EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE5212
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — 5G for Europe: An action plan’ (COM(2016) 588 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2016) 588 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2016) 588 final)
ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74–79
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 125/74 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”
(COM(2016) 588 final)
(2017/C 125/11)
Relatur uniku: |
Mihai MANOLIU |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni, 24.11.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Adottata fis-sezzjoni |
11.1.2017 |
Adottata fil-plenarja |
26.1.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
522 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
199/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jqis opportun li jappoġġja l-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-ewwel netwerks 5G (sal-2018) u t-tnedija ta’ servizzi kummerċjali fl-Ewropa (sal-aħħar tal-2020). |
1.2 |
Skont il-KESE, il-fatturi determinanti ser ikunu s-suċċess tal-proġetti mwettqa fil-qafas tas-Sħubija Pubblika-Privata għall-infrastrutturi 5G (il-5G-PPP) matul il-fażi tar-riċerka u l-integrazzjoni tan-netwerks fronthaul man-netwerks backhaul tat-trażmissjoni tad-data permezz tal-produzzjoni ta’ swiċċijiet ta’ kapaċità għolja, ta’ rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni u ta’ proċessuri li jinsabu fil-cloud filwaqt li jintużaw diversi fornituri tal-aċċess għall-internet. |
1.3 |
Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Istati Membri u mal-korpi ta’ livell internazzjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi tekniċi relatati mal-frekwenzi u l-faxxa tal-frekwenzi (bandwidth), kif ukoll biex jiġu żviluppati standards (mingħajr standards speċifiċi, mhu ser ikun hemm l-ebda żvilupp fuq skala kbira u għalhekk mhux ser ikun hemm kummerċjalizzazzjoni ta’ tagħmir bi prezz raġonevoli). |
1.4 |
Il-KESE huwa konxju tar-riskji possibbli (diversi fatturi jistgħu fil-fatt joħolqu ostakli biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti) għaż-żoni urbani kollha u r-rotot ewlenin tat-trasport li, fil-ġejjieni, ser jibbenefikaw minn kopertura tal-5G. Il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu d-domanda għadhom ma wrewx li huma effikaċji fil-provvista ta’ servizzi f’dawn iż-żoni. |
1.5 |
Il-Kumitat jappoġġja l-kumpens, permezz ta’ investimenti pubbliċi jew soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament, għan-nuqqas ta’ investiment privat fiż-żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa ta’ xi Stati Membri. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li meta wieħed jivvaluta l-merti tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament pubbliku, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti sekondarji (spill-over) tagħhom fuq l-ekonomija lokali, it-teleħidma, il-provvista tal-kura tas-saħħa u l-opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni. |
1.6 |
Il-KESE jirrakkomanda l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u d-definizzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għall-fażijiet kollha tal-proġett 5G bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet ta’ xogħol ġusti. L-imsieħba soċjali jistgħu jevalwaw oġġettivament kemm in-nuqqasijiet kif ukoll il-livell ta’ progress għall-kisba tal-miri stabbiliti. |
1.7 |
Il-KESE huwa tal-fehma li n-netwerks 5G, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom bħalma huma l-interoperabbiltà, it-trasparenza u s-sigurtà tad-data, jistgħu jikkontribwixxu ħafna għall-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u t-tnaqqis tal-burokrazija. |
1.8 |
Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jkollhom l-SMEs fil-qasam diġitali. Fil-fatt, dawn huma kapaċi jintroduċu mudelli ġodda ta’ innovazzjoni fis-suq; il-finanzjament pubbliku ta’ ċerti raggruppamenti virtwali ddedikati għall-SMEs jista’ jkun soluzzjoni biex jiġu apoġġjati n-negozji ġodda u opportunità li m’għandhiex titwarrab, b’mod parallel għall-mudelli ta’ finanzjament innovattivi u personalizzati. |
