Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0050

Id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema tran-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali

ĠU L 164, 30/04/2004, p. 114–163 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2010; Impliċitament imħassar minn 32008L0057

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/50/oj

32004L0050



Official Journal L 164 , 30/04/2004 P. 0114 - 0163


Id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-29 ta' April 2004

li temenda d-Direttiva 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema tran-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkonsidraw it-Trattat li jitabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71 u 156 tiegħu,

Wara li kkonsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Wara li mxew skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-23 ta' Marzu 2004,

Billi:

(1) Skond l-Artikoli 154 u 155 tat-Trattat, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej fis-settur tat-trasport. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Komunità għandha tieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiżgura l-interoperabilità tan-networks, partikolarment fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni teknika.

(2) Miżura inizjali ittieħdet fis-settur tal-ferroviji bl-adozzjoni tad-Direttiva 96/48/KE [5]. Biex jiġu implimentati l-għanijiet ta' din id-Direttiva, ġew abbozzati speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-interoperabilità (TSIs) mill-Assoċjazzjoni Ewropea għal Interoperabilità tal-Ferroviji (AEIF), li kient nominata l-korp rappreżentattiv konġunt fil-qafas ta' dik id-Direttiva, u dawn ġew adottati mill-Kummissjoni fit-30 ta' Mejju 2002.

(3) Fl-10 ta' Settembru 1999 il-Kummissjoni adottat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li wera stima inizjali tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2000 [6], il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tibgħat proposti biex tiġi emendata d-Direttiva 96/48/KE fuq il-bażi tal-mudell użat għad-Direttiva 2001/16/KE [7].

(4) Id-Direttiva 2001/16/KE, bħad-Direttiva 96/48/KE, tintroduċi proċeduri Komunitarji għat-tħejjija u l-adozzjoni ta' TSIs, u regoli komuni biex tkun assessjata l-konformità mat-TSIs. Mandat għall-iżvilupp ta' l-ewwel grupp ta' TSIs ġie mogħti lill-AEIF, magħruf ukoll bħala l-Korp Rappreżentattiv Konġunt.

(5) Ittieħdu ħafna lezzjonijiet mix-xogħol ta' l-iżvilupp ta' TSIs fis-settur tal-ferroviji ta' veloċità kbira, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 96/48/KE għal proġetti speċifiċi u mix-xogħol tal-kumitat stabbilit skond dik id-Direttiva, li wasslu lill-Kummissjoni biex tipproponi bidliet fiż-żewġ Direttivi dwar l-interoperabilità tal-ferroviji.

(6) L-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li tistabbilixxi aġenzija Ewropea għall-ferroviji (Regolament ta' l-Aġenzija) [8] u tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar sigurtà fil-ferroviji Komunitarji (Direttiva dwar Sigurtà tal-Ferroviji) [9] tfisser li ċerti disposizzjonijiet tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE hemm bżonn li jinbidlu. B'mod partikolari, darba li l-Aġenzija tkun stabbilita, ix-xogħol ta' abbozzar ta' TSIs ġodda jew riveduti jiġi mogħti lilha mill-Kummissjoni.

(7) Id-dħul fis-seħħ tad-Direttivi 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li jemendaw id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunit [10], 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li jemendaw id-Direttivi tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzar ta' intrapriżi dwar ferroviji [11] u 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u l-ħlas ta' imposti għall-użu ta' ċertifikazzjoni ta' infrastruttura tal-ferroviji u sigurtà [12] għandu impatt fuq l-implimentazzjoni ta' l-interoperabilità.. Bħal fil-każ ta' arranġamenti oħra dwar it-trasport, l-estensjoni ta' drittijiet ta' aċċess irid ikun hemm magħha l-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni. Għalhekk hi meħtieġa l-implimentazzjoni ta' interoperabilità fin-network kollu billi jiġi estiż progressivament l-iskop ġeografiku tad-Direttiva 2001/16/KE. Hu meħtieġ ukoll li l-bażi legali tad-Direttiva 2001/16/KE tiġi estiża għall-Artikolu 71 tat-Trattat, li fuqu nbniet id-Direttiva 2001/12/KE.

(8) Il-White Paper dwar il-politika Ewropea dwar trasport tħabbar din id-Direttiva, li hi parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni li tagħti ħajja ġdida għat-trasport bil-ferroviji u, konsegwentement, li ċċaqlaq il-bilanċ dwar il-modi tat-trasport, bl-għan aħħari li tinaqqas il-konġestjoni fit-toroq Ewropej.

(9) It-TSIs li żviluppaw fil-qafas tad-Direttiva 96/48/KE ma jikkonċernawx espliċitament ix-xogħol dwar tiġdid ta' infrastruttura u materjal mobbli, jew bdil fil-kuntest ta' manutenzjoni preventiva. Dan hu l-każ, madankollu, skond id-Direttiva 2001/16/KE dwar is-sistema konvenzjonali għall-ferroviji, u ż-żewġ Direttivi għandhom jiġu armonizzati fuq dan il-punt.

(10) L-iżvilupp ta' TSIs fis-settur tal-ferroviji ta' veloċità kbira wera l-ħtieġa li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn il-ħtiġijiet essenzali tad-Direttiva 96/48/KE u t-TSIs, min-naħa l-waħda, u l-istandards Ewropej u dokumenti oħra ta' natura normattiva min-naħa l-oħra. B'mod partikolari, għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn l-istandards jew partijiet minn standards li għandhom ikunu obbligatorji biex jinkisbu l-għanijiet ta' dik id-Direttiva, u l-istandards armonizzati li ġew żviluppati fl-ispirtu ġdid ta' kif għandhom jiġu trattati l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi.

(11) Bħala regola, l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej jiżviluppaw fl-ispirtu ta' kif qed jiġu trattati mill-ġdid l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi. Jagħmlu possibbli li jkun hemm preżunzjoni ta' konformità ma' ċerti ħtiġijiet essenzali tad-Direttiva 96/48/KE, b'mod parikolari fil-każ tal-kostitwenti u interfaces ta' l-interoperabilità. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej, jew il-partijiet applikabbli tagħhom, mhumiex obbligatorji u ma' tista' ssir ebda referenza espliċita għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet fit-TSIs. Referenzi għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri jippubblikaw ir-referenzi għall-istandards nazzjonali billi jittrasponu l-istandards Ewropej.

(12) F'ċerti każi TSIs jistgħu jagħmlu referenza espliċita għal standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej meta jkun tassew meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. Referenza espliċita bħal din iġġib konsegwenzi li għandhom jiġu ċċarati; b'mod partikolari, dawn l-istandards jew speċifikazzjonijiet Ewropej isiru obbligatorji mill-mument li t-TSI tkun applikabbli.

(13) It-TSI tistabbilixxi l-kondizzjonjijiet kollha li kostitwent ta' interoperabilità għandu jkun konformi magħhom, u l-proċedura li għandha tiġi segwita biex tiġi assessjata l-konformità. Barra dan, hemm bżonn li jkun speċifikat li kull kostitwent għandu jgħaddi mill-proċedura li tassessja l-konformità u l-adegwatezza għall-użu indikat fit-TSIs u jkollu ċ-ċertifikat korrispondenti.

(14) Hemm bżonn li għal raġunijiet ta' sigurtà l-Istati Membri jassenjaw kodiċi ta' identifikazzjoni għal kull vettura li titqiegħed fis-servizz. Il-vettura mbagħad titniżżel f'reġistru nazzjonali tal-vetturi. Ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli għal konsultazzjoni mill-Istati Membri kollha u minn ċerti partijiet ekonomiċi tal-Komunità. Ir-reġistri għandhom ikunu konsistenti f'dak li hu format ta' informazzjoni. Għandhom għalhekk ikunu koperti minn speċifikazzjonijiet operatorji u tekniċi komuni.

(15) Il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta' ħtiġijiet essenzali applikabbli għal subsistema li għadhom mhumiex koperti bi speċifikazzjonijiet dettaljati fit-TSIs korrispondenti għandhom ikunu speċifikati. F'każ bħal dan, il-korpi responsabbli għall-istima dwar konformità u proċeduri ta' verifika għandhom ikunu dawk ġa notifikati taħt l-Artikolu 20 tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE.

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' implimentazzjoni ta' poteri mogħtija lill-Kummissjoni [13].

(17) Id-definizzjoni ta' materjal mobbli fl-Anness I tad-Direttiva 96/48/KE għandha tiġi ċċarata. Id-Direttiva għandha wkoll tikkonċerna materjal mobbli maħsub biex jitħaddem biss fuq binarji magħmula apposta għal veloċità għolja, b'veloċitajiet ta' madwar 200 km/s.

(18) L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha, sa fejn possibbli, tippriserva x-xogħol diġ mwettaq fil-qafas tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE u l-applikazzjoni ta' dawn id-Direttivi minn Stati Membri fil-qafas ta' proġetti li jkunu fi stat ta' żvilupp avvanzat meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

(19) Billi l-għan ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista', mħabba l-karattru trans-Ewropew tiegħu kif magħruf bit-Trattat, jinkiseb aħjar f'livell ta' Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif preskritt f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx ‘l hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan.

