suġġett, skont l-Artikolu 86(1) tagħha, ta’ armonizzazzjoni totali, hemm lok li jitqies li d-domandi magħmula jirrigwardaw ukoll din l-aħħar dispożizzjoni.

    55      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 (1) u (2), l-Artikolu 59(1) u (2) u l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta tranżazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet eżegwita abbażi ta’ prokura mogħtija mid-detentur tal-kont bankarju rċevuta permezz ta’ att nutarili u mogħnija b’postilla u d-detentur tal-kont jikkontesta l-validità ta’ din il-prokura u, għaldaqstant, li jkun ta l-kunsens tiegħu għal din it-tranżazzjoni ta’ ħlas, il-fatt li l-imsemmija prokura tkun tidher regolari minn perspettiva formali huwa biżżejjed sabiex jitqies li l-imsemmija tranżazzjoni ta’ ħlas ġiet awtorizzata.

    56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, abbażi tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, hija tkun tista’ tislet konklużjonijiet minnhom, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 75(2) taż-ZZD li jistabbilixxi s-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ bona fide tad-debitur, li skontu dan tal-aħħar jinħeles minn d-debitu dovut jekk huwa jkun eżegwixxa in bona fide l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ persuna li, abbażi ta’ ċirkustanzi inekwivoċi, tkun tidher li hija intitolata tirċievi l-eżekuzzjoni kkonċernata.

    57      Issa, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament, prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll fl-Artikoli 58 u 59 tagħha, kienet is-suġġett, skont l-Artikolu 86(1) tal-imsemmija direttiva, ta’ armonizzazzjoni totali. Il-konsegwenza ta’ dan hija li huma inkompatibbli mal-imsemmija direttiva kemm sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur kif ukoll sistema ta’ responsabbiltà kompetitriċi li tippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jistabbilixxi din ir-responsabbiltà abbażi ta’ fatti ġeneraturi oħra. Għaldaqstant, is-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament stabbilita fid-Direttiva 2007/64 tista’ tikkompeti ma’ sistema alternattiva ta’ responsabbiltà prevista fid-dritt nazzjonali, li tkun ibbażata fuq l-istess fatti u fuq l-istess bażi, biss jekk din is-sistema ta’ responsabbiltà alternattiva ma tippreġudikax is-sistema hekk armonizzata u ma tippreġudikax l-għanijiet u l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023 Beobank, C‑351/21, EU:C:2023:215, punti 37 u 38).

    58      Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex possibbli, għal Stat Membru, li jtaffi s-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament stabbilita fid-Direttiva 2007/64 billi jirrikorri għal regoli nazzjonali li jipprevedu responsabbiltà mnaqqsa ta’ dawn il-fornituri.

    59      L-istess konklużjoni għandha tapplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunsens u l-irtirar tal-kunsens ta’ min iħallas għat-tranżazzjoni ta’ ħlas, previsti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2007/64. Fil-fatt, bħall-Artikoli 58 sa 60 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 54 tagħha ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 86(1) tal-imsemmija direttiva jagħti marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 41).

    60      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64, bit-titolu “Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta’ ħlas”, jirriżulta li, meta utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li din it-tranżazzjoni ta’ ħlas ma tkunx ġiet eżegwita korrettament, huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li għandu jipprova li l-imsemmija tranżazzjoni ta’ ħlas ġiet awtentikata, irreġistrata debitament u kkontabilizzata.

    61      Barra minn hekk, mill-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li, meta utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument ta’ ħlas, hekk kif irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, ma jkunx neċessarjament suffiċjenti bħala tali sabiex jipprova li din it-tranżazzjoni ta’ ħlas ġiet awtorizzata minn min iħallas.

    62      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li, fl-assenza tal-kunsens ta’ min iħallas għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas, li għandu jingħata fil-forma miftiehma bejnu u bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, it-tranżazzjoni ta’ ħlas titqies li ma hijiex awtorizzata.

    63      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jiġi dedott li huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li għandu jipproduċi l-prova li l-utent tas-servizzi ta’ ħlas awtorizza t-tranżazzjoni ta’ ħlas billi ta l-kunsens tiegħu għal din it-tranżazzjoni fil-forma miftiehma bejn il-partijiet.

