This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0129
Council Decision 2014/129/CFSP of 10 March 2014 promoting the European network of independent non-proliferation think tanks in support of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/129/PESK tal- 10 ta’ Marzu 2014 li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/129/PESK tal- 10 ta’ Marzu 2014 li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
ĠU L 71, 12/03/2014, p. 3–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 04/07/2017
12.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 71/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/129/PESK
tal-10 ta’ Marzu 2014
li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (minn issa msejħa “l-Istrateġija tal-UE għan-Nonproliferazzjoni tal-AQM”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jridu jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni. |
(2) |
L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija tal-UE għan-Nonproliferazzjoni tal-AQM b’mod attiv u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, bħall-iżvilupp tal-istrutturi meħtieġa fl-Unjoni. |
(3) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tiegħu u dokument intitolat “Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom” (minn issa “Linji ta’ Azzjoni Ġodda”) li jiddikjara li l-proliferazzjoni tal-AQM tkompli tikkostitwixxi waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà u li l-politika tan-nonproliferazzjoni tikkostitwixxi parti essenzjali mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). |
(4) |
Fil-Linji ta’ Azzjoni Ġodda, il-Kunsill jappella lill-formazzjonijiet u lill-korpi kompetenti tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet oħra u lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu konkret lil dak id-dokument. |
(5) |
Fil-Linji ta’ Azzjoni Ġodda, il-Kunsill jenfasizza li l-azzjoni tal-Unjoni biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tista’ tibbenefika mill-appoġġ ipprovdut minn netwerk għan-nonproliferazzjoni mhux governattiv, li jlaqqa’ flimkien lill-istituzzjonijiet ta’ politika estera u ċ-ċentri ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fl-oqsma strateġiċi tal-Unjoni waqt li jibni fuq netwerks utli li diġà jeżistu. Tali netwerk jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni qed twettaq djalogi speċifiċi b’rabta man-nonproliferazzjoni. |
(6) |
Fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom (minn issa “l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) li tistabbilixxi linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tqis li l-akkumulazzjoni u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom jippreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. |
(7) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tidentifika fost l-objettivi tagħha l-ħtieġa li jitrawwem multilateraliżmu effettiv biex jissawru mekkaniżmi, sew jekk internazzjonali, reġjonali jew fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-ġlieda kontra l-provvista u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. |
(8) |
Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK (1) li stabbilixxiet in-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u stipulat li l-implimentazzjoni teknika ta' dik id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Konsorzju”). |
(9) |
L-għażla tal-Konsorzju bħala l-uniku benefiċjarju ta' għotja ta' flus f'dan il-każ hija ġustifikata minħabba r-rieda l-tal-Unjoni, kif appoġġata mill-Istati Membri, li tkompli kooperazzjoni produttiva ma' netwerk ta' gruppi ta’ riflessjoni Ewropej li qed jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kultura Ewropea komuni marbuta man-nonproliferazzjoni u d-diżarm, kif ukoll li qed jgħin lill-Unjoni tiżviluppa u ssawwar il-politika tagħha f'dawn l-oqsma u żżid il-viżibbiltà tal-Unjoni. In-natura stess tal-Konsorzju, li jaf l-eżistenza tiegħu lill-Unjoni u li jiddependi kompletament fuq l-appoġġ tal-Unjoni jirrendi neċessarju finanzjament ta' 100 %, f'dan il-każ. Il-Konsorzju m'għandu l-ebda riżorsi finanzjarji indipendenti jew awtorità legali li jiġbor aktar fondi, Barra minn hekk, il-Konsorzju stabilixxa, minbarra l-erba' gruppi ta' riflessjoni amministrattivi, network li jgħaqqad aktar minn 60 grupp ta' riflessjoni u ċentri ta' riċerka li jikkombinaw kważi l-għarfien espert mhux governattiv kollu fl-Unjoni. |
(10) |
S'issa, il-Konsorzju organizza żewġ seminars ta' esperti tal-Unjoni, fi Brussell f'Mejju 2011 u f'Ġunju 2013, u żewġ konferenzi internazzjonali ewlenin dwar in-nonproliferazzjoni, fi Brussell fi Frar 2012 u f'Settembru/Ottubru 2013, barra li kellu 31 dokument ta' politika dwar is-suġġett ippubblikati fuq is-sit tal-internet tiegħu. Is-sit tal-internet tnieda fir-Rebbiegħa 2011 u ġie aġġornat regolarment minn dakinhar, fost l-oħrajn permezz tal-pubblikazzjoni ta' fuljett elettroniku ta' kull xahrejn: nonproliferation.eu. Aktar minn 60 grupp ta' riflessjoni indipendenti Ewropew issieħeb fil-Konsorzju mill-bidu tiegħu. |
(11) |