(20) TSIs applikabbli għas-sistema ta' ferroviji ta' veloċità kbira dwar infrastruttura, materjal mobbli, enerġija, kontroll, kmand u sinjalar, operazzjoni u manutenzjoni kienu ġew adottati fit-30 ta' Mejju 2002 mill-Kummissjoni. L-abbozzi ta' TSIs imsemmija fl-Artikolu 1(5) u 2(5) huma relatati mar-reviżjoni ta' dawn it-TSIs jew ma' l-adozzjoni ta' TSIs ġodda.

(21) Billi abbozz dwar sistema ta' referenzi ta' regoli tekniċi dwar il-grad kurrenti ta' interoperabilità tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea tal-ferroviji qed jiġi żviluppat kif previst fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2001/16/KE, hemm il-ħtieġa li dawn ir-regoli jiġu aġġornati mħabba t-tkabbir ta' l-iskop ta' dik id-Direttiva u anke f'konsiderazzjoni ta' l-ewwel grupp ta' TSIs li għandhom jiġu adottati sa l-2004.

(22) Minkejja l-eżenzjonijiet mill-iskop tad-Direttiva 2001/16/KE, l-applikazzjoni volontarja tad-disposizzjonijiet rilevanti ta' dik id-Direttiva mill-Istati Membri f'livell nazzjonali għandha tiġi inkoraġġita, bil-ħsieb li jinkiseb valur aħjar għall-flus li jintefqu u li jkun hemm ekonomiji b'riżultat tal-kobor tax-xogħol fis-settur tal-manifattura.

(23) Għalhekk hemm bżonn li d-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE jiġu emendati,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 96/48/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 1

1. L-għan ta' din id-Direttiva hu li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu biex tinkiseb l-interoperabilità fit-territorju Komunitarju tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira kif deskritt fl-Anness I.

Dawn il-kondizzjonijiet jirrigwardaw id-disinn, bini, tqegħid fis-servizz, titjib fil-kwalità, tiġdid, tħaddim u manutenzjoni ta' partijiet tas-sistema mqiegħda fis-servizz wara t-30 ta' April 2004, kif ukoll il-kwalifiki u l-kondizzjoniet dwar saħħa u sigurtà tal-persunal li jgħinu fit-tħaddim tagħha.

2. It-tfittxija ta' dan l-għan għandha twassal għal definizzjoni ta' l-ogħla livell ta' armonizzazzjoni teknika u tagħmel possibbli:

(a) il-faċilitazzjoni, titjib u żvilupp tas-servizzi ta' trasport internazzjonali bil-ferroviji f'territorju Komunitarju u ma' pajjiżi terzi;

(b) il-kontribut għal ħolqien bil-mod ta' suq intern ta' tagħmir u servizzi għall-kostruzzjoni, tħaddim, tiġdid u titjib fil-kwalità tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira;

(ċ) il-kontribut għall-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira."

2. il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 2:

"(j) "parametru bażiku" jfisser kull kondizzjoni regolatorja, teknika jew operatorja li tkun kruċjali għal interoperabilità u teħtieġ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2) qabel kull żvilupp ta' abbozzi sħaħ ta' TSIs;

(k) "każ speċifiku" jfisser kull parti tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira li tkun teħtieġ disposizzjonijiet speċjali fit-TSIs, jew temporanji jew definittivi, minħabba limitazzjonijiet geoġrafiċi, topografiċi jew ta' l-ambjent urban jew dawk li jaffettwaw il-kompatibilità mas-sistema eżistenti. Dan jista' jinkludi b'mod partikolari linji ta' binarji jew networks maqtugħin mill-kumplament tat-territorju Komunitarju, l-istrument biex ikejjel il-livell tat-tagħbija, l-istrument li jkejjel il-ħxuna tal-binarji jew l-ispazju ta' bejn il-binarji:

(l) "titjib fil-kwalit" tfisser kull tibdil sostanzjali f'subsistema jew parti ta' subsistema li jtejjeb il-prestazzjoni ġenerali tas-subsistema;

(m) "sostituzzjoni fil-qafas ta' manutenzjoni" tfisser kull tibdil ta' komponenti b'oħrajn li jagħmlu l-istess funzjoni u prestazzjoni fil-qafas ta' manutenzjoni preventiva jew korrettiva;

(n) "tiġdid" tfisser kull xogħol ta' tibdil sostanzjali fuq subsistema jew parti minn subsistema li ma jibdilx il-prestazzjoni ġenerali tas-subsistema;

(o) "sistema eżistenti ta' ferroviji" tfisser l-istruttura komposta minn infrastrutturi tal-ferroviji, magħmula minn linji u stallazzjonijiet fissi ta' sistemi eżistenti ta' ferroviji barra l-materjal mobbli tal-kategoriji u oriġini kollha li jkunu jivvjaġġaw fuq dik l-infrastruttura;

(p) "tqegħid fis-servizz" ifisser l-operazzjonijiet kollha li permezz tagħhom is-subsistema titqiegħed fl-istat ta' operazzjoni tagħha skond kif ippjanat."

3. L-Artikolu 2(h) għandu jiġi mħassar.

4. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Kull waħda mis-subsistemi għandha tkun koperta minn TSI. Meta meħtieġ, subsistema tista' tkun koperta minn numru ta' TSIs u TSI waħda tista' tkopri diversi subsistemi Id-deċiżjoni biex tiġi żviluppata u/jew riveduta TSI u l-għażla ta' l-iskop tekniku u ġeografiku tagħha teħtieġ mandat skond l-Artikolu 6(1)."

(b) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Sa fejn meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, kull TSI għandha:

(a) tindika l-għan maħsub tagħha (parti min-network jew materjal mobbli msemmi fl-Anness I, subsistema jew parti ta' subsistema msemmija fl-Anness II);

(b) tippreskrivi ħtiġijiet essenzali għal kull subsistema involuta u l-interfaces tagħha vis-a-vis subsistemi oħra;

(ċ) tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi li għandhom jitħarsu mis-subsistema u l-interfaces tagħha vis-s-vis subsistemi oħra. Jekk meħtieġ, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu ivarjaw skond l-użu tas-subsistema, per eżempju skond il-kategoriji ta' linji u/jew materjal mobbli previsti fl-Anness I;

(d) tistabbilixxi l-kostitwenti u l-interfaces ta' interoperabilità li għandhom ikunu koperti minn speċifikazzjonijiet Ewropej, inklużi standards Ewropej, li jkunu meħtieġa biex tinkiseb interoperabilità fi ħdan is-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji ta' veloċità kbira;

(e) tgħid, f'kull każ li jkun qed jiġi kkonsidrat, liema proċeduri għandhom jintużaw biex tiġi assessjata l-konformità jew l-adattabilità għall-użu tal-kostitwenti ta' interoperabilità, min-naħa waħda, jew il-verifika KE tas-subsistemi, min-naħa l-oħra. Dawn il-proċeduri għandhon ikunu bażati fuq il-moduli mfissra fid-Deċiżjoni Nru 93/465/KEE;

(f) tindika l-istrateġija biex jiġu implimentati t-TSIs. B'mod partikolari, hu meħtieġ li jkunu speċifikati l-istadji li għandhom jiġu kompletati biex issir transizzjoni bil-mod mill-qagħda eżistenti sa l-qagħda ta' l-aħħar li fiha l-konformità mat-TSIs għandha tkun ir-regola;

(g) tindika, għall-persunal konċernat, il-kompetenzi professjonali u l-kondizzjonijiet dwar saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol meħtieġa għat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-subsistema, kif ukoll għall-implimentazzjoni tat-TSIs."

(ċ) għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"6. It-TSIs jistgħu jagħmlu referenza espliċita u ċara għal standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej meta dan hu strettament meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. F'każ bħal dan, dawn l-istandards jew speċifikazzjonijiet Ewropej (jew il-partijiet rilevanti tagħhom) għandhom jitqiesu bħala annessi tat-TSI konċernata u għandhom isiru obbligatorji mill-mument li t-TSI tkun applikabbli. Fin-nuqqas ta' standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej u sakemm dawn jiġu żviluppati, tista' ssir referenza għal dokumenti normattivi identifikati biċ-ċar; f'każ bħal dan, dan għandu jikkonċerna dokumenti li jkunu faċilment aċċessibbli u li jappartjenu għall-pubbliku."

5. L-Artikolu 6 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 6

1. Abbozzi ta' TSIs u emendi sussegwenti għal TSIs għandhom jiġu abbozzati skond mandat tal-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2). Għandhom jiġu abbozzati taħt ir-responsabbilt ta' l-Aġenzija skond l-Artikoli 3 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2004/881/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għal Ferroviji (Regolament dwar Aġenziji) [14] u f'kordinazzjoni mal-Gruppi tax-Xogħol imsemmija f'dawk l-Artikoli.

