EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1917

Regolament (UE) 2022/1917 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Settembru 2022 dwar proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (BĊE/2022/31)

ECB/2022/31

ĠU L 263, 10/10/2022, p. 6–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1917/oj

10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/6


REGOLAMENT (UE) 2022/1917 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Settembru 2022

dwar proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (BĊE/2022/31)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u partikolarment l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jimponi sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 u għandu jistabbilixxi qafas biex jispeċifika aktar l-arranġamenti għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98. Huwa għalhekk xieraq li jiġu ddeterminati l-proċeduri skont liema għandhom japplikaw tali sanzjonijiet.

(2)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tali proċeduri għandhom jiġu armonizzati kemm jista’ jkun ma’ regoli proċedurali eżistenti. Il-proċeduri ta’ ksur u infurzar f’dan ir-Regolament għandhom għalhekk iqisu r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) (3) u l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 jipprovdi li l-BĊE, jew il-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jkun seħħ l-allegat ksur, jista’ jibda proċedura ta’ ksur, jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta’ mozzjoni għal dak il-għan indirizzata lill-BĊE mill-BĊN rilevanti, jew, indirizzata lill-BĊN rilevanti mill-BĊE, rispettivament.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) jiżgura li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi rispettat fir-rigward tal-proċeduri ta’ ksur u jipprevedi li ma tistax tinbeda aktar minn proċedura waħda ta’ ksur kontra l-istess impriża bbażata fuq l-istess fatti. Għal dan il-għan, l-ebda deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda proċedura ta’ ksur ma għandha tittieħed mill-BĊE jew mill-BĊN kompetenti sakemm dawn ikunu infurmaw lil u kkonsultaw ma’ xulxin. Bl-istess mod, l-ebda deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda proċedura ta’ ksur ma għandha tittieħed mill-BĊE jew mill-BĊN kompetenti sakemm il-BĊN kompetenti jkun informa lill-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK), li tiġbor tagħrif statistiku u tittrażmetti tali tagħrif lill-BĊN kompetenti fuq il-bażi ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali. Bl-istess mod, f’każijiet fejn l-informazzjoni superviżorja tintuża biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku, tista’ tkun meħtieġa koordinazzjoni mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), qabel ma tinbeda proċedura ta’ ksur jew tiġi imposta sanzjoni.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) jistabbilixxi wkoll il-proċedura għas-sottomissjoni ta’ proposta mill-unità investigattiva indipendenti tal-BĊE jew mill-BĊN kompetenti lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-aġent li jirrapporta kkonċernat wettaqx ksur u jispeċifika l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta, u jippermetti proċedura ta’ ksur simplifikata għas-sanzjonar ta’ ksur minuri.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat approċċ konsistenti lejn l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fid-diversi oqsma statistiċi, li jiġu definiti b’mod ċar ir-rwoli tal-BĊE u l-BĊNi fi proċeduri ta’ ksur, u li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet proċedurali kollha li jikkonċernaw il-bidu ta’ proċedura ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-qasam tal-istatistika jkunu definiti b’mod ċar, fl-interess li jiġi żgurat proċess ġust u jiġu protetti d-drittijiet tal-aġenti li jirrapportaw ikkonċernati.

(6)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-aġenti li jirrapportaw, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għandha tadotta approċċ armonizzat għall-elementi li għandhom jitqiesu fil-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar tal-istatistika u fil-valutazzjoni tal-allegat ksur, għall-proċedura ta’ ksur innifisha, u għall-kalkolu u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar. Għal din ir-raġuni, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li każijiet ripetuti ta’ allegat ksur ta’ kwalunkwe mir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-istess regolament jew deċiżjoni tal-BĊE għandhom jiġu mmonitorjati u rrapportati lill-BĊE jew lill-BĊN kompetenti, skont il-każ.

