EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0771

Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/27/2019/REV/1

ĠU L 136, 22/05/2019, p. 28–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/05/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/771/oj

22.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/28


DIRETTIVA (UE) 2019/771 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Mejju 2019

dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex tibqa’ kompetittiva fis-swieq globali, l-Unjoni trid ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tilħaq b’suċċess l-isfidi multipli maħluqa llum minn ekonomija xprunata dejjem aktar mit-teknoloġija. L-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi qafas komprensiv li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern. L-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali jindirizza l-frammentazzjoni fil-kummerċ intra-UE billi jittratta l-ostakli prinċipali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier, li jikkostitwixxi l-aktar parti sinifikanti ta’ bejgħ transfruntier ta’ oġġetti min-negozju għall-konsumatur.

(2)

L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi. L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern. Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

(3)

Ċerti aspetti rigward il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti jenħtieġ li jiġu armonizzati, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex ikun hemm suq uniku diġitali ġenwin, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (‘SMEs’).

(4)

Il-kummerċ elettroniku huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir fis-suq intern. Madankollu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhuwiex sfruttat b’mod sħiħ. Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u jiżdied it-tkabbir, l-Unjoni hemm bżonn li taġixxi malajr u tinkoraġġixxi lill-atturi ekonomiċi sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ offrut mis-suq intern. Il-potenzjal sħiħ tas-suq intern jista’ jiġi sfruttat biss jekk il-parteċipanti kollha fis-suq igawdu aċċess bla xkiel għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti, inkluż fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku. Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali li abbażi tagħhom il-parteċipanti fis-suq jikkonkludu t-tranżazzjonijiet huma fost il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw id-deċiżjoni tan-negozji dwar jekk joffrux oġġetti bejn il-fruntieri jew le. Dawk ir-regoli jinfluwenzaw ukoll ir-rieda tal-konsumaturi li jħaddnu u jafdaw dan it-tip ta’ xiri.

(5)

L-evoluzzjoni teknoloġika wasslet għal suq akbar għal oġġetti li jinkorporaw jew li huma interkonnessi ma’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali. Minħabba l-għadd dejjem akbar ta’ apparat bħal dan u l-pass mgħaġġel li bih qed jiżdied l-użu tiegħu min-naħa tal-konsumaturi, hemm bżonn azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għall-bejgħ ta’ tali prodotti. Żieda fiċ-ċertezza legali tgħin sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u l-bejjiegħa.

(6)

Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji.

(7)

Id-differenzi li jeżistu jistgħu jaffettwaw ħażin in-negozji u l-konsumaturi. Skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), in-negozji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom ma’ konsumaturi fi Stati Membri oħra huma meħtieġa li jqisu r-regoli obbligatorji tal-liġijiet dwar il-kuntratti mal-konsumatur tal-pajjiż ta’ residenza abitwali tal-konsumatur. Billi dawk ir-regoli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, in-negozji jistgħu jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali. Konsegwentement, bosta negozji jistgħu jippreferu li jkomplu jagħmlu l-kummerċ domestikament jew jesportaw biss lejn Stat Membru wieħed jew tnejn. Dik l-għażla li jnaqqsu l-esponiment għall-ispejjeż u r-riskji assoċjati mal-kummerċ transfruntier tirriżulta f’opportunitajiet mitlufa għal espansjoni kummerċjali u ekonomiji ta’ skala. L-SMEs huma affettwati b’mod partikolari.

(8)

Filwaqt li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta’ protezzjoni meta jixtru minn pajjiż ieħor b’riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, il-frammentazzjoni legali taffettwa b’mod negattiv ukoll il-livell ta’ fiduċja tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Filwaqt li diversi fatturi jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas ta’ fiduċja, l-inċertezza dwar drittijiet kuntrattwali ewlenin hija fost l-akbar tħassib tal-konsumaturi. Din l-inċertezza teżisti b’mod indipendenti minn jekk il-konsumaturi jkunux protetti bir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumatur tal-Istat Membru tagħhom stess f’każ li fih bejjiegħa jidderieġu l-attivitajiet transfruntiera tagħhom lejhom, jew jekk il-konsumaturi jikkonkludux kuntratti transfruntiera ma’ bejjiegħa mingħajr ma l-bejjiegħa rispettivi jwettqu attivitajiet kummerċjali fl-Istat Membru tal-konsumatur.

(9)

Filwaqt li l-bejgħ online ta’ oġġetti jikkostitwixxi l-maġġoranza assoluta tal-bejgħ transfruntier fl-Unjoni, id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jaffettwaw kemm lill-bejjiegħa bl-imnut li jużaw kanali tal-bejgħ mill-bogħod kif ukoll lill-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu wiċċ imb wiċċ u jżommuhom milli jespandu lil hinn mill-fruntieri. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri l-kanali tal-bejgħ kollha, biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha li jbigħu oġġetti lill-konsumaturi. Permezz ta’ regoli uniformi bejn il-kanali tal-bejgħ, jenħtieġ li din id-Direttiva tevita kwalunkwe diverġenza li toħloq piżijiet sproporzjonati għan-numru dejjem akbar ta’ bejjiegħa bl-imnut omni-channel fl-Unjoni. Il-ħtieġa li jinżammu regoli konsistenti dwar il-bejgħ u l-garanziji għall-kanali tal-bejgħ kollha ġiet ikkonfermata fil-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ppubblikata fid-29 ta’ Mejju 2017, li kopriet anki d-Direttiva 1999/44/KE.

(10)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri r-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali, fir-rigward biss tal-elementi kuntrattwali ewlenin meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali fis-suq intern. Għal dan il-għan jenħtieġ li r-regoli dwar ir-rekwiżiti għall-konformità, ir-rimedji għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċizzju tagħhom ikunu kompletament armonizzati, u li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, meta mqabbel mad-Direttiva 1999/44/KE, jiżdied. Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta’ ċerti elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra. Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.