1.9 |
Fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp tal-ħiliet informatiċi taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b’mod partikolari għandu jkun prijorità għall-Unjoni Ewropea. L-azzjoni tal-UE dwar l-istrateġija għall-ħiliet diġitali u l-koalizzjoni kbira għall-impjiegi fis-settur diġitali joħolqu rabtiet bejn l-imsieħba soċjali, il-professjonisti tal-edukazzjoni u atturi soċjali oħra kompetenti f’dan il-qasam. Il-KESE jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni b’diżabilità, li għalihom għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet neċessarji biex jiġi żgurat aċċess faċli għat-teknoloġiji ġodda marbutin mal-5G. |
1.10 |
Il-KESE jitlob li l-investiment li jistrieħ fuq il-Fondi Strutturali joħloq kundizzjonijiet ugwali għall-Istati Membri kollha u aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-operaturi ekonomiċi kollha. |
1.11 |
Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u bosta negozji fiż-żoni rurali u mbiegħda tal-Ewropa ġew imwiegħda b’mod konsistenti broadband aktar veloċi u netwerks mobbli 3/4G, iżda dawn il-wegħdiet qatt ma nżammu. Jekk iż-żoni rurali, remoti u muntanjużi u l-gżejjer tal-Ewropa għandu jkollhom futur, mela ċertament li għandhom id-dritt li jitolbu għal aċċess għal mill-inqas broadband 5Mb u komunikazzjoni mobbli 3/4G. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Fl-opinjonijiet tiegħu kollha, il-KESE appoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ICT bħala prerekwiżit għat-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali bħala mutur għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE. Il-KESE japprezza l-impenn tal-Kummissjoni sabiex jinħolqu netwerks tal-5 ġenerazzjoni (teknoloġija taċ-ċirkwit integrat għan-netwerk tal-mowbajl) u jappoġġja l-passi li ħadet sa mill-fażi tar-riċerka. Bħalma huwa l-każ għal kwalunkwe prodott jew servizz ġdid, l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu jinkludu għadd ta’ riskji u opportunitajiet li għandhom jiġu evalwati b’mod oġġettiv, sabiex jiġu implimentati l-linji ta’ politika l-aktar adatti biex jintlaħqu r-riżultati mixtieqa. |
2.2 |
Minkejja li hija bbażata fuq it-teknoloġija attwali, il-ġenerazzjoni 5G m’għandhiex titħawwad mal-4G, li tista’ tinkludi diversi teknoloġiji globali avvanzati bħal-LTE u l-LTE Advanced (TD-LTE, AXGP, LTE-A, TD-LTE-A, LTE b’VoLTE), WiMax, WiMAx2, Network Function Virtualization/Software Defined Network (NFV/SDN), HetNets (Heterogeneous Networks) u l-LPLT (Low Power Low Throughput network). |
2.3 |
Meta mqabbla mal-4G, il-kwalità prinċipali tat-teknoloġija 5G tinsab fil-veloċità ħafna iktar għolja tagħha (Samsung ħabbar veloċità ta’ 7,5 Gbps, Nokia ta’ 10 Gbps, filwaqt li l-Università ta’ Surrey fir-Renju Unit, is-sena l-oħra ddikjarat li laħqet veloċità sorprendenti ta’ 1 Tbps, li titqabbel ma’ dak li huwa possibbli bil-fibra ottika, u dawn ir-riżultati kollha nkisbu f’kundizzjonijiet tal-laboratorju). Minbarra l-veloċità, il-latenza baxxa (latenza inferjuri għal 1 millisekonda ggarantita fuq in-netwerks prinċipali) u l-kapaċità għolja jikkostitwixxu progressi importanti ħafna. Fil-każ fejn ma jistax jintlaħaq livell ta’ latenza inferjuri għal 1 millisekonda f’kundizzjonijiet reali, parti mis-servizzi assoċjati mat-teknoloġija 5G (ir-realtà miżjuda, ir-realtà virtwali, karrozzi mingħajr xufier, internet tattili) ma tistax tiġi assigurata bil-karatteristiċi meħtieġa. |
2.4 |
Fl-istess ħin, ir-reazzjonijiet tal-partijiet interessati kollha fis-suq ser jiddependu minn dawn il-karatteristiċi tekniċi mistennija. Għandu jitfakkar li, meta mxejna min-netwerk 2G għat-3G, l-aspettattivi rigward l-aċċess tal-utenti tat-telefonija ċellulari għall-internet ma mmaterjalizzawx. Kienu biss meta l-kapaċitajiet tekniċi speċifiċi tat-3,5G setgħu jintużaw, li l-kombinazzjoni ta’ smart phones u netwerks tal-broadband mobbli ppermettiet l-aċċess għall-internet fuq dan l-apparat. |
