22.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 136/28 |
DIRETTIVA (UE) 2019/771 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Mejju 2019
dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Sabiex tibqa’ kompetittiva fis-swieq globali, l-Unjoni trid ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tilħaq b’suċċess l-isfidi multipli maħluqa llum minn ekonomija xprunata dejjem aktar mit-teknoloġija. L-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali tistabbilixxi qafas komprensiv li jiffaċilita l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern. L-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali jindirizza l-frammentazzjoni fil-kummerċ intra-UE billi jittratta l-ostakli prinċipali tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier, li jikkostitwixxi l-aktar parti sinifikanti ta’ bejgħ transfruntier ta’ oġġetti min-negozju għall-konsumatur. |
(2) |
L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi. L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern. Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
(3) |
Ċerti aspetti rigward il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti jenħtieġ li jiġu armonizzati, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex ikun hemm suq uniku diġitali ġenwin, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (‘SMEs’). |
(4) |
Il-kummerċ elettroniku huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir fis-suq intern. Madankollu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhuwiex sfruttat b’mod sħiħ. Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u jiżdied it-tkabbir, l-Unjoni hemm bżonn li taġixxi malajr u tinkoraġġixxi lill-atturi ekonomiċi sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ offrut mis-suq intern. Il-potenzjal sħiħ tas-suq intern jista’ jiġi sfruttat biss jekk il-parteċipanti kollha fis-suq igawdu aċċess bla xkiel għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti, inkluż fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku. Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali li abbażi tagħhom il-parteċipanti fis-suq jikkonkludu t-tranżazzjonijiet huma fost il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw id-deċiżjoni tan-negozji dwar jekk joffrux oġġetti bejn il-fruntieri jew le. Dawk ir-regoli jinfluwenzaw ukoll ir-rieda tal-konsumaturi li jħaddnu u jafdaw dan it-tip ta’ xiri. |
(5) |
L-evoluzzjoni teknoloġika wasslet għal suq akbar għal oġġetti li jinkorporaw jew li huma interkonnessi ma’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali. Minħabba l-għadd dejjem akbar ta’ apparat bħal dan u l-pass mgħaġġel li bih qed jiżdied l-użu tiegħu min-naħa tal-konsumaturi, hemm bżonn azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għall-bejgħ ta’ tali prodotti. Żieda fiċ-ċertezza legali tgħin sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u l-bejjiegħa. |
(6) |
Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji. |
(7) |
Id-differenzi li jeżistu jistgħu jaffettwaw ħażin in-negozji u l-konsumaturi. Skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), in-negozji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom ma’ konsumaturi fi Stati Membri oħra huma meħtieġa li jqisu r-regoli obbligatorji tal-liġijiet dwar il-kuntratti mal-konsumatur tal-pajjiż ta’ residenza abitwali tal-konsumatur. Billi dawk ir-regoli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, in-negozji jistgħu jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali. Konsegwentement, bosta negozji jistgħu jippreferu li jkomplu jagħmlu l-kummerċ domestikament jew jesportaw biss lejn Stat Membru wieħed jew tnejn. Dik l-għażla li jnaqqsu l-esponiment għall-ispejjeż u r-riskji assoċjati mal-kummerċ transfruntier tirriżulta f’opportunitajiet mitlufa għal espansjoni kummerċjali u ekonomiji ta’ skala. L-SMEs huma affettwati b’mod partikolari. |
(8) |
Filwaqt li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta’ protezzjoni meta jixtru minn pajjiż ieħor b’riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, il-frammentazzjoni legali taffettwa b’mod negattiv ukoll il-livell ta’ fiduċja tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Filwaqt li diversi fatturi jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas ta’ fiduċja, l-inċertezza dwar drittijiet kuntrattwali ewlenin hija fost l-akbar tħassib tal-konsumaturi. Din l-inċertezza teżisti b’mod indipendenti minn jekk il-konsumaturi jkunux protetti bir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumatur tal-Istat Membru tagħhom stess f’każ li fih bejjiegħa jidderieġu l-attivitajiet transfruntiera tagħhom lejhom, jew jekk il-konsumaturi jikkonkludux kuntratti transfruntiera ma’ bejjiegħa mingħajr ma l-bejjiegħa rispettivi jwettqu attivitajiet kummerċjali fl-Istat Membru tal-konsumatur. |
(9) |
Filwaqt li l-bejgħ online ta’ oġġetti jikkostitwixxi l-maġġoranza assoluta tal-bejgħ transfruntier fl-Unjoni, id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jaffettwaw kemm lill-bejjiegħa bl-imnut li jużaw kanali tal-bejgħ mill-bogħod kif ukoll lill-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu wiċċ imb wiċċ u jżommuhom milli jespandu lil hinn mill-fruntieri. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri l-kanali tal-bejgħ kollha, biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha li jbigħu oġġetti lill-konsumaturi. Permezz ta’ regoli uniformi bejn il-kanali tal-bejgħ, jenħtieġ li din id-Direttiva tevita kwalunkwe diverġenza li toħloq piżijiet sproporzjonati għan-numru dejjem akbar ta’ bejjiegħa bl-imnut omni-channel fl-Unjoni. Il-ħtieġa li jinżammu regoli konsistenti dwar il-bejgħ u l-garanziji għall-kanali tal-bejgħ kollha ġiet ikkonfermata fil-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ppubblikata fid-29 ta’ Mejju 2017, li kopriet anki d-Direttiva 1999/44/KE. |
(10) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri r-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali, fir-rigward biss tal-elementi kuntrattwali ewlenin meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali fis-suq intern. Għal dan il-għan jenħtieġ li r-regoli dwar ir-rekwiżiti għall-konformità, ir-rimedji għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċizzju tagħhom ikunu kompletament armonizzati, u li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, meta mqabbel mad-Direttiva 1999/44/KE, jiżdied. Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta’ ċerti elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra. Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri. |
(11) |
Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttiva 2011/83/UE. Filwaqt li d-Direttiva 2011/83/UE tistabbilixxi prinċipalment dispożizzjonijiet dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, id-dritt ta’ rtirar minn kuntratti mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju u regoli dwar il-konsenja u t-trasferiment tar-riskju, din id-Direttiva tintroduċi regoli dwar il-konformità tal-oġġetti, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità u modalitajiet għall-eżerċizzju tagħhom. |
(12) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal oġġetti mobbli tanġibbli li jikkostitwixxu oġġetti fis-sens stabbilit f’din id-Direttiva. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jirregolaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal binjiet residenzjali, kif ukoll il-komponenti ewlenin li jkunu maħsuba bħala parti kbira minn tali proprjetà immobbli. |
(13) |
Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin. Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2019/770 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti rigward kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti. Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/770 tapplika għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali, inkluż kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, dment li l-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur tal-kontenut diġitali. Għall-kuntrarju, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali li jirrikjedu kontenut jew servizz diġitali sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. |