(11)

Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttiva 2011/83/UE. Filwaqt li d-Direttiva 2011/83/UE tistabbilixxi prinċipalment dispożizzjonijiet dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, id-dritt ta’ rtirar minn kuntratti mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju u regoli dwar il-konsenja u t-trasferiment tar-riskju, din id-Direttiva tintroduċi regoli dwar il-konformità tal-oġġetti, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità u modalitajiet għall-eżerċizzju tagħhom.

(12)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal oġġetti mobbli tanġibbli li jikkostitwixxu oġġetti fis-sens stabbilit f’din id-Direttiva. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jirregolaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal binjiet residenzjali, kif ukoll il-komponenti ewlenin li jkunu maħsuba bħala parti kbira minn tali proprjetà immobbli.

(13)

Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin. Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2019/770 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti rigward kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti. Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/770 tapplika għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, inkluż kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, dment li l-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur tal-kontenut diġitali. Għall-kuntrarju, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali li jirrikjedu kontenut jew servizz diġitali sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

(14)

It-terminu “oġġetti” kif previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi “oġġetti b’elementi diġitali”, u għaldaqstant jirreferi wkoll għal kwalunkwe kontenut jew servizz diġitali li jkun inkorporat f’dawn l-oġġetti jew interkonness magħhom b’tali mod li n-nuqqas ta’ tali kontenut jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Il-kontenut diġitali inkorporat f’oġġett jew interkonness miegħu jista’ jkun kwalunkwe data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, bħal sistemi operattivi, applikazzjonijiet u kwalunkwe software ieħor. Il-kontenut diġitali jista’ jkun installat minn qabel meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ jew, f’każ li dak il-kuntratt jipprovdi dan, jista’ jiġi installat wara. Servizzi diġitali interkonnessi ma’ oġġett jistgħu jinkludu servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, jew aċċess għaliha, bħal software bħala servizz offrut fl-ambjent tal-cloud computing, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, jew il-provvista kontinwa ta’ pjanijiet ta’ taħriġ adattati individwalment fil-każ ta’ arloġġ intelliġenti.

(15)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti. Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt. Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt. Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur. Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ. Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett. Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera. Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti. tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness. Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.

(16)

B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha. Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu. Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti. Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza. F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.

(17)

Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv. L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.

(18)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti. L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva. Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi. Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.

(19)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà li l-Istati Membri jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti fi żmien qasir wara l-konsenja, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu d-dritt sabiex il-konsumatur jirrifjuta oġġetti difettużi u jittratta l-kuntratt bħala rinnegat jew jitlob sostituzzjoni immedjata fi żmien qasir u speċifiku wara l-konsenja tal-oġġetti li ma jaqbiżx it-30 jum.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw l-obbligi ta’ informazzjoni tal-bejjiegħ b’rabta mal-konklużjoni tal-kuntratt jew id-dmir tal-bejjiegħ li jwissi lill-konsumatur dwar, pereżempju, ċerti karatteristiċi tal-oġġett, l-adegwatezza tal-materjali pprovduti mill-konsumatur jew l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mit-talbiet speċifiċi tal-konsumatur, pereżempju talba mill-konsumatur għall-użu ta’ drapp speċifiku biex titħiet libsa.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jestendu l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva għal kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inkella li jirregolaw dan it-tip ta’ kuntratti. Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi minn din id-Direttiva anki għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex konsumaturi fis-sens ta’ din id-Direttiva, pereżempju l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji l-ġodda u l-SMEs.

(22)

Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll.

(23)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jintrabat li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur. Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala bejjiegħa taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-bejgħ tal-oġġetti. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati bejjiegħa taħt din id-Direttiva.

(24)

Sabiex il-ħtieġa għal ċertezza legali tiġi bbilanċjata ma’ flessibbiltà xierqa tar-regoli legali, kwalunkwe referenza f’din id-Direttiva għal dak li jista’ jkun mistenni mingħand persuna għandha tinftiehem bħala referenza għal dak li jista’ jkun mistenni raġonevolment. L-istandard tar-raġonevolezza jenħtieġ li jiġi aċċertat b’mod oġġettiv, billi jitqiesu n-natura u l-għan tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi tal-każ u kwalunkwe użu u prattika tal-partijiet involuti.

(25)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità. Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ. Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi.

(26)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mar-rekwiżiti miftiehma bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur fil-kuntratt tal-bejgħ. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkopru, inter alia, il-kwantità, il-kwalità, it-tip u d-deskrizzjoni tal-oġġetti, l-idoneità tagħhom għal skop speċifiku, kif ukoll il-konsenja tal-oġġetti bl-aċċessorji miftiehma u kwalunkwe istruzzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-kuntratt tal-bejgħ jinkludu dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni prekuntrattwali, li, f’konformità mad-Direttiva 2011/83/UE, tifforma parti integrali mill-kuntratt tal- bejgħ.

(27)

Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għall-modi li bih l-oġġetti jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop li jkollhom. Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u kemm l-oġġett kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li huwa differenti minn dawk li normalment jintużaw ma’ kontenut jew servizzi diġitali tal-istess tip. Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jikkondividi informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni kondiviża.

(28)

Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti. L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra. Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ. In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.

(29)

Sabiex ikunu f’konformità, jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mhux biss mar-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità iżda jenħtieġ li barra minn hekk ikunu konformi mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, fost l-oħrajn, b’kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip jintużaw normalment, jekk dawn l-oġġetti jkunux pprovduti bl-aċċessorji u l-istruzzjonijiet li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi jew jekk ikunux jikkorrispondu mal-kampjun jew mal-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. Jenħtieġ li l-oġġetti jkollhom ukoll il-kwalitajiet u l-elementi li normalment ikunu jinsabu għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq aktar bikrija tal-katina tat-tranżazzjonijiet.

(30)

Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi. Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva. Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità. Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità. Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti. Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi. Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.

(31)

Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja. Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament. Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja. Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet. Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja. Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ. Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà. F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.

(32)

L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari. Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern. Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati. Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti. Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu. Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti. Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.

(33)

Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja. Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja. Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà.

(34)

Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom. Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom. Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu. Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.

(35)

Il-konformità jenħtieġ li tkopri difetti materjali kif ukoll difetti legali. Ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet ta’ parti terza, b’mod partikolari drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw l-użu tal-oġġetti skont il-kuntratt. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’każijiet bħal dawn, il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità kif previst f’din id-Direttiva, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix in-nullità tal-kuntratt jew ir-riżoluzzjoni tiegħu f’tali każijiet.