(7)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali fejn il-BĊN kompetenti jittrażmetti tagħrif statistiku lill-BĊE li jkun ġabar mingħand ANK, minflok direttament mingħand l-aġent li jirrapporta. L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali ma għandhomx, bl-ebda mod, joperaw biex ibiddlu jew jillimitaw id-dmir tal-aġent li jirrapporta li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tiegħu skont regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE. Il-qafas legali dwar is-sanzjonar ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku huwa applikabbli bis-sħiħ f’każijiet bħal dawn. Madankollu, għandu jkun hemm biżżejjed komunikazzjoni bejn il-BĊN kompetenti u l-ANK rilevanti rigward il-miżuri li jeħtieġ li jittieħdu skont dan il-qafas, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

(8)

Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (4), li għalihom il-pjanijiet ta’ rimedju jitqiesu li mhumiex xierqa biex jirrimedjaw il-ksur allegat fil-ħin xieraq minħabba l-frekwenza għolja ta’ rapportar tat-tagħrif statistiku rilevanti, u każijiet ta’ mġiba ħażina serja, jista’ jkun possibbli u xieraq li l-ksur allegat jiġi solvut permezz ta’ kooperazzjoni mal-aġent li jirrapporta. Għaldaqstant, il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar pjan ta’ rimedju, bejn il-BĊN kompetenti jew il-BĊE u l-aġent li jirrapporta, għandha tiġi ffaċilitata. Dak il-pjan ta’ rimedju jista’ jispeċifika wkoll, inter alia, il-metodoloġiji, il-proċessi, ir-riżorsi, u l-persunal li permezz tagħhom l-aġent li jirrapporta jipproponi li jirrimedja kull ksur allegat, il-proċessi ta’ rieżami u ta’ sorveljanza li l-aġent li jirrapporta se juża għar-rimedju u t-titjib proċedurali biex titnaqqas il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ksur mill-aġent li jirrapporta.

(9)

Fl-istess ħin, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u titqies l-applikazzjoni prattika ta’ proċedura ta’ ksur, għandhom jinbdew proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ allegat ksur mhux ikkunsidrat bħala allegat ksur kumulattiv kif jitqies xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ speċifiku.

(10)

Peress illi s-SEBĊ huwa ggwidat mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa xieraq li jitqiesu ċ-ċirkostanzi potenzjali li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta u li tiġi prevista eżenzjoni għall-bidu tal-proċedura ta’ ksur f’ċirkostanzi bħal dawn. Tali eżenzjoni għandha tapplika biss għal dawk l-aġenti li jirrapportaw li jkunu għamlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jevitaw kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar. Barra minn hekk, l-esternalizzazzjoni minn aġenti li jirrapportaw ta’ ċerti attivitajiet rilevanti għat-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar tagħhom jew diffikultajiet biex iżommu jew jaġġornaw l-infrastruttura tal-IT tagħhom ma għandhiex, fiha nnifisha, titqies li tammonta għal ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta. Bl-istess mod, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti ma għandux jikkunsidra ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta f’każijiet ta’ mġiba ħażina serja.

(11)

Għal raġunijiet ta’ kost-effiċjenza u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, m’għandhiex tinbeda proċedura ta’ ksur taħt l-ammonti minimi potenzjali ta’ multi indikati f’dan ir-Regolament. Minkejja dan, ladarba jinbdew, jistgħu jiġu imposti ammonti ta’ multi taħt dawk indikati f’dan ir-Regolament.

(12)

Approċċ armonizzat għandu japplika għar-rekwiżiti kollha ta’ rapportar statistiku stabbiliti f’regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE. Sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-aġenti li jirrapportaw biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar, is-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet ma għandhiex tiġi eżerċitata mill-BĊE għal perjodu ta’ 12-il xahar wara li l-obbligu ta’ rapportar jinħoloq għall-ewwel darba skont regolament jew deċiżjoni applikabbli tal-BĊE. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst li emendi għar-rekwiżiti ta’ rapportar li jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti jew jaffettwaw il-piż tar-rapportar għandhom jitqiesu sostantivi għall-finijiet ta’ arranġamenti tranżitorji. L-ebda perjodu tranżitorju ma għandu japplika għal każijiet ta’ mġiba ħażina serja.