(14) |
It-terminu “oġġetti” kif previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi “oġġetti b’elementi diġitali”, u għaldaqstant jirreferi wkoll għal kwalunkwe kontenut jew servizz diġitali li jkun inkorporat f’dawn l-oġġetti jew interkonness magħhom b’tali mod li n-nuqqas ta’ tali kontenut jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Il-kontenut diġitali inkorporat f’oġġett jew interkonness miegħu jista’ jkun kwalunkwe data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, bħal sistemi operattivi, applikazzjonijiet u kwalunkwe software ieħor. Il-kontenut diġitali jista’ jkun installat minn qabel meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ jew, f’każ li dak il-kuntratt jipprovdi dan, jista’ jiġi installat wara. Servizzi diġitali interkonnessi ma’ oġġett jistgħu jinkludu servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, jew aċċess għaliha, bħal software bħala servizz offrut fl-ambjent tal-cloud computing, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, jew il-provvista kontinwa ta’ pjanijiet ta’ taħriġ adattati individwalment fil-każ ta’ arloġġ intelliġenti. |
(15) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti. Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt. Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt. Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur. Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ. Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett. Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera. Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti. tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness. Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali. |
(16) |
B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha. Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu. Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti. Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza. F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti. |
(17) |
Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv. L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva. |
(18) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti. L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva. Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi. Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni. |
(19) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà li l-Istati Membri jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti fi żmien qasir wara l-konsenja, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu d-dritt sabiex il-konsumatur jirrifjuta oġġetti difettużi u jittratta l-kuntratt bħala rinnegat jew jitlob sostituzzjoni immedjata fi żmien qasir u speċifiku wara l-konsenja tal-oġġetti li ma jaqbiżx it-30 jum. |
(20) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw l-obbligi ta’ informazzjoni tal-bejjiegħ b’rabta mal-konklużjoni tal-kuntratt jew id-dmir tal-bejjiegħ li jwissi lill-konsumatur dwar, pereżempju, ċerti karatteristiċi tal-oġġett, l-adegwatezza tal-materjali pprovduti mill-konsumatur jew l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mit-talbiet speċifiċi tal-konsumatur, pereżempju talba mill-konsumatur għall-użu ta’ drapp speċifiku biex titħiet libsa. |
(21) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jestendu l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva għal kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inkella li jirregolaw dan it-tip ta’ kuntratti. Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi minn din id-Direttiva anki għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex konsumaturi fis-sens ta’ din id-Direttiva, pereżempju l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji l-ġodda u l-SMEs. |
(22) |
Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll. |
(23) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jintrabat li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur. Il-fornituri ta’ pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala bejjiegħa taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-bejgħ tal-oġġetti. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati bejjiegħa taħt din id-Direttiva. |
(24) |
Sabiex il-ħtieġa għal ċertezza legali tiġi bbilanċjata ma’ flessibbiltà xierqa tar-regoli legali, kwalunkwe referenza f’din id-Direttiva għal dak li jista’ jkun mistenni mingħand persuna għandha tinftiehem bħala referenza għal dak li jista’ jkun mistenni raġonevolment. L-istandard tar-raġonevolezza jenħtieġ li jiġi aċċertat b’mod oġġettiv, billi jitqiesu n-natura u l-għan tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi tal-każ u kwalunkwe użu u prattika tal-partijiet involuti. |
(25) |
Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità. Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ. Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi. |
(26) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mar-rekwiżiti miftiehma bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur fil-kuntratt tal-bejgħ. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkopru, inter alia, il-kwantità, il-kwalità, it-tip u d-deskrizzjoni tal-oġġetti, l-idoneità tagħhom għal skop speċifiku, kif ukoll il-konsenja tal-oġġetti bl-aċċessorji miftiehma u kwalunkwe istruzzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-kuntratt tal-bejgħ jinkludu dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni prekuntrattwali, li, f’konformità mad-Direttiva 2011/83/UE, tifforma parti integrali mill-kuntratt tal- bejgħ. |
(27) |
Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għall-modi li bih l-oġġetti jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop li jkollhom. Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u kemm l-oġġett kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li huwa differenti minn dawk li normalment jintużaw ma’ kontenut jew servizzi diġitali tal-istess tip. Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jikkondividi informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni kondiviża. |
(28) |
Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti. L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra. Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ. In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ. |
(29) |
Sabiex ikunu f’konformità, jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mhux biss mar-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità iżda jenħtieġ li barra minn hekk ikunu konformi mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, fost l-oħrajn, b’kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip jintużaw normalment, jekk dawn l-oġġetti jkunux pprovduti bl-aċċessorji u l-istruzzjonijiet li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi jew jekk ikunux jikkorrispondu mal-kampjun jew mal-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. Jenħtieġ li l-oġġetti jkollhom ukoll il-kwalitajiet u l-elementi li normalment ikunu jinsabu għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq aktar bikrija tal-katina tat-tranżazzjonijiet. |
(30) |
Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi. Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva. Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità. Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità. Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti. Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi. Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali. |
(31) |
Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja. Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament. Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja. Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet. Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja. Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ. Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà. F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien. |