Permezz ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/799/PESK (2) u 2012/422/PESK (3), il-Konsorzju ġie inkarigat ukoll bl-organizzazzjoni ta' żewġ seminars biex jiġi promoss il-bini ta' fiduċja u b'appoġġ għal proċess bil-għan li jistabbilixxi żona ħielsa mill-AQM u mezzi ta' konsenja fil-Lvant Nofsani, li saru fi Brussell f'Lulju 2011 u Novembru 2012. Barra dan, permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/43/PESK (4), il-Konsorzju ġie inkarigat bl-organizzazzjoni ta' żewġ seminars magħluqa għall-faċilitazzjoni tal-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati ta' Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fil-Konferenza tan-NU ta' Marzu 2013, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-finijiet ta’ kontribut għall-implimentazzjoni mtejba tal-Istrateġija tal-UE għan-Nonproliferazzjoni tal-AQM, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ multilateraliżmu, prevenzjoni u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-promozzjoni u l-appoġġ kontinwu tal-attivitajiet tan-netwerk Ewropew ta' gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni huma b'dan estiżi għal tliet snin biex jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin:
(a) |
l-inkoraġġiment ta’ djalogu politiku u dak relatat mas-sigurtà u d-diskussjoni fuq perijodu fit-tul dwar miżuri li jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom fis-soċjetajiet ċivili, u b’mod aktar partikolari fost l-esperti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi; |
(b) |
il-provvediment għal dawk li jipparteċipaw fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill bl-opportunità li jikkonsultaw in-netwerk dwar kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u biex jippermettu lir-rappreżentanti tal-Istati Membri jipparteċipaw fil-laqgħat tan-netwerk; |
(c) |
il-kostituzzjoni ta’ pass ’il quddiem siewi fl-azzjoni ta’ nonproliferazzjoni mill-Unjoni u l-komunità internazzjonali, b’mod partikolari bil-provvediment ta’ rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet lir-rappreżentanti tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ); |
(d) |
il-kontribut għal aktar sensibilizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar l-isfidi tal-proliferazzjoni u tal-ħtieġa li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-Unjoni u fil-kuntest ta’ fora multilaterali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġu evitati, skoraġġuti, imwaqqfa u fejn possibbli eliminati programmi ta’ proliferazzjoni li jippreokkupaw id-dinja kollha; |
(e) |
il-kontribut għall-iżvilupp tal-għarfien espert u l-ħila istituzzjonali fi kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm fi gruppi ta' riflessjoni u gvernijiet fl-Unjoni u pajjiżi terzi. |
2. Fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tan-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni m’għandux ikun limitat għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mat-theddid ippreżentat mill-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistema ta' kunsenja tagħhom, iżda għandu jkopri wkoll kwistjonijiet relatati ma’ armi konvenzjonali inklużi s-SALW. L-inklużjoni ta’ kwistjonijiet dwar armi konvenzjonali fil-qasam tal-attività tan-netwerk ser joffri għodda eċċezzjonali għad-djalogu u rakkomandazzjoni għal azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW u l-politika tal-Unjoni dwar l-armi konvenzjonali.
3. F’dan il-kuntest, il-proġetti li jridu jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:
(a) |
il-provvediment ta' mezzi għall-organizzazzjoni ta' tliet laqgħat konsultattivi annwali u sa seba' seminars ad hoc għal esperti u prattikanti dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm li jkopru kemm armi konvenzjonali kif ukoll dawk li mhumiex, bil-ħsieb li jitressqu rapporti u/jew rakkomandazzonijiet quddiem ir-rappreżentanti tar-RGħ; |
(b) |
il-ħolqien ta' Faċilità tal-Għoti ta' Assistenza fil-Konsorzju, biex tagħti għarfien espert ad hoc dwar mistoqsijiet li jirrigwardaw il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm li jkopru armi konvenzjonali u mhux konvenzjonali, għal tweġibiet f'perijodu ta' ġimagħtejn; |
(c) |
il-provvediment ta' mezzi biex isiru tliet konferenzi prinċipali annwali ma' pajjiżi terzi u mas-soċjetà ċivili dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm biex jippromwovu internazzjonalment l-Istrateġija tal-UE għan-Nonproliferazzjoni tal-AQM u l-Istrateġija tal-UE għas-SALW, u r-rwol, f'dan il-qasam, tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-gruppi ta' riflessjoni fl-Unjoni, bil-ħsieb li tiżdied il-viżibbiltà tal-politika tal-Unjoni f'dan il-qasam u li jitressqu rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet quddiem ir-rappreżentanti tar-RGħ; |
(d) |
il-provvediment tal-mezzi għall-ġestjoni u l-iżvilupp ta' pjattaforma fuq l-Internet biex jiġu ffaċilitati l-kuntatti u jitrawwem djalogu ta’ riċerka fost in-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni li janalizzaw kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM u armi konvenzjonali, fosthom is-SALW, kif ukoll għall-edukazzjoni ta' ġenerazzjoni ġdida ta' esperti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm; |
(e) |
il-provvediment ta' mezzi biex titqajjem kuxjenza u jiġi żviluppat għarfien espert u ħila istituzzjonali fil-qasam tan-nonproliferazzjoni fi gruppi ta' riflessjoni u gvernijiet fl-Unjoni u pajjiżi terzi; |
(f) |
l-indirizzar ta' suġġetti proposti mill-Istati Membri u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna (SEAE) fl-attivitajiet ġenerali ta' riċerka tal-Konsorzju. |
Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir- RGħ għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti li jkopru l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill- Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni ibbażat fuq la Fondation pour la Recherche Stratégique (FRS), the Peace Research Institute Frankfurt (HSFK/PRIF), the International Institute for Strategic Studies (IISS) u Stockholm International Peace Research Institute (SIPRI). Il-Konsorzju għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal din il-fini, ir-RGħ għandu jidħol għall-arranġamenti meħtieġa mal-Konsorzju.