(13)

Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ ksur għar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku, u tiġi żgurata t-trasparenza, huwa xieraq li jiġi adottat Regolament li jistabbilixxi qafas armonizzat li fih jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-aġenti li jirrapportaw f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi rrevokata d-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (5). Madankollu, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċarezza, id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 għandha tkompli tapplika għal ksur allegat li jseħħ qabel id-data tal-applikazzjoni rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Għall-istess raġunijiet, huwa xieraq li jiġi previst li l-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom ikomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni BĊE/2010/10 f’każijiet ta’ allegat ksur li jseħħ qabel id-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut fejn wieħed jew aktar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità iseħħu qabel u wara d-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex il-BĊNi jingħataw żmien biżżejjed biex jaġġustaw għall-bidliet proċedurali u tekniċi li għandhom jiġu introdotti mill-qafas armonizzat il-ġdid stabbilit f’dan ir-Regolament, m’għandux japplika għal perjodu ta’ 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, huwa xieraq u adattat li dan ir-Regolament jiġi applikat aktar fil-pront għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) minħabba li huwa kritiku li jiġi rċevut tagħrif statistiku f’waqtu, preċiż u komplut għat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE fil-qasam tal-politika monetarja, u nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti t-twettiq ta’ tali kompiti. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas armonizzat li fih jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti mir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE. B’mod partikolari, huwa jistabbilixxi l-ambitu tal-monitoraġġ tal-konformità mill-aġenti li jirrapportaw ma’ dawk ir-rekwiżiti u jiddefinixxi l-proċeduri li ġejjin li għandhom jiġu applikati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti:

1.

proċedura ta’ monitoraġġ u reġistrazzjoni;

2.

proċedura ta’ rapportar;

3.

proċedura ta’ notifika

4.

l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ rimedju;

5.

proċedura ta’ ksur.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti’ tfisser il-BĊN kompetenti jew, fil-każ ta’ rapportar dirett, il-BĊE;

2.

‘BĊN kompetenti’ tfisser il-BĊN tal-Istat Membru taż-żona tal-euro li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jkun seħħ l-allegat ksur;

3.

‘ksur allegat kumulattiv’ tfisser serje ta’ allegat ksur elenkat taħt kwalunkwe wieħed mill-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament li jseħħ fir-rigward ta’ rekwiżit wieħed jew aktar ta’ rapportar statistiku skont l-istess regolament jew deċiżjoni tal-BĊE;

4.

‘rapportar dirett’ tfisser rapportar minn aġenti li jirrapportaw ta’ tagħrif statistiku direttament lill-BĊE skont id-deċiżjoni ta’ BĊN kompetenti bis-saħħa ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE;

5.

‘lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta’ tfisser avveniment estern imprevedibbli lil hinn mill-kontroll raġonevoli ta’ aġent li jirrapporta, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha għall-kuntrarju;

6.

‘aġenti li jirrapportaw’ tfisser ‘aġenti li jirrapportaw kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

7.

‘ksur’ tfisser ‘ksur’ kif definit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98;

8.

‘sanzjonijiet’ tfisser ‘sanzjonijiet’ kif definit fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98;

9.

‘rekwiżiti ta’ rapportar statistiku’ tfisser ‘ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-BĊE’ kif definiti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

10.

‘ksur allegat’ tfisser nuqqas ta’ konformità minn aġent li jirrapporta mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE li:

(a)

ġie identifikat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti; u

(b)

għadu ma ġiex ikkonfermat bħala ksur f’deċiżjoni motivata adottata mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98.

Artikolu 3

Monitoraġġ u reġistrazzjoni

1.   Il-BĊNi kompetenti għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku minn aġenti li jirrapportaw fuq bażi kontinwa u għandhom jirreġistraw ksur allegat ta’ dawk ir-rekwiżiti f’sistema dedikata. Kull BĊN kompetenti għandu jżomm tali sistema għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-BĊE għandu jissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku minn aġenti li jirrapportaw f’każijiet ta’ rapportar dirett fuq bażi kontinwa, bil-kooperazzjoni tal-BĊN kompetenti fuq talba mill-BĊE u għandu jirreġistra ksur allegat ta’ dawk ir-rekwiżiti f’sistema ddedikata. Il-BĊE għandu jżomm dik is-sistema għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta aġent li jirrapporta jiddikjara li ksur allegat huwa dovut għal ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandu jirreġistra l-pretensjoni meta jirreġistra d-dettalji tal-ksur allegat.

4.   Fejn bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jidentifika aktar minn allegat ksur wieħed tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku mill-istess aġent li jirrapporta, għandu jirreġistra kull ksur allegat separatament.