(36)

Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà fir-regoli, pereżempju fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġetti użati, jenħtieġ li jkun possibbli li l-partijiet jiddevjaw mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità previsti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li devjazzjoni bħal din tkun possibbli biss jekk il-konsumatur ikun ġie speċifikament infurmat b’dan u jekk il-konsumatur jaċċettaha separatament minn dikjarazzjonijiet jew ftehimiet oħra, u permezz ta’ mġiba attiva u mingħajr ekwivoċi.

(37)

Ċertezza legali akbar kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bejjiegħa tirrikjedi indikazzjoni ċara taż-żmien meta jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità. Jenħtieġ li ż-żmien rilevanti sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-oġġetti jkun iż-żmien meta l-oġġetti jiġu kkonsenjati. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għal oġġetti li jinkorporaw kontenut jew servizz diġitali, jew ikunu interkonnessi miegħu, u fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista. Madankollu, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat fl-oġġetti, jew interkonness miegħu, ikun se jiġi fornut kontinwament tul perjodu ta’ żmien, jenħtieġ li ż-żmien rilevanti għall-iskop tal-istabbiliment tal-konformità ta’ dak l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali ma jkunx mument wieħed speċifiku fiż-żmien iżda pjuttost perjodu ta’ żmien, li jibda mill-mument tal-konsenja. Jenħtieġ li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak il-perjodu ta’ żmien ikun daqs il-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità.

(38)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax it-tifsira ta’ “konsenja”, li jenħtieġ li titħalla għal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari, rigward il-kwistjoni dwar x’għandu jagħmel il-bejjiegħ sabiex jissodisfa l-obbligu tal-bejjiegħ li jforni l-oġġetti. Barra minn hekk, referenzi għall-mument tal-konsenja f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar it-trasferiment tar-riskju kif previst fid-Direttiva 2011/83/UE u implimentat f’dan is-sens fil-liġi tal-Istati Membri.

(39)

Jenħtieġ li oġġetti b’elementi diġitali jitqiesu konsenjati lill-konsumatur meta l-komponent fiżiku tal-oġġetti jkun ġie konsenjat u l-att uniku ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkun twettaq jew il-provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien tkun bdiet. Dan ifisser li l-bejjiegħ jenħtieġ li jagħmel ukoll il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur b’tali mod li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat biex iniżżlu jew jaċċedi għalih, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-bejjiegħ sabiex il-konsumatur ikun jista’ juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali skont il-kuntratt, pereżempju billi tiġi pprovduta link jew għażla għat-tniżżil. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità jkun il-ħin meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi fornut, jekk il-komponent fiżiku ikun ġie konsenjat qabel. B’riżultat ta’ dan, jista’ jiġi żgurat li jkun hemm punt ta’ tluq uniformi għall-perjodu ta’ responsabbiltà għall-komponent fiżiku, minn naħa waħda, u għall-element diġitali, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet il-konsumatur ma jkunx kapaċi jinnota difett fil-komponent fiżiku qabel ma jkun fornut il-kontenut jew is-servizz diġitali.

(40)

Fejn l-oġġetti jirrikjedu l-installazzjoni mill-bejjiegħ, il-konsumatur f’ċertu każijiet ma jkunx kapaċi juża l-oġġetti jew jinnota difett qabel ma titlesta l-installazzjoni. Għaldaqstant, jekk skont il-kuntratt tal-bejgħ l-oġġetti jridu jiġu installati mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jenħtieġ li l-oġġetti jitqiesu li ġew ikkonsenjati lill-konsumatur meta l-installazzjoni tkun lesta.

(41)

Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità. Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm. Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali. Madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt. Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.

(42)

Għal raġunijiet ta’ koerenza mas-sistemi legali nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jipprevedu li l-bejjiegħa jkunu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu f’perjodu ta’ żmien speċifiku, possibbilment flimkien ma’ perjodu ta’ limitazzjoni, jew li r-rimedji tal-konsumatur ikunu soġġetti biss għal perjodu ta’ limitazzjoni. Fl-ewwel każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ ma jiġix evitat bil-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur. Filwaqt li għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-mument meta jiddekorru l-perjodi ta’ limitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li tiżgura li dawn il-perjodi ta’ limitazzjoni ma jxekklux id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw ir-rimedji tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità. Fil-każ ta’ dan tal-aħħar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur mingħajr ma jintroduċu perjodu speċifiku li fih irid jimmanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità sabiex il-bejjiegħ jinżamm responsabbli. Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod anki f’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li fejn japplika perjodu ta’ limitazzjoni biss, dan xorta jippermetti lill-konsumaturi jeżerċitaw ir-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu tal-anqas matul il-perjodu previst f’din id-Direttiva bħala perjodu ta’ responsabbiltà.

(43)

Rigward ċerti aspetti, jista’ jiġi ġustifikat trattament differenti fir-rigward ta’ oġġetti użati. Għalkemm perjodu ta’ responsabbiltà jew ta’ limitazzjoni ta’ sentejn jew aktar normalment jirrikonċilja l-interessi kemm tal-bejjiegħ u tal-konsumatur, dan jista’ ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ oġġetti użati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-partijiet sabiex jaqblu fuq perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar għal dawn l-oġġetti. Li din il-kwistjoni titħalla għal ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet iżżid il-libertà kuntrattwali u tiżgura li l-konsumatur għandu jiġi infurmat kemm dwar in-natura tal-oġġett bħala oġġett użat u l-perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar. Madankollu jenħtieġ li perjodu bħal dan miftiehem kuntrattwalment ma jkunx iqsar minn sena.

(44)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet skont liema jista’ jiġi sospiż jew interrott perjodu ta’ limitazzjoni jew il-perjodu ta’ responsabbiltà previst f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri, għalhekk, ikunu jistgħu jipprevedu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà jew tal-perjodu ta’ limitazzjoni, pereżempju fil-każ ta’ tiswija, bdil jew negozjati bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, bil-ħsieb ta’ soluzzjoni amikevoli.