3. L-Istati Membri u s-SEAE għandu jipproponu prijoritajiet u suġġetti ta' interess speċifiku għall-valutazzjoni fil-programmi ta' riċerka tal-Konsorzju, li għandhom jiġu indirizzati f'dokumenti ta' ħidma u seminars, f'konformità mal-politika tal-Unjoni.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti li jkopru l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta’ EUR3 600 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont imniżżel fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal din il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Konsorzju. Il-ftehim għandu jistipula li l-Konsorzju għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-Konsorzju. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).
Madankollu, hija għandha tiskadi 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta’ finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
G. VROUTSIS
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (OJ L 202, 4.8.2010, p. 5).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/799/UE tat-13 ta’ Diċembru 2010 li tappoġġa l-proċess ta’ bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 341, 23.12.2010, p. 27).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 67).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/43/PESK tat-22 ta’ Jannar 2013 dwar il-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet tal-Unjoni f’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 20, 23.01.2013, p. 53).
ANNESS
IN-NETWERK EWROPEW TA’ GRUPPI TA’ RIFLESSJONI INDIPENDENTI GĦAN- NONPROLIFERAZZJONI B’APPOĠĠ GĦALL- IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA L-PROLIFERAZZJONI TAL-ARMI TA’ QERDA MASSIVA (STRATEĠIJA TAL-UE GĦAN-NONPROLIFERAZZJONI TAL-AQM)
1. Objettivi
L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tikkonferma u tkompli timplimenta r-rakkomandazzjoni ta’ politika, stabbilita mill-Kunsill fit-8 ta’ Diċembru 2008 fid-dokument intitolat "Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom". Skont dan id-dokument, l-azzjoni tal-Unjoni biex tiġġieled il-proliferazzjoni tista’ tibbenefika mill-appoġġ ipprovdut min-netwerk għan-nonproliferazzjoni li mhux governattiv, li jlaqqa’ flimkien lill-istituzzjonijiet ta’ politika estera u ċ-ċentri ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fl-oqsma strateġiċi tal-Unjoni waqt li jibni fuq netwerks utli li diġà jeżistu. Tali netwerk jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni qed twettaq djalogi speċifiċi b’rabta man-nonproliferazzjoni.
Dan in-netwerk ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni jkompli jinkoraġixxi d-djalogu politiku u d-djalogu relatat mas-sigurtà u d-diskussjoni fuq perijodu fit-tul dwar miżuri li jistgħu jittieħdu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom u l-kwistjonijiet marbuta ta' diżarm fi ħdan is-soċjetajiet ċivili, u b’mod aktar partikolari fost l-esperti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi.
Il-ħidma tan-netwerk għandha tiġi estiża għal kwistjonijiet relatati mal-armi konvenzjonali, inklużi SALW, inklużi miżuri li jiżguraw l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. In-netwerk ser jgħin biex jiġu żviluppati aspetti ġodda tal-azzjoni tal-Unjoni li jkopru kemm id-dimensjonijiet preventivi kif ukoll dawk reattivi tal-kwistjonijiet ta’ sigurtà relatati ma’ armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, kif previst mill-istrateġija rilevanti tal-UE. Il-prevenzjoni tal-kummerċ illegali u mhux regolat ta’ armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, ġiet ukoll rikonoxxuta bħala prijorità tal-Unjoni fil-qafas tal-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi.
In-netwerk jista’ jikkontribwixxi għal aktar sensibilizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar l-isfidi tal-proliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, u dwar il-ħtieġa li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-Unjoni u fil-kuntest ta’ fora multilaterali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġu evitati, skoraġġuti, imwaqqfa u fejn possibbli eliminati programmi ta’ proliferazzjoni li jikkonċernaw id-dinja kollha u l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-SALW u l-munizzjon tagħhom.