Artikolu 4

Arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali

1.   Meta BĊN kompetenti jirrapporta tagħrif statistiku lill-BĊE li jkun ġabar permezz ta’ awtorità nazzjonali kompetenti (ANK) skont arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali, dak il-BĊN kompetenti għandu jiżgura li t-tagħrif miġbur u trażmess permezz tal-ANK rispettiva jippermetti l-monitoraġġ effettiv tal-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku.

2.   Meta aġent li jirrapporta jipprovdi tagħrif statistiku lill-BĊN kompetenti permezz ta’ ANK skont arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali qabel il-bidu ta’ proċedura ta’ ksur, il-BĊN kompetenti għandu jikkomunika mal-ANK rilevanti biex jikseb informazzjoni dwar jekk l-allegat ksur seħħx bħala riżultat ta’ azzjonijiet jew nuqqas ta’ azzjonijiet mill-aġent li jirrapporta u biex jiżgura li ma tinbediex aktar minn proċedura waħda ta’ ksur ibbażata fuq l-istess fatti kontra l-istess aġent li jirrapporta.

3.   Meta aġent li jirrapporta jipprovdi tagħrif statistiku lill-BĊN kompetenti permezz ta’ ANK skont arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali, il-BĊN kompetenti għandu jinforma lill-ANK rilevanti f’każijiet fejn ikun ġie ssottomess pjan ta’ rimedju msemmi fl-Artikolu 7 mill-aġent li jirrapporta u approvat mill-ANK kompetenti, kif ukoll jekk ġiex implimentat b’suċċess jew le, u f’każijiet fejn tkun ġiet imposta sanzjoni fuq aġent li jirrapporta mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

Artikolu 5

Rapportar

1.   Il-BĊNi kompetenti għandhom jirrapportaw minnufih lill-BĊE kull ksur allegat li ġej:

(a)

kwalunkwe ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kuljum;

(b)

tliet każijiet jew aktar ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kull xahar fi żmien sitt xhur konsekuttivi;

(c)

tliet każijiet jew aktar ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar trimestrali fi żmien erba’ trimestri konsekuttivi;

(d)

żewġ każijiet konsekuttivi jew aktar ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar semi-annwali;

(e)

kwalunkwe ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar annwali.

Għall-finijiet tar-rapportar ta’ ksur allegat skont dan il-paragrafu, il-BĊNi kompetenti għandhom jirreġistraw dak il-ksur allegat fl-istess sistema ddedikata kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

2.   Il-BĊNi kompetenti għandhom jirrapportaw kull waħda mill-każijiet ta’ imġiba ħażina serja li ġejja lill-BĊE hekk kif tiġi identifikata:

(a)

kwalunkwe nuqqas sistematiku jew intenzjonat ta’ rapportar ta’ tagħrif statistiku lill-BĊN kompetenti fi żmien l-iskadenza preskritta;

(b)

kwalunkwe nuqqas sistematiku jew intenzjonat ta’ rapportar ta’ tagħrif statistiku korrett jew komplut;

(c)

kwalunkwe nuqqas sistematiku jew intenzjonat ta’ konformità mal-forma preskritta tar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku;

(d)

kull nuqqas ta’ kooperazzjoni effettiva mal-BĊN kompetenti jew fl-applikazzjoni ta’ grad raġonevoli ta’ diliġenza.

Għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ imġiba ħażina serja, il-BĊN kompetenti jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-aġent li jirrapporta.

Għall-finijiet tar-rapportar ta’ imġiba ħażina serja skont dan il-paragrafu, il-BĊNi kompetenti għandhom jirreġistraw l-imġiba ħażina serja fl-istess sistema ddedikata kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

3.   Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊN kompetenti mingħajr dewmien bi kwalunkwe ksur allegat jew imġiba ħażina serja msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li jkun identifika f’każijiet ta’ rapportar dirett u għandu jirreġistra dak il-ksur allegat jew l-imġiba ħażina serja fl-istess sistema ddedikata kif imsemmi fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 6

Notifika

1.   Qabel il-bidu ta’ proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandu jipprovdi lill-aġent li jirrapporta kkonċernat bi twissija permezz ta’ notifika bil-miktub ta’ mill-inqas dan li ġej:

(a)

in-natura tal-ksur allegat;