TSIs għandhom jiġu adottati u riveduti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2). Għandhom ikunu pubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tħejjija tar-reviżjoni u l-aġġornar tat-TSIs u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 biex tieħu f'konsiderazzjoni l-iżviluppi fit-teknoloġija jew ħtiġijiet soċjali.

3. Kull abbozz ta' TSI għandu jitfassal f'żewġ stadji.

L-ewwelnett, l-Aġenzija għandha tidentifika l-parametri bażiċi għat-TSI kif ukoll l-interfaces mas-subsistemi l-oħra u kull każ speċifiku ieħor li jkun meħtieġ. L-aktar soluzzjonijiet alternattivi u vijabbli flimkien ma' ġustifikazzjoni teknika u ekonomika għandhom jitressqu għal kull wieħed minn dawn il-parametri u interfaces. Deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2); jekk meħtieġ, għandhom jissemmew każi speċifiċi.

L-Aġenzija mbagħad trid tfassal l-abbozz tat-TSI fuq il-bażi ta' dawn il-parametri bażiċi. Meta xieraq, għandha tikkonsidra l-progress tekniku, ix-xogħol dwar standardizzazzjoni ġà mwettaq, il-gruppi tax-xogħol li diġà qed jagħmlu xogħolhom u x-xogħol magħruf ta' riċerka. Stima ġenerali ta' kemm se tkun tiswa l-implimentazzjoni tat-TSIs u l-benefiċċji tagħha għandha tindika l-impatt mistenni għall-operaturi u aġenti ekonomiċi kollha involuti.

4. L-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni ta' kull TSI (inklużi l-parametri bażiċi) għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-soluzzjonijiet kollha li jiġu kkonsidrati, flimkien ma' l-interfaces ta' bejniethom, biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u implimentati l-aktar soluzzjonijiet vijabbli. L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem f'dawn l-istimi billi jagħtu l-informazzjoni meħtieġa.

5. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 għandu jinżamm infurmat regolarment bix-xogħol preparatorju dwar it-TSIs. Matul dan ix-xogħol il-Kumitat jista' jifformola kull termini ta' referenza jew rakkomandazzjonijiet utli dwar id-disinn tat-TSIs u l-analiżi dwar infiq u l-benefiċċji meta mqabbla miegħu. B'mod partikolari, il-Kumitat jista', fuq talba ta' Stat Membru, jesiġi li soluzzjonijiet alternattivi jiġu eżaminati u li l-istima dwar spejjeż u benefiċċji għal dawn is-soluzzjonijiet alternattivi tingħata fir-rapport mehmuż ma' l-abbozz tat-TSI.

6. Ma' l-adozzjoni ta' kull TSI, id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak it-TSI għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2). Meta subsistemi differenti iridu jitqiegħdu fis-servizz f'daqqa għal raġunijiet ta' kompatibilità teknika, id-dati tad-dħul fis-seħħ tat-TSIs korrispondenti għandhom ikunu l-istess.

7. L-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni tat-TSIs għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-opinjoni ta' min jużahom, f'dawk li huma l-karatteristiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-kondizzjonijiet li taħthom jużaw is-subsistemi. Għal dak l-għan, l-Aġenzija għandha tikkonsulta l-assoċjazzjonijiet u korpi li jirrappreżentaw lill-utenti waqt il-fażijiet ta' l-abbozzar u r-reviżjoni tat-TSIs. Ma' l-abbozz tat-TSI għandhom jinkludu rapport dwar ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni.

Il-lista ta' assoċjazzjonijiet u korpi li għandhom jiġu konsultati għandha tkun finalizzata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 qabel jadotta l-mandat biex tiġi riveduta t-TSI u tista' terġgħa tkun eżaminata u aġġornata fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

8. Fl-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni tat-TSIs għandha tiġi kkonsidrata l-opinjoni tas-sieħba soċjali dwar il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3)(g).

Għal dan l-għan, is-sieħba soċjali għandhom jiġu konsultati qabel l-abbozz tat-TSI jintbgħat għal adozzjoni jew reviżjoni, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21.

Is-sieħba soċjali għandhom ikunu konsultati fil-kuntest tal-kumitat settorali għal djalogu stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE [15]. Is-sieħba soċjali għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien tliet xhur."

6. L-Artikolu 7 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 7

Stat Membru jista' ma japplikax TSI wieħed jew aktar, inklużi dawk dwar materjal mobbli, fil-każi u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) għal xi linja ġdida proposta, għat-tiġdid jew aġġornar ta' xi linja eżistenti, jew għal xi element imsemmi fl-Artikolu 1(1) fi stat ta' żvilupp avvanzat jew suġġett ta' kuntratt li qed jiġi operat meta dawn it-TSIs ikunu pubblikati;

(b) għal kull proġett dwar it-tiġdid jew titjib fil-kwalità ta' linja eżistenti meta l-istrument li jkejjel it-tagħbija, l-istrument li jkejjel il-binarji, l-ispazju bejn il-binarji, jew il-voltaġġ ta' elettrifikazzjoni f'dawn it-TSIs ma jkunux kompatibbli ma' dawk tal-linja eżistenti;

(ċ) għal xi linja ġdida proposta jew għal tiġdid jew titjib fil-kwalità ta' linja eżistenti fit-territorju ta' dak l-Istat Membru meta n-network tal-ferroviji tiegħu ikun separat jew maqtugħ bil-baħar min-network tal-ferroviji tal-kumplament tat-territorju tal-Komunità;

(d) għal kull tiġdid, tkabbir jew titjib fil-kwalità propost għal xi linja eżistenti, meta l-applikazzjoni ta' dawn it-TSIs tikkomprometti l-vijabilità ekonomika tal-proġett u/jew il-kompatibilità tas-sistema ta' ferroviji fl-Istat Membru;

(e) meta, wara xi aċċident jew diżastru naturali, il-kondizzjonijiet għar-restawrazzjoni ta' malajr tan-network ma jippermettux għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi l-applikazzjoni totali jew parzjali tat-TSIs rilevanti.

Fil-każi kollha, l-Istat Membru konċernat għandu javża minn qabel dwar id-deroga li jkollu f'rasu lill-Kummissjoni u għandu jibgħatilha inkartament li juri t-TSIs jew il-partijiet tat-TSIs li ma jkunx jixtieq li jiġu applikati kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti li ma jkunx jixtieq japplika. Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-miżuri maħsuba minn dak l-Istat Membru. Fil-każi (b) u (d), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2). Meta meħtieġ, għandha titħejja rakkomandazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati. Madankollu, fil-każ ta' (b) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel referenza għall-istrument li jkejjel it-tagħbija u l-istrument li jkejjel il-binarji."

7. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 9:

"B'mod partikolari, jistgħu ma jeħtiġux kontrolli li jkunu ġà saru bħala parti mill-proċedura li twassal għad-dikjarazzjoni tal-KE dwar konformità jew adattabilità għall-użu."

8. L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Il-kostitwenti kollha ta' interoperabilità għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura u l-adattabilità għall-użu indikat fit-TSI rispettiv u jkollhom magħhom iċ-ċertifikat korrispondenti."

(b) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. L-Istat Membru għandu jikkonsidra li kostitwent ta' intoperabilità ikun konformi mal-ħtiġijiet essenzali jekk ikun iħares il-kondizzjonijiet stabbiliti mit-TSI korrispondenti jew l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej żviluppati biex ikunu jħarsu dawn il-kondizzjonijiet."

(ċ) il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu mħassra;

9. L-Artikolu 11 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 11

Meta xi Stat Membru jew il-Kummissjoni jkun jidhrilhom li speċifikazzjonijiet Ewropej użati direttament jew indirettament għal skopijiet ta' din id-Direttiva ma' jħarsux il-ħtiġijiet essenzali, tista' tittieħed deċiżjoni għall-irtirar totali jew parzjali ta' l-ispeċifikazzjonijiet konċernati mill-pubblikazzjonijiet li jkunu jidhru fihom skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2) wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar servizzi għal soċjetà ta' informazzjoni [16]."

10. L-Artikolu 14 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 14

1. Kull Stat Membru għandu jawtorizza t-tqegħid fis-servizz ta' dawk is-subsistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira li jkunu jinsabu jew jitħaddmu fit-territorju tiegħu.

Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jiżgura li dawn is-subsistemi jitqiegħdu fis-servizz biss jekk ikunu disinjati, mibnijin u stallati b'mod li ma jikkompromettux il-ħarsien tal-ħtiġijiet essenzali dwarhom meta jkunu integrati fis-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira.

B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu jiċċekkja l-kompatibiltà ta' dawn is-subsistemi mas-sistema li jkunu qed jiġu integrati fiha.

2. Kull Stat Membru għandu jara, meta s-subsistemi jitqiegħdu fis-servizz u wara dan f'intervalli regolari, li dawn ikunu mħaddma u miżmuma fi stat tajjeb skond il-ħtiġijiet essenzali tagħhom. Għal dak il-għan, għandhom jintużaw il-proċeduri dwar stima u verifika stabbiliti fit-TSIs strutturali u funzjonali rispettivi .