    64      Din l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas hija kkorroborata mill-obbligu ta’ awtentikazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas li jaqa’ fuq dan il-fornitur. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “awtentikazzjoni” huwa ddefinit fil-punt 19 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 bħala li jirreferi għall-proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-“l-użu ta’ strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu”.

    65      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu ta’ strument ta’ ħlas speċifiku”, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li strument ta’ ħlas jista’ jintuża sabiex jingħata l-kunsens għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas.

    66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-obbligu ta’ awtentikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa intiż li jivverifika l-użu tal-istrument ta’ ħlas bil-għan li jiġi stabbilit li l-utent ta’ dawn is-servizzi ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas li, għaldaqstant, tista’ titqies li hija awtorizzata.

    67      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-preżentazzjoni ta’ kopja tal-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħnija b’postilla mqiegħda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag u li hija għalhekk tqis li hija regolari minn perspettiva formali, hijiex fiha nnifisha suffiċjenti sabiex jitqies li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas wera, sabiex huwa ma jitqiesx bħala responsabbli, li t-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni kienet ġiet awtorizzata, jiġifieri li l-utent ta’ dawn is-servizzi ta’ ħlas kien ta l-kunsens tiegħu sabiex din tiġi eżegwita.

    68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament, prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll fl-Artikoli 58 u 59 ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq tliet elementi essenzjali u marbuta bejniethom, jiġifieri, obbligu ta’ notifika impost fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova lill-fornitur ta’ dawn is-servizzi u, fl-aħħar nett, fil-każ ta’ assenza ta’ prova, ir-responsabbiltà ta’ dan il-fornitur skont jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni kinitx mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament.

    69      L-Artikolu 59 tad-Direttiva 2007/64 jistabbilixxi, f’din is-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament, mekkaniżmu ta’ oneru tal-prova favorevoli għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Essenzjalment, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li għandu jipprova li t-tranżazzjoni tkun ġiet awtentikata, debitament irreġistrata u kkontabilizzata. Fil-prattika, is-sistema probatorja stabbilita f’dan l-Artikolu 59 twassal, bil-kundizzjoni li l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva tkun twettqet fit-terminu previst d’dan l-artikolu, għall-issuġġettar ta’ dan il-fornitur għal obbligu ta’ rimbors immedjat, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑2 ta’Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 40).

    70      Kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 54 (1) u (2) u mill-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li huwa l-imsemmi fornitur li għandu jipproduċi l-prova li huwa wettaq l-awtentikazzjoni effettiva tat-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni u li l-utent tas-servizzi ta’ ħlas ta l-kunsens tiegħu għal din it-tranżazzjoni ta’ ħlas fil-forma miftiehma bejn il-partijiet. L-oneru tal-prova li jirriżulta minn dan għall-istess fornitur huwa għalhekk, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ intensità kbira.

    71      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li prokura hija waħda mill-atti ġuridiċi li permezz tagħhom utent ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jesprimi l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mill-kont tiegħu, imwettqa mill-mandatarju tiegħu fil-limiti tal-mandat mogħti. Għalhekk, il-verifika tar-regolarità formali ta’ tali prokura tista’, jekk ikun il-każ, tifforma parti mill-proċedura ta’ awtentikazzjoni ta’ strument ta’ ħlas li din il-prokura tikkostitwixxi element tagħha u, għaldaqstant, tista’ tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jippermettu lil fornitur ta’ servizzi jipprova li l-utent effettivament ta l-kunsens tiegħu għal tranżazzjoni ta’ ħlas li dan tal-aħħar kien ikkontesta.

    72      Ċertament, kif sostnew ġustament il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, il-modalitajiet ta’ prova li jippermettu li jiġi stabbilit li t-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni kienet “awtorizzata” mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, fis-sens tal-Artikoli 54 u 59 tad-Direttiva 2007/64 u, b’mod iktar partikolari, il-proċedura li tippermetti li tiġi vverifikata l-awtentiċità ta’ prokura, ma humiex armonizzati minn din id-direttiva u, għaldaqstant, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

    73      L-ewwel nett, kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2007/64, meta utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, hekk kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-użu ta’ strument ta’ ħlas, hekk kif irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, ma huwiex neċessarjament suffiċjenti bħala tali sabiex jipprova li din it-tranżazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtorizzata minn min iħallas.