(b)

il-possibbiltà li tinbeda proċedura ta’ ksur u l-possibbiltà, f’tali każ, li tiġi imposta sanzjoni fuq l-aġent li jirrapporta;

(c)

li l-aġent li jirrapporta għandu l-opportunità li jipprovdi raġunijiet, inkluż li l-allegat ksur kien dovut għal ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta;

(d)

li l-ksur allegat għandu jiġi kkoreġut, jekk mhux diġà kkoreġut, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku; u

(e)

fejn rilevanti, li l-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema jista’ japprova pjan ta’ rimedju, jekk jiġi ppreżentat, li għandu jiġi implimentat mill-aġent li jirrapporta.

2.   Fejn bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jkun identifika każ ta’ imġiba ħażina serja skont l-Artikolu 5(2), huwa għandu jikkuntattja lill-aġent li jirrapporta kkonċernat, bil-miktub, biex jinnotifika lil dak l-aġent li jirrapporta dwar mill-inqas dan li ġej:

(a)

in-natura tal-imġiba ħażina serja;

(b)

li ser tinbeda proċedura ta’ ksur u l-possibbiltà, f’tali każ, li tista’ tiġi imposta sanzjoni fuq l-aġent li jirrapporta;

(c)

li l-aġent li jirrapporta għandu l-opportunità li jagħti raġunijiet; u

(d)

li l-imġiba ħażina serja għandha tiġi kkoreġuta mill-aġent li jirrapporta sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżit tar-rapportar statistiku u, fejn rilevanti, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva mal-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti, mingħajr dewmien.

3.   Il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema għandu jipprovdi lill-aġent li jirrapporta in-notifika bil-miktub msemmija fil-paragrafi 1 u 2 kemm jista’ jkun malajr wara l-okkorrenza tal-ksur allegat jew wara li l-imġiba ħażina serja saret magħrufa għall-ewwel darba minn dak il-bank ċentrali tal-Eurosistema. Fejn ikun hemm allegat ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kuljum, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandu jipprovdi tali avviż, kull fejn ikun prattiku, qabel ma jseħħ allegat ksur kumulattiv.

Artikolu 7

Pjan ta’ rimedju

1.   Wara l-għoti ta’ twissija ta’ allegat ksur skont l-Artikolu 6(1), u ladarba jkun intlaħaq il-limitu għal allegat ksur kumulattiv imsemmi fl-Artikolu 8(2), il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema għandu jinnotifika lill-aġent li jirrapporta ikkonċernat li jista’ jissottometti pjan ta’ rimedju.

2.   Fi żmien 60 jum kalendarju min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema jista’ japprova pjan ta’ rimedju sottomess minn aġent li jirrapporta skont dan l-Artikolu.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

imġiba ħażina serja kif imsemmija fl-Artikolu 5(2); jew

(b)

allegat ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48).

4.   Pjan ta’ rimedju għandu jitħejja mill-aġent li jirrapporta u għandu mill-inqas:

(a)

jiddikjara r-raġunijiet għall-allegat ksur;

(b)

jistabbilixxi l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-aġent li jirrapporta, inkluża dispożizzjoni biex jiġi ssottomess it-tagħrif statistiku korrett jew nieqes mingħajr dewmien;

(c)

jinkludu skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (b); u

(d)

jinkludu d-dettalji tal-persuna/i ta’ kuntatt responsabbli.

5.   Il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandu jivvaluta pjan ta’ rimedju ppreżentat skont il-paragrafu 4 mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien 12-il jum kalendarju mid-data ta’ tali sottomissjoni, u, meta jkun applikabbli, b’kunsiderazzjoni xierqa għal kwalunkwe kumment ipprovdut mill-BĊE skont il-paragrafu 7, għandu jew:

(a)

japprova l-pjan u jistabbilixxi skadenza finali ta’ mhux aktar minn 60 jum kalendarju għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ dak il-pjan mid-data tal-approvazzjoni tiegħu; jew

(b)

fejn il-pjan ma jkunx biżżejjed biex jirrimedja l-ksur allegat, jitlob li l-aġent li jirrapporta jħejji u jissottometti pjan ta’ rimedju rivedut, dment li dak il-pjan rivedut jiġi ppreżentat fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-data ta’ tali talba.