(45)

Jenħtieġ li għal perjodu ta’ sena jew, għal perjodu ta’ sentejn jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw perjodu ta’ sentejn, il-konsumatur ikun obbligat jipprova biss li l-oġġett mhuwiex f’konformità, bla ma jkollu wkoll jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità kien fil-fatt jeżisti fiż-żmien rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità. Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ irid jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti f’dak il-mument. Barra minn hekk, f’xi każijiet il-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien jeżisti fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità tista’ tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Tal-ewwel jista’ jkun il-każ b’oġġetti li, min-natura tagħhom jiddeterjoraw, bħal prodotti li jitħassru, pereżempju fjuri, jew oġġetti maħsuba biex jintużaw darba biss. Eżempju ta’ dan tal-aħħar jkun nuqqas ta’ konformità, li jista’ jkun biss riżultat ta’ azzjoni mill-konsumatur jew ta’ kawża esterna evidenti li tkun seħħet wara li l-oġġetti jkunu ġew ikkonsenjati lill-konsumatur. F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jagħti prova li l-kontenut jew is-servizz diġitali ma kienx f’konformità tul il-perjodu ta’ żmien rispettiv biex tiġi stabbilita l-konformità. Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ ikun irid jipprova li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien konformi tul dak il-perjodu.

(46)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha l-konsumatur ikun induna b’tali nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell ogħla ta’ protezzjoni, billi ma jintroduċux obbligu bħal dan.

(47)

Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali u jiġi eliminat wieħed mill-ostakli ewlenin li qegħdin ixekklu s-suq intern, jenħtieġ li din id-Direttiva tarmonizza b’mod sħiħ ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti, u l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu eżerċitati tali rimedji. B’mod partikolari, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu intitolati li jkollhom l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievu tnaqqis proporzjonat fil-prezz jew jitterminaw il-kuntratt.

(48)

Fir-rigward li l-oġġetti jinġiebu f’konformità jenħtieġ li l-konsumatur igawdi minn għażla bejn tiswija jew sostituzzjoni. Il-fatt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu tiswija għandu jinkoraġġixxi konsum sostenibbli u jista’ jikkontribwixxi għal durabbiltà akbar tal-prodotti. L-għażla tal-konsumatur bejn tiswija u sostituzzjoni jenħtieġ li tkun limitata biss fejn l-opzjoni magħżula tkun legalment jew fattwalment impossibbli jew, timponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ, meta mqabbla mal-opzjoni l-oħra disponibbli. Pereżempju, jista’ jkun sproporzjonat li titlob is-sostituzzjoni ta’ oġġetti minħabba barxa żgħira, meta tali sostituzzjoni toħloq spejjeż sinifikanti u, l-barxa tista’ tissewwa faċilment.

(49)

Jenħtieġ li l-bejjiegħ jitħalla jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli, jew dawn jimponu spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ. Jenħtieġ li l-istess japplika jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli u r-rimedju alternattiv jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ. Pereżempju, jekk l-oġġetti jkunu f’post differenti minn fejn kienu kkonsenjati oriġinarjament, l-ispejjeż tal-posta u tal-ġarr jistgħu jsiru sproporzjonati għall-bejjiegħ.

(50)

Jenħtieġ li meta jimmanifesta ruħu nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ dwar dan sabiex jagħti lill-bejjiegħ l-opportunità jġib l-oġġett f’konformità. Jenħtieġ li l-bejjiegħ jagħmel dak f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkunx, fil-prinċipju, immedjatament intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt iżda jenħtieġ li l-bejjiegħ jingħata żmien raġonevoli biex isewwi jew jissostitwixxi l-oġġett mhux konformi. Jekk il-bejjiegħ ma jkunx sewwa jew bidel l-oġġett f’dak iż-żmien, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob u jikseb tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr ma jistenna aktar.

(51)

Jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni ma jkunux ipprovdew lill-konsumatur b’rimedju xieraq għan-nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li l-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew li jittermina l-kuntratt. Dak jenħtieġ li jkun l-każ, partikolarment, meta l-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni, jew meta jkun ċar miċ-ċirkustanzi li l-bejjiegħ ma jkunx se jlesti t-tiswija jew is-sostituzzjoni, jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità għax it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu.

(52)

F’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun ġustifikat li l-konsumatur ikun intitolat għal roħs fil-prezz jew għat-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt. Meta l-bejjiegħ ikun ħa azzjoni biex iġib l-oġġetti f’konformità iżda sussegwentement ikun evidenti li hemm nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li jiġi determinat b’mod oġġettiv jekk il-konsumatur jenħtieġx li jaċċetta tentattivi oħra mill-bejjiegħ biex iġib l-oġġetti f’konformità, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ bħat-tip u l-valur tal-oġġetti u n-natura u s-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità. B’mod partikolari, għal oġġetti għaljin jew kumplessi jista’ jkun ġustifikat li l-bejjiegħ jitħalla jerġa’ jipprova jsib rimedju għan-nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li jitqies ukoll jekk il-konsumatur jistax ikun mistenni li jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità jew le, pereżempju minħabba li l-istess problema tidher darbtejn. Bl-istess mod, f’ċerti sitwazzjonijiet in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ natura tant serja li l-konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità, bħal fejn in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa b’mod gravi l-ħila tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġetti u l-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkollu fiduċja li t-tiswija jew it-tibdil min-naħa tal-bejjiegħ ikunu se jsolvu l-problema.

(53)

Sabiex jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi d-dritt li jittermina l-kuntratt f’każijiet biss fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx żgħir.

(54)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirregolaw il-kundizzjonijiet li skonthom il-prestazzjoni tad-debitur tista’ tiġi ssodisfata minn persuna oħra, pereżempju l-kundizzjonijiet li skonthom l-obbligu tal-bejjiegħ li jsewwi oġġett jista’ jsir mill-konsumatur jew minn parti terza bi spejjeż għall-bejjiegħ.

