This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0118
2010/118/CFSP: Council Decision 2010/118/CFSP of 25 February 2010 extending the mandate of the European Union Special Representative in Kosovo
2010/118/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/118/PESK tal- 25 ta' Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo
2010/118/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/118/PESK tal- 25 ta' Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo
ĠU L 49, 26/02/2010, p. 22–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 49/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/118/PESK
tal-25 ta' Frar 2010
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ),
Billi:
(1) |
Fl-10 ta' Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244. |
(2) |
Fil-15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK (2) dwar l-istabbiliment ta' grupp biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet tal-istabbiliment ta' Missjoni Ċivili Internazzjonali possibbli fil-Kosovo, inkluż komponent ta' Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (Grupp ta' Preparazzjoni MĊI/RSUE). |
(3) |
Fit-13/14 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Unjoni Ewropea (UE) tinsab lesta li jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta' soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara li l-Unjoni Ewropea tinsab lesta sabiex tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta' missjoni tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD) u kontribut għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali. |
(4) |
Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (3) u l-Azzjoni Konġunta 2008/123/PESK (4) li ħatret lis-Sur Pieter FEITH bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo sat-28 ta' Frar 2009. |
(5) |
Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010 (5). |
(6) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
(7) |
Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-qafas strateġiku għall-politika tal-UE lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inkluż djalogu politiku u tekniku ta' sħubija Ewropea, taħt il-Mekkaniżmu ta' Kontroll tal-PSA, u programmi tal-Unjoni relatati ta' assistenza. |
(8) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi implimentat f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. |
(9) |
Il-Kunsill jipprevedi li s-setgħat u l-awtoritajiet tar-RSUE u s-setgħat u l-awtoritajiet ta' Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għandhom jingħataw lill-istess persuna. |
(10) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Pieter FEITH bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ warad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-Kosovo. Dawn jinkludu dak li huwa jkollu rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentar ta' soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo bil-għan ta' Kosovo li jkun stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multi-etniku, li jikkontribwixxi għal koperazzjoni reġjonali u stabbiltà, fuq il-prinċipju ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien; ta' Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż.
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' politika tal-UE fil-Kosovo, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-UE fil-proċess politiku; |
(b) |
jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE fil-Kosovo; |
(c) |
jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), anke dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbilitajiet eżekuttivi; |
(d) |
jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-UE lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta' kuntatt prinċipali tal-UE għall-medja mill-Kosovo dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK/PSDK). Kull attività tal-istampa u ta' informazzjoni pubblika għandha titwettaq f'koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (RGħ)/mal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Segretarjat tal-Kunsill; |
(e) |
jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, anke fir-rigward tan-nisa u t-tfal, konformement mal-politika ta' drittijiet tal-bniedem tal-UE u mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 660 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Marzu 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.
Artikolu 6
Struttura u kompożizzjoni tat-tim
1. Għandu jiġi assenjat persunal tal-UE ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-UE fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. Il-grupp għandu jinkludi t-tagħrif esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-parti/partijiet ospitanti. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata
1. Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta' sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (6), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
2. Ir-RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.
3. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), abbażi tal-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.
4. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jippubblika għal partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li għandhom x'jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (7).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Skont il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġewwa fiha, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta' sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rapportar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa ser jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif xieraq. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, anke dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
3. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ aġenziji lokali rilevanti u atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
4. Ir-RSUE, flimkien ma' atturi tal-UE oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-atturi tal-UE fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' kuxjenza komuni dwar is-sitwazzjoni u ta' valutazzjoni komuni.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-UE lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fit-tmiem tal-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2010.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
A. PÉREZ RUBALCABA
(1) Taħt ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
(2) ĠU L 253, 16.9.2006, p. 29.
(3) ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.
(4) ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.
(5) ĠU L 46, 17.2.2009, p. 69. Emendata mill-Azzjoni Konġunta 2009/605/PESK (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 20).
(6) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.
(7) Deċiżjoni 2009/937/UE li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).