(32) |
L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari. Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern. Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati. Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti. Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu. Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti. Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità. |
(33) |
Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja. Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja. Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà. |
(34) |
Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom. Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom. Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu. Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju. |
(35) |
Il-konformità jenħtieġ li tkopri difetti materjali kif ukoll difetti legali. Ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet ta’ parti terza, b’mod partikolari drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw l-użu tal-oġġetti skont il-kuntratt. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’każijiet bħal dawn, il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità kif previst f’din id-Direttiva, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix in-nullità tal-kuntratt jew ir-riżoluzzjoni tiegħu f’tali każijiet. |
(36) |
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà fir-regoli, pereżempju fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġetti użati, jenħtieġ li jkun possibbli li l-partijiet jiddevjaw mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità previsti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li devjazzjoni bħal din tkun possibbli biss jekk il-konsumatur ikun ġie speċifikament infurmat b’dan u jekk il-konsumatur jaċċettaha separatament minn dikjarazzjonijiet jew ftehimiet oħra, u permezz ta’ mġiba attiva u mingħajr ekwivoċi. |
(37) |
Ċertezza legali akbar kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bejjiegħa tirrikjedi indikazzjoni ċara taż-żmien meta jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità. Jenħtieġ li ż-żmien rilevanti sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-oġġetti jkun iż-żmien meta l-oġġetti jiġu kkonsenjati. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għal oġġetti li jinkorporaw kontenut jew servizz diġitali, jew ikunu interkonnessi miegħu, u fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista. Madankollu, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat fl-oġġetti, jew interkonness miegħu, ikun se jiġi fornut kontinwament tul perjodu ta’ żmien, jenħtieġ li ż-żmien rilevanti għall-iskop tal-istabbiliment tal-konformità ta’ dak l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali ma jkunx mument wieħed speċifiku fiż-żmien iżda pjuttost perjodu ta’ żmien, li jibda mill-mument tal-konsenja. Jenħtieġ li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak il-perjodu ta’ żmien ikun daqs il-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità. |
(38) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax it-tifsira ta’ “konsenja”, li jenħtieġ li titħalla għal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari, rigward il-kwistjoni dwar x’għandu jagħmel il-bejjiegħ sabiex jissodisfa l-obbligu tal-bejjiegħ li jforni l-oġġetti. Barra minn hekk, referenzi għall-mument tal-konsenja f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar it-trasferiment tar-riskju kif previst fid-Direttiva 2011/83/UE u implimentat f’dan is-sens fil-liġi tal-Istati Membri. |
(39) |
Jenħtieġ li oġġetti b’elementi diġitali jitqiesu konsenjati lill-konsumatur meta l-komponent fiżiku tal-oġġetti jkun ġie konsenjat u l-att uniku ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkun twettaq jew il-provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien tkun bdiet. Dan ifisser li l-bejjiegħ jenħtieġ li jagħmel ukoll il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur b’tali mod li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat biex iniżżlu jew jaċċedi għalih, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-bejjiegħ sabiex il-konsumatur ikun jista’ juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali skont il-kuntratt, pereżempju billi tiġi pprovduta link jew għażla għat-tniżżil. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità jkun il-ħin meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi fornut, jekk il-komponent fiżiku ikun ġie konsenjat qabel. B’riżultat ta’ dan, jista’ jiġi żgurat li jkun hemm punt ta’ tluq uniformi għall-perjodu ta’ responsabbiltà għall-komponent fiżiku, minn naħa waħda, u għall-element diġitali, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet il-konsumatur ma jkunx kapaċi jinnota difett fil-komponent fiżiku qabel ma jkun fornut il-kontenut jew is-servizz diġitali. |
(40) |
Fejn l-oġġetti jirrikjedu l-installazzjoni mill-bejjiegħ, il-konsumatur f’ċertu każijiet ma jkunx kapaċi juża l-oġġetti jew jinnota difett qabel ma titlesta l-installazzjoni. Għaldaqstant, jekk skont il-kuntratt tal-bejgħ l-oġġetti jridu jiġu installati mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jenħtieġ li l-oġġetti jitqiesu li ġew ikkonsenjati lill-konsumatur meta l-installazzjoni tkun lesta. |
(41) |
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità. Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm. Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali. Madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt. Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva. |
(42) |
Għal raġunijiet ta’ koerenza mas-sistemi legali nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jipprevedu li l-bejjiegħa jkunu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu f’perjodu ta’ żmien speċifiku, possibbilment flimkien ma’ perjodu ta’ limitazzjoni, jew li r-rimedji tal-konsumatur ikunu soġġetti biss għal perjodu ta’ limitazzjoni. Fl-ewwel każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ ma jiġix evitat bil-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur. Filwaqt li għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-mument meta jiddekorru l-perjodi ta’ limitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li tiżgura li dawn il-perjodi ta’ limitazzjoni ma jxekklux id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw ir-rimedji tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità. Fil-każ ta’ dan tal-aħħar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur mingħajr ma jintroduċu perjodu speċifiku li fih irid jimmanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità sabiex il-bejjiegħ jinżamm responsabbli. Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod anki f’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li fejn japplika perjodu ta’ limitazzjoni biss, dan xorta jippermetti lill-konsumaturi jeżerċitaw ir-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu tal-anqas matul il-perjodu previst f’din id-Direttiva bħala perjodu ta’ responsabbiltà. |
(43) |
Rigward ċerti aspetti, jista’ jiġi ġustifikat trattament differenti fir-rigward ta’ oġġetti użati. Għalkemm perjodu ta’ responsabbiltà jew ta’ limitazzjoni ta’ sentejn jew aktar normalment jirrikonċilja l-interessi kemm tal-bejjiegħ u tal-konsumatur, dan jista’ ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ oġġetti użati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-partijiet sabiex jaqblu fuq perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar għal dawn l-oġġetti. Li din il-kwistjoni titħalla għal ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet iżżid il-libertà kuntrattwali u tiżgura li l-konsumatur għandu jiġi infurmat kemm dwar in-natura tal-oġġett bħala oġġett użat u l-perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar. Madankollu jenħtieġ li perjodu bħal dan miftiehem kuntrattwalment ma jkunx iqsar minn sena. |