(55)

Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mir-riskju ta’ dewmien twil, kwalunkwe tiswija jew sostituzzjoni għandha titlesta b’suċċess fi żmien raġonevoli. Dak li huwa meqjus bħala żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni għandu jikkorrispondi għall-iqsar żmien possibbli meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni. Jenħtieġ li dak iż-żmien jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv billi jitqiesu n-natura u l-kumplessità tal-oġġetti, in-natura u l-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, u l-isforz meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinterpretaw il-kunċett ta’ żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni billi jipprovdu perjodi fissi li ġeneralment jistgħu jitqiesu bħala raġonevoli għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ prodotti.

(56)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tistipulax dispożizzjonijiet dwar fejn iridu jitwettqu l-obbligi ta’ debitur. Din id-Direttiva jenħtieġ li, għalhekk, la tispeċifika l-post tal-konsenja u lanqas ma tippreskrivi fejn jenħtieġ li ssir it-tiswija jew is-sostituzzjoni; tali kwistjonijiet jenħtieġ li jitħallew f’idejn il-liġi nazzjonali.

(57)

Fejn il-bejjiegħ iġib l-oġġett f’konformità permezz ta’ sostituzzjoni, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkunx obbligat li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti qabel ma jkunu ġew sostitwiti. L-użu tal-oġġetti għandu jitqies normali jekk ikun f’konformità man-natura u l-iskop tagħhom.

(58)

Sabiex id-dritt ta’ terminazzjoni jkun effettiv għall-konsumaturi, f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur jakkwista diversi oġġetti u n-nuqqas ta’ konformità jaffettwa biss uħud biss mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt, il-konsumatur jenħtieġ li jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt anki b’rabta mal-oġġetti l-oħra akkwistati flimkien mal-oġġetti mhux konformi, anki jekk dawk l-oġġetti l-oħra jkunu konformi, jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni li jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.

(59)

Meta l-konsumatur jittermina l-kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ konformità, din id-Direttiva jenħtieġ li tippreskrivi regoli biss dwar l-effetti prinċipali tad-dritt ta’ terminazzjoni u l-modalitajiet għal dak id-dritt, b’mod partikolari l-obbligu li l-partijiet jirritornaw lura dak li jkunu rċevew. Għalhekk, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun obbligat li jħallas lura l-prezz li jkun irċieva mingħand il-konsumatur u l-konsumatur jenħtieġ li jirritorna l-oġġetti.

(60)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw il-konsegwenzi tat-terminazzjoni għajr dawk previsti f’din id-Direttiva, bħall-konsegwenzi għal tnaqqis fil-valur tal-oġġetti jew għall-qerda u t-telf tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jirregolaw l-modalitajiet għar-rimborż tal-prezz lill-konsumatur, pereżempju il-modalitajiet li jikkonċernaw il-mezzi li għandhom jintużaw għal tali rimborż jew dwar spejjeż u tariffi possibbli li jistgħu jiġġarrbu bħala riżultat tar-rimborż. Jenħtieġ li l-Istati Membri, pereżempju, ikollhom ukoll il-libertà li jipprevedu ċerti limiti ta’ żmien għar-rimborż tal-prezz jew għar-ritorn tal-oġġetti.

(61)

Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għad-danni huwa element essenzjali tal-kuntratti tal-bejgħ. Il-konsumaturi jenħtieġ, għalhekk, jkollhom id-dritt jitolbu kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ, inkluż għal dannu mġarrab bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità. Tali kumpens jenħtieġ li jpoġġi lill-konsumatur kemm jista’ jkun fil-pożizzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha kieku l-oġġetti kienu konformi. Billi l-eżistenza ta’ tali dritt għad-danni hija diġà żgurata fl-Istati Membri kollha, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens tal-konsumaturi għall-ħsara li tirriżulta mill-ksur ta’ dawk ir-regoli. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur li jitlob kumpens għal sitwazzjonijiet li fihom it-tiswija jew is-sostituzzjoni jkunu damu jew ikunu kkawżaw inkonvenjent sinifikanti.

(62)

Sabiex tiġi assigurata li hemm trasparenza, jenħtieġ li jiġu pprovduti ċerti rekwiżiti fir-rigward ta’ garanziji kummerċjali, flimkien mar-rekwiżiti għal informazzjoni prekuntrattwali dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tal-garanziji kummerċjali stabbiliti fid-Direttiva 2011/83/UE. Barra minn hekk, sabiex titjieb iċ-ċertezza legali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi, li jekk il-kundizzjonijiet tal-garanzija kummerċjali f’reklami assoċjati jkunu aktar favorevoli għall-konsumatur minn dawk inklużi fid-dikjarazzjoni tal-garanzija, jirbħu l-kundizzjonijiet l-aktar vantaġġużi. Finalment, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi regoli dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ garanzija u dwar l-mod li bih jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Pereżempju, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta’ garanzija tinkludi t-termini tal-garanzija kummerċjali u tistqarr li l-garanzija legali tal-konformità mhix affettwata mill-garanzija kummerċjali, u tagħmilha ċara li t-termini tal-garanzija kummerċjali jikkostitwixxu l-impenn addizzjonali għall-garanzija legali tal-konformità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jistabbilixxu regoli dwar aspetti oħra ta’ garanziji kummerċjali mhux koperti minn din id-Direttiva, pereżempju dwar assoċjazzjoni ta’ debituri għajr il-garanti mal-garanzija kummerċjali, sakemm dawk ir-regoli ma jżommux lill-konsumaturi mill-protezzjoni mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet armonizzati ta’ din id-Direttiva dwar il-garanziji kummerċjali. Waqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jitolbu li l-garanziji kummerċjali jiġu pprovduti mingħajr ħlas, jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe impenn mill-bejjiegħ jew mill-produttur li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ garanziji kummerċjali kif stabbilit f’din id-Direttiva jkun konformi mar-regoli armonizzati ta’ din id-Direttiva.