3. Fil-każ ta' tiġdid jew titjib fil-kwalità, l-amministratur ta' l-infrastruttura jew l-impriża tal-ferrovija għandhom jibagħtu lill-Istat Membru inkartament li jiddeskrivi l-proġett. L-Istat Membru għandu jeżamina dan l-inkartament u, waqt li jqis l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija indikata għat-TSI applikabbli, jiddeċiedi jekk id-daqs tax-xogħolijiet ikunx ifisser il-bżonn ta' awtorizzazzjoni ġdida għal tqegħid fis-servizz fis-sens ta' din id-Direttiva.

Awtorizzazzjoni ġdida bħal din għal tqegħid fis-servizz għandha tkun meħtieġa kull meta s-siġurtà ġenerali tas-subsistema konċernata tista' tkun affettwata mix-xogħolijiet ippjanati.

4. Meta Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' materjal mobbli, għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li kodiċi alfanumeriku ta' identifikazzjoni jiġi assenjat lil kull vettura.. Dan il-kodiċi għandu jkun immarkat fuq il-vettura u mdaħħal f'reġistru nazzjonali għal vetturi li jikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a) ir-reġistru għandu jħares l-ispeċifikazzjonijiet komuni mfissra fil-paragrafu 5;

(b) ir-reġistru għandu jkun miżmum u aġġornat minn korp li jkun indipendenti minn xi impriżi ta' ferroviji;

(ċ) ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tas-sigurtà u l-korpi investigattivi msemmijin fl-Artikoli 16 u 21 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar sigurtà fuq ferroviji tal Komunità (Direttiva dwar Sigurtà tal-Ferroviji [17]; għandha tkun aċċessibbli wkoll, bħala tweġiba għal talba leġittima, għall-korpi regolatorji msemmijin fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura ta' ferroviji u l-ħlas ta' imposti għall-użu ta' l-infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni ta' sigurtà [18], lill-aġenzija, lill-kumpanniji tal-ferroviji u lill-amministraturi ta' l-infrastruttura.

Fil-każ ta' materjal mobbli mqiegħed fis-servizz għall-ewwel darba f'pajjiż terz, Stati Membri jistgħu jaċċettaw vetturi identifikati biċ-ċar skond sistema differenti ta' kodiċijiet. Madankollu, darba li Stat Membru jkun awtorizza t-tqegħid fis-servizz ta' vetturi bħal dawn fit-territorju tiegħu, irid ikun magħmul possibbli li wieħed jikseb lura l-informazzjoni korrispondenti, elenkata hawn taħt fil-paragrafu 5(ċ), (d) u (e), permezz tar-reġistru.

5. L-ispeċifikazzjonijiet komuni għar-reġistru għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), fuq il-bażi ta' l-ispeċifikazzjonijiet abbozzati mħejjija mill-Aġenzija. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jinkludu: kontenut, format ta' l-informazzjoni, arkitettura funzjonali u teknika, il-mod kif titħaddem, u regoli dwar kif tiddaħħal l-informazzjoni u dwar konsultazzjoni. Ir-reġistru għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) referenzi għad-dikjarazzjoni tal-KE dwar verifika u l-korp li jkun għamilha;

(b) referenzi għar-reġistru dwar materjal mobbli msemmi fl-Artikolu 22a;

(ċ) identifikazzjoni tas-sid tal-vettura jew ta' min jikriha;

(d) kull restrizzjoni dwar kif vettura tista' tuntuża;

(e) informazzjoni kruċjali dwar sigurtà li għandha x'taqsam ma' l-iskeda ta' manutenzjoni tal-vettura."

11. il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 15:

"B'mod partikolari, jistgħu ma jeħtiġux kontrolli li jkunu ġa saru bħala parti mill-proċedura li twassal għad- dikjarazzjoni ta' verifika tal-KE."

12. L-Artikolu 16 (3) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"3. Fin-nuqqas ta' TSIs, u inklużi każi meta deroga tkun ġiet notifikata skond l-Artikolu 7, Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, għal kull subsistema, lista tar-regoli tekniċi li jintużaw dwar l-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet essenzali. Dan għandu jkun notifikat sat-30 ta' April 2005 u mbagħad kull darba li l-lista ta' regoli tekniċi tinbidel. F'dik l-okkażjoni, Stati Membri għandhom jinnominaw il-korpi responsabbli għat-twettiq, fil-każ ta' dawn ir-regolamenti tekniċi, tal-proċedura ta' verifika msemmija fl-Artikolu 18."

13. il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 17:

"F'każ bħal dan, it-TSIs għandhom jiġu riveduti skond l-Artikolu 6(2). Jekk ċerti aspetti tekniċi li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet essenzali ma jkunux jistgħu jiġu espliċitament koperti f'TSI, għandhom ikunu identifikati biċ-ċar f'anness tat-TSI. L-Artikolu 16(3) għandu japplika għal dawn l-aspetti."

14. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 18(2):

"Għandhom ukoll ikopru l-verifika ta' l-interfaces tas-subsistema involuta f'relazzjoni għas-sistema li fiha tkun integrata, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli fit-TSIs rispettivi u r-reġistri mfissra fl-Artikolu 22a."

15. L-Artikolu 20 (5) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"5. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta' kordinazzjoni għal korpi notifikati (hawn iżjed 'il quddiem il-grupp ta' kordinazzjoni) li għandu jiddiskuti kull materja li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-proċeduri dwar l-istima ta' konformità jew l-adattabilità għall-użu msemmija fl-Artikolu 13 u l-proċedura dwar verifika msemmija fl-Artikolu 18, jew għall-applikazzjoni tat-TSIs rilevanti. Rappreżentanti ta' Stati Membri "jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-grupp ta' kordinazzjoni bħala osservaturi".

Il-Kummissjoni u l-osservaturi għandhom jinfurmaw lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 bix-xogħol imwettaq fil-qafas tal-grupp ta' kordinazzjoni. Il-Kummissjoni, meta xieraq, tipproponi l-miżuri meħtieġa biex jiġu solvuti l-problemi.

Meta meħtieġ, kordinazzjoni tal-korpi notifikati għandha tiġi implimentata skond l-Artikolu 21."

16. L-Artikolu 21 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 21

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxu proċeduri dwar l-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [19], b'konsiderazzjoni għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

4. Jekk jirriżulta li jkun meħtieġ, il-Kumitat jista' jistabbilixxi gruppi tax-xogħol biex jgħinuh fit-twettiq tax-xogħolijiet tiegħu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jikkordinaw il-korpi notifikati."

17. għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 21a

1. Il-Kumitat jista' jiddiskuti kull suġġett li għandu x'jaqsam ma' l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira, inklużi kwistjonijiet li jkolhom x'jaqsmu ma' interoperabilità bejn din is-sistema u s-sistema ta' ferroviji ta' pajjiżi terzi.

2. Il-Kumitat jista' jiddiskuti kull suġġett li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tadotta rakkomandazzjoni dwar implimentazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 21b

1. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), li tagħmel obbligatorju l-abbozzar ta' TSI għal xi suġġett ieħor, sakemm dan ikun jikkonċerna xi subsistema msemmija fl-Anness II.

2. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, tadotta programm ta' xogħol li jkun konformi ma' l-għanijiet ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar l-interoperabilità tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea ta' ferroviji [20]

Artikolu 21ċ

L-Annessi II sa VI jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2)".

18. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 22a

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li reġistru ta' l-infrastruttura u reġistru ta' materjal mobbli jkunu pubblikati u aġġornati kull sena. Dawn ir-reġistri għandhom jindikaw il-karatteristiċi ewlenin ta' kull subsistema jew parti ta' subsistema involuta, e.g il-parametri bażiċi, u l-korrelazzjoni tagħhom mal-karatteristiċi stabbiliti mit-TSIs applikabbli. Għal dak il-għan, kull TSI għandha tindika preċiżament liema informazzjoni trid tidħol fir-reġistri ta' l-infrastruttura u tal-materjal mobbli.

2. Kopja ta' dawk ir-reġistri għandha tintbgħat lill-Istati Membri konċernati u lill-Aġenzija u għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni minn partijiet interessati, inklużi mill-inqas l-atturi professjonali minn dak is-settur."

19. L-Anness I għandu jiġi sostitwit bit-test fl-Anness I ta' din id-Direttiva;

20. L-Anness II għandu jiġi sostitwit bit-test fl-Anness II ta' din id-Direttiva;

21. il-punt li ġej għandu jiżdied ma l-Anness III:

"2.4.4. Kontrolli

Treni għandhom ikunu mgħammra bi strument li jirreġistra. L-informazzjoni miġbura b'dan l-istrument u l-proċessar ta' l-informazzjoni għandhom ikunu armonizzati."

22. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness VII, punt 2:

"B'mod partikolari, il-korp u l-persunal responsabbli għall-kontrolli għandhom ikunu funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nominati biex joħorġu awtorizzazzjonijiet għal tqegħid fis-servizz fil-qafas ta' din id-Direttiva, liċenzi fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-liċenzar ta' impriżi [21] u ċertifikati ta' sigurt fil-qafas tad-Direttiva 200/49/KE, u mill-korpi responsabbli għall-investigazzjonijiet f'każ ta' aċċidenti."

Artikolu 2

Id-Direttiva 2001/16/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej: "Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar l-interoperabilità tas-sistema konvenzjonali dwar ferroviji";

2. L-Artikolu 1 hu hawnhekk emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. Din id-Direttiva tibda biex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu biex tinkiseb l-interoperabilità fi ħdan it-territorju Komunitarju tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea dwar ferroviji, kif deskritt fl-Anness I Dawn il-kondizzjonijiet jikkonċernaw id-disinn, kostruzzjoni, tqegħid fis-servizz, titjib ta' kwalità, tiġdid, tħaddim u manutenzjoni ta' partijiet ta' din is-sistema mqiegħda fis-servizz wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, kif ukoll il-kwalifiki professjonali u l-kondizzjonijiet tas-saħħa u sigurtà tal-persunal li jikkontribwixxu għat-tħaddim u l-manutenzjoni tagħha."

(b) il-parti introduttorja tal-paragrafu 2 għandha tinbidel b'li ġej:

"2. L-insegwiment ta' dan il-għan għandu jwassal għat-tifsira ta' l-aħjar livell ta' armonizzazzjoni teknika u jagħmilha possibbli li:"

(ċ) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3. L-iskop ta' din id-Direttiva għandu jitwessa' progressivament għas-sistema konvenzjonali kollha dwar ferroviji, inkluż l-aċċess ta' binarji għal terminali u faċilitajiet ewlenin tal-portijiet li jaqdu jew li għandhom il-potenzal li jaqdu aktar minn utent wieħed, ħlief għall-infrastruttura jew materjal mobbli riservati għal użu strettament lokali, storiku jew turistiku jew infrastruttura li tkun funzjonalment maqtugħa mill-kumplament tas-sistema ta' ferroviji, u bla ħsara għad-derogi dwar l-applikazzjoni ta' TSIs kif elenkati fl-Artikolu 7.

Din id-Direttiva għandha tiġi applikata għall-partijiet tan-network li għadhom mhumiex koperti mill-paragrafu 1 biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-TSIs korrispondenti li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura deskritta hawn taħt u għall-oqsma ta' applikazzjoni preskritti minnhom.

Il-Kummissjoni għandha tadotta, bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2(1), sa l-1 ta' Jannar 2006 programm ta' xogħol bl-għan ta' żvilupp ta' TSIs ġodda u/jew ir-reviżjoni ta' TSIs ġa adottati bil-ħsieb li jkopru l-linji u materjal mobbli li jkunu għadhom mhumiex koperti.

Dan il-programm ta' xogħol ikun jindika l-ewwel grupp ta' TSIs u/jew emendi għat-TSIs li għandhom jiġu żviluppati sa Jannar 2009, bla ħsara għall-Artikolu 5(5) dwar il-possibiltà li jipprovdu għal każi speċifiċi u bla ħsara għall-Artikolu 7 li jippermetti għal derogi f'ċirkostanzi speċjali. L-għażla tas-suġġetti li għandhom ikunu koperti minn TSIs tkun bażata fuq dak li wieħed jistenna bħala benefiċċji għal dak li jintefaq dwar kull miżura proposta u fuq il-prinċipju ta' proporzjonalità ta' miżuri meħuda f'livell ta' Komunità. Għal dan il-għan, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa għall-Anness I punt 4 u l-bilanċ meħtieġ bejn, min naħa l-waħda, l-għanijiet ta' moviment mhux interrott ta' treni u ta' armonizzazzjoni teknika, u, min-naħa l-oħra, il-livel ta' traffiku trans-Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali li jkun qed jiġi kkonsidrat.

Wara l-iżvilupp ta' dan l-ewwel grupp ta' TSIs, l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet għall-iżvilupp ta' TSIs ġodda jew ir-reviżjoni ta' TSIs eżistenti tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2).

Stat Membru m'għandux bżonn japplika dan il-paragrafu fil-każ ta' proġetti fi stat avvanzat ta' żvilupp jew li jkunu suġġetti għal xi kuntratt li jkun qed jitwettaq meta l-grupp rilevanti ta' TSIs ikunu qed jiġu pubblikati."

3. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-punt (h) għandu jitħassar;

(b) il-punti (l) u (m) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

"(l) "titjib" fil-kwalità tfisser xogħol ta' tibdil sostanzjali f'subsistema jew parti ta' subsistema li jtejjeb il-funzjonament ġenerali tas-subsistema;

(m) "tiġdid" tfisser kull xogħol ta' tibdil sostanzjali f'subsistemi jew f'partijiet ta' subsistemi li ma jibdilx il-funzjonament ġenerali tas-subsistema;"

(ċ) għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(o) "tibdil fil-qafas ta' manutenzjoni" tfisser kull tibdil ta' komponenti b'biċċiet oħra li jiffunzjonaw l-istess fil-qafas ta' manutenzjoni preventiva jew korrettiva;

(p) "tqegħid fis-servizz" tfisser ix-xogħolijiet kollha li bihom is-subsistema tiġi taħdem skond kif ġiet iddisinjata;"

4. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Kull waħda mis-subsistemi għandha tkun koperta minn TSI. Meta meħtieġ, subsistema tista' tkun koperta minn diversi TSIs u TSI waħda tista' tkopri diversi subsistemi. Id-deċiżjoni biex tiġi żviluppata u/jew riveduta TSI u l-għażla ta' l-iskop tekniku u ġeografiku tagħha teħtieġ mandat skond l-Artikolu 6(1)."

(b) il-punt (e) fil-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(e) niżżel, f'kull każ taħt konsiderazzjoni, liema proċeduri għandhom jiġu użati biex tkun tista' tiġi stmata l-konformità jew l-adattabilità dwar l-użu tal-kostitwenti ta' interoperabilità, min-naħa l-waħda, jew il-verifika tal-KE tas-subsistemi, min-naħa l-oħra. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu bażati fuq il-moduli mfissra fid-Deċiżjoni Nru 93/465/KEE;"

(ċ) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"7. TSIs jistgħu jagħmlu referenza espliċita u identifikata biċ-ċar għal standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej meta dan ikun għal kollox meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. F'dan il-każ, l-istandards jew speċifikazzjonijiet Ewropej (jew il-partijiet rilevanti) għandhom jitqiesu bħala annessi tat-TSI konċernat u jsiru obbligatorji mill-mument li t-TSI tkun applikabbli. Fin-nuqqas ta' standards jew speċifikazzjonijet Ewropej u sakemm dawn jiġu żviluppati, tista' ssir referenza għal dokumenti oħra normattivi identifikati biċ-ċar; f'dan il-każ, dan għandu jikkonċerna dokumenti li jkunu faċilment aċċessibbli u li jappartjenu għall-pubbliku."

5. L-Artikolu 6 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 6

1. Abbozzi ta' TSIs u emendi sussegwenti għat-TSIs għandhom jiġu abbozzati b'mandat mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2). Għandhom ikunu abbozzati taħt ir-responsabbilt ta' l-Aġenzija, skond l-Artikoli 3 u 12 tar-Regolament (KE)Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea dwar ferroviji (Regolament ta' l-Aġenzija) [22] u b'koperazzjoni mal-gruppi tax-xogħol imsemmija f'dawk l-Artikoli.

TSIs għandhom jiġu adottati u riveduti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2). Għandhom ikunu pubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tħejjija tar-reviżjoni u l-aġġornar ta' TSIs u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 biex jitqiesu l-iżviluppi fit-teknoloġija jew ħtiġijiet soċjali.

3. Kull abbozz ta' TSI għandu jitfassal f'żewġ stadji.

L-ewwelnett, l-Aġenzija trid tidentifika l-parametri bażiċi għat-TSI kif ukoll l-interfaces mas-subsistemi l-oħra u kull każ ieħor speċifiku li jkun hemm bżonn. Is-soluzzjonijiet alternattivi l-aktar vijabbli flimkien ma ġustifikazzjoni teknika u ekonomika għandhom jitressqu għal kull wieħed minn dawn il-parametri u interfaces. Għandha tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2); jekk meħtieġ, għandhom jissemmew każi speċifiċi.

L-Aġenzija mbagħad trid tħejji l-abbozz tat-TSI fuq il-bażi ta' dawn il-parametri bażiċi. Meta approprjat, l-Aġenzija trid tieħu nota tal-progress tekniku, tax-xogħol dwar standardizzazzjoni ġa mwettaq, ta' gruppi tax-xogħol li ġa bdew jaħdmu u ta' xogħol ta' riċerka ġa magħruf. Stima ġenerali ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji mistennija dwar l-implimentazzjoni tat-TSIs għandha tiġi mehmuża ma' l-abbozz tat-TSI; din l-istima trid tindika l-impatt mistenni għall-operaturi u l-aġenti ekonomiċi involuti.

