EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2152

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2152 tal-15 ta' Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion

ĠU L 304, 21/11/2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2152/oj

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2152

tal-15 ta' Novembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE (2) awtorizza lil Franza testendi għar-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion l-applikazzjoni fi Franza kontinentali ta' rata ta' dazju tas-sisa għall-alkoħol inqas mir-rata sħiħa stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE (3) u tapplika rata tal-imposta magħrufa bil-Franċiż bħala “cotisation sur les boissons alcooliques” (“VSS”) li hija inqas mit-taxxa sħiħa applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali Franċiża għal tali rum “tradizzjonali”.

(2)

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE, ir-rati ta' sisa u ta' VSS imnaqqsin applikabbli għal dan ir-rum “tradizzjonali” għandhom ikunu limitati għal kwota annwali ta' 120 000 ettolitru ta' alkoħol pur (“hlpa”).

(3)

Fit-22 ta' Settembru 2016 l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal aġġustament tekniku biex il-kwota annwali ta' 120 000 hlpa tiżdied għal 144 000 hlpa. Ma' din it-talba ntbagħat rapport li kien fiħ l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-bidla mitluba. Fl-2016, il-produtturi tar-rum “tradizzjonali” ma kellhomx biżżejjed aċċess għas-suq Franċiż kontinentali. Ir-rati tat-tkabbir previsti kienu jeħtieġu li jkun hemm kwota ta' 144 400 hlpa, u dan il-volum intlaħaq sa tmiem l-2016. Għalhekk jeħtieġ li l-kwota annwali ta' 120 000 hlpa tiżdied għal 144 000 hlpa.

(4)

Il-miżuri awtorizzati skont id-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE jridu jiġu analizzati u jrid isir rieżami f'aktar dettall tas-sistema kollha kemm hi. Din l-analiżi trid tqis ir-rapport ta' Franza kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE.

(5)

Il-kwota ta' 120 000 hlpa għall-2016 intużat kollha qabel tmiem l-2016. Mingħajr żieda retroattiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2016, il-produtturi tar-rum “tradizzjonali” ser isofru ħsara konsiderevoli u x'aktarx irreparabbli.L-arranġamenti bejn il-produtturi tar-rum “tradizzjonali” u d-distributuri tagħhom fi Franza huma rregolati permezz ta' kuntratti annwali li jipprevedu l-impenji dwar il-volumi li jintbagħtu, dwar il-prezz tal-bejgħ, u dwar skonti u promozzjonijiet li jistgħu jsiru. Billi l-kwota ntużat kollha, l-ispiża fuq il-kwantitajiet barra mill-kwota, li kienu imprevedibbli, kienet ikbar, iżda l-kuntratti kienu diġà laħqu ġew iffirmati, fi żmien meta l-produtturi tar-rum “tradizzjonali” ma kinux f'pożizzjoni li jipprevedu li ser tinqabeż il-kwota u b'kemm ser tinqabeż. Mingħajr żieda retroattiva fil-kwota, il-produtturi tar-rum “tradizzjonali” ser ikollhom telf sostanzjali fuq il-kwantitajiet li bihom inqabżet il-kwota. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi awtorizzata żieda retroattiva fil-kwota, b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

(6)

Il-kriterji l-oħrajn tad-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE ma jinbidlux, u analiżi ekonomika indipendenti organizzata mis-servizzi tal-Kummissjoni li ġiet finalizzata f'Lulju 2016 ikkonfermat li l-importazzjonijiet Franċizi tar-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion irrappreżenta biss proporzjon żgħir tal-konsum totali tal-alkoħol fi Franza. Għalhekk, rata ta' taxxa mnaqqsa x'aktarx ma tikkawżax distorzjoni fil-kompetizzjoni tas-suq tar-rum Franċiż, iżjed u iżjed f'dik tas-suq uniku.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu applikati l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.

(8)

Għaldaqsant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 189/2014/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa u r-rati mnaqqsa tal-VSS msemmija fl-Artikolu 1 li japplikaw għar-rum imsemmi fl-Artikolu 2 għandhom ikunu limitati għal:

(a)

kwota annwali ta' 120 000 ettolitru ta' alkoħol pur għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015; u

(b)

kwota annwali ta' 144 000 ettolitru ta' alkoħol pur għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2020”.

(2)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, ħlief għal:

(a)

l-Artikolu 1, punt (a) tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2), li għndhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2012; u

(b)

il-pnt (b) tal-Artikolu 3(1), li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

J. AAB


(1)  Opinjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE tal-20 ta' Frar 2014 li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE (ĠU L 59, 28.2.2014, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).


Top