L-Unjoni tixtieq tappoġġa dan in-netwerk kif ġej:
— |
billi torganizza seminars tal-Unjoni regolari u, kif meħtieġ, laqgħat ad hoc għal diplomatiċi u esperti akkademiċi dwar avvenimenti u kwistjonijiet ewlenin fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm ta' AQM u SALW bil-ħsieb li jitressqu rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet quddiem ir-rappreżentanti tar-RGħ,; |
— |
billi torganizza konferenzi annwali prinċipali u, kif meħtieġ, laqgħat ta' tħejjija bil-ħsieb li tressaq rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet quddiem ir-rappreżentanti tar-RGħ; |
— |
billi tkompi żżomm, tmexxi u tiżviluppa pjattaforma fuq l-internet u netwerks soċjali relatati li tiffaċilita l-kuntatti u trawwem djalogu ta’ riċerka fost in-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni; |
— |
billi tiffaċilita l-kompetenza u t-trasferiment tal-għarfien dwar il-politika tal-UE ta' nonproliferazzjoni u diżarm madwar l-Unjoni u lil pajjiżi terzi. |
2. Organizzazzjoni tan-netwerk
In-netwerk huwa miftuħ għall-istituti ta’ riċerka u l-gruppi ta’ riflessjoni rilevanti kollha mill-Unjoni u stati assoċjati u jkun jirrispetta b’mod sħiħ id-diversità tal-opinjoni fl-Unjoni.
In-netwerk ser ikompli jiffaċilita l-kuntatti bejn esperti nongovernattivi, rappreżentanti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. In-netwerk ser ikun lest li jimpenja ruħu ma’ atturi nongovernattivi minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW, li huma bbażati fuq il-kunċetti ta’ multilateriżmu u kooperazzjoni internazzjonali. Il-mandat tan-netwerk ikopri n-nonproliferazzjoni tal-AQM, is-sistemi tal-kunsinna tagħhom, id-diżarm, u kwistjonijiet relatati ma’ armi konvenzjonali, inklużi s-SALW.
Il-parteċipanti fil-korpi preparatorji relevanti tal-Kunsill (CODUN/CONOP/COARM eċċ) ser ikunu jistgħu jikkonsultaw in-netwerk dwar kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, u r-rappreżentanti tagħhom ser ikunu jistgħu jattendu l-laqgħat tan-netwerk. Dawn il-laqgħat jistgħu jkunu organizzati waħda wara l-oħra mal-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma, jekk dan ikun fattibbli.
In-netwerk ser ikompli jitmexxa mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, li ġie ffurmat minn FRS, HSFK/PRIF, IISS u SIPRI u li ser jiġi fdat bil-ġestjoni tal-proġett, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tar-RGħ.
Il-Konsorzju, f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tar-RGħ u l-Istati Membri, ser jistieden parteċipanti li għandhom għarfien espert fil-politika tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm tal-AQM u l-armi konvenzjonali għal seminars tal-esperti u konferenzi annwali ewlenin u biex jaqsmu l-pubblikazzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom fuq is-sit tal-internet iddedikat għas-suġġett.
3. Deskrizzjoni tal-proġetti
3.1. Proġett 1: Organizzazzjoni ta' tliet laqgħat konsultattivi annwali u sa seba' seminars ad hoc għal diplomatiċi u esperti akkademiċi b'rapport u/jew rakkomandazzjonijiet
3.1.1.
L-għan tal-laqgħat konsultattivi annwali u s-seminars ad hoc huwa li jippromwovu djalogu marbut mas-sigurtà bejn esperti, uffiċjali u akkademiċi tal-Unjoni, dwar sfidi attwali fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm tal-AQM, is-sistemi ta' kunsinna tagħhom u l-armi konvenzjonali, fosthom is-SALW. Is-seminars għandhom imexxu 'l quddiem ukoll il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni li huma bbażati fl-Istati Membri tal-Unjoni.
3.1.2.
— |
Skambju ta' informazzjoni u analiżi dwar ix-xejriet attwali ta' nonproliferazzjoni fost dawk li jipprattikaw il-politika u l-esperti akkademiċi mill-Istati Membri, kif ukoll persunal speċjalizzat mis-SEAE u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni; |
— |
Diskussjoni dwar l-aħjar modi u mezzi biex tiġi implimentata l-politika tal-Unjoni kontra l-proliferazzjoni; |
— |
It-trawwim ta' netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni; |
— |
L-għoti ta' reazzjonijiet kostruttivi lill-Unjoni dwar l-istrateġiji tagħha kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-SALW minn gruppi ta' riflessjoni indipendenti, u suġġerimenti minn prattikanti lill-gruppi ta' riflessjoni tal-Unjoni dwar l-aktar suġġetti rilevanti għall-politika għal aktar riċerka; |
— |
L-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet rilevanti fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm għal rapporti orjentati lejn il-politika; |
— |
Il-produzzjoni ta' rapporti orjentati lejn il-politika flimkien ma' grupp ta' rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni lir-rappreżentanti tar-RGħ. Dawn ir-rapporti jkunu mxerrda fl-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri. |
3.1.3.
Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta' tliet laqgħat konsultattivi annwali u sa seba' seminars ad hoc tal-esperti bit-tħejjija ta' rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet assoċjati.