    74      It-tieni nett, peress li, hekk kif tfakkar fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2007/64 għandha bħala għan l-armonizzazzjoni totali tal-punti li din tirregola, għandu jitqies li l-kundizzjoni li l-kunsens għall-eżekuzzjoni ta’tranżazzjoni ta’ ħlas għandu jingħata fil-forma miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, prevista fl-Artikolu 54(2) ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi neċessarjament rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mingħajr ma jistgħu jidderogaw minnu. Barra minn hekk, xejn fl-istruttura ta’ dan l-Artikolu 54 ma jippermetti li jitqies li, billi jipprevedi b’mod preċiż dan ir-rekwiżit li skontu, fl-assenza ta’ tali kunsens, it-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni għandha titqies bħala mhux awtorizzata, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss li l-istabbiliment tal-awtorizzazzjoni ta’ ħlas ikun limitat għall-verifika tar-regolarità formali tal-atti ġuridiċi użati sabiex jingħata dan il-kunsens.

    75      It-tielet nett, skont l-Artikolu 86(3) tad-Direttiva 2007/64, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ma jidderogawx, għad-detriment tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew li jikkorrispondu għalihom.

    76      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tielet sentenza tal-premessa 33 tad-Direttiva 2007/64, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet kuntrattwali kollha dwar il-provvista u l-użu ta’ strument ta’ ħlas li jkollhom l-effett li jtaffu l-oneru tal-prova impost fuq l-emittent għandhom jitqiesu nulli u bla effett.

    77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-fatt li t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas inkwistjoni nbdew minn mandatarju li għandu prokura, postilizzata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat barrani ma jistax jiġi invokat b’mod utli mill-fornitur ta’ dawn is-servizzi sabiex itaffi l-obbligu tiegħu li jipprova li t-tranżazzjoni ta’ ħlas kienet awtorizzata.

    78      Minn dan isegwi li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-utent tas-servizz ta’ ħlas jikkontesta l-awtentiċità tal-prokura invokata kontrih u jiċħad li kien awtorizza t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ġew eżegwiti, is-sempliċi verifika tar-regolarità formali tal-prokura ma hijiex suffiċjenti sabiex jintwera li dawn it-tranżazzjonijiet kienu ġew awtorizzati u, għaldaqstant, sabiex dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jiġi eżentat mir-responsabbiltà ikbar tiegħu, mingħajr ma l-imsemmi fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas juri li dan l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ta debitament il-kunsens tiegħu, skont il-proċedura għall-għoti tal-kunsens miftiehma miegħu, permezz ta’ din il-prokura, għall-imsemmija tranżazzjonijiet.

    79      Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2007/64. Għaldaqstant, b’mod partikolari mill-premessi 1 u 4 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li joħloq suq uniku għas-servizzi ta’ ħlas billi jissostitwixxi sistemi nazzjonali eżistenti, li l-koeżistenza tagħhom kienet sors ta’ konfużjoni u kienet tbati minn nuqqas ta’ ċertezza legali, b’ kuntest ġuridiku armonizzat li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kif ukoll tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 44). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-għanijiet stabbiliti fil-premessi 21 u 22 tal-imsemmija direttiva , jiġifieri l-protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, BAWAG, C‑375/15, EU:C:2017:38, punt 45).

    80      Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tal-istrumenti ta’ ħlas, li jieħu inkunsiderazzjoni l-proċedura miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu għall-għoti tal-kunsens ta’ dan l-utent u, għaldaqstant, ma jistax jiġi limitat għall-eżami tar-regolarità purament formali tal-atti ġuridiċi użati sabiex jingħata dan il-kunsens, huwa imperattiv sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tas-servizzi ta’ ħlas, peress li dan ir-rekwiżit jiżgura livell adegwat ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas.

    81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat weriex, fid-dawl tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq dan tal-aħħar skont l-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64, li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas kien ta, fil-forma miftiehma miegħu, il-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    82      F’dan ir-rigward, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-klawżoli V.22 u V.25 tal-kuntratt qafas konkluż bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, jidhru li jimponu, meta att ta’ dispożizzjoni jitwettaq permezz ta’ mandatarju, li dan tal-aħħar jippreżenta l-oriġinal tal-prokura li tkun inħarġitlu u li din tkun iffirmata, peress li dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa meħtieġ iwettaq verifika, minn perspettiva formali, tal-prokuri li jiġu ppreżentati lilu, kif ukoll tal-firem li dawn ikollhom.