(63)

Meta jitqies li l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti li jirriżulta minn att jew ommissjoni tal-bejjiegħ jew ta’ parti terza, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun jista’ jfittex rimedji kontra l-persuna responsabbli f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li tali rimedji jinkludu dawk għal nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ aġġornament, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li kien ikun meħtieġ biex l-oġġett b’elementi diġitali jinżamm f’konformità. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u partijiet oħra fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li d-dettalji għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari kontra min u kif għandhom jiġu segwiti dawn ir-rimedji u jekk ir-rimedji humiex ta’ natura obbligatorja, jingħataw mill-Istati Membri. Il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jistax ukoll jagħmel pretensjoni direttament kontra persuna fi stadju preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma tkunx regolata minn din id-Direttiva, ħlief f’każijiet fejn il-produttur joffri garanzija kummerċjali għall-oġġetti lill-konsumatur.

(64)

Il-persuni jew l-organizzazzjonijiet meqjusin mil-liġi nazzjonali li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-drittijiet kuntrattwali tal-konsumatur għandhom jingħataw id-dritt li jibdew il-proċedimenti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti li tiddeċiedi fuq ilmenti jew li jiftħu l-proċedimenti legali xierqa.

(65)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(66)

Id-Direttiva 1999/44/KE jenħtieġ li titħassar. Jenħtieġ li d-data tat-tħassir tkun allinjata mad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu konformi ma’ din id-Direttiva huma applikati b’mod uniformi għal kuntratti konklużi mid-data tat-traspożizzjoni ’l quddiem, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti konklużi qabel id-data tat-traspożizzjoni tagħha.

(67)

Jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għal din id-Direttiva bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-infurzar ta’ din id-Direttiva.

(68)

Jenħtieġ li l-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tiġi emendata sabiex tinkludi referenza għal din id-Direttiva sabiex tiżgura li l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stabbiliti f’din id-Direttiva jkunu mħarsa.

(69)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi (10), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(70)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(71)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, inklużi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji, l-oneru tal-provi anki fir-rigward ta’ oġġetti użati kif ukoll oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi u l-garanzija kummerċjali tal-produttur rigward id-durabbiltà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas legali konsistenti u koerenti fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali.

(72)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 16, 38 u 47 tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u skop

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn bejjiegħa u konsumaturi, b’mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bħal din, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji, u dwar garanziji kummerċjali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kull kuntratt li bih il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi sjieda ta’ oġġetti lil konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tagħhom;

(2)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, li, b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3)

“bejjiegħ” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-fatt jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew għan-nom ta’ dik il-persuna, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta’ dik il-persuna, fir-rigward ta’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva;

(4)

“produttur” tfisser manifattur tal-oġġetti, importatur tal-oġġetti fl-Unjoni jew kwalunkwe persuna li ssostni li hija produttur billi tqiegħed isimha, it-trademark jew sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti;

(5)

“oġġetti” tfisser:

(a)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli; l-ilma, il-gass u l-elettriku għandhom jitqiesu bħala oġġetti fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jitpoġġew għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

(b)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli li jinkorpora jew li huwa interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li l-assenza ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali ma tippermettix li l-oġġett iwettaq il-funzjonijiet tiegħu (“oġġetti b’elementi diġitali”);

(6)

“kontenut diġitali” tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali;

(7)

“servizz diġitali” tfisser:

(a)

servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali; jew

(b)

servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz;

(8)

“kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software li normalment jintużaw magħhom oġġetti tal-istess tip, mingħajr il-bżonn li l-oġġetti, hardware jew software jiġu kkonvertiti;

(9)

“funzjonalità” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop tagħhom;

(10)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software differenti minn dawk li magħhom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip;

(11)

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dik il-persuna b’mod li hu aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(12)

“garanzija kummerċjali” tfisser kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu;

(13)

“durabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom f’użu normali;

(14)

“mingħajr ħlas” tfisser ħielsa mill-ispejjeż neċessarji magħmula sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-posta, tal-ġarr, tax-xogħol jew tal-materjali;

(15)

“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi jkunu offruti minn bejjiegħ lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibbiltà li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura ta’ offerti trasparenti u kompetittiva mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ ikun obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti ta’ bejgħ bejn konsumatur u bejjiegħ.

2.   Kuntratti bejn konsumatur u bejjiegħ għall-provvista ta’ oġġetti li jridu jiġu manifatturati jew prodotti għandhom jitqiesu wkoll bħala kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali. Madankollu, għandha tapplika għal kontenut jew servizzi diġitali li jkunu inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, fis-sens tal-punt (5)(b) tal-Artikolu 2, u li jiġu pprovduti mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk tali kontenut jew servizz diġitali jkunx fornut mill-bejjiegħ jew minn parti terza. F’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista ta’ kontenut diġitali inkorporat jew interkonness jew servizz diġitali inkorporat jew interkonness jifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jkun preżunt li jkun kopert mill-kuntratt tal-bejgħ.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

kwalunkwe mezz tanġibbli li jservi esklużivament bħala trasportatur għall-kontenut diġitali; jew

(b)

kwalunkwe oġġett mibjugħ b’eżekuzzjoni jew bl-awtorità tal-liġi.

5.   L-Istati jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kuntratti għall-bejgħ ta’:

(a)

oġġetti użata mibjugħa b’subbasta; u

(b)

annimali ħajjin.

Fil-każ imsemmi fil-punt (a), għandha titqiegħed faċilment għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni ċara u komprensiva li d-drittijiet li joħorġu minn din id-Direttiva ma japplikawx.

6.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà li l-Istati Membri jirregolaw l-aspetti tal-liġi ġenerali dwar il-kuntratti, bħar-regoli dwar it-tfassil, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti, inklużi l-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt, dment li dawn ma jkunux regolati f’din id-Direttiva, jew id-dritt għal kumpens għad-danni.

7.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku, jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti f’perjodu wara l-konsenja, li ma jaqbiżx it-30 jum. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa r-regoli nazzjonali mhux speċifiċi għal kuntratti tal-konsumatur li jipprovdu rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux jidhru fil-mument tal-għeluq tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 4

Livell ta’ armonizzazzjoni

L-Istati Membri ma għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, fosthom dispożizzjonijiet aktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix mod ieħor.

Artikolu 5

Konformità tal-oġġetti

Il-bejjiegħ għandu jikkonsenja lill-konsumatur oġġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jekk applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9.