L-aġenda ta' dawn l-avvenimenti għandha titħejja f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gruppi ta' ħidma tal-PESK tal-Kunsill fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm (CODUN/CONOP/CODUN Space), tas-SALW u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali (COARM u COARM ATT). Is-seminars għandhom jindirizzaw sfidi għall-Unjoni kemm fuq medda qasira kif ukoll medda medja ta' żmien fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm fil-kategoriji ta' armi li ġejjin: AQM u l-mexzzi ta' kunsenja tagħhom, armi konvenzjonali fosthom is-SALW, u tipi ġodda ta' armi u sistemi ta' kunsinna. Għandhom joffru b'mod speċjali opportunità għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni biex jikkonċentraw fuq sfidi u xejriet aktar dejjiema fil-qasam ta' dawn l-armi, u fuq kwistjonijiet oħrajn, li jmorru lil hinn minn xogħolhom ta' kuljum.
Il-laqgħat konsultattivi annwali għandhom idumu ġurnata u nofs u jipprevedu l-parteċipazzjoni ta' sa mitt individwu minn gruppi ta' riflessjoni tal-Unjoni, Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni, speċjalizzati fi kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u armi konvenzjonali, fosthom is-SALW. Dawn is-seminars għandhom jaqdu prinċipalment għan konsultattiv bejn il-gruppi ta' riflessjoni tal-Unjoni għan-nonproliferazzjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Is-seminars ad hoc għandhom idumu mhux aktar minn jumejn u jipprevedu l-parteċipazzjoni ta' sa 45 individwu, li għandhom jiġu ddeterminati skont il-każ. Dawn is-seminars għandhom jaqdu b'mod partikolari għan konsultattiv bejn il-gruppi ta' riflessjoni tal-Unjoni għan-nonproliferazzjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fuq bażi ad hoc, sabiex jiġu indirizzati avvenimenti importanti u għażliet ta' politika għall-Unjoni, kif ukoll joffru opportunità għall-gruppi ta' riflessjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jilħqu udjenzi mmirati ġewwa u barra l-Unjoni.
Il-laqgħat konsultattivi annwali għandhom isiru fi Brussell filwaqt li sa tliet seminars ad hoc tal-esperti għandhom isiru barra l-Unjoni.
3.2. Proġett 2: Organizzazzjoni ta' konferenza ewlenija annwali b'rapport u/jew rakkomandazzjonijiet
3.2.1.
Il-konferenzi ewlenin annwali dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti governattivi u gruppi ta’ riflessjoni indipendenti u speċjalisti oħrajn mill-isfera akkademika mill-Unjoni u stati assoċjati kif ukoll pajjiżi terzi, ser jiddiskutu u jidentifikaw aktar miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u objettivi marbuta ta' diżarm, kif ukoll jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-armi konvenzjonali, fosthom il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Bħala l-avveniment ewlieni tal-proġett, il-konferenza annwali ser iżżid l-attenzjoni internazzjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nonproliferazzjoni tal-AQM u l-isforzi ta' implimentazzjoni tagħha mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-ħidma relatata ta' gruppi ta' riflessjoni u esperti akkademiċi indipendenti fl-Istati Membri.
Il-konferenzi annwali ser iservu wkoll biex irawwmu r-rwol u l-koeżjoni ta' gruppi ta' riflessjoni Ewropej li jispeċjalizzaw f'oqsma marbuta man-nonproliferazzjoni u ser jgħinu biex iżidu l-ħila f'dawn l-istituzzjonijiet u oħrajn, fosthom f'żoni tad-dinja li m'għandhomx tant għarfien espert fin-nonproliferazzjoni.
Il-konferenzi annwali u kwalunkwe laqgħa ta' tħejjija ser jindirizzaw kwistjonijiet marbuta man-nonproliferazzjoni ta' rilevanza topika għall-ħidma tas-SEAE. Abbażi ta' dawn id-diskussjonijiet u ħidma oħra sorveljata mill-Konsorzju, ser jiġu prodotti rapporti orjentati lejn il-politika flimkien ma’ sett ta’ rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni għar-rappreżentanti tar-RGħ. Ir-rapport ikun disseminat fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni rilevanti u l-Istati Membri u jkun disponibbli online.
3.2.2.
— |
L-istabbiliment ta’ konferenza prinċipali mmexxija mill-Ewropa dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm li ssir il-post ewlieni għall-promozzjoni ta’ diskussjoni strateġika dwar miżuri fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u objettivi relatati ta' diżarm biex tindirizza l-isfidi relatati mal-armi konvenzjonali, fosthom il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom; |
— |
Iż-żieda fil-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni fil-politika tal-Unjoni fil-qasam tan-nonproliferazzjoni tal-AQM u s-SALW u fil-qasam tal-azzjoni fil-qasam kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku jew nukleari (CBRN) fost l-uffiċjali tal-gvern, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili ta' pajjiżi terzi; |
— |
Il-promozzjoni tar-rwol u l-koeżjoni tan-netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni u r-rwol tal-Unjoni f'dan il-qasam, u l-bini ta' għarfien espert dwar in-nonproliferazzjoni f'pajjiżi fejn m'hemmx biżżejjed, fosthom f'pajjiżi terzi; |
— |
Il-preżentazzjoni ta’ rapporti orjentati lejn il-politika u/jew rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li jtejbu l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW u jiffurmaw pass ’il quddiem utli għan-nonproliferazzjoni u l-azzjoni relatata mal-armi konvenzjonali mill-Unjoni u l-komunità internazzjonali; |
— |
Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar. |
3.2.3.
Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ konferenzi ewlenin annwali, b'laqgħat ta' tħejjija kif meħtieġ, u t-tħejjija ta’ rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet assoċjati:
— |
Konferenza annwali ta' jum u nofs li ssir fi Brussell, bil-parteċipazzjoni ta' sa 300 espert minn gruppi ta' riflessjoni u akkademiċi u gvernijiet mill-Unjoni u stati assoċjati u pajjiżi terzi, speċjalizzati fi kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni, diżarm, kontroll tal-armi u armi konvenzjonali, fosthom is-SALW; |
— |
Attenzjoni għall-iżvilupp tal-ispeċjalisti 'tal-ġenerazzjoni li jmiss' fost l-oħrajn minn pajjiżi barra l-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq, li ser jiġu mistiedna għal jum ieħor qabel jew wara l-konferenza għal taħriġ speċjalizzat u biex jiġu esposti għall-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE; |
— |
Rapporti orjentati lejn il-politika u/jew rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li jagħtu spinta lill-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE għall-AQM u s-SALW. |
3.3. Proġett 3: Il-ħolqien u t-tmexxija ta' faċilità tal-Għoti ta' Assistenza
3.3.1.
Il-ħolqien u t-tmexxija ta' Faċilità tal-Għoti ta' Assistenza fil-Konsorzju, biex tagħti għarfien espert ad hoc dwar mistoqsijiet dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm, li jkopru armi konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali, ser jinfurmaw u jiffaċilitaw it-tiswir ta' azzjoni ta' politika tas-SEAE b'rabta ma' suġġetti speċifiċi u urġenti.
3.3.2.
— |
Il-ġestjoni ta' talbiet ta' riċerka ad hoc, bi tweġibiet f'perijodu ta' ġimagħtejn, dwar kwistjonijiet speċifiċi mitluba mis-SEAE; |
— |
Il-promozzjoni ta' djalogu ad hoc speċifiku għas-suġġett bejn il-gruppi ta' riflessjoni tal-Konsorzju u s-SEAE; |
— |
Is-SEAE tkun tista' tibni fuq l-għarfien espert ad hoc u r-riżorsi dedikati għar-riċerka tal-Konsorzju għal talbiet ta' żmien qasir u dawk okkażjonali. |
3.3.3.
Il-proġett ser jipprovdi sa għoxrin dokument ta' 5-10 paġni mill-esperti f'perijodu ta' ġimagħtejn, dwar kwistjonijiet attwali ta' nonproliferazzjoni u diżarm mitluba mis-SEAE, ibbażati fuq eżami ta' letteratura akkademika eżistenti (mhux riċerka oriġinali).
3.4. Proġett 4: Ġestjoni u żvilupp ta' pjattaforma fuq l-internet
3.4.1.
Iż-żamma u l-iżvilupp ta’ sit tal-internet ser jiffaċilitaw il-kuntatti intersessjonali bejn il-laqgħat tan-netwerk u jrawmu djalogu ta’ riċerka fost il-gruppi ta’ riflessjoni għan-nonproliferazzjoni. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn sit elettroniku ddedikat fejn il-parteċipanti tan-netwerk ikunu liberi jiskambjaw l-informazzjoni, jikkondividu l-ideat tagħhom u jippubblikaw l-istudji tagħhom dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-provvista tagħhom u l-kwistjonijiet dwar l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW. Is-sit elettroniku ser ikompli jkun akkumpanjat minn ittra elettronika. Il-proġett ser jipprovdi segwitu online għall-avvenimenti u tieqa għar-riċerka Ewropea. Huwa ser jikkontribwixxi għal disseminazzjoni effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka fost il-komunità ta’ gruppi ta’ riflessjoni u l-ambjenti governattivi. Dan ser iwassal għal antiċipazzjoni aħjar u għarfien tat-theddid marbut mal-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, u l-armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.
3.4.2.
— |
It-tmexxija ta’ pjattaforma fejn il-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni jistgħu jikkondividu kontinwament il-fehmiet u l-analiżi indipendenti tagħhom dwar il-proliferazzjoni tal-AQM u kwistjonijiet tal-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW; |
— |
L-espansjoni, it-tmexxija u l-aġġornament tan-netwerk eżistenti ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti; |
— |
Il-promozzjoni ta’ fehim aħjar tal-Istrateġiji tal-Unjoni kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-SALW fis-soċjetà ċivili u jservi bħala interfaċċja bejn l-Unjoni u n-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni; |
— |
Il-possibbiltà li jitniżżlu bla ħlas mill-Internet b'mod permanenti dokumenti mil-laqgħat tan-netwerk u mill-gruppi ta’ riflessjoni indipendenti li jkunu jixtiequ jikkondividu r-riżultati tar-riċerka tagħhom mingħajr kumpens finanzjarju; |
— |
Żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-armi konvenzjonali, l-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar. |
3.4.3.