2.5 |
In-netwerks 5G u n-netwerks tal-fibra ottika huma komplementari. Fuq id-distanzi qosra u fiż-żoni li fihom hemm għadd kbir ta’ konnessjonijiet, il-5G hija soluzzjoni aħjar. Għat-trasferiment tal-informazzjoni fuq distanza twila, in-netwerks tal-fibra ottika (tat-tip backhaul u backbone) għandhom benefiċċji insuperabbli: veloċità ta’ trażmissjoni li tasal sa 1 Tb, m’hemmx riskji ta’ interferenza ma’ sinjali elettromanjetiċi oħra li jniġġsu l-ambjent u jolqtu t-teknoloġiji bla fili, u s-sinjal ma jonqosx matul it-trażmissjoni. |
2.6 |
L-istandardizzazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa kemm għat-tagħmir u l-apparat kif ukoll għan-netwerks hija fattur ewlieni fit-tħassib tal-intrapriżi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu f’dan il-qasam. L-ispeċifikazzjonijiet jipprovdu struzzjonijiet li jippermettu li jiġu ttestjati u vvalidati komponenti tekniċi importanti għall-5G. L-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet jagħti lill-imsieħba industrijali, lill-fornituri ta’ komponenti u ta’ netwerks u lill-operaturi l-possibbiltà li jiġu żviluppati soluzzjonijiet interoperabbli, u jikkontribwixxi għall-proċess ta’ prestandardizzazzjoni. Waqt li l-ITU, it-3GPP u korpi oħra tal-istandardizzazzjoni ddeċidew li l-2020 ser tkun is-sena sa meta jistgħu jiġu definiti l-istandards 5G, il-fornituri tat-telefonija ċellulari żiedu l-isforzi tagħhom bil-għan li jagħtu l-aktar offerta kompetittiva ta’ servizzi 5G. |
2.7 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjani ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-5G u l-użu tagħha fuq skala kbira għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ inizjattivi ta’ appoġġ (sabiex tiġi stimulata d-domanda għall-internet bil-broadband bi prezzijiet raġonevoli għall-utenti) u dawk operattivi, b’mod li dawn l-iskadenzi ottimisti jkunu jistgħu jintlaħqu. |
2.8 |
Il-KESE jinsab imħasseb li dan l-iżvilupp (in-netwerks tal-5G) jista’ jirriżulta fit-twaqqif ta’ żviluppi eżistenti tat-3G u l-4G f’żoni rurali, remoti u bil-muntanji għall-unika raġuni li hemm xi ħaġa aħjar li qed titwiegħed xi darba fl-20 sena li ġejja. |
2.9 |
F’ħafna partijiet tal-Ewropa m’hemmx sinjali tal-mowbajl, u lanqas 2G, 3G jew 4G. Ir-raġuni hija li kull darba li jsiru disponibbli teknoloġiji ġodda, tieqaf l-implimentazzjoni tal-verżjonijiet preċedenti, u dan ifisser li ħafna żoni rurali, imbiegħda u muntanjużi tal-Ewropa għandhom servizzi tal-komunikazzjoni li skadew 20 sena ilu. |
2.10 |
L-użu ta’ broadband superveloċi ser isir parti ntegrali min-netwerk 5G, iżda x’jiġri jekk in-negozji ma jkollhomx broadband tal-fibra superveloċi u l-veloċità tan-netwerk bil-wajers tagħhom tkun ta’ inqas minn 1Mb? Is-setturi tal-agrikoltura u l-foresterija u ħafna negozji fiż-żoni rurali u mbiegħda tal-Ewropa ġew imwiegħda b’mod konsistenti broadband aktar veloċi u netwerks tal-mobile 3/4G, iżda dawn il-wegħdiet qatt ma nżammu. |
2.11 |
Hija problema komuni madwar l-Ewropa li jgħixu ftit nies mifruxin fuq żona kbira, u tiġi msemmija minn fornituri bħala r-raġuni għala dawn iż-żoni ma jistgħux jirċievu s-servizz. Jekk iż-żoni rurali, remoti, muntanjużi u tal-gżejjer tal-Ewropa se jkollhom futur, mela ċertament li għandhom id-dritt li jitolbu għal aċċess għal mill-inqas 5Mb broadband u 3/4G komunikazzjoni mobbli. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 |
L-ispejjeż li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda huma enormi. Il-KESE jenfasizza li l-ħtiġijiet ta’ investiment fl-UE jaqbżu sew il-valur tal-investiment ippjanat (EUR 4,2 biljun) fil-qafas tas-sħubija pubblika-privata li fiha hija involuta l-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi finanzjarji, umani u tekniċi jekk din il-kwistjoni tibqa’ tħassib permanenti, jekk jiġi implimentat qafas ta’ inċentivi għall-investimenti privati u jekk l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri jkunu kkoordinati perfettament. Azzjoni 1 — Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija biex jistabbilixxu, fuq bażi volontarja, programm ta’ ħidma għat-tnedija tan-netwerks 5G mill-aktar fis possibbli |