6.   Meta pjan ta’ rimedju rivedut jiġi sottomess fi żmien l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 5, il-punt (b), il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema għandu jivvalutah mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien 8 ijiem tal-kalendarju mid-data ta’ tali sottomissjoni, u, fejn ikun applikabbli, b’kunsiderazzjoni xierqa għal kwalunkwe kumment ipprovdut mill-BĊE skont il-paragrafu 7, għandu jew:

(a)

japprova l-pjan ta’ rimedju rivedut u jistabbilixxi skadenza finali ta’ mhux aktar minn 42 jum kalendarju għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ dak il-pjan mid-data tal-approvazzjoni tiegħu; jew

(b)

fejn il-pjan ta’ rimedju rivedut mhuwiex biżżejjed biex jirrimedja l-allegat ksur, jirrifjutah u jibda proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8.

7.   BĊN kompetenti għandu jissottometti kwalunkwe pjan ta’ rimedju jew kwalunkwe pjan ta’ rimedju rivedut li jirċievi skont dan l-Artikolu lill-BĊE mingħajr dewmien. Fejn il-BĊE jikkunsidra li l-pjan mhuwiex biżżejjed biex jirrimedja l-allegat ksur, għandu japplika dan li ġej:

(a)

fil-każ ta’ pjan ta’ rimedju kif imsemmi fil-paragrafu 5, il-BĊN kompetenti għandu jitlob li l-aġent li jirrapporta jipprepara u jissottometti pjan ta’ rimedju rivedut fi żmien 10 ijiem kalendarji mid-data ta’ tali talba; u

(b)

fil-każ ta’ pjan ta’ rimedju rivedut kif imsemmi fil-paragrafu 6, il-BĊN kompetenti għandu jirrifjutah u jibda proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8.

8.   Meta bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti japprova pjan ta’ rimedju skont il-paragrafu 5 jew 6, huwa għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan u jivverifika jekk il-miżuri korrettivi tiegħu ġewx applikati b’mod effettiv u mingħajr dewmien.

9.   Bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jista’ jestendi l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ rimedju approvat skont il-paragrafu 5 jew 6, darba, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u sakemm l-aġent li jirrapporta juri li l-pjan ta’ rimedju qed jiġi implimentat b’mod effettiv. Kwalunkwe estensjoni għandha tkun limitata għall-perjodu li l-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jqis meħtieġ biex l-aġent li jirrapporta jimplimenta l-pjan ta’ rimedju, u fi kwalunkwe każ mhux aktar minn 30 jum kalendarju mill-jum wara li tkun għaddiet l-iskadenza finali msemmija fil-paragrafu 5 jew 6, skont il-każ.

10.   Il-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe pjan ta’ rimedju miftiehem ma’ aġent li jirrapporta hekk kif tali pjan jiġi approvat u jżommu lil xulxin infurmati dwar l-implimentazzjoni ta’ kull pjan.

11.   Fejn pjan ta’ rimedju jiġi approvat u implimentat skont dan l-Artikolu, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti m’għandux jibda proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8 fir-rigward tal-istess ksur allegat mill-istess aġent li jirrapporta qabel l-iskadenza finali msemmija fil-paragrafu 5 jew 6, kif applikabbli, tkun skadiet, suġġett għal kwalunkwe estensjoni mogħtija skont il-paragrafu 9.

12.   Fejn aġent li jirrapporta jonqos milli jikkonforma ma’ skadenza kif imsemmi fil-paragrafu 5 jew 6, jew kwalunkwe skadenza estiża mogħtija taħt il-paragrafu 9, jew fejn l-allegat ksur ma jiġix rimedjat sal-iskadenza finali msemmija fil-paragrafu 5 jew 6 jew kwalunkwe skadenza estiża mogħtija taħt il-paragrafu 9 kif applikabbli, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandu jibda proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8.

13.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 12, il-banek ċentrali tal-Eurosistema kompetenti għandhom ikomplu jimmonitorjaw il-ksur allegat wieħed jew aktar li huma s-suġġett ta’ pjan ta’ rimedju u l-konformità mill-aġenti li jirrapportaw mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku, u jkomplu jirreġistraw u jirrapportaw kwalunkwe ksur allegat skont l-Artikoli 3 u 5.