— |
L-użu tat-teknoloġija tat-tip ta’ servizz ta’ netwerk soċjali, meta fattibbli u adatta, jista’ jiġi żviluppat sabiex ikunu possibbli l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzoni online bejn il-parteċipanti tan-netwerk f’ambjent familjari; |
— |
Il-Konsorzju, inkarigat bil-proġett, ser ikun responsabbli għall-web-hosting, id-disinn u l-manutenzjoni teknika tas-sit elettroniku; |
— |
Il-politika tal-Unjoni marbuta ma' kwistjonijiet ta' proliferazzjoni tal-AQM u armi konvenzjonali, fosthom is-SALW, ser tiġi segwita u appoġġata b'dokumentazzjoni xierqa fuq bażi regolari; |
— |
Il-pubblikazzjonijiet tal-Konsorzju ser jiġu promossi u appoġġati minn dokumentazzjonijiet storiċi speċifiċi; |
— |
Konferenzi organizzati mill-Konsorzju ser jiġu promossi u murija fuq is-sit elettroniku (dokumenti ta' sfond, aġenda, preżentazzjonijiet, filmati ta' laqgħat miftuħa fejn adatt); |
— |
Ser tiġi ppubblikata ittra elettronika kull xahrejn sabiex tkopri aħbarijiet istituzzjonali dwar in-nonproliferazzjoni fl-Unjoni u biex issegwi l-ħidma akkademika taċ-ċentri ta' riċerka tan-netwerk; |
— |
Rapporti speċjali ser jiġu ppubblikati kull xahar dwar suġġetti topiċi marbuta ma' kwistjonijiet ta' proliferazzjoni tal-AQM u armi konvenzjonali, fosthom is-SALW. |
3.5. Proġett 5: Pubblikazzjonijiet
3.5.1.
— |
Li jipprovdi sa għoxrin dokument ta' politika marbut man-nonproliferazzjoni tal-AQM, is-sistemi ta' kunsinna tagħhom, is-SALW, u d-diżarm; |
— |
Li jagħti tagħrif u analiżi li jistgħu jikkontribwixxu għal djalogu politiku u marbut mas-sigurtà dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom, l-iktar permezz ta' esperti, riċerkaturi u akkademiċi; |
— |
Li jipprovdu riżorsa li l-parteċipanti fil-korpi ta' tħejjija rilevanti tal-Kunsill jistgħu jużaw biex jinfurmaw id-diskussjoni tagħhom dwar il-politika u l-prattika tal-UE għan-nonproliferazzjoni; |
— |
Li jagħti ideat, tagħrif u analiżi li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta' azzjonijiet għan-nonproliferazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
3.5.2.
— |
Li jtejjeb id-djalogu politiku u marbut mas-sigurtà dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom, l-iktar permezz ta' esperti, riċerkaturi u akkademiċi; |
— |
Li jżid is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim fis-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet ta' kwistjonijiet marbuta mal-politika tal-UE għan-nonproliferazzjoni u d-diżarm; |
— |
Li joffru għażliet politiċi u/jew ta' politika operazzjonali lir-RGħ, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri; |
— |
Li jagħti ideat, tagħrif u analiżi li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta' azzjonijiet għan-nonproliferazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
3.5.3.
Il-proġett jipprevedi t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta' sa għoxrin dokument ta' politika. Id-dokumenti ta' politika ser jitħejjew jew jiġu kkummissjonati mill-Konsorzju u ma jirrappreżentawx neċessarjament il-fehmiet tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Id-dokumenti ta' politika ser ikopru s-suġġetti fil-mandat tal-Konsorzju. Kull dokument ser jinkwadra għażliet politiċi u/jew ta' politika operazzjonali.
Id-dokumenti ta' politika ser jużaw format u stil li jagħmluhom aċċessibbli għall-udjenzi fil-mira u faċli għall-utent.
Id-dokumenti ta' politika kollha ser jiġu ppubblikati fuq is-sit elettromiku tal-Konsorzju.
3.6. Proġett 6: Edukazzjoni
3.6.1.
— |
Li jibni l-ħila fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' studjużi u prattikanti fil-politika u l-programmazzjoni tan-nonproliferazzjoni; |
— |
Li jżid l-għarfien fil-fond tal-politika tal-UE għan-nonproliferazzjoni u d-diżarm fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi; |
— |
Li jibni netwerks ta' prattikanti u akkademiċi żgħażugħa fil-livelli reġjonali li fihom l-Unjoni għandha interess qawwi fin-nonproliferazzjoni; |
— |
Li jġedded u jkattar l-għarfien espert dwar kwistjonijiet ta' AQM u SALW fl-Unjoni u f'Pajjiżi Sħab; |
— |
Li jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri u n-netwerk tal-UE għan-nonproliferazzjoni ideat friski u analiżi dwar in-nonproliferazzjoni. |
3.6.2.