3.2 |
L-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnedija tal-ewwel netwerks 5G sal-aħħar tal-2018, segwita mit-tnedija tas-servizzi kummerċjali 5G fl-Ewropa sa l-aħħar tal-2020, jiddependu l-aktar mir-riżultati tal-proġetti mwettqa fil-qafas tal-5G-PPP matul il-fażi ta’ riċerka. Fost dawn, il-proġett 5GXCrosshaul, li għandu l-għan li jintegra n-netwerks fronthaul (netwerks 5G mingħajr fili) man-netwerks backhaul (netwerks li fil-parti l-kbira huma magħmula mill-fibra ottika) għat-trażmissjoni tad-data, huwa ta’ importanza kruċjali. Hemm bżonn li jinħolqu swiċċijiet ta’ kapaċità kbira, rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni, proċessuri li jinsabu fil-cloud (ċentri żgħar ta’ data) u punti ta’ preżenza ta’ netwerks bażiċi ta’ fornitur wieħed jew aktar tas-servizzi tal-internet. Azzjonijiet 2 u 3 — Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex (sa tmiem l-2016) tidentifika lista provviżorja ta’ baned tal-ispettru “pijunieri” għall-ewwel tnedija tas-servizzi 5G, u (sa tmiem l-2017) taqbel fuq is-sett kollu tal-baned tal-ispettru li jridu jiġu armonizzati għall-ewwel introduzzjoni tan-netwerks 5G kummerċjali fl-Ewropa |
3.3 |
Peress li l-frekwenzi użati mit-teknoloġiji 3G u 4G huma staġnati, is-soluzzjoni tal-problemi tekniċi relatati mal-frekwenzi u l-faxex ta’ frekwenzi għall-5G hija imperattiva fuq skala globali. Minbarra l-kollaborazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis ukoll il-miżuri li diġà ttieħdu fil-livell internazzjonali mill-korpi kompetenti. Għall-5G, l-ITU u t-3GPP, li jlaqqgħu flimkien il-korpi tal-istandards tat-telekomunikazzjonijiet bħall-ARIB, l-ATIS, l-ETSI, it-TSDSI, it-TTA, it-TTC u s-CCSA, qablu dwar pjan f’żewġ stadji: ir-riċerka qabel kollox, segwita mill-iżvilupp fuq skala kbira. Azzjoni 4 Bħala parti mill-iżvilupp tal-pjani direzzjonali nazzjonali tal-5G, il-Kummissjoni ser taħdem mal-industrija kkonċernata, mal-Istati Membri kif ukoll ma’ partijiet interessati oħra (kopertura tal-5G li ma jkollhiex interruzzjonijiet sal-2025) |
3.4 |
L-għan tal-UE, li huwa li tiġi żgurata kopertura tal-5G fiż-żoni urbani kollha u fl-assi ewlenin tat-trasport ta’ kull Stat Membru sal-2025, ser ikun diffiċli li jintlaħaq. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa riskjuż ħafna li titħabbar il-kisba ta’ għanijiet ambizzjużi f’qasir żmien. L-analiżi tal-implimentazzjoni tan-netwerks ta’ aċċess tal- ġenerazzjoni ġdida (Next Generation Network) u ta’ politiki biex jitnaqqas id-distakk diġitali wriet li ż-żoni bla kopertura u żoni ambigwi, kif definiti fil-linji gwida għan-netwerks ta’ veloċità kbira, huma saħansitra akbar. La l-leġislazzjoni ex ante u lanqas il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu d-domanda ma ppermettew li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi tal-broadband f’dawn iż-żoni. |
3.5 |
Il-KESE jenfasizza li l-promozzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti li jimplimentaw in-netwerks 5G permezz ta’ tnaqqis fil-finanzjament iddestinat għan-netwerks tal-fibra ottika (netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss NGA u NGN) jistgħu jwasslu biex jiżdied id-distakk diġitali bejn ir-reġjuni ta’ ċerti Stati. In-nuqqas ta’ investiment privat fin-netwerks 5G u fin-netwerks tal-fibra ottika fir-reġjuni remoti u f’reġjuni fejn il-popolazzjoni hija baxxa jew mifruxa, li jirrifletti redditu limitat tal-kapital investit, għandu jiġi kkumpensat minn investimenti pubbliċi jew l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament definiti fil-livell nazzjonali. Fil-promozzjoni ta’ miżuri ta’ finanzjament pubbliċi, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti sekondarji (spill-over) fuq l-ekonomiji lokali, it-teleħidma, is-servizzi tas-saħħa u l-opportunitajiet fl-edukazzjoni. Azzjoni 5 Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri u lill-industrija kkonċernata biex jistabbilixxu għanijiet ta’ standardizzazzjoni (standards inizjali sal-aħħar tal-2019) |
