Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0767

    2013/767/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Diċembru 2013 li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni u li tħassar id- Deċiżjoni 2004/391/KE

    ĠU L 338, 17/12/2013, p. 115–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Imħassar b' 32022D1368

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/767/oj

    17.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 338/115


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Diċembru 2013

    li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni u li tħassar id- Deċiżjoni 2004/391/KE

    (2013/767/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika agrikola komuni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Qafas tad-djalogu li jittratta kwistjonijiet koperti bil-politika agrikola komuni ilu jeżisti mill-1962. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE (1) tipprevedi l-qafas tad-djalogu attwali.

    (3)

    Bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza u jkun previst bilanċ aħjar ta’ interessi rappreżentati, hemm bżonn li jkun rivedut id-djalogu fil-gruppi ta’ konsulenza li jittrattaw kwistjonijiet dwar l-agrikoltura u jiġi provdut il-qafas ta’ djalogu ċivili fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inklużi l-aspetti internazzjonali tiegħu, u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tagħhom.

    (4)

    Il-gruppi ta’ djalogu ċivili għandhom jassistu lill-Kummissjoni u jgħinu biex isir djalogu regolari dwar kull kwistjoni relatata mal-politika agrikola komuni, inkluż l-iżvilupp rurali, u l-implimentazzjoni tal-politika, u b’mod partikolari l-miżuri li l-Kummissjoni tintalab tieħu f’dak il-kuntest, inklużi l-aspetti internazzjonali tal-agrikoltura; kif ukoll jwasslu għal skambju tal-esperjenza u l-prattika tajba, jagħtu pariri dwar il-politika, jagħtu opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi meta jitlobhom id-Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u jissorveljaw l-iżviluppi tal-politika.

    (5)

    Il-gruppi ta’ djalogu ċivili għandhom ikunu magħmulin minn talanqas organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-livell Ewropew, inklużi assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, gruppi b’interess soċjo-ekonomiku, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u trejdjunjins li huma rreġistrati fir-Reġistru Konġunt Ewropew tat-Trasparenza.

    (6)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompiti allokati għall-gruppi, hemm bżonn li jkunu previsti regoli dwar l-operazzjoni u l-funzjonament tal-gruppi.

    (7)

    Id-dejta personali għandha tiġi proċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2004/391/KE għandha titħassar.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-qafas għall-gruppi ta’ djalogu ċivili li jittrattaw kwistjonijiet koperti bil-politika agrikola komuni, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “gruppi”, stabbilita mid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“id-Direttur Ġenerali”) fil-qafas għall-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (3).

    Artikolu 2

    Il-kompiti

    Il-gruppi għandhom:

    (a)

    iżommu djalogu regolari dwar kull kwistjoni relatata mal-politika agrikola komuni, inkluż l-iżvilupp rurali, u l-implimentazzjoni tagħha, u b’mod partikolari l-miżuri li l-Kummissjoni tintalab tieħu f’dak il-kuntest, inklużi l-aspetti internazzjonali tal-agrikoltura;

    (b)

    jwasslu għal skambju tal-esperjenza u l-prattika tajba fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

    (ċ)

    jassistu lill-Kummissjoni u jagħtu pariri dwar il-politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

    (d)

    jagħtu opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi meta jitlobhom id-Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“id-Direttorat Ġenerali”), u sal-iskadenzi stabbiliti fit-talba, jew fuq inizjattiva tagħhom stess;

    (e)

    jissorveljaw l-iżviluppi tal-politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

    Artikolu 3

    Il-konsultazzjoni

    1.   Id-Direttorat Ġenerali jista’ jikkonsulta lill-gruppi dwar kull kwistjoni msemmija fl-Artikolu 2(a).

    2.   Il-president ta’ grupp, f’koperazzjoni mill-qrib mal-viċi-presidenti, jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-grupp dwar kwistjoni speċifika.

    Artikolu 4

    Il-ħatra tal-membri

    1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi, skont sejħa għall-applikazzjonijiet.