4. L-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni ta' kull TSI (inklużi l-parametri bażiċi) għandhom iqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji stmati għas-soluzzjonijiet tekniċi kkonsidrati, flimkien ma' l-interfaces ta' bejniethom, biex hekk ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u implimentati l-aktar soluzzjonijiet vijabbli. L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem f'din l-istima billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

5. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 irid jinżamm regolarment infurmat bix-xogħol preparatorju għat-TSIs. Matul dan ix-xogħol il-Kumitat jista' jifformola kull termini ta' referenza jew rakkomandazzjonijiet utli dwar il-ħsieb tat-TSIs u l-analiżi dwar il-benefiċċji meta mqabbla ma' l-ispejjeż. B'mod partikolari, il-Kumitat jista', fuq talba ta' Stat Membru, jitlob li jiġu eżaminati soluzzjonijiet alternattivi u li l-istima ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dawn is-soluzzjonijiet alternattivi titniżżel fir-rapport mehmuż ma' l-abbozz tat-TSI.

6. Malli kull TSI jiġi adottat, id-dħul fis-seħħ ta' dak it-TSI għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2). Meta subsistemi differenti iridu jitqiegħdu fis-servizz f'daqqa għal raġunijiet ta' kompatibbilt teknika, id-dati tad-dħul fis-seħħ tat-TSIs korrispondenti għandhom ikunu l-istess.

7. L-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni tat-TSIs għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-opinjonijiet ta' l-utenti, f'dak li għandu x'jaqsam ma' karatteristiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-kondizzjonijiet li bihom jużaw is-subsistemi. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tikkonsulta l-assoċjazzjonijiet u korpi li jirrappreżentaw lill-utenti waqt il-fażijiet ta' l-abbozzar u r-reviżjoni tat-TSIs. Ma' l-abbozz għandhom jinkludu rapport dwar ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni.

Il-lista ta' assoċjazzjonijiet u korpi li għandhom jiġu konsultati għandha tiġi finalizzata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 qabel jadotta l-mandat ta' l-ewwel TSI u tista' terġgħa tiġi eżaminata u aġġornata fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

8. L-abbozzar, adozzjoni u reviżjoni tat-TSIs għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-opinjoni tas-sieħba soċjali fir-rigward tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3)(g).

Għal dan il-għan, is-sieħba soċjali għandhom ikunu konsultati qabel jintbgħat l-abbozz tat-TSI, għal adozzjoni jew reviżjoni, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21.

Is-sieħba soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-kuntest tal-Kumitat dwar Djalogu Settorali stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE [23]. Is-sieħba soċjali għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien tliet xhur."

6. L-Artikolu 7(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(a) għal linja proposta ġdida, għat-tiġdid jew titjib fil-kwalità ta' linja eżidtanti, jew għal kull element imsemmi fl-Artikolu 1(1) li jkun fi stat ta' żvilupp avvanzat jew is-suġġett ta' kuntratt li jkun qed jitwettaq meta dawn it-TSIs jiġu pubblikati;"

7. L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Il-kostitwenti kollha ta' interoperabilità għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura li tassessja l-konformità u l-adattabilità ta' l-użu indikat fit-TSI rispettiv u għandu jkun hemm magħhom iċ-ċertifikat korrispondenti."

(b) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. L-Istati Membri għandhom jikkonsidraw li kostitwent ta' inoperabilità jissodisfa l-ħtiġijiet essenzali jekk ikun iħares il-kondizzjonijiet preskritti fit-TSI korrispondenti jew l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej korrispondenti żviluppati biex ikunu konformi ma' dawn il-kondizzjonijiet."

(ċ) il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu mħassra;

8. L-Artikolu 11 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 11

Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jkun jidhrilhom li l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej użati direttament jew indirettament biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma' jissodisfawx il-ħtiġijiet essenzali, jista' jiġi deċiż l-irtirar totali jew parzjali ta' l-ispeċifikazzjonijiet konċernati mill-pubblikazzjonijiet li jkunu fihom, jew l-emendi tagħhom, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2) wara konsultazzjoni mal-kumitat stabbilit bid-Direttiva 98/34/KE."

9. L-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 2:

"Għal dak il-għan, għandhom jiġu wżati l-proċeduri għall-istima u l-verifika preskritti fit-TSIs strutturali u funzjonali rispettivi."

(b) il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. Fil-każ ta' tiġdid jew titjib fil-kwalità, l-amministratur ta' l-infrastruttura jew l-impriża tal-ferroviji għandu jibgħat lill-Istat Membru konċernat inkartament li jiddeskrivi l-proġetti. L-Istat Membru għandu jeżamina dan l-inkartament u, waqt li jikkonsidra l-istrateġija ta' implimentazzjoni indikata fit-TSI applikabbli, għandu jiddeċiedi jekk id-daqs tax-xogħolijiet ifissirx li hemm bżonn ta' awtorizzazzjoni ġdida għal tqegħid fis-servizz fis-sens ta' din id-Direttiva.

Awtorizzazzjoni ġdida bħal din għal tqegħid fis-servizz tkun meħtieġa kull darba li s-sigurtà ġenerali tas-subsistema konċernata tista' tiġi affettwata mix-xogħolijiet maħsuba. Jekk ikun hemm ħtieġa ta' awtorizzazzjoni ġdida, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi sa fejn ikun hemm il-ħtieġa li tiġi applikata t-TSI għall-proġett. L-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu."

(ċ) għandhom jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"4. Meta Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' materjal mobbli, għandhom ikunu responsabbli li jiżguraw li kodiċi ta' identifikazzjoni numerika tiġi assenjata lil kull vettura. Din il-kodiċi għandha tkun immarkata fuq kull vettura u tiddaħħal f'reġistru nazzjonali tal-vetturi li jkun iħares dawn il-kriterji:

(a) ir-reġistru għandu jikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet komuni mfissra fil-paragrafu 5;

(b) ir-reġistru għandu jkun miżmum u aġġornat minn korp li jkun indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji;

(ċ) ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tas-sigurtà u korpi investigattivi indikati fl-Artikoli 16 u 21 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar sigurtà fil-ferroviji tal-Komunità (Direttiva dwar Sigurtà fil-Ferroviji) [24]. Għandha wkoll tkun aċċessibbli, bi tweġiba għal kull talba leġittima, għall-korpi regolatorji indikati fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' l-infrastruttura tal-ferroviji u l-ħlas ta' imposti għall-użu ta' l-infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni ta' sigurtà [25], lill-Aġenzija, lill-impriżi tal-ferroviji u lill-amministraturi ta' l-infrastruttura.

Fil-każ ta' materjal mobbli mqiegħed fis-servizz għall-ewwel darba f'pajjiż terz, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw vetturi identifikati biċ-ċar skond sistema ta' kodiċi differenti Madankollu, darba li Stat Membru jkun awtorizza t-tqegħid fis-servizz ta' vetturi bħal dawn fit-territorju tiegħu, għandu jkun possibbli li l-informazzjoni korrispondenti, elenkata hawn taħt fil-paragrafu 5(ċ), (d) u (e), tinġieb lura permezz tar-reġistru.

5. L-ispeċifikazzjonijiet komuni għar-reġistru għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), fuq il-bażi ta' l-abbozzi ta' l-ispeċifikazzjonijiet imħejjija mill-Aġenzija. Dawn l-abbozzi ta' speċifikazzjonijiet għandhom jinkludu: kontenut, format ta' l-informazzjoni, arkitettura funzjonali u teknika, mod tat-tħaddim, regoli dwar l-input u konsultazzjoni. Ir-reġistru għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) referenzi għad-dikjarazzjoni tal-KE dwar verifika u l-korp li jkun għamel il-verifika;

(b) referenzi għar-reġistru tal-materjal mobbli msemmi fl-Artikolu 24;

(ċ) identifikazzjoni tas-sid tal-vettura jew ta' min qed jikriha;

(d) xi restrizzjonijiet dwar l-użu tal-vettura;

(e) informazzjoni kruċjali dwar sigurtà fir-rigward ta' skeda ta' manutenzjoni tal-vettura."

10. L-Artikolu 16 (3) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"3. Fin-nuqqas ta' TSIs, u inklużi każi meta deroga tkun ġiet notifikata skond l-Artikolu 7, Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, għal kull subsistema, lista tar-regoli tekniċi fl-użu biex jiġu implimentati l-ħtiġijiet essenzali. Dan għandu jkun notifikat qabel it-30 ta' April 2005 u wara dik id-data, kull darba li tinbidel il-lista tar-regoli tekniċi. F'dik l-okkażjoni, l-Istati Membri għandhom jinnominaw il-korpi responsabbli għat-twettiq, fil-każ ta' dawn ir-regolamenti tekniċi, tal-proċedura ta' verifika msemmija fl-Artikolu 18."

11. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 17:

"F'każ bħal dan, it-TSIs għandhom jiġu riveduti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2). Jekk xi aspetti tekniċi li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet essenzali ma jistgħux jiġu koperti espliċitament b'TSI, għandhom ikunu identifikati biċ-ċar f'Anness tat-TSI. L-Artikolu 16(3) għandu japplika għal dawn l-aspetti."

12. L-Artikolu 20 (5) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"5. Il-Kummissjoni għandha toħloq grupp ta' kordinazzjoni ta' korpi notifikati (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-grupp ta' kordinazzjoni) li għandu jiddiskuti kull suġġett dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri biex jiġu assessjati l-konformità u l-adattabilità għall-użu msemmija fl-Artikolu 18, jew dwar l-applikazzjoni tat-TSIs rilevanti. Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-grupp ta' kordinazzjoni bħala osservaturi.

Il-Kummissjoni u l-osservaturi għandhom jinfurmaw lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 bix-xogħol imwettaq fil-qafas ta' dan il-grupp ta' kordinazzjoni. Il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tipproponi l-miżuri meħtieġa biex jinstab rimedju għall-problemi.

Meta meħtieġ, il-kordinazzjoni tal-korpi notifikati għandha tiġi implimentata skond l-Artikolu 21."

13. fl-Artikolu 21 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4. Jekk jinħass il-bżonn, il-Kumitat jista' joħloq gruppi tax-xogħol biex jgħinuh fit-twettiq tax-xogħol tiegħu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu kordinati l-korpi notifikati."

14. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 21a

Il-Kummissjoni tista' tibgħat lill-Kumitat kull kwistjoni relatata ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni ta' implimentazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 21b

L-Annessi II sa VI jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2)."

15. L-Artikolu 23 għandu jigi mibdul b'dan li gej:

"Artikolu 23

1. L-ordni ta' prijorità għall-adozzjoni tat-TSIs għandha tkun kif ġej, bla ħsara għall-ordni ta' prijorità tal-mandati previsti fl-Artikolu 6(1):

(a) l-ewwel grupp ta' TSIs għandu jkopri kontroll/kmand u sinjalar; applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi ta' ġarr ta' merkanzija; tħaddim u maniġġjar ta' traffiku (inklużi kwalifiki tal-persunal għal servizzi ta' bejn il-fruntieri li jirrispettaw il-kriterji mfissra fl-Annessi II u III); vaguni għall-ġarr ta' merkanzija; problemi ta' ħsejjes li jkunu ġejjin minn materjal mobbli u l-infrastruttura. Dwar materjal mobbli, dak maħsub għal użu internazzjonali għandu jiġi żviluppat l-ewwel;

(b) l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu diskussi wkoll fid-dawl tar-riżorsi tal-Kummissjoni u ta' l-Aġenzija: applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri, manutenzjoni, b'mod partikolari fejn tidħol sigurtà, vaguni tal-passiġġieri, unitajiet u lokomotivi tal-ġibda, infrastruttura, enerġija u tinġis ta' l-arja. Dwar materjal mobbli, dak maħsub għal użu internazzjonali għandu jiġi żviluppat l-ewwel;

(ċ) fuq talba tal-Kummissjoni, ta' Stat Membru jew ta' l-Aġenzija, il-Kumitat jista' jiddeċiedi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), li jfassal TSI għal suġġett addizzjonali sa fejn dan jikkonċerna subsistema msemmija fl-Anness II.

2. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2), għandha tfassal programm ta' xogħol li josserva l-ordni ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 1 u dik tax-xogħolijiet l-oħra mogħtija lilha b'din id-Direttiva.

It-TSIs imsemmija fl-ewwel programm ta' xogħol imsemmi fil-paragrafu 1 (a) għandhom jiġu mfassla mhux aktar tard mill-20 ta' April 2004.

3. Il-programm tax-xogħol għandu jkun jikkonsisti f'żewġ stadji:

(a) żvilupp fuq il-bażi ta' abbozz stabbilit mill-Aġenzija ta' arkitettura rappreżentattiva tas-sistema konvenzjonali ta' ferroviji, bażat fuq il-lista ta' subsistemi (Anness II), biex tkun garantita l-konsistenza bejn it-TSIs. Din l-arkitettura trid tinkludi b'mod partikolari l-kostitwenti diversi ta' din is-sistema u l-interfaces tagħhom u taġixxi ta' qafas ta' referenza biex jiġu definiti ż-żoni ta' użu ta' kull TSI;

(b) adozzjoni ta' struttura ta' mudell għall-iżvilupp ta' TSIs

(ċ) adozzjoni ta' metodu ta' analiżi ta' benefiċċji mqabbla ma' l-ispejjeż tas-soluzzjonijiet imniżżla fit-TSIs;

(d) adozzjoni tal-mandati meħtieġa biex jitfasslu t-TSIs;

(e) adozzjoni tal-parametri bażiċi għal kull TSI;

(f) approvazzjoni ta' abbozzi ta' programmi dwar standardizzazzjoni;

(g) amministrazzjoni tal-perjodu transitorju ta' bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/50/KE [26] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea ta' ferroviji u l-pubblikazzjoni tat-TSIs, inkluża l-adozzjoni tas-sistema ta' referenzi msemmija fl-Artikolu 25.";

16. L-Artikolu 24 (2) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"2. Kopja ta' dawk ir-reġistri għandha tintbgħat lill-Istati Membri konċernati u lill-Aġenzija u għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni mill-partijiet interessati, inklużi mill-inqas l-atturi professjonali tas-settur."

17. L-Artikolu 25 (1) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-Aġenzija għandha tiżviluppa, skond l-Artikoli 3 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni notifikata mill-Istati Membri skond l-Artikolu 16(3), mid-dokumenti tekniċi tal-profesjoni u t-testi tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti, abbozz ta' sistema ta' referenzi ta' regoli tekniċi li tiżgura l-grad eżistenti ta' interoperabilità tal-linji u l-materjal mobbli li jridu jiddaħħlu fl-ambitu ta' din id-Direttiva kif imfisser fl-Artikolu 1(3). Il-Kummissjoni, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2), għandha teżamina dan l-abbozz u tiddeċiedi jekk jistax jikkostitwixxi sistema ta' referenzi sakemm jiġu adottati t-TSIs."

18. L-Anness I għandu jinbidel bit-test fl-Anness III ta' din id-Direttiva;

19. il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness III:

"2.4.4. Kontrolli

Treni għandhom ikunu mgħammra bi strument li jirreġistra. L-informazzjoni miġbura b'dan l-istrument u l-proċessar ta' l-informazzjoni għandhom jiġu armonizzati."

20. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness VII, punt 2:

"B'mod partikolari, il-korp u l-persunal responsabbli għall-kontrolli għandhom ikunu funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nominati biex joħorġu awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz fil-qafas ta' din id-Direttiva, liċenzi fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-liċenzar ta' impriżi ta' ferroviji [27] u ċertifikati ta' sigurtà fil-qafas tad-Direttiva 2004/49/KE, u tal-korpi nkarigati mill-investigazzjonijiet fil-każ ta' aċċidenti."

21. L-Anness VIII għandu jiġi mħassar.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiżgura li l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tippriserva sa kemm hu possibbli x-xogħol ta' żvilupp ta' TSIs li jkun ġa sar obbligatorju fil-qafas tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE u biex tiżgura li proġetti li jkunu waslu fi stat ta' żvilupp avvanzat meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ ma jiġux affettwati.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel it-30 ta' April 2006. Għandhom minnufih jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod kif issir din ir-referenza għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 29 ta' April 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 126E, 28.5.2002, p. 312.

[2] ĠU C 61, 14.03.2003, p. 131.

[3] ĠU C 66, 19.03.2003, p. 5.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Jannar 2003 (ĠU C 38 E, 12.2.2004, p 119), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 (ĠU C 270 E, 11.11.2003, p.7 u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2004 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004.

[5] ĠU L 235, 17.09.1996, p. 6. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882.2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[6] ĠU C 59, 23.02.2001, p. 121.

[7] ĠU L 110, 20.04.2001, p. 1.

[8] Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[9] Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[10] ĠU L 75, 15.03.2001, p. 1.

[11] ĠU L 75, 15.03.2001, p. 26.

[12] ĠU L 75, 15.03.2001, p. 29. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/844/KE (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 30).

[13] ĠU L 184, 17.07.1999, p. 23.

[14] ĠU L 164, 30.04.2004, p. 1.

[15] ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.

[16] ĠU L 204, 21.07.1998, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18).

[17] ĠU L 164, 30.04.2004, p. 44.

[18] ĠU L 75, 15.03.2001, p. 29. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/844/KE (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 30).

[19] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[20] ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1.

[21] ĠU L 143, 27.06.1995, p. 70. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26).

[22] ĠU L 164, 30.04.2004, p. 1.

[23] ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.

[24] ĠU L 164, 30.04.2004, p. 44.

[25] ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29 Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/844/KE (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 30).

[26] ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114

[27] ĠU L 143, 27.06.1995, p. 70. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26).