3.6 |
Kif inhuma, il-pjani relatati mal-5G ma jistgħux jipproteġu la lin-netwerk u lanqas lill-utenti. Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni, hemm bżonn li n-netwerks u l-proċeduri jiġu standardizzati. L-iżgurar ta’ segwitu tal-infrastrutturi tan-netwerk 5G, is-separazzjoni tan-netwerk ta’ ġestjoni min-netwerk tas-servizzi, l-iżvilupp ta’ proċeduri preċiżi f’każ ta’ inċident, kif ukoll proċessi oħra jistgħu jippermettu li jiġi żgurat livell ottimali ta’ sigurtà, kemm għall-utenti kif ukoll għall-infrastrutturi tan-netwerk. It-testijiet ta’ sigurtà huma essenzjali. Il-protokolli ta’ interazzjoni kollha jridu jaħdmu tajjeb, anki f’każ ta’ piraterija (il-pirati jfittxu kontinwament biex isibu u jisfruttaw il-punti vulnerabbli tal-prodotti). |
3.7 |
Il-KESE jemmen li l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri fi ħdan il-proċessi industrijali u l-eżistenza ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tagħmir huma kundizzjonijiet essenzjali jekk irridu nibnu relazzjonijiet ta’ xogħol ġusti fl-intrapriżi tas-settur. L-imsieħba soċjali jistgħu jevalwaw oġġettivament il-kawżi ta’ kwalunkwe nuqqasijiet u jikkontribwixxu għar-rettifiki meħtieġa, kif ukoll għall-kisba tal-għanijiet imsemmija. F’diversi opinjonijiet preċedenti, il-KESE diġà stqarr li standardizzazzjoni eċċessiva tista’ xxekkel il-progress f’dan il-qasam. Azzjoni 6 Sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ ekosistemi diġitali bbażati fuq il-konnettività tal-5G, jeħtieġ li jiġu ppjanati esperimenti teknoloġiċi ewlenin u l-ittestjar ta’ applikazzjonijiet permezz tal-5G-PPP (2017), kif ukoll li jitfasslu pjani direzzjonali dettaljati dwar it-twettiq ta’ testijiet li jsiru qabel il-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni (Marzu 2017) (2018: l-Ewropa – mexxejja globali fit-tnedija tal-5G) |
3.8 |
L-ittestjar fl-aktar stadju bikri tat-terminals u l-applikazzjonijiet fil-livell Ewropew jista’ jikkostitwixxi vantaġġ għall-atturi ewlenin fix-xena globali. Mil-lat kummerċjali, l-introduzzjoni fuq skala kbira tal-5G jirrikjedi sensiela ta’ prekundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li jekk ma jiġux adottati standards speċifiċi, mhu ser ikun hemm l-ebda żvilupp fuq skala kbira, li mingħajr żvilupp, l-ebda apparat mhu ser jiġi kkummerċjalizzat bi prezz affordabbli, u li nuqqas ta’ tagħmir ifisser nuqqas ta’ komponenti essenzjali għall-5G. |
3.9 |
Il-KESE tkellem dwar waħda mill-isfidi ewlenin relatata mal-5G, jiġifieri li jiġi attirat l-investiment għal żvilupp u implimentazzjoni fuq skala kbira, fid-dawl tal-fatt li t-teknoloġija tal-4G, li l-parti l-kbira tal-utenti jitfixkluha mal-istandard LTE, ser tkompli turi potenzjal konsiderevoli fil-futur u li l-investimenti tal-operaturi fin-netwerks LTE x’aktarx jiġġeneraw dħul finanzjarju. |
3.10 |
Fl-Ewropa, il-migrazzjoni tan-netwerks 3G lejn il-4G għadha limitata, meta mqabbla mal-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Huwa possibbli li l-operaturi u l-utenti jagħtu preferenza lin-netwerks 4G, u dan iktar u iktar peress li l-iżvilupp attwali ta’ dawn tal-aħħar ser ikompli irrispettivament mill-5G, sabiex kull waħda mit-teknoloġiji li tikkostitwixxi l-4G tkun tista’ tiġġenera benefiċċji kwantifikabbli għall-operaturi fis-snin li ġejjin, bi spejjeż ferm aktar baxxi minn dawk relatati mal-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida. Azzjoni 7 Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jużaw l-infrastruttura tal-5G futura biex itejbu l-prestazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni li jużaw sabiex jiġu garantiti s-sigurtà pubblika, il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru (pjani direzzjonali nazzjonali dwar il-5G) |