    2.   Il-gruppi għandhom ikunu magħmulin minn talanqas organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-livell Ewropew, inklużi assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, gruppi b’interess soċjo-ekonomiku, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u trejdjunjins li huma rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza. Is-sħubija tal-gruppi għandha tkun miftuħa għal dawk l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw kull tip ta’ interess rilevanti

    3.   Filwaqt li jqis l-interess tas-soċjetà ċivili fil-politika agrikola komuni, id-Direttur Ġenerali għandu jiddeċiedi fuq l-għadd u d-daqs tal-gruppi. L-ismijiet tal-membri jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u ta’ entitajiet oħra simili tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru”) u fuq sit elettroniku apposta. Id-Direttur Ġenerali għandu jiżgura rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-interessi espressi kollha msemmija fil-paragrafu 2. B’mod partikolari, dan għandu jiżgura bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi u mhux ekonomiċi.

    4.   L-organizzazzjonijiet membri għandu jaħtarhom id-Direttur Ġenerali minn fost l-organizzazzjonijiet li wieġbu s-sejħa għall-applikazzjonijiet. Id-Direttur Ġenerali jista’ wkoll jaħtar organizzazzjoni membru jekk ikun hemm xi siġġu battal jew li jisfa battal.

    5.   L-organizzazzjonijiet membri jinħatru għal seba’ snin. Organizzazzjoni membru tista’ tinbidel f’xi grupp qabel tmiem il-mandat ta’ seba’ snin, meta:

    (a)

    ma tkunx tista’ tikkontribwixxi aktar b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

    (b)

    tirtira mill-grupp;

    (ċ)

    ma taħtarx esperti b’mod regolari għal-laqgħat tal-grupp;

    (d)

    ma tibqax konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, jew

    (e)

    ma tkunx konformi mar-rekwiżit ta’ żvelar fejn tidħol informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 tat-Trattat.

    6.   L-organizzazzjonijiet membri għandhom jaħtru esperti biex jattendu l-laqgħat tal-gruppi skont il-punti fl-aġenda u, mill-anqas tlett ijiem ta’ ħidma qabel il-laqgħa, għandhom jgħarrfu lid-Direttorat Ġenerali bl-identità tal-esperti li ħatru.

    7.   Id-Direttorat Ġenerali għandu jistieden lill-esperti li ħatru l-organizzazzjonijiet membri ħalli jattendu l-laqgħat tal-gruppi. Meta l-organizzazzjoni membru ma tkunx għarrfet lid-Direttorat Ġenerali bl-identità tal-esperti sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 6, id-Direttorat Ġenerali jistgħu jirrifjuta milli jistieden lil dawk l-esperti għal-laqgħat rispettivi.

    8.   L-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u ta’ entitajiet oħra simili tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru”) u fuq sit elettroniku apposta.

    9.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi proċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Artikolu 5

    L-operazzjoni

    1.   Fl-ewwel laqgħa tiegħu, kull grupp għandu jaħtar president u żewġ viċi-presidenti minn fost il-membri tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-esperti preżenti fl-ewwel votazzjoni, u b’maġġoranza sempliċi tal-esperti preżenti fil-votazzjonijiet sussegwenti. Il-viċi-presidenti għandhom jintgħażlu minn fost ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet oħra li ma tkunx dik minn fejn ikun ġej il-president. Iż-żewġ viċi-presidenti għandhom jiġu minn żewġ organizzazzjonijiet differenti. L-elezzjonijiet għandhom isiru fl-awtorità ta’ rappreżentant tal-Kummissjoni b’vot sigriet, diment li l-esperti kollha preżenti espressament ma jkunux iddeċidew mod ieħor.

    2.   Il-president u ż-żewġ viċi-presidenti għandhom jaqdu r-rwol għal sena, terminu li għandu jkun jista’ jiġġedded. Il-president ma għandux jaqdi għal aktar minn żewġ termini konsekuttivi. Meta jiġi biex jagħżel presidenti ġodda, il-grupp għandu jiżgura li dawn ma jkunux jiġu mill-istess organizzazzjoni ta’ dawk ta’ qabilhom.