Artikolu 6

Rekwiżiti soġġettivi għall-konformità

Sabiex ikunu konformi mal-kuntratt tal-bejgħ, l-oġġetti għandhom, b’mod partikolari, fejn ikun applikabbli:

(a)

ikunu tad-deskrizzjoni, it-tip, il-kwantità u l-kwalità, u jkollhom il-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-karatteristiċi l-oħra, kif jirrikjedi l-kuntratt tal-bejgħ;

(b)

ikunu tajbin għal kull għan partikolari li għalih ikun jeħtieġhom il-konsumatur u li l-konsumatur ikun għarraf bih lill-bejjiegħ mhux aktar tard mill-ħin meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, u li fir-rigward tiegħu l-bejjiegħ ikun aċċetta;

(c)

jiġu kkonsenjati mal-aċċessorji kollha u istruzzjoni, inkluż dwar l-installazzjoni, kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ; u

(d)

jiġu fornuti b’aġġornamenti kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 7

Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu;

(c)

jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u

(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.

2.   Il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:

(a)

il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni;

(b)

sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew

(c)

id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:

(a)

li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew

(b)

indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien.

4.   Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:

(a)

il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u

(b)

in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 8

Installazzjoni ħażina tal-oġġetti

Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jekk:

(a)

l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u tkun saret mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu; jew

(b)

l-installazzjoni, maħsuba biex titwettaq mill-konsumatur, tkun saret mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-installazzjoni pprovduti mill-bejjiegħ jew, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, provdut mill-bejjiegħ jew mill-fornitur tal-kontenut jew is-servizz diġitali.

Artikolu 9

Drittijiet ta’ partijiet terzi

Meta restrizzjoni li tirriżulta minn ksur ta’ kwalunkwe dritt ta’ parti terza, b’mod partikolari drittijiet tal-proprjetà intellettwali, timpedixxi jew tillimita l-użu tal-oġġetti skont l-Artikoli 6 u 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità previsti fl-Artikolu 13, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix in-nullità jew ir-riżoluzzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’każijiet bħal dawn.

Artikolu 10

Responsabbiltà tal-bejjiegħ

1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti mal-konsenja tal-oġġetti u li jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn minn dakinhar. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, li għalihom il-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti b’elementi diġitali. Jekk il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut jew is-servizz diġitali jrid jiġi fornut skont il-kuntratt ta’ bejgħ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu limiti ta’ żmien itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk, skont il-liġi nazzjonali, ir-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 ikunu wkoll soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien imsemmi f’dawk il-paragrafi.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji previsti fl-Artikolu 13 biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien indikat f’dawk il-paragrafi.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każ ta’ oġġetti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jaqblu ma’ termini kuntrattwali jew ftehimiet b’perjodi ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, 2 u 5, sakemm tali perjodi iqsar ma għandhomx ikunu inqas minn sena.

Artikolu 11

Oneru tal-provi

1.   Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fi żmien sena mill-mument li fih ikunu ġew konsenjati l-oġġetti għandu jkun preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor jew din il-preżunzjoni tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   Minflok il-perjodu ta’ sena stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx konformi fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandu jkun fuq il-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu imsemmi f’dak l-Artikolu.

Artikolu 12

Obbligu ta’ notifika

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha il-konsumatur jkun induna b’tali nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 13

Rimedji għal nuqqas ta’ konformità

1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a)

il-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità;

(b)

is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

3.   Il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha inklużi dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità;

(c)

in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ; jew

(d)

il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.   Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. Il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.

6.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li ma jħallas l-ebda parti pendenti mill-prezz jew biċċa minnu sakemm il-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet biex il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jżomm il-pagament.

7.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk u kemm il-kontribut tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità jaffettwax id-dritt tal-konsumatur għal rimedju.

Artikolu 14

Tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti

1.   Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a)

bla ħlas;

(b)

fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti.

2.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità għandu jiġi rimedjat minn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti, il-konsumatur għandu jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ. Il-bejjiegħ għandu jieħu lura l-oġġetti sostitwiti bi spejjeż tal-bejjiegħ.

3.   Jekk tiswija tirrikjedi t-tneħħija ta’ oġġetti li jkunu ġew installati b’mod konsistenti man-natura u l-iskop tagħhom qabel ma jkun immanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità, jew jekk tali oġġetti jridu jiġu sostitwiti, l-obbligu ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti għandu jinkludi t-tneħħija tal-oġġetti mhux konformi, u l-installazzjoni ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni jew oġġetti msewwija, jew li jġorru l-ispejjeż ta’ dik it-tneħħija u l-installazzjoni.

4.   Il-konsumatur ma għandux ikun marbut li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti matul il-perjodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom.

Artikolu 15

Tnaqqis fil-prezz

It-tnaqqis fil-prezz għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur tal-oġġetti li jkun irċieva l-konsumatur meta mqabbel mal-valur li kien ikollhom l-oġġetti kieku kienu konformi.

Artikolu 16

Terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ

1.   Il-konsumatur għandu jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ permezz ta’ dikjarazzjoni lill-bejjiegħ li fiha jesprimi d-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ.

2.   Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun jirrigwarda biss xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt tal-bejgħ u jkun hemm raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ skont l-Artikolu 13, il-konsumatur jista’ jittermina l-kuntratt tal-bejgħ biss b’rabta ma’ dawk l-oġġetti u b’rabta ma’ kwalunkwe oġġett ieħor li l-konsumatur ikun akkwista flimkien mal-oġġetti mhux konformi jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.

3.   Meta l-konsumatur jittermina kuntratt tal-bejgħ sħiħ jew, skont il-paragrafu 2, fir-rigward ta’ xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati taħt il-kuntratt tal-bejgħ:

(a)

il-konsumatur għandu jirritorna l-oġġetti lill-bejjiegħ bi spejjeż għal dan tal-aħħar; u

(b)

il-bejjiegħ għandu jrodd lura lill-konsumatur il-prezz imħallas għall-oġġetti meta jirċievi l-oġġetti jew l-evidenza pprovduta mill-konsumatur li jkun bagħat l-oġġetti lura.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-modalitajiet għar-ritorn u r-rimborż.