(44) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet skont liema jista’ jiġi sospiż jew interrott perjodu ta’ limitazzjoni jew il-perjodu ta’ responsabbiltà previst f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri, għalhekk, ikunu jistgħu jipprevedu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà jew tal-perjodu ta’ limitazzjoni, pereżempju fil-każ ta’ tiswija, bdil jew negozjati bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, bil-ħsieb ta’ soluzzjoni amikevoli. |
(45) |
Jenħtieġ li għal perjodu ta’ sena jew, għal perjodu ta’ sentejn jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw perjodu ta’ sentejn, il-konsumatur ikun obbligat jipprova biss li l-oġġett mhuwiex f’konformità, bla ma jkollu wkoll jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità kien fil-fatt jeżisti fiż-żmien rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità. Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ irid jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti f’dak il-mument. Barra minn hekk, f’xi każijiet il-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien jeżisti fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità tista’ tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Tal-ewwel jista’ jkun il-każ b’oġġetti li, min-natura tagħhom jiddeterjoraw, bħal prodotti li jitħassru, pereżempju fjuri, jew oġġetti maħsuba biex jintużaw darba biss. Eżempju ta’ dan tal-aħħar jkun nuqqas ta’ konformità, li jista’ jkun biss riżultat ta’ azzjoni mill-konsumatur jew ta’ kawża esterna evidenti li tkun seħħet wara li l-oġġetti jkunu ġew ikkonsenjati lill-konsumatur. F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jagħti prova li l-kontenut jew is-servizz diġitali ma kienx f’konformità tul il-perjodu ta’ żmien rispettiv biex tiġi stabbilita l-konformità. Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ ikun irid jipprova li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien konformi tul dak il-perjodu. |
(46) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha l-konsumatur ikun induna b’tali nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell ogħla ta’ protezzjoni, billi ma jintroduċux obbligu bħal dan. |
(47) |
Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali u jiġi eliminat wieħed mill-ostakli ewlenin li qegħdin ixekklu s-suq intern, jenħtieġ li din id-Direttiva tarmonizza b’mod sħiħ ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti, u l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu eżerċitati tali rimedji. B’mod partikolari, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu intitolati li jkollhom l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievu tnaqqis proporzjonat fil-prezz jew jitterminaw il-kuntratt. |
(48) |
Fir-rigward li l-oġġetti jinġiebu f’konformità jenħtieġ li l-konsumatur igawdi minn għażla bejn tiswija jew sostituzzjoni. Il-fatt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu tiswija għandu jinkoraġġixxi konsum sostenibbli u jista’ jikkontribwixxi għal durabbiltà akbar tal-prodotti. L-għażla tal-konsumatur bejn tiswija u sostituzzjoni jenħtieġ li tkun limitata biss fejn l-opzjoni magħżula tkun legalment jew fattwalment impossibbli jew, timponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ, meta mqabbla mal-opzjoni l-oħra disponibbli. Pereżempju, jista’ jkun sproporzjonat li titlob is-sostituzzjoni ta’ oġġetti minħabba barxa żgħira, meta tali sostituzzjoni toħloq spejjeż sinifikanti u, l-barxa tista’ tissewwa faċilment. |
(49) |
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jitħalla jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli, jew dawn jimponu spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ. Jenħtieġ li l-istess japplika jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli u r-rimedju alternattiv jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ. Pereżempju, jekk l-oġġetti jkunu f’post differenti minn fejn kienu kkonsenjati oriġinarjament, l-ispejjeż tal-posta u tal-ġarr jistgħu jsiru sproporzjonati għall-bejjiegħ. |
(50) |
Jenħtieġ li meta jimmanifesta ruħu nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ dwar dan sabiex jagħti lill-bejjiegħ l-opportunità jġib l-oġġett f’konformità. Jenħtieġ li l-bejjiegħ jagħmel dak f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkunx, fil-prinċipju, immedjatament intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt iżda jenħtieġ li l-bejjiegħ jingħata żmien raġonevoli biex isewwi jew jissostitwixxi l-oġġett mhux konformi. Jekk il-bejjiegħ ma jkunx sewwa jew bidel l-oġġett f’dak iż-żmien, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob u jikseb tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr ma jistenna aktar. |
(51) |
Jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni ma jkunux ipprovdew lill-konsumatur b’rimedju xieraq għan-nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li l-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew li jittermina l-kuntratt. Dak jenħtieġ li jkun l-każ, partikolarment, meta l-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni, jew meta jkun ċar miċ-ċirkustanzi li l-bejjiegħ ma jkunx se jlesti t-tiswija jew is-sostituzzjoni, jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità għax it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu. |
(52) |
F’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun ġustifikat li l-konsumatur ikun intitolat għal roħs fil-prezz jew għat-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt. Meta l-bejjiegħ ikun ħa azzjoni biex iġib l-oġġetti f’konformità iżda sussegwentement ikun evidenti li hemm nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li jiġi determinat b’mod oġġettiv jekk il-konsumatur jenħtieġx li jaċċetta tentattivi oħra mill-bejjiegħ biex iġib l-oġġetti f’konformità, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ bħat-tip u l-valur tal-oġġetti u n-natura u s-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità. B’mod partikolari, għal oġġetti għaljin jew kumplessi jista’ jkun ġustifikat li l-bejjiegħ jitħalla jerġa’ jipprova jsib rimedju għan-nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li jitqies ukoll jekk il-konsumatur jistax ikun mistenni li jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità jew le, pereżempju minħabba li l-istess problema tidher darbtejn. Bl-istess mod, f’ċerti sitwazzjonijiet in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ natura tant serja li l-konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità, bħal fejn in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa b’mod gravi l-ħila tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġetti u l-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkollu fiduċja li t-tiswija jew it-tibdil min-naħa tal-bejjiegħ ikunu se jsolvu l-problema. |
(53) |
Sabiex jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi d-dritt li jittermina l-kuntratt f’każijiet biss fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx żgħir. |
(54) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirregolaw il-kundizzjonijiet li skonthom il-prestazzjoni tad-debitur tista’ tiġi ssodisfata minn persuna oħra, pereżempju l-kundizzjonijiet li skonthom l-obbligu tal-bejjiegħ li jsewwi oġġett jista’ jsir mill-konsumatur jew minn parti terza bi spejjeż għall-bejjiegħ. |
(55) |
Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mir-riskju ta’ dewmien twil, kwalunkwe tiswija jew sostituzzjoni għandha titlesta b’suċċess fi żmien raġonevoli. Dak li huwa meqjus bħala żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni għandu jikkorrispondi għall-iqsar żmien possibbli meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni. Jenħtieġ li dak iż-żmien jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv billi jitqiesu n-natura u l-kumplessità tal-oġġetti, in-natura u l-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, u l-isforz meħtieġ biex titlesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinterpretaw il-kunċett ta’ żmien raġonevoli għat-tlestija ta’ tiswija jew sostituzzjoni billi jipprovdu perjodi fissi li ġeneralment jistgħu jitqiesu bħala raġonevoli għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ prodotti. |