Artikolu 8

Proċedura ta’ ksur

1.   Il-BĊNi kompetenti jew il-BĊE għandhom jibdew proċedura ta’ ksur kontra aġent li jirrapporta f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

imġiba ħażina serja kif imsemmija fl-Artikolu 5(2);

(b)

allegat ksur kumulattiv tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(c)

ksur allegat kumulattiv kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn l-ebda pjan ta’ rimedju ma jkun ġie sottomess skont l-Artikolu 7 jew fejn il-pjan ta’ rimedju jew il-pjan ta’ rimedju rivedut sottomess mill-aġent ta’ rapportar ma jkunx ġie approvat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti skont l-Artikolu 7(5) jew 7(6); jew

(d)

ksur kumulattiv allegat kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn l-iskadenza finali għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ rimedju jew pjan ta’ rimedju rivedut kif imsemmi fl-Artikolu 7(5) jew 7(6), kif applikabbli, jew l-estensjoni tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 7(9), ikun skada qabel ma n-nuqqas ta’ konformità jiġi rimedjat.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punti (b), (c) u (d), il-ksur kumulattiv allegat għandu jinkludi kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

mill-inqas tliet każijiet ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kuljum fl-istess xahar jew mill-inqas ħames każijiet ta’ ksur allegat fi tliet xhur kalendarji konsekuttivi;

(b)

mill-inqas tliet każijiet ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kull xahar fi żmien sitt xhur konsekuttivi;

(c)

mill-inqas tliet każijiet ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar trimestrali fi żmien erba’ trimestri konsekuttivi;

(d)

kwalunkwe żewġ każijiet konsekuttivi ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar semi-annwali;

(e)

kwalunkwe żewġ każijiet konsekuttivi ta’ ksur allegat minn aġent li jirrapporta ta’ rekwiżiti ta’ rapportar annwali.

3.   Il-BĊNi kompetenti jew il-BĊE jistgħu jibdew proċedura ta’ ksur kontra aġent li jirrapporta f’każijiet ta’ ksur allegat mhux imsemmi fil-paragrafu 1. F’dawn il-każijiet, il-BĊN kompetenti jew il-BĊE għandu jqis iċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku meta jiddetermina jekk għandux jibda jew le proċedura ta’ ksur, inkluż dan li ġej fejn rilevanti:

(a)

jekk l-aġent li jirrapporta weriex bona fide fl-interpretazzjoni u t-twettiq tar-rekwiżit tar-rapportar statistiku;

(b)

jekk l-aġent li jirrapporta weriex diliġenza u kooperazzjoni fl-interpretazzjoni u t-twettiq tar-rekwiżit tar-rapportar statistiku;

(c)

jekk l-aġent li jirrapporta weriex qerq maħsub fl-interpretazzjoni u t-twettiq tar-rekwiżit tar-rapportar statistiku;

(d)

is-serjetà tal-effetti tal-ksur allegat;

(e)

ir-ripetizzjoni, il-frekwenza jew it-tul tal-ksur allegat;

(f)

kwalunkwe benefiċċju għall-aġent li jirrapporta li jirriżulta mill-allegat ksur;

(g)

id-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta;

(h)

jekk l-aġent li jirrapporta kienx suġġett għal sanzjonijiet minn qabel għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 3, il-BĊNi kompetenti jew il-BĊE għandhom jibdew proċedura ta’ ksur skont dawn li ġejjin:

(a)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4); u

(b)

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98.

5.   Il-BĊNi kompetenti jew il-BĊE jistgħu jibdew proċedura ta’ ksur anki meta l-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jkun naqas milli jirreġistra jew jirrapporta l-ksur allegat skont l-Artikoli 3 u 5.

6.   Ħlief fil-każijiet ta’ mġiba ħażina serja, BĊN kompetenti jew il-BĊE m’għandux jibda proċedura ta’ ksur fejn iqis li l-ksur allegat twettaq minħabba ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta. Meta jiddeterminaw jekk ksur allegat seħħx minħabba ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta, il-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom iqisu, b’mod partikolari, jekk iċ-ċirkostanzi:

(a)

kienu mhux tas-soltu biżżejjed;

(b)

kienu eċċezzjonali;

(c)

ma kinux prevedibbli;

(d)

jistgħu jiġu attribwiti għal kwalunkwe azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tal-aġent li jirrapporta.