--------------------------------------------------

ANNESS I

"

ANNESS I

IS-SISTEMA TRANS-EWROPEA TA' FERROVIJI B'VELOĊITÀ KBIRA

1. L-INFRASTRUTTURA

L-infrastruttura tas-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira għandha tkun dik tal-linji tan-network Trans-Ewropew tat-trasport identifikata fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji ta' gwida Komunitarji għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew ta' trasport [1] jew elenkata f'xi aġġornament ta' dik id-Deċiżjoni b'riżultat tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 21 ta' dik id-Deċiżjoni .

Il-linji ta' veloċità kbira għandhom jinkludu

- linji magħmula speċjalment għal veloċità kbira mgħammra għal veloċitajiet ġeneralment ta' jew aktar minn 250 km/s,

- linji ta' veloċità kbira magħmula speċjali għal veloċitajiet ta' aktar minn 200 km/s,

- linji ta' veloċità kbira magħmula speċjali li għandhom karatteristiċi speċjali minħabba limitazzjonijiet topografiċi, ta' riżalt jew pjanar ta' l-ibliet, li għalihom trid tiġi adattata l-veloċità f'kull każ.

L-infrastruttura tinkludi sistemi ta' amministrazzjoni, moviment u navigazzjoni tat-traffiku: stallazzjonijiet tekniċi għal proċesar ta' informazzjoni u telekomunikazzjoni maħsuba għal servizzi għal passiġġieri li jiggarantixxu t-tħaddim bla periklu u armonjuż tan-network u l-amministrazzjoni effiċjenti tat-traffiku.

2. IL-MATERJAL MOBBLI

Il-materjal mobbli msemmi f'din id-Direttiva għandu jkun magħmul minn treni iddisinjati li jivvjaġġaw:

- jew b'veloċità ta' mill-inqas 250 km/s fuq linji mibnijin apposta għal veloċità kbira, waqt li jippermettu veloċitajiet ta' aktar minn 300 km/s f'ċirkostanzi approprjati,

- jew b'veloċitajiet ta' madwar 200 km/s fuq il-linji tat-taqsima 1, meta dan ikun kompatibbli ma' livelli li għalihom ikunu adattati dawn il-linji.

3. KOMPATIBILTÀ TAS-SISTEMA TRANS-EWROPEA TA' FERROVIJI B'VELOĊITÀ KBIRA

Il-kwalità tas-servizzi tal-ferroviji fl-Ewropa tiddependi, fost affarijiet oħra, minn kompatibilt eċċellenti bejn il-karatteristiċi ta' l-infrastruttura (fl-aktar sens wiesgħa, jiġifieri l-biċċiet fissi tas-subsistemi kollha konċernati) u dawk tal-materjal mobbli (inklużi l-komponenti ta' fuq il-post tas-subsistemi kollha konċernati).

"

[1] ĠU L 228, 09.09.1996, p. 1. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 1346/2001/KE (ĠU L 185, 6.7.2001, p. 1).

--------------------------------------------------

ANNESS II

"

ANNESS II

SUBSISTEMI

1. LISTI TA' SUBSISTEMI

Għall għanijiet ta' din id-Direttiva, is-sistema li tikkostitwixxi s-sistema trans-Ewropea ta' ferroviji b'veloċità kbira tista' titqassam fis-subsistemi li ġejjin:

(a) jew oqsma strutturali:

- infrastruttura,

- enerġija,

- kontroll u kmand u sinjalar,

- tħaddim u amministrazzjoni ta' traffiku,

- materjal mobbli,

(b) jew oqsma ta' operazzjonijiet:

- manutenzjoni,

- applikazzjonijiet ta' telematika għal servizzi għal passiġġieri u ġarr ta' merkanzija.

2. OQSMA LI GĦANDHOM JIĠU KOPERTI

Għal kull subsistema, il-lista ta' aspetti dwar l-interoperabilità hi indikata fil-mandati għat-tfassil ta' TSIs mogħtija lill-Aġenzija.

Skond l-Artikolu 6(1), dawn il-mandati għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 21(2).

Meta meħtieġ, il-lista ta' aspetti dwar l-interoperabilità indikati fil-mandati tkun speċifikata mill-Aġenzija skond l-Artikolu 5(3)(ċ).

"

--------------------------------------------------

ANNESS III

"

ANNESS I

IS-SISTEMA KONVENZJONALI TRANS-EWROPEA TAL-FERROVIJI

1. INFRASTRUTTURA

L-infrastruttura tas-sistema konvenzjonali trans-Ewropea tal-ferroviji tkun dik fuq il-linji tan-network trans-Ewropew għat-trasport identifikata fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji ta' gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport [1] jew elenkata f'xi aġġornament ta' l-istess Deċiżjoni b'riżultat tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 21 ta' dik id-Deċiżjoni.

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, dan in-newtork jista' jiġi subdiviż fil-kategoriji li ġejjin:

- linji maħsuba għal servizzi għal passiġġieri;

- linji maħsuba għal traffiku mħallat (passiġġieri u ġarr ta' merkanzija);

- linji magħmula speċjalment jew imtejba fil-kwalità għal servizzi ta' ġarr ta' merkanzija;

- ċentri għal passiġġieri;

- ċentri għal ġarr ta' merkanzija, inklużi terminali intermodali;

- linji li jgħaqqdu l-elementi msemmija hawn fuq

Din l--infrastruttura tinkludi sistemi ta' amministrazzjoni, moviment u navigazzjoni tat-traffiku,: stallazzjonijiet tekniċi għal proċessar ta' informazzjoni u telekomunikazzjoni maħsuba għal servizzi fuq distanzi twal għal passiġġieri u ġarr ta' merkanzija fin-network biex jiggarantixxu t-tħaddim bla periklu u armonjuż tan-network u l-amministrazzjoni effiċjenti tat-traffiku.

2. MATERJAL MOBBLI

Il-materjal mobbli ikun jikkonsisti fil-materjal kollu li probabbilment ser jivvjaġġa fuq in-network konvenzjonali trans-Ewropew tal-ferroviji kollu jew parti minnu, inklużi:

- treni termali jew elettriċi li jimbuttaw lilhom infushom;

- unitajiet termali jew elettriċi tal-ġbid;

- vaguni tal-passiġġieri;

- vaguni għall-ġarr tal-merkanzija, inkluż materjal mobbli maħsub għall-ġarr tal-lorries

Tagħmir mobbli għal bini u l-manutenzjoni ta' infrastruttura tal-ferroviji hu inkluż iżda mhuwiex l-ewwel prijorità.

Kull waħda minn dawn il-kategoriji hi subdiviża fi:

- materjal mobbli għal użu internazzjonali;

- materjal mobbli għal użu nazzjonali.

3. KOMPATIBBILTÀ TAS-SISTEMA KONVENZJONALI TRANS-EWROPEA TAL-FERROVIJI

Il-kwalità ta' servizzi tal-ferroviji fl-Ewropa tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq kompatibbilt eċċellenti bejn il-karatteristiċi ta' l-infrastruttura (fl-aktar sens wiesgħa, jiġifieri l-partijiet fissi tas-subsistemi kollha konċernati) u dawk tal-materjal mobbli (inklużi l-komponenti ta' fuq il-post tas-subsistemi kollha konċernati. Livelli ta' prestazzjoni, sigurtà, kwalità ta' servizz u spejjeż jiddependu minn dik il-kompatibbiltà.

4. ESTENSJONI TA' L-ISKOP

1. SUBKATEGORIJI TA' LINJI U MATERJAL MOBBLI

Biex ikun hemm aktar interoperabilità li toħloq benefiċċji adegwati meta mqabbla ma' l-infiq li jsir, aktar subkategoriji ta' linji u materjal mobbli msemmija f'dan l-Anness għandhom, meta meħtieġ, jiġu żviluppati. Jekk meħtieġ, l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi msemmija fl-Artikolu 5(3) jistgħu ivarjaw skond is-subkategorija.

2. Protezzjoni għal dak li jintefaq

L-analiżi dwar il-benefiċċji meta mqabbla ma' dak li jintefaq tal-miżuri proposti għandha tikkonsidra, fost affarijiet oħra, dan li ġej:

- kemm tkun tiswa l-miżura proposta,

- tnaqqis ta' nfiq kapitali u spejjeż oħra minħabba ekonomiji konnessi mal-volum u użu aħjar tal-materjal mobbli,

- tnaqqis min-nefqa fuq investiment u spejjeż ta' manutenzjoni/operatorji minħabba żjieda fil-kompetizzjoni bejn il-fabbrikanti u l-kumpanniji ta' manutenzjoni,

- benefiċċji ambjentali, minħabba titjib tekniku fis-sistema tal-ferroviji,

- sigurtà akbar fl-operazzjoni

Barra dan, din l-istima ser tindika l-impatt mistenni għall-operaturi u aġenti ekonomiċi kollha involuti.

"

[1] ĠU L 228, 09.09.1996, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE (ĠU L 185, 6.7.2001, p. 1).

--------------------------------------------------

Top