(56) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tistipulax dispożizzjonijiet dwar fejn iridu jitwettqu l-obbligi ta’ debitur. Din id-Direttiva jenħtieġ li, għalhekk, la tispeċifika l-post tal-konsenja u lanqas ma tippreskrivi fejn jenħtieġ li ssir it-tiswija jew is-sostituzzjoni; tali kwistjonijiet jenħtieġ li jitħallew f’idejn il-liġi nazzjonali. |
(57) |
Fejn il-bejjiegħ iġib l-oġġett f’konformità permezz ta’ sostituzzjoni, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkunx obbligat li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti qabel ma jkunu ġew sostitwiti. L-użu tal-oġġetti għandu jitqies normali jekk ikun f’konformità man-natura u l-iskop tagħhom. |
(58) |
Sabiex id-dritt ta’ terminazzjoni jkun effettiv għall-konsumaturi, f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur jakkwista diversi oġġetti u n-nuqqas ta’ konformità jaffettwa biss uħud biss mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt, il-konsumatur jenħtieġ li jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt anki b’rabta mal-oġġetti l-oħra akkwistati flimkien mal-oġġetti mhux konformi, anki jekk dawk l-oġġetti l-oħra jkunu konformi, jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni li jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi. |
(59) |
Meta l-konsumatur jittermina l-kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ konformità, din id-Direttiva jenħtieġ li tippreskrivi regoli biss dwar l-effetti prinċipali tad-dritt ta’ terminazzjoni u l-modalitajiet għal dak id-dritt, b’mod partikolari l-obbligu li l-partijiet jirritornaw lura dak li jkunu rċevew. Għalhekk, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun obbligat li jħallas lura l-prezz li jkun irċieva mingħand il-konsumatur u l-konsumatur jenħtieġ li jirritorna l-oġġetti. |
(60) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw il-konsegwenzi tat-terminazzjoni għajr dawk previsti f’din id-Direttiva, bħall-konsegwenzi għal tnaqqis fil-valur tal-oġġetti jew għall-qerda u t-telf tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jirregolaw l-modalitajiet għar-rimborż tal-prezz lill-konsumatur, pereżempju il-modalitajiet li jikkonċernaw il-mezzi li għandhom jintużaw għal tali rimborż jew dwar spejjeż u tariffi possibbli li jistgħu jiġġarrbu bħala riżultat tar-rimborż. Jenħtieġ li l-Istati Membri, pereżempju, ikollhom ukoll il-libertà li jipprevedu ċerti limiti ta’ żmien għar-rimborż tal-prezz jew għar-ritorn tal-oġġetti. |
(61) |
Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għad-danni huwa element essenzjali tal-kuntratti tal-bejgħ. Il-konsumaturi jenħtieġ, għalhekk, jkollhom id-dritt jitolbu kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ, inkluż għal dannu mġarrab bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità. Tali kumpens jenħtieġ li jpoġġi lill-konsumatur kemm jista’ jkun fil-pożizzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha kieku l-oġġetti kienu konformi. Billi l-eżistenza ta’ tali dritt għad-danni hija diġà żgurata fl-Istati Membri kollha, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens tal-konsumaturi għall-ħsara li tirriżulta mill-ksur ta’ dawk ir-regoli. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur li jitlob kumpens għal sitwazzjonijiet li fihom it-tiswija jew is-sostituzzjoni jkunu damu jew ikunu kkawżaw inkonvenjent sinifikanti. |
(62) |
Sabiex tiġi assigurata li hemm trasparenza, jenħtieġ li jiġu pprovduti ċerti rekwiżiti fir-rigward ta’ garanziji kummerċjali, flimkien mar-rekwiżiti għal informazzjoni prekuntrattwali dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tal-garanziji kummerċjali stabbiliti fid-Direttiva 2011/83/UE. Barra minn hekk, sabiex titjieb iċ-ċertezza legali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi, li jekk il-kundizzjonijiet tal-garanzija kummerċjali f’reklami assoċjati jkunu aktar favorevoli għall-konsumatur minn dawk inklużi fid-dikjarazzjoni tal-garanzija, jirbħu l-kundizzjonijiet l-aktar vantaġġużi. Finalment, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi regoli dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ garanzija u dwar l-mod li bih jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Pereżempju, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta’ garanzija tinkludi t-termini tal-garanzija kummerċjali u tistqarr li l-garanzija legali tal-konformità mhix affettwata mill-garanzija kummerċjali, u tagħmilha ċara li t-termini tal-garanzija kummerċjali jikkostitwixxu l-impenn addizzjonali għall-garanzija legali tal-konformità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jistabbilixxu regoli dwar aspetti oħra ta’ garanziji kummerċjali mhux koperti minn din id-Direttiva, pereżempju dwar assoċjazzjoni ta’ debituri għajr il-garanti mal-garanzija kummerċjali, sakemm dawk ir-regoli ma jżommux lill-konsumaturi mill-protezzjoni mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet armonizzati ta’ din id-Direttiva dwar il-garanziji kummerċjali. Waqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jitolbu li l-garanziji kummerċjali jiġu pprovduti mingħajr ħlas, jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe impenn mill-bejjiegħ jew mill-produttur li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ garanziji kummerċjali kif stabbilit f’din id-Direttiva jkun konformi mar-regoli armonizzati ta’ din id-Direttiva. |
(63) |
Meta jitqies li l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti li jirriżulta minn att jew ommissjoni tal-bejjiegħ jew ta’ parti terza, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun jista’ jfittex rimedji kontra l-persuna responsabbli f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li tali rimedji jinkludu dawk għal nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ aġġornament, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li kien ikun meħtieġ biex l-oġġett b’elementi diġitali jinżamm f’konformità. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u partijiet oħra fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li d-dettalji għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari kontra min u kif għandhom jiġu segwiti dawn ir-rimedji u jekk ir-rimedji humiex ta’ natura obbligatorja, jingħataw mill-Istati Membri. Il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jistax ukoll jagħmel pretensjoni direttament kontra persuna fi stadju preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma tkunx regolata minn din id-Direttiva, ħlief f’każijiet fejn il-produttur joffri garanzija kummerċjali għall-oġġetti lill-konsumatur. |
(64) |
Il-persuni jew l-organizzazzjonijiet meqjusin mil-liġi nazzjonali li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-drittijiet kuntrattwali tal-konsumatur għandhom jingħataw id-dritt li jibdew il-proċedimenti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti li tiddeċiedi fuq ilmenti jew li jiftħu l-proċedimenti legali xierqa. |
(65) |
Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(66) |
Id-Direttiva 1999/44/KE jenħtieġ li titħassar. Jenħtieġ li d-data tat-tħassir tkun allinjata mad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu konformi ma’ din id-Direttiva huma applikati b’mod uniformi għal kuntratti konklużi mid-data tat-traspożizzjoni ’l quddiem, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti konklużi qabel id-data tat-traspożizzjoni tagħha. |
(67) |
Jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għal din id-Direttiva bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-infurzar ta’ din id-Direttiva. |
(68) |
Jenħtieġ li l-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tiġi emendata sabiex tinkludi referenza għal din id-Direttiva sabiex tiżgura li l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stabbiliti f’din id-Direttiva jkunu mħarsa. |
(69) |
Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi (10), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata. |
(70) |
Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(71) |
Huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, inklużi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji, l-oneru tal-provi anki fir-rigward ta’ oġġetti użati kif ukoll oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi u l-garanzija kummerċjali tal-produttur rigward id-durabbiltà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas legali konsistenti u koerenti fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali. |
(72) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 16, 38 u 47 tagħha, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u skop
L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn bejjiegħa u konsumaturi, b’mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bħal din, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji, u dwar garanziji kummerċjali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kull kuntratt li bih il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi sjieda ta’ oġġetti lil konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tagħhom; |
(2) |
“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, li, b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna; |
(3) |
“bejjiegħ” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-fatt jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew għan-nom ta’ dik il-persuna, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta’ dik il-persuna, fir-rigward ta’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva; |
(4) |
“produttur” tfisser manifattur tal-oġġetti, importatur tal-oġġetti fl-Unjoni jew kwalunkwe persuna li ssostni li hija produttur billi tqiegħed isimha, it-trademark jew sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti; |
(5) |
“oġġetti” tfisser:
|
(6) |
“kontenut diġitali” tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali; |
(7) |
“servizz diġitali” tfisser:
|
(8) |
“kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software li normalment jintużaw magħhom oġġetti tal-istess tip, mingħajr il-bżonn li l-oġġetti, hardware jew software jiġu kkonvertiti; |
(9) |
“funzjonalità” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop tagħhom; |
(10) |
“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software differenti minn dawk li magħhom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip; |
(11) |
“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dik il-persuna b’mod li hu aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna; |
(12) |
“garanzija kummerċjali” tfisser kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu; |
(13) |
“durabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom f’użu normali; |
(14) |
“mingħajr ħlas” tfisser ħielsa mill-ispejjeż neċessarji magħmula sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-posta, tal-ġarr, tax-xogħol jew tal-materjali; |
(15) |
“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi jkunu offruti minn bejjiegħ lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibbiltà li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura ta’ offerti trasparenti u kompetittiva mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ ikun obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi. |
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti ta’ bejgħ bejn konsumatur u bejjiegħ.
2. Kuntratti bejn konsumatur u bejjiegħ għall-provvista ta’ oġġetti li jridu jiġu manifatturati jew prodotti għandhom jitqiesu wkoll bħala kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.
3. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali. Madankollu, għandha tapplika għal kontenut jew servizzi diġitali li jkunu inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, fis-sens tal-punt (5)(b) tal-Artikolu 2, u li jiġu pprovduti mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk tali kontenut jew servizz diġitali jkunx fornut mill-bejjiegħ jew minn parti terza. F’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista ta’ kontenut diġitali inkorporat jew interkonness jew servizz diġitali inkorporat jew interkonness jifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jkun preżunt li jkun kopert mill-kuntratt tal-bejgħ.
4. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:
(a) |
kwalunkwe mezz tanġibbli li jservi esklużivament bħala trasportatur għall-kontenut diġitali; jew |
(b) |
kwalunkwe oġġett mibjugħ b’eżekuzzjoni jew bl-awtorità tal-liġi. |
5. L-Istati jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kuntratti għall-bejgħ ta’:
(a) |
oġġetti użata mibjugħa b’subbasta; u |
(b) |
annimali ħajjin. |
Fil-każ imsemmi fil-punt (a), għandha titqiegħed faċilment għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni ċara u komprensiva li d-drittijiet li joħorġu minn din id-Direttiva ma japplikawx.
6. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà li l-Istati Membri jirregolaw l-aspetti tal-liġi ġenerali dwar il-kuntratti, bħar-regoli dwar it-tfassil, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti, inklużi l-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt, dment li dawn ma jkunux regolati f’din id-Direttiva, jew id-dritt għal kumpens għad-danni.
7. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku, jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti f’perjodu wara l-konsenja, li ma jaqbiżx it-30 jum. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa r-regoli nazzjonali mhux speċifiċi għal kuntratti tal-konsumatur li jipprovdu rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux jidhru fil-mument tal-għeluq tal-kuntratt tal-bejgħ.
Artikolu 4
Livell ta’ armonizzazzjoni
L-Istati Membri ma għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, fosthom dispożizzjonijiet aktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix mod ieħor.
Artikolu 5
Konformità tal-oġġetti
Il-bejjiegħ għandu jikkonsenja lill-konsumatur oġġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jekk applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9.
Artikolu 6
Rekwiżiti soġġettivi għall-konformità
Sabiex ikunu konformi mal-kuntratt tal-bejgħ, l-oġġetti għandhom, b’mod partikolari, fejn ikun applikabbli:
(a) |
ikunu tad-deskrizzjoni, it-tip, il-kwantità u l-kwalità, u jkollhom il-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-karatteristiċi l-oħra, kif jirrikjedi l-kuntratt tal-bejgħ; |
(b) |
ikunu tajbin għal kull għan partikolari li għalih ikun jeħtieġhom il-konsumatur u li l-konsumatur ikun għarraf bih lill-bejjiegħ mhux aktar tard mill-ħin meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, u li fir-rigward tiegħu l-bejjiegħ ikun aċċetta; |
(c) |
jiġu kkonsenjati mal-aċċessorji kollha u istruzzjoni, inkluż dwar l-installazzjoni, kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ; u |
(d) |
jiġu fornuti b’aġġornamenti kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ. |
Artikolu 7
Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità
1. Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:
(a) |
ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli; |
(b) |
fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu; |
(c) |
jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u |
(d) |
jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar. |
2. Il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:
(a) |
il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni; |
(b) |
sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew |
(c) |
id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika. |
3. F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:
(a) |
li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew |
(b) |
indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien. |
4. Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:
(a) |
il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u |
(b) |
in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu. |
5. Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.