Diffikultajiet tekniċi jew diffikultajiet relatati mal-manutenzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tal-IT, inkluża infrastruttura tal-IT esternalizzata, ma għandhomx jitqiesu li huma lil hinn mill-kontroll tal-aġent li jirrapporta.

7.   BĊN kompetenti jew il-BĊE m’għandux jibda proċedura ta’ ksur fejn tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-multa potenzjali għall-allegat ksur x’aktarx ma taqbiżx EUR 10 000 fil-każ ta’ allegat ksur relatat ma’ nuqqas ta’ rapportar ta’ kwalunkwe tagħrif statistiku lill-BĊE jew lill-BĊN kompetenti sal-iskadenza applikabbli; jew

(b)

il-multa potenzjali għall-ksur allegat x’aktarx ma taqbiżx EUR 20 000 fil-każ ta’ ksur allegat relatat ma’ tagħrif statistiku li jkun żbaljat, mhux komplut jew f’forma li ma jikkonformax ma’ rekwiżit applikabbli.

Fejn tkun inbdiet proċedura ta’ ksur, jistgħu jiġu imposti ammonti ta’ multi taħt dawk indikati fl-ewwel subparagrafu.

8.   BĊN kompetenti jew l-BĊE ma għandhomx jibdew proċedura ta’ ksur kontra aġent li jirrapporta meta tkun inbdiet proċedura oħra ta’ ksur jew tkun ġiet imposta sanzjoni kontra l-istess aġent li jirrapporta abbażi tal-istess fatti.

9.   BĊN kompetenti jew il-BĊE għandu jżomm rekords elettroniċi ta’ kull proċedura ta’ ksur li jkun beda skont dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Metodoloġija ta’ Sanzjonijiet

Il- BĊE għandu jadotta deċiżjoni dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet propost.

Artikolu 10

Reviżjoni

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi l-applikazzjoni ġenerali u implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux iktar tard minn ħames snin mid-data meta jidħol fis-seħħ, u mbagħad kull tliet snin, u jivvaluta jekk għandux jiġi emendat.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Artikolu 8 ma għandux japplika għal perjodu ta’ 12-il xahar wara l-ewwel rapportar skont regolament jew deċiżjoni tal-BĊE applikabbli fejn tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

it-tagħrif statistiku jiġi rrapportat għall-ewwel darba skont ir-regolament jew id-deċiżjoni tal-BĊE;

(b)

ir-rekwiżiti tar-rapportar statistiku ġew emendati sostantivament mir-regolament jew id-deċiżjoni tal-BĊE, b’tali mod li l-qafas kunċettwali sottostanti jinbidel jew jiġi affettwat il-piż tar-rapportar, u t-tagħrif statistiku korrispondenti jiġi rrapportat għall-ewwel darba minn tali emenda;

(c)

it-tagħrif statistiku jiġi rrapportat minn aġenti li jirrapportaw ġodda jew aġenti li jirrapportaw ta’ impriżi ġodda li qabel ma kinux soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar statistiku taħt l-istess qafas regolatorju.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każijiet ta’ mġiba ħażina serja msemmija fl-Artikolu 5.

3.   Fejn iseħħ xi ksur allegat qabel id-data rilevanti ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif speċifikat fl-Artikolu 14, il-BĊN kompetenti jew il-BĊE għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni BĊE/2010/10 inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut imsemmi fl-Artikolu 3(2), punt (b) ta’ dik id-Deċiżjoni, fejn wieħed jew aktar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità iseħħu qabel u wara d-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Applikazzjoni speċifika għal ksur ta’ rapportar statistiku tas-suq monetarju

F’każijiet ta’ ksur allegat tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), il-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament mill-31 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 13

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 qiegħda tiġi mħassra b’effett mill-31 ta’ Jannar 2023. Madankollu, għandha tkompli tapplika għal ksur allegat li jseħħ qabel id-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif speċifikat fl-Artikolu 14.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta’ April 2024, ħlief għall-Artikolu 12 li għandu japplika mill-31 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(3)  Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta’ Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).

(4)  Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2010/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Awwissu 2010 dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rapportar tal-istatistika (ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48).


Top