    83      Issa, f’dan il-każ, il-prokura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti kuntrattwali, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li din kienet tikkostitwixxi biss kopja u li din ma kinitx tinkludi l-firma tal-mandant, jiġifieri l-utent tas-servizzi ta’ ħlas inkwistjoni, fatt li madankollu għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

    84      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 78 ta’ din is-sentenza, il-produzzjoni ta’ prokura speċjali mogħtija mid-detentur ta’ kont ta’ ħlas lil mandatarju li tawtorizza lil dan tal-aħħar iwettaq tranżazzjonijiet fuq kont bankarju, li l-użu tagħha jkun ġie miftiehem f’kuntratt qafas, ma teħlisx lill-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas mill-obbligu tiegħu li jivverifika l-użu ta’ strument ta’ ħlas u l-awtentikazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas skont il-proċedura għall-għoti ta’ kunsens miftiehma bejn min iħallas ikkonċernat u dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. Għaldaqstant, u hekk kif indikat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, klawżola kuntrattwali li tippermetti l-użu ta’ prokura fil-kuntest ta’ sett ta’ proċeduri li jkun jikkostitwixxi strument ta’ ħlas ma tistax tnaqqas il-livell għoli ta’ kontroll tal-awtorizzazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas li jaqa’ fuq l-imsemmi fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

    85      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, min iħallas għandu jbati t-telf kollu kkawżat minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk dan it-telf jirriżulta minn aġir frawdolenti min-naħa tiegħu jew mill-fatt li min iħallas ma kienx issodisfa, intenzjonalment jew b’riżultat ta’ negliġenza serja, obbligu wieħed jew iktar imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 56 tal-imsemmija direttiva.

    86      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jeżenta lilu nnifsu mir-responsabbiltà tiegħu fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jekk huwa jipproduċi l-prova li min iħallas aġixxa b’mod frawdolenti jew ma ssodisfax, intenzjonalment jew b’riżultat ta’ negliġenza serja, wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 tal-imsemmija direttiva.

    87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 54(1) u (2), l-Artikolu 59(1) u (2) u l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tranżazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet eżegwita abbażi ta’ prokura mogħtija mid-detentur tal-kont bankarju rċevuta permezz ta’ att nutarili u mogħnija b’postilla u d-detentur tal-kont jikkontesta l-validità ta’ din il-prokura u, għaldaqstant, li jkun ta l-kunsens tiegħu għal din it-tranżazzjoni ta’ ħlas, il-fatt li din il-prokura tkun regolari minn perspettiva formali ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din it-tranżazzjoni ġiet awtorizzata, u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu juri li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas debitament esprima l-kunsens tiegħu, skont il-proċedura għall-għoti ta’ kunsens miftiehma miegħu, permezz tal-imsemmija prokura, għat-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    88      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    prokura, li permezz tagħha d-detentur ta’ kont bankarju jawtorizza lil mandatarju jwettaq att ta’ dispożizzjoni ta’ assi, fuq dan il-kont, permezz ta’ ordni ta’ ħlas ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, “strument tal-ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, sett ta’ proċeduri, miftiehem bejn id-detentur ta’ dan il-kont u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li jippermetti lill-mandatarju nnominat f’tali prokura jibda ordni ta’ ħlas mill-imsemmi kont, jista jiġi kklassifikat bħala “strument tal-ħlas”.

    2)      L-Artikolu 54(1) u (2), l-Artikolu 59(1) u (2) u l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    meta tranżazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet eżegwita abbażi ta’ prokura mogħtija mid-detentur tal-kont bankarju rċevuta permezz ta’ att nutarili u mogħnija b’postilla u d-detentur tal-kont jikkontesta l-validità ta’ din il-prokura u, għaldaqstant, li jkun ta l-kunsens tiegħu għal din it-tranżazzjoni ta’ ħlas, il-fatt li din il-prokura tkun regolari minn perspettiva formali ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din it-tranżazzjoni ġiet awtorizzata, u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu juri li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas debitament esprima l-kunsens tiegħu, skont il-proċedura għall-għoti ta’ kunsens miftiehma miegħu, permezz tal-imsemmija prokura, għat-tranżazzjoni ta’ ħlas inkwistjoni.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top