Artikolu 8
Installazzjoni ħażina tal-oġġetti
Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jekk:
(a) |
l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u tkun saret mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu; jew |
(b) |
l-installazzjoni, maħsuba biex titwettaq mill-konsumatur, tkun saret mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-installazzjoni pprovduti mill-bejjiegħ jew, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, provdut mill-bejjiegħ jew mill-fornitur tal-kontenut jew is-servizz diġitali. |
Artikolu 9
Drittijiet ta’ partijiet terzi
Meta restrizzjoni li tirriżulta minn ksur ta’ kwalunkwe dritt ta’ parti terza, b’mod partikolari drittijiet tal-proprjetà intellettwali, timpedixxi jew tillimita l-użu tal-oġġetti skont l-Artikoli 6 u 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità previsti fl-Artikolu 13, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix in-nullità jew ir-riżoluzzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’każijiet bħal dawn.
Artikolu 10
Responsabbiltà tal-bejjiegħ
1. Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti mal-konsenja tal-oġġetti u li jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn minn dakinhar. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.
2. F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, li għalihom il-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti b’elementi diġitali. Jekk il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut jew is-servizz diġitali jrid jiġi fornut skont il-kuntratt ta’ bejgħ.
3. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu limiti ta’ żmien itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.
4. Jekk, skont il-liġi nazzjonali, ir-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 ikunu wkoll soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien imsemmi f’dawk il-paragrafi.
5. Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji previsti fl-Artikolu 13 biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien indikat f’dawk il-paragrafi.
6. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każ ta’ oġġetti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jaqblu ma’ termini kuntrattwali jew ftehimiet b’perjodi ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, 2 u 5, sakemm tali perjodi iqsar ma għandhomx ikunu inqas minn sena.
Artikolu 11
Oneru tal-provi
1. Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fi żmien sena mill-mument li fih ikunu ġew konsenjati l-oġġetti għandu jkun preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor jew din il-preżunzjoni tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.
2. Minflok il-perjodu ta’ sena stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti.
3. F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx konformi fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandu jkun fuq il-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu imsemmi f’dak l-Artikolu.
Artikolu 12
Obbligu ta’ notifika
L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha il-konsumatur jkun induna b’tali nuqqas ta’ konformità.
Artikolu 13
Rimedji għal nuqqas ta’ konformità
1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:
(a) |
il-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità; |
(b) |
is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u |
(c) |
jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur. |
3. Il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha inklużi dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.
4. Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a) |
il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu; |
(b) |
jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità; |
(c) |
in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ; jew |
(d) |
il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur. |
5. Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. Il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.
6. Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li ma jħallas l-ebda parti pendenti mill-prezz jew biċċa minnu sakemm il-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet biex il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jżomm il-pagament.
7. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk u kemm il-kontribut tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità jaffettwax id-dritt tal-konsumatur għal rimedju.
Artikolu 14
Tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti
1. Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:
(a) |
bla ħlas; |
(b) |
fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità; u |
(c) |
mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti. |
2. Jekk in-nuqqas ta’ konformità għandu jiġi rimedjat minn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti, il-konsumatur għandu jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ. Il-bejjiegħ għandu jieħu lura l-oġġetti sostitwiti bi spejjeż tal-bejjiegħ.
3. Jekk tiswija tirrikjedi t-tneħħija ta’ oġġetti li jkunu ġew installati b’mod konsistenti man-natura u l-iskop tagħhom qabel ma jkun immanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità, jew jekk tali oġġetti jridu jiġu sostitwiti, l-obbligu ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti għandu jinkludi t-tneħħija tal-oġġetti mhux konformi, u l-installazzjoni ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni jew oġġetti msewwija, jew li jġorru l-ispejjeż ta’ dik it-tneħħija u l-installazzjoni.
4. Il-konsumatur ma għandux ikun marbut li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti matul il-perjodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom.
Artikolu 15
Tnaqqis fil-prezz
It-tnaqqis fil-prezz għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur tal-oġġetti li jkun irċieva l-konsumatur meta mqabbel mal-valur li kien ikollhom l-oġġetti kieku kienu konformi.
Artikolu 16
Terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ
1. Il-konsumatur għandu jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ permezz ta’ dikjarazzjoni lill-bejjiegħ li fiha jesprimi d-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ.
2. Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun jirrigwarda biss xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt tal-bejgħ u jkun hemm raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ skont l-Artikolu 13, il-konsumatur jista’ jittermina l-kuntratt tal-bejgħ biss b’rabta ma’ dawk l-oġġetti u b’rabta ma’ kwalunkwe oġġett ieħor li l-konsumatur ikun akkwista flimkien mal-oġġetti mhux konformi jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.
3. Meta l-konsumatur jittermina kuntratt tal-bejgħ sħiħ jew, skont il-paragrafu 2, fir-rigward ta’ xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati taħt il-kuntratt tal-bejgħ:
(a) |
il-konsumatur għandu jirritorna l-oġġetti lill-bejjiegħ bi spejjeż għal dan tal-aħħar; u |
(b) |
il-bejjiegħ għandu jrodd lura lill-konsumatur il-prezz imħallas għall-oġġetti meta jirċievi l-oġġetti jew l-evidenza pprovduta mill-konsumatur li jkun bagħat l-oġġetti lura. |
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-modalitajiet għar-ritorn u r-rimborż.
Artikolu 17
Garanziji kummerċjali
1. Kwalunkwe garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti fuq il-garanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali u r-reklamar assoċjat disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt jew qablu. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli oħra tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, fejn produttur joffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għal ċerti oġġetti għal perjodu ta’ żmien partikolari, il-produttur għandu jkun responsabbli direttament lejn il-konsumatur tul il-perjodu kollu tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti skont l-Artikolu 14. Il-produttur jista’ joffri lill-konsumatur kundizzjonijiet aktar favorevoli fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà.
Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali jkunu inqas vantaġġużi għall-konsumatur minn dawk stipulati fir-reklamar assoċjat, il-garanzija kummerċjali għandha tkun vinkolanti skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-reklamar relatat mal-garanzija kummerċjali, sakemm, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ir-reklamar assoċjat ma jkunx ġie kkoreġut bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħalma jkun sar.
2. Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur fuq mezz durabbli mhux aktar tard mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti. Id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali għandha tinkiteb b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
dikjarazzjoni ċara li l-konsumatur huwa intitolat bil-liġi għal rimedji mill-bejjiegħ bla ħlas fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti u li dawk ir-rimedji ma jkunux affettwati mill-garanzija kummerċjali; |
(b) |
l-isem u l-indirizz tal-garanti; |
(c) |
il-proċedura li trid tiġi segwita mill-konsumatur biex jikseb l-implimentazzjoni tal-garanzija kummerċjali; |
(d) |
l-indikazzjoni tal-oġġetti li l-garanzija kummerċjali tapplika għalihom; u |
(e) |
it-termini tal-garanzija kummerċjali. |
3. In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 ma jaffettwax in-natura vinkolanti tal-garanzija kummerċjali għall-garanti.
4. Stati Membri jistgħu jistipulaw regoli dwar aspetti oħra li jikkonċernaw il-garanziji kummerċjali u li mhumiex irregolati f’dan l-Artikolu, fosthom regoli dwar il-lingwa jew il-lingwi li bihom għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur id-dikjarazzjoni tal-garanzija kummerċjali.
Artikolu 18
Dritt ta’ rimedju
Fejn il-bejjiegħ ikun responsabbli lejn il-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn att jew ommissjoni, inkluża l-ommissjoni li jiġu fornuti aġġornamenti għal oġġetti b’elementi diġitali kif previst mill-Artikolu 7(3), minn persuna f’ħoloq preċedenti fil-katina tat-tranżazzjonijiet, il-bejjiegħ għandu jkollu d-dritt li jfittex rimedji kontra l-persuna jew il-persuni responsabbli fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Il-persuna li kontriha l-bejjiegħ jista’ jfittex rimedji, kif ukoll l-azzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju rilevanti, għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 19
Infurzar
1. L-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.
2. Il-mezzi msemmijin fil-paragrafu 1 jinkludu dispożizzjonijiet li bihom korp wieħed jew iktar minn fost dawn li ġejjin, kif tistabbilixxi l-liġi nazzjonali, jista’ jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jaraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva:
(a) |
korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom; |
(b) |
organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumatur; |
(c) |
organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li tittieħed azzjoni. |
Artikolu 20
Informazzjoni għall-konsumatur
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet tal-konsumaturi skont din id-Direttiva, u dwar il-mezzi biex jiġu infurzati dawk id-drittijiet.
Artikolu 21
Natura obbligatorja
1. Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, qabel ma l-konsumatur jiġbed l-attenzjoni tal-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.
2. Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-bejjiegħ milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva.
Artikolu 22
Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE
(1) Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. |
Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).”. |
(2) Fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE, il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“7. |
Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).”. |
Artikolu 23
Tħassir tad-Direttiva 1999/44/KE
Id-Direttiva 1999/44/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 24
Traspożizzjoni
1. Sal-1 ta’ Lulju 2021 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2022.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 2022.
Artikolu 25
Rieżami
Sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-rimedji u l-oneru tal-provi – anki fir-rigward ta’ oġġetti użati u oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi – u l-garanzija kummerċjali tal-produttur dwar id-durabbiltà, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jivvaluta, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas konsistenti u koerenti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut diġitali, servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw il-politiki tal-Unjoni. Jekk ikun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġislattivi.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-Artikolu 22 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Artikolu 27
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ April 2019.
(3) Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).
(4) Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).
(6) Id- Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).
ANNESS
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Direttiva 1999/44/KE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1 |
Artikolu 1(2) (a) |
Artikolu 2, punt (2) |
Artikolu 1(2) (b), l-ewwel inċiż |
Artikolu 3(4)(b) |
Artikolu 1(2) (b), it-tieni u t-tielet inċiż |
Artikolu 2, punt (5)(a) |
Artikolu 1(2) (c) |
Artikolu 2, punt (3) |
Artikolu 1(2) (d) |
Artikolu 2, punt (4) |
Artikolu 1(2) (e) |
Artikolu 2, punt (12) |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 2, punt (15) u l-Artikolu 3(5)(a) |
Artikolu 1(4) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 2(1) |
Artikolu 5 |
Artikolu 2(2) (a) |
Artikolu 6, punt (a) u l-Artikolu 7(1) (b) |
Artikolu 2(2) (b) |
Artikolu 6, punt (b) |
Artikolu 2(2) (c) |
Artikolu 7(1)(a) |
Artikolu 2(2) (d) |
Artikolu 7(1)(d) |
Artikolu 2(3) |
Artikolu 7(5) |
Artikolu 2(4) |
Artikolu 7(2) |
Artikolu 2(5) |
Artikolu 8 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 10(1) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 13(1) |
Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(1)(a) |
Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 13(2) |
Artikolu 3(3), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 14(1)(b) u (c) |
Artikolu 3(4) |
Artikolu 2, punt (14) |
Artikolu 3(5) |
Artikolu 13(4) |
Artikolu 3(6) |
Artikolu 13(5) |
Artikolu 4 |
Artikolu 18 |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 10(1), (2), (3), (4) u (5) |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 12 |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 11 |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 17(1) |
Artikolu 6(2) |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 6(4) |
Artikolu 17(4) |
Artikolu 6(5) |
Artikolu 17(3) |
Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 21(1) |
Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 10(6) |
Artikolu 7(2) |
— |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 3(6) u (7) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 4 |
Artikolu 9 |
Artikoli 19 u 20 |
Artikolu 10 |
Artikolu 22 |
Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 24(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 24(1), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 11(2) |
Artikolu 24(1), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 12 |
Artikolu 25 |
Artikolu 13 |
Artikolu 26 |
Artikolu 14 |
Artikolu 27 |