Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0415

2009/415/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

ĠU L 135, 30.5.2009, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/09/2017; Imħassar b' 32017D1789

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/415/oj

30.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2009

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

(2009/415/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Greċja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi pubbliċi.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1) (li tagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tistipula deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Hija mmirat li tiżgura b’mod partikolari li l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies bis-sħiħ fl-istadji kollha fil-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jappoġġja l-linji politiċi tal-gvern għal treġġigħ lura malajr għal pożizzjoni baġitarja soda li tikkunsidra l-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) u wara li qieset l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat opinjoni ta’ din ix-xorta lill-Kunsill fir-rigward tal-Greċja fl-24 ta’ Marzu 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jgħid li l-Kunsill għandu jikkunsidra kwalunkwe osservazzjonijiet li l-Istat Membru kkonċernat jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni globali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Greċja, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(7)

L-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fil-Greċja laħaq it-3,5 % tal-PGD fl-2007, u għalhekk qabeż il-valur ta’ referenza tat-3 % tal-PGD. Skont it-tbassir intermedju tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali mingħajr il-miżuri ta’ darba huwa stmat li huwa ta’ 3,6 % tal-PGD fl-2008 (jew 3,4 % tal-PGD inklużi l-miżuri ta’ darba). Din l-istima msejsa fuq rata ta’ tkabbir tal-PGD reali ta’ 2,9 % fl-2008 u tikkunsidra l-aħħar tagħrif dwar l-eżekuzzjoni tal-Liġi Baġitarja 2008. Għall-2009, it-tbassir intermedju tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009 jipproġetta l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali mingħajr il-miżuri ta’ darba għal 4,4 % tal-PGD (3,7 % inkluż id-dħul ta’ darba) abbażi ta’ projezzjoni ta’ tkabbir ta’ 0,2 % fil-PGD reali u abbażi ta’ evalwazzjoni prudenti tal-Liġi Baġitarja tal-2009 approvata mill-Parlament fil-21 ta’ Diċembru. Imsejjes fuq l-istess assunzjoni politika tas-soltu u waqt li qed jiġi assunt li jitwaqqfu l-miżuri ta’ darba, l-iżbilanċ tal-2010 huwa projettat għal 4,2 % tal-PGD. Għalhekk, il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat ma jintlaħaqx.

(8)

Id-dejn pubbliku gross kien ta’ 94,8 % tal-PGD fl-2007 u ta’ 94,6 % tal-PGD fl-2008, ferm ‘il fuq mill-valur ta’ referenza fit-Trattat ta’ 60 % tal-PGD. Skont it-tbassir intermedju ta’ Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon ta’ dejn pubbliku għandu jiżdied aktar sa 96,25 % fl-2009 u 98,5 % tal-PGD sal-2010. Il-livelli attwali ta’ żbilanċ u l-istimi ta’ tkabbir fit-terminu l-medju mhumiex kompatibbli ma’ proporzjon ta’ dejn li jikkonverġi ma’ livell ‘l isfel minn 60 % tal-PGD. Il-proporzjon ta’ dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos biżżejjed u li qed joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti fi ħdan it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 104(6) jekk il-kundizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju – tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Greċja, din il-kundizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni kumplessiva jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE mibgħuta lill-Greċja huma disponibbli fuq il-websajt:

http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2


Top