    3.   Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-viċi-presidenti, u f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentati fil-grupp, il-president għandu jistabbilixxi l-punti li jridu jitniżżlu fl-aġenda tal-laqgħat tal-grupp, mill-anqas 25 jum ta’ ħidma qabel kull laqgħa. Bħala regola ġenerali, id-Direttorat Ġenerali għandu jibgħat l-aġenda lill-organizzazzjonijiet 20 jum ta’ ħidma qabel il-laqgħa, l-aħjar b’mezz elettroniku.

    4.   Ħlief fl-elezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, ma għandu jittieħed ebda vot fi tmiem id-diskussjoni tal-grupp. Jekk grupp jilħaq kunsens dwar l-opinjoni li jitlob id-Direttorat Ġenerali jew dwar riżoluzzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess, dan għandu jsawwar konklużjonijiet konġunti u jehmiżhom mar-rapport sommarju. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultat tad-diskussjonijiet tal-grupp lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra meta l-grupp jirrakkomanda dan.

    5.   Il-president għandu jkun responsabbli għall-kompilazzjoni ta’ rapport li jkun fih rekord sommarju preċiż ta’ kull laqgħa u jibgħat l-abbozz ta’ dak ir-rapport lid-Direttorat Ġenerali fi żmien 20 jum ta’ ħidma wara l-laqgħa. Il-Kummissjoni tista’ temenda l-abbozz tar-rapport tal-president qabel jitqassam u qabel l-approvazzjoni sussegwenti mill-grupp.

    6.   Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali, il-grupp jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza li jadotta l-grupp. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jippresjedu l-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu xolti malli jintemm il-mandat tagħhom.

    7.   Id-Direttorat Ġenerali jista’ jistieden esperti minn barra l-grupp b’kompetenzi speċifiċi f’suġġett li jkun fl-aġenda ħalli jieħdu sehem f’ħidmet il-grupp jew is-sottogrupp ta’ ħidma fuq bażi ad-hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet kif jiddefinixxi l-Artikolu 4(2), diment li dawn ma jdgħajfux il-bilanċ tal-gruppi jew tal-gruppi ta’ ħidma. Dawn għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu, meta l-President jistedinhom jagħmlu dan bil-kunsens tal-ogħla rappreżentant tal-Kummissjoni preżenti. Individwi jew organizzazzjonijiet bi status ta’ osservatur ma għandhomx jieħdu sehem fl-elezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    8.   Il-membri tal-gruppi u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-individwi jew l-organizzazzjonijiet bi status ta’ osservatur li jkunu mistiedna, kif jipprevedi l-paragrafu 7, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (4). Jekk dawn ma jikkonformawx ma’ dawk l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu kull miżura xierqa.

    9.   Bħala prinċipju, il-gruppi u l-gruppi ta’ ħidma għandhom jitlaqqgħu f’bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat. Il-laqgħat tal-gruppi u tal-gruppi ta’ ħidma għandu jsejjaħhom id-Direttorat Ġenerali. Uffiċjali oħra tal-Kummissjoni li jkunu interessati fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu.

    10.   Il-Kummissjoni tippubblika kull dokument rilevanti bħall-aġendi, il-minuti, il-konklużjonijiet, konklużjonijiet parzjali jew dokumenti ta’ ħidma fuq l-attivitajiet li għamlu l-gruppi permezz ta’ link mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u ta’ entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni u għal sit elettroniku apposta. Għandhom isiru eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni sistematika meta l-iżvelar ta’ dokument jaf idgħajjef il-protezzjoni tal-interess pubbliku jew privat kif jiddefinixxi l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Artikolu 6

    L-ispejjeż tal-laqgħat

    1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-gruppi u tal-gruppi ta’ ħidma ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza li jġarrab min jieħu sehem fl-attivitajiet tal-gruppi jew tal-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

    3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 7

    Revoka

    Id-Deċiżjoni 2004/391/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2014.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE tat-23 ta’ April 2004 dwar il-gruppi ta’ konsulenza li jittrattaw il-kwistjonijiet koperti bil-politika agrikola komuni (ĠU L 120, 24.4.2004, p. 50).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (3)  C(2010) 7649.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top