EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1120(01)

Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ottubru 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

ĠU L 293, 20/11/2018, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1120/oj

20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/36


DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tas-16 ta' Ottubru 2018

dwar il-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b'mod partikolari, l-Artikoli 48(4) u 57(8) tagħhom,

Billi:

(1)

Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni, ġiet żviluppata applikazzjoni informatika li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku.

(2)

Din l-applikazzjoni, li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' awtentifikazzjoni elettronika u li tagħmel użu minn kodiċi ta' identifikazzjoni u password personali, tissodisfa r-rekwiżiti ta' awtentiċità, ta' integrità u ta' kunfidenzjalità tad-dokumenti skambjati.

(3)

Fid-dawl tas-suċċess li kellha din l-applikazzjoni u fid-dawl tal-vantaġġi tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħeffa tal-iskambji mwettqa b'dan il-mod, hemm lok li jiġi estiż il-grupp tal-benefiċjarji tagħha u li l-qrati tal-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw jew li jirċievu atti proċedurali b'dan il-mod fil-kuntest tat-trattament, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

(4)

Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — u għall-ħtiġijiet esklużivi tat-trattament tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari — l-istess possibbiltà għandha tingħata lill-persuni li, mingħajr ma huma aġent jew avukat, xorta waħda huma awtorizzati, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrappreżentaw parti quddiem il-qrati tal-Istat tagħhom.

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Definizzjoni

Applikazzjoni informatika msemmija “e-Curia”, komuni għall-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku fil-kundizzjonijiet previsti f'din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Aċċess għall-applikazzjoni

L-użu ta' din l-applikazzjoni jirrikjedi l-ftuħ ta' kont ta' aċċess u jeħtieġ l-użu ta' kodiċi ta' identifikazzjoni u ta' password personali.

Artikolu 3

Preżentata ta' att proċedurali

Att proċedurali ppreżentat permezz ta' e-Curia għandu jitqies li huwa l-oriġinal ta' dan l-att, fis-sens tal-Artikolu 57(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-kodiċi ta' identifikazzjoni u l-password personali tar-rappreżentant ta' parti jew ta' persuna li taġixxi f'isem qorti ta' Stat Membru jkunu ntużaw sabiex titwettaq din il-preżentata. L-użu ta' dan il-kodiċi ta' identifikazzjoni u ta' din il-password jiswa bħala firma tal-att in kwistjoni.

Artikolu 4

Annessi u kopji

L-att proċedurali ppreżentat permezz ta' e-Curia għandu jkollu mehmuż miegħu l-annessi msemmija fih kif ukoll l-iskeda li telenka dawn l-annessi.

Il-preżentata ta' kopji awtentikati tal-att ippreżentat permezz ta' e-Curia u tal-annessi eventwali tiegħu ma hijiex neċessarja.

Artikolu 5

Data u ħin tal-preżentata

Il-mument li fih att proċedurali jitqies li ġie ppreżentat fis-sens tal-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkun dak tal-validazzjoni tal-preżentata ta' dan l-att mir-rappreżentant tal-parti jew mill-persuna li taġixxi f'isem il-qorti kkonċernata.

Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Artikolu 6

Notifika tal-atti proċedurali

L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz ta' e-Curia lid-detenturi ta' kont e-Curia li, f'kawża partikolari, ikunu qegħdin jirrappreżentaw lil parti jew ikunu qegħdin jaġixxu f'isem qorti ta' Stat Membru, kif ukoll lill-eventwali assistenti tagħhom.

L-atti proċedurali għandhom jiġu nnotifikati wkoll permezz ta' e-Curia lill-Istati Membri, lill-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u lill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni li jkunu aċċettaw dan il-mod ta' notifika.

L-atti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati wkoll skont il-modi l-oħra ta' trażmissjoni previsti fir-Regoli tal-Proċedura meta dan ikun meħtieġ mill-volum jew min-natura tal-anness jew meta l-użu ta' e-Curia jirriżulta teknikament impossibbli.

Artikolu 7

Data u ħin tan-notifika

Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fl-artikolu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta' ittra elettronika, b'kull notifika indirizzata lilhom permezz ta' e-Curia.

L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument meta d-destinatarju jitlob l-aċċess għal dan l-att. Fin-nuqqas ta' talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat wara l-iskadenza tas-seba' jum mill-jum li fih tkun intbagħtet l-ittra elettronika ta' avviż.

Fil-każ li parti tkun irrappreżentata minn diversi persuni jew fil-każ li diversi persuni jkunu awtorizzati sabiex jaġixxu f'isem qorti ta' Stat Membru, il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-termini għandu jkun dak li fih tkun saret l-ewwel talba għal aċċess.

Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet ta' użu tal-applikazzjoni

Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' użu ta' e-Curia u għandu jiżgura l-osservanza tagħhom. Użu ta' e-Curia li ma jkunx konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal għad-diżattivazzjoni tal-kont ta' aċċess ikkonċernat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li ma jkun hemm ebda abbuż jew użu ħażin ta' e-Curia.

L-utent għandu jiġi avżat permezz ta' ittra elettronika dwar kull miżura meħuda skont dan l-artikolu li twaqqfu milli juża l-kont ta' aċċess tiegħu.

Artikolu 9

Tħassir

Din id-deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (1).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ottubru 2018.

A. CALOT ESCOBAR

Ir-Reġistratur

K. LENAERTS

Il-President


(1)  ĠU C 289, 1.10.2011, p. 7.


Top