This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R1312
Regulation (EU) No 1312/2011 of the European Parliament and of the Council of 19 December 2011 amending Council Regulation (EC) No 1698/2005 as regards certain provisions relating to financial management for certain Member States experiencing or threatened with serious difficulties with respect to their financial stability
Regolament (UE) Nru 1312/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
Regolament (UE) Nru 1312/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
ĠU L 339, 21/12/2011, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1305
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32005R1698 | Żieda | artikolu 70 .4 TR | 21/12/2011 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32013R1305 |
21.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 339/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1312/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Diċembru 2011
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-kriżi finanzjarja globali bla preċedent u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku bla preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabbiltà finanzjarja, u wasslu għal deterjorament qawwi tal-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi għal diversi Stati Membri. B’mod partikulari, ċerti Stati Membri qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji, b’mod speċifiku dawk konnessi ma’ problemi fit-tkabbir ekonomiku u fl-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u minn deterjorament fil-qagħda tad-defiċit u tad-dejn tagħhom, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja dinjija. |
(2) |
Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet importanti biex jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi għall-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u fuq iċ-ċittadini qiegħed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qiegħda tiżdied, u issa għandhom jittieħdu iktar passi biex dik il-pressjoni tittaffa permezz tal-użu massimu u ottimu tal-fondi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR). |
(3) |
Abbażi tal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi l-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jkun jinsab f’diffikultà jew li jkun mhedded minn diffikultajiet serji kkaġunati minn avvenimenti eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-kontroll tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (3) stabbilixxa t-tali mekkaniżmu bil-għan li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. |
(4) |
Permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (4) u 2011/344/UE (5) rispettivament, l-Irlanda u l-Portugall ingħataw it-tali għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. Il-Greċja kienet qed tesperjenza diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 u rċeviet għajnuna finanzjarja, fost l-oħrajn, minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro. |
(5) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (6) stabbilixxa strument li permezz tiegħu l-Kunsill għandu jagħti għajnuna finanzjarja għal żmien medju meta Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro jkun jinsab f’diffikultà jew ikun mhedded b’mod serju minn diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu. |
(6) |
L-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija ngħataw it-tali għajnuna finanzjarja permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/102/KE (7), 2009/290/KE 2009 (8) u 2009/459/KE (9) rispettivament. |
(7) |
Il-perjodi li matulhom l-għajnuna finanzjarja se tkun disponibbli għall-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Ungerija huma stipulati fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill rispettivi. L-għajnuna mogħtija lill-Ungerija skadiet fl-4 ta’ Novembru 2010. |
(8) |
Fil-każ tal-Greċja, il-Ftehim ta’ bejn il-Kredituri li ġie konkluż flimkien mal-Ftehim dwar il-Faċilità tas-Self daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010. Il-ftehim ta’ bejn il-Kredituri jipprevedi li l-perjodu ta’ disponibbiltà għandu jiskadi fit-tielet anniversarju tad-data ta’ dak il-Ftehim. |
(9) |
Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Ministri tal-finanzi tas-17-il Stat Membru taż-żona tal-euro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (il-MES). Dak it-Trattat isegwi d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE tal-25 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (10). Huwa previst li, sal-2013, il-MES ser jassumi l-kompiti li bħalissa qed jassumu l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (l-EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (l-EFSM). |
(10) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-programm ta’ self għall-Greċja u l-fondi tal-Unjoni u jappoġġa l-isforzi kollha biex tiżdied il-kapaċità tal-Greċja li tassorbi l-fondi tal-Unjoni sabiex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi, billi tiffoka mill-ġdid fuq it-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew laqa’ u appoġġa t-tħejjija, min-naħa tal-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika għall-Greċja. Din l-emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (11) tikkontribwixxi għal dawn l-isforzi biex jissaħħu s-sinerġiji. |
(11) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, jiġu aċċellerati l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni kkonċernati u jiżdied l-impatt tal-fondi fuq l-ekonomija, jeħtieġ li r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR titħalla tiżdied sa 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-Għan tal-Konverġenza u tiżdied sa 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom. |
(12) |
Skont il-prinċipji ġenerali applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ir-rati miżjuda ta’ kofinanzjament japplikaw biss għall-ħlasijiet li għandhom isiru wara li l-programmi rispettivi tal-iżvilupp rurali, inklużi l-pjanijiet finanzjarji l-ġodda, ikunu ġew approvati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-proċedura li biha l-Istati Membri jistgħu jużaw dik il-possibbiltà u l-mekkaniżmu li bih se tkun żgurata l-proċedura. |
(13) |
Iż-żieda temporanja fir-rati ta’ kofinanzjament għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċaw l-Istati Membri kollha, u dawk ir-restrizzjonijiet baġitarji li għandhom jiġu riflessi b’mod adatt fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, ladarba l-għan ewlieni tal-mekkaniżmu huwa li jiġu indirizzati diffikultajiet speċifiċi attwali, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata fiż-żmien, għan-nefqa tal-aġenziji tal-ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2013. |
(14) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq. |
(15) |
Minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament mal-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, wara l-paragrafu 4b għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“4c. B’deroga mil-limiti massimi stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5, il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tista’ tiżdied sa massimu ta’ 95 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-Għan tal-Konverġenza, fir-reġjuni l-iktar imbiegħda u fil-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew, u sa massimu ta’ 85 % tal-infiq pubbliku eliġibbli fir-reġjuni l-oħra. Dawn ir-rati għandhom japplikaw għall-infiq eliġibbli li jkun għadu kemm ġie ddikjarat f’kull dikjarazzjoni ċċertifikata tal-infiq li jkun sar matul il-perjodu li fih Stat Membru jkun konformi ma’ kundizzjoni minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (*), jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament; |
(b) |
għajnuna finanzjarja għal perjodu medju taż-żmien titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (**); |
(c) |
l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. |
Stat Membru li jkun jixtieq juża d-deroga pprovduta fl-ewwel subparagrafu għandu jressaq talba lill-Kummissjoni biex jiġi emendat il-programm tal-iżvilupp rurali tiegħu kif ikun xieraq. Id-deroga għandha tapplika minn meta l-Kummissjoni tapprova l-emenda tal-programm u għandha tieqaf tapplika malli l-Istat Membru ma jibqax jissodisfa kwalunkwe mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu. Fi kwalunkwe każ, id-deroga li tinsab fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika biss għall-ispejjeż li saru mill-aġenziji tal-ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2013.
Meta d-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu tieqaf tapplika, l-Istat Membru għandu jibgħat proposta lill-Kummissjoni biex il-programm jiġi modifikat, inkluż pjan ta’ finanzjament ġdid li jkun konformi mar-rati massimi applikabbli qabel id-deroga.
Jekk Stat Membru ma jressaqx lill-Kummissjoni proposta biex jiġi emendat il-programm tal-iżvilupp rurali tiegħu, inkluż pjan ta’ finanzjament ġdid, fid-data li fiha d-deroga ma tibqax tapplika f’konformità mat-tieni subparagrafu, jew jekk il-pjan ta’ finanzjament innotifikat ma jkunx konformi mar-rati massimi stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5, dawk ir-rati għandhom jibdew japplikaw awtomatikament minn dik id-data ‘l quddiem.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
M. KOROLEC
(1) L-Opinjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta Diċembru 2011.
(3) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.
(5) ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.
(8) ĠU L 79, 25.3.2009, p. 39.
(9) ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.
(11) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.