Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0690

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/690/PESK tat- 22 ta’ Ottubru 2007 li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja

    ĠU L 282, 26/10/2007, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/690/oj

    26.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 282/62


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/690/PESK

    tat-22 ta’ Ottubru 2007

    li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/557/PESK tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu tiegħu, flimkien ma’ l-Artikolu 23(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/244/PESK dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/557/PESK dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja (2), li estendiet il-finanzjament għall-komponent ċivili tagħha sal-31 ta’ Ottubru 2007.

    (2)

    Sakemm issir it-transizzjoni tal-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana għal operazzjoni ibrida tan-NU/UA (UNAMID), ġie deċiż li l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja titkompla sal-31 ta’ Diċembru 2007.

    (3)

    Ir-Riżoluzzjoni 1769 tal-KSNU tal-31 ta’ Lulju 2007 tistipula li t-trasferiment ta’ l-awtorità (TOA) mill-AMIS għall-UNAMID huwa biex l-intervent isir qabel il-31 ta’ Diċembru 2007.

    (4)

    Fil-21 ta’ Settembru 2007, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-komponent ċivili ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja għandu jingħalaq fid-data li fiha jsir it-trasferiment ta’ l-awtorità mill-AMIS għall-UNAMID.

    (5)

    Fir-rigward tal-komponent ċivili, il-Kunsill għandu konsegwentement jiddeċiedi dwar il-finanzjament tal-kontinwazzjoni ta’ din l-azzjoni ta’ appoġġ skond il-limiti ta’ żmien iddefiniti hawn fuq.

    (6)

    L-azzjoni ta’ appoġġ ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub biex ikopri l-infiq relatat ma’ l-implimentazzjoni tat-Taqsima II ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK mill-1 ta’ Mejju 2007 sat-30 ta’ April 2008 għandu jkun ta’ EUR 2 125 000. Dan l-ammont għandu jkopri l-perijodu tal-mandat attwali tal-Missjoni ta’ l-UA fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan (AMIS II) u l-perijodu ta’ likwidazzjoni sussegwenti tal-komponent ċivili ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

    Ċittadini ta’ stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għal kuntratti.

    3.   L-infiq għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Mejju 2007.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/244/PESK tat-23 ta’ April 2007 qed tiġi b’dan revokata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 22 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. SILVA


    (1)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46, Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2007/245/PESK (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 65).

    (2)  ĠU L 106, 24.4.2007, p. 63.


    Top