— |
It-tqegħid tal-pedamenti għall-ħolqien ta' għodda edukattiva online b'kurrikulu mudell disponibbli dwar kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm biex jibda jaħdem 24 xahar wara li jibda l-kuntratt; |
— |
Iż-żieda fil-ħila fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' studjużi u prattikanti fil-politika u l-programmazzjoni tan-nonproliferazzjoni; |
— |
Iż-żieda fl-għarfien fil-fond dwar il-politika tal-UE għan-nonproliferazzjoni u d-diżarm fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi; |
— |
Il-ħolqien ta' netwerks ta' prattikanti u akkademiċi żgħażugħa u l-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni prattika; |
— |
Aktar għarfien espert dwar kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm tal-AQM u s-SALW fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi; |
— |
Kontribut frisk lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, il-Pajjiżi Sħab u n-netwerk tal-UE għan-nonproliferazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni. |
3.6.3.
Il-proġett jipprevedi l-apprendistat organizzat mill-Konsorzju għal sa 48 student gradwat jew diplomatiku żagħżugħ, kull wieħed għal perijodu ta' sa tliet xhur. L-apprendistat ser jikkombina lezzjonijiet, sessjonijiet ta' diskussjoni, qari strutturat, u integrazzjoni tal-proġett ibbażat f'mill-inqas tnejn mill-istituti tal-Konsorzju. Il-kurrikulu ser jikkombina moduli iqsar sabiex ikun flessibbli daqs kemm meħtieġ. L-istudenti kollha ser jiġu mistiedna għall-konferenzi u s-seminars organizzati mill-Konsorzju.
Il-Proġett fl-aħħar mill-aħħar ser ikollu l-għan li jqiegħed il-pedamenti għall-ħolqien ta' għodda edukattiva online b'kurrikulu mudell disponibbli dwar kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm. L-għodda edukattiva online għandha tkopri l-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet ta' armi konvenzjonali u mhux konvenzjonali u għandha tkun tista' tiġi adattata għal udjenzi mmirati differenti (diplomatiċi żgħażugħa, ġurnalisti, studenti universitarji u gradwati, mill-Ewropa kif ukoll minn barra). Skont is-sensittività tal-kontenut, jistgħu jiġu rikjesti awtorizzazzjonijiet adatti għall-finijiet ta' sigurtà. L-għodda edukattiva online għandha tippermetti wkoll l-integrazzjoni fi Programmi ta' Masters fl-università u jkollha tul tipiku ta' 15-il lezzjoni komprenziva. Dan huwa l-ekwivalenti ta' kors universitarju ta' semestru wieħed għall-kreditu u jkopri wkoll il-ħtiġijiet għal udjenzi oħra.
4. Tul ta’ żmien
It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu ta’ 36 xahar.
5. Benefiċjarji
5.1. Benefiċjarji diretti
Il-proliferazzjoni tal-AQM kemm mill-istati kif ukoll minn atturi mhux tal-istat ġiet identifikata fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u fl-Iitrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-AQM potenzjalment bħala l-akbar theddida għas-sigurtà tal-Unjoni. B’mod simili l-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tas-SALW irrikonoxxiet li l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom jippreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-proġetti suġġeriti jissodisfaw l-għanijiet tal-PESK u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi strateġiċi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà.
5.2. Benefiċjarji indiretti
Il-benefiċjarji indiretti tal-proġetti huma:
(a) |
gruppi ta’ riflessjoni indipendenti u akkademiċi speċjalizzati fil-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, mill-Unjoni u pajjiżi terzi; |
(b) |
istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż istituzzjonijiet edukattivi, studenti u r-riċevituri kollha oħrajn tal-għodda edukattiva online; |
(c) |
Stati Membri; |
(d) |
pajjiżi terzi. |
6. Parteċipanti minn partijiet terzi
Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom b’din id-Deċiżjoni. L-esperti min-netwerk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti minn partijiet terzi. Huma ser jaħdmu f’konformità mar-regoli standard tagħhom.
7. Aspetti ta’ proċedura, koordinazzjoni u l-Kumitat ta’ Tmexxija
Il-Kumitat ta’ Tmexxija għal dan il-proġett ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-RGħ u tal-entità implimentattiva msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jirrevedi l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni regolarment, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.
8. Entità implimentattiva
L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni ser tiġi fdata lill-Konsorzju, li ser iwettaq il-kompitu taħt il-kontroll tar-RGħ. Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-Konsorzju ser jikkoopera mar-RGħ, l-Istati Membri, Statijiet Parti oħra, u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif adatt.