Artikolu 17

Garanziji kummerċjali

1.   Kwalunkwe garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti fuq il-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali u r-reklamar assoċjat disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt jew qablu. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli oħra tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, fejn produttur joffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għal ċerti oġġetti għal perjodu ta’ żmien partikolari, il-produttur għandu jkun responsabbli direttament lejn il-konsumatur tul il-perjodu kollu tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti skont l-Artikolu 14. Il-produttur jista’ joffri lill-konsumatur kundizzjonijiet aktar favorevoli fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà.

Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali jkunu inqas vantaġġużi għall-konsumatur minn dawk stipulati fir-reklamar assoċjat, il-garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-reklamar relatat mal-garanzija kummerċjali, sakemm, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ir-reklamar assoċjat ma jkunx ġie kkoreġut bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħalma jkun sar.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur fuq mezz durabbli mhux aktar tard mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti. Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tinkiteb b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni ċara li l-konsumatur huwa intitolat bil-liġi għal rimedji mill-bejjiegħ bla ħlas fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti u li dawk ir-rimedji ma jkunux affettwati mill-garanzija kummerċjali;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-garanti;

(c)

il-proċedura li trid tiġi segwita mill-konsumatur biex jikseb l-implimentazzjoni tal-garanzija kummerċjali;

(d)

l-indikazzjoni tal-oġġetti li l-garanzija kummerċjali tapplika għalihom; u

(e)

it-termini tal-garanzija kummerċjali.

3.   In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 ma jaffettwax in-natura vinkolanti tal-garanzija kummerċjali għall-garanti.

4.   Stati Membri jistgħu jistipulaw regoli dwar aspetti oħra li jikkonċernaw il-garanziji kummerċjali u li mhumiex irregolati f’dan l-Artikolu, fosthom regoli dwar il-lingwa jew il-lingwi li bihom għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali.

Artikolu 18

Dritt ta’ rimedju

Fejn il-bejjiegħ ikun responsabbli lejn il-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn att jew ommissjoni, inkluża l-ommissjoni li jiġu fornuti aġġornamenti għal oġġetti b’elementi diġitali kif previst mill-Artikolu 7(3), minn persuna f’ħoloq preċedenti fil-katina tat-tranżazzjonijiet, il-bejjiegħ għandu jkollu d-dritt li jfittex rimedji kontra l-persuna jew il-persuni responsabbli fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Il-persuna li kontriha l-bejjiegħ jista’ jfittex rimedji, kif ukoll l-azzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju rilevanti, għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 19

Infurzar

1.   L-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   Il-mezzi msemmijin fil-paragrafu 1 jinkludu dispożizzjonijiet li bihom korp wieħed jew iktar minn fost dawn li ġejjin, kif tistabbilixxi l-liġi nazzjonali, jista’ jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jaraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva:

(a)

korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumatur;

(c)

organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li tittieħed azzjoni.

Artikolu 20

Informazzjoni għall-konsumatur

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet tal-konsumaturi skont din id-Direttiva, u dwar il-mezzi biex jiġu infurzati dawk id-drittijiet.

Artikolu 21

Natura obbligatorja

1.   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, qabel ma l-konsumatur jiġbed l-attenzjoni tal-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-bejjiegħ milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva.

Artikolu 22

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE

(1)   Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).”.

(2)   Fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE, il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).”.

Artikolu 23

Tħassir tad-Direttiva 1999/44/KE

Id-Direttiva 1999/44/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.   Sal-1 ta’ Lulju 2021 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 25

Rieżami

Sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-rimedji u l-oneru tal-provi – anki fir-rigward ta’ oġġetti użati u oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi – u l-garanzija kummerċjali tal-produttur dwar id-durabbiltà, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jivvaluta, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas konsistenti u koerenti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut diġitali, servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw il-politiki tal-Unjoni. Jekk ikun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġislattivi.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 22 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 27

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ April 2019.

(3)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(4)  Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(6)  Id- Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).

(10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 1999/44/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1

Artikolu 1(2) (a)

Artikolu 2, punt (2)

Artikolu 1(2) (b), l-ewwel inċiż

Artikolu 3(4)(b)

Artikolu 1(2) (b), it-tieni u t-tielet inċiż

Artikolu 2, punt (5)(a)

Artikolu 1(2) (c)

Artikolu 2, punt (3)

Artikolu 1(2) (d)

Artikolu 2, punt (4)

Artikolu 1(2) (e)

Artikolu 2, punt (12)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2, punt (15) u l-Artikolu 3(5)(a)

Artikolu 1(4)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 5

Artikolu 2(2) (a)

Artikolu 6, punt (a) u l-Artikolu 7(1) (b)

Artikolu 2(2) (b)

Artikolu 6, punt (b)

Artikolu 2(2) (c)

Artikolu 7(1)(a)

Artikolu 2(2) (d)

Artikolu 7(1)(d)

Artikolu 2(3)

Artikolu 7(5)

Artikolu 2(4)

Artikolu 7(2)

Artikolu 2(5)

Artikolu 8

Artikolu 3(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(1)(a)

Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(2)

Artikolu 3(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 14(1)(b) u (c)

Artikolu 3(4)

Artikolu 2, punt (14)

Artikolu 3(5)

Artikolu 13(4)

Artikolu 3(6)

Artikolu 13(5)

Artikolu 4

Artikolu 18

Artikolu 5(1)

Artikolu 10(1), (2), (3), (4) u (5)

Artikolu 5(2)

Artikolu 12

Artikolu 5(3)

Artikolu 11

Artikolu 6(1)

Artikolu 17(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 17(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 17(2)

Artikolu 6(4)

Artikolu 17(4)

Artikolu 6(5)

Artikolu 17(3)

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 21(1)

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(6)

Artikolu 7(2)

Artikolu 8(1)

Artikolu 3(6) u (7)

Artikolu 8(2)

Artikolu 4

Artikolu 9

Artikoli 19 u 20

Artikolu 10

Artikolu 22

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 24(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(2)

Artikolu 24(1), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 12

Artikolu 25

Artikolu 13

Artikolu 26

Artikolu 14

Artikolu 27


Top