3.11 |
Il-KESE huwa konvint li n-netwerks 5G jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-isfruttar tad-data u għall-interoperabbiltà. Il-fatt li l-Istati Membri jitħeġġu jappoġġjaw l-użu mill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-infrastruttura tal-5G futura jippermetti li jiġu promossi netwerks ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tesplora wkoll il-possibbiltà li jsir investiment regolari bil-għan li jinbidel it-tagħmir użat kuljum mill-persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-għan li jintwera wkoll ir-rwol tal-konsumatur li hija beħsiebha taqdi sabiex tippromovi l-5G. Barra minn hekk, għandha tiġi indirizzata l-istess rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-investimenti pubbliċi. |
3.12 |
Waqt li jemmen li huwa indispensabbli għall-UE li tattira l-investiment privat, il-KESE jirrakkomanda li jitfassal pakkett ta’ politiki li jistimulaw mhux biss ir-riċerka, iżda wkoll l-innovazzjoni. Il-Kunsill tal-UE inkarigat mill-innovazzjoni jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, flimkien ma’ bosta possibbiltajiet oħra. |
3.13 |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha bi prijorità timpenja ruħha li tippromovi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-UE, li tinkoraġġixxi l-intrapriżi Ewropej biex iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea u li tattira investituri oħra barra mill-UE. Matul il-perjodu 2007-2015, il-fondi esportati mill-intrapriżi Ewropej għal skopijiet ta’ riċerka u żvilupp żdiedu. Din iż-żieda fl-esportazzjonijiet barra mill-Ewropa (iċ-Ċina saret il-benefiċjarju prinċipali tal-infiq mill-intraprizi fir-riċerka u l-iżvilupp), flimkien ma’ tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ fondi destinati għar-riċerka u l-iżvilupp, ikkontribwixxew għal tnaqqis fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa. Azzjoni 8 Il-Kummissjoni ser taħdem mal-industrija kkonċernata kif ukoll mal-Grupp tal-BEI/FEI (finanzjament tal-SMEs), sabiex tiddefinixxi l-objettivi, il-konfigurazzjoni u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament permezz ta’ kapital ta’ riskju (fattibbiltà evalwata sa Marzu 2017, finanzjament privat u sorsi differenti ta’ finanzjament pubbliku) |
3.14 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tinkoraġġixxi lill-intraprendituri fil-qasam diġitali. Il-Forum Politiku Ewropew dwar l-intraprenditorija diġitali, stabbilit fl-2014, ippubblika r-riżultati tal-ħidma tiegħu f’dan il-qasam. Il-KESE huwa konvint li l-SMEs jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ innovazzjoni. Il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament li għandhom l-għan li joħolqu u jiżviluppaw raggruppamenti virtwali ta’ innovazzjoni għall-SMEs huma soluzzjoni ta’ appoġġ għan-negozji innovattivi Ewropej żgħar, li jkollhom jużaw fondi pubbliċi biex jiżviluppaw is-servizzi u l-applikazzjonijiet, u dan jirrappreżenta opportunità sinifikanti. |
3.15 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b’mod partikolari, għandu jibqa’ prijorità għall-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ netwerks 5G. L-azzjoni tal-UE dwar il-ħiliet diġitali u l-qafas ta’ referenza Ewropew tal-ħiliet informatiċi għadhom rilevanti. |
3.16 |
Il-KESE jqis li l-koalizzjoni kbira għall-impjiegi fis-settur diġitali, li tlaqqa’ l-imsieħba soċjali, il-professjonisti tal-edukazzjoni u partijiet interessati pubbliċi u privati oħra, tikkostitwixxi għodda li tista’ tiġbed iktar żgħażagħ fis-settur tal-ICT. L-aċċess diffiċli tal-gruppi żvantaġġjati għas-servizzi tan-netwerk 5G u għall-applikazzjonijiet speċifiċi, minħabba l-kapaċità tal-akkwist baxxa tagħhom, ser jirrappreżenta fil-ġejjieni sfida strateġika għall-UE. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni b’diżabbiltà, li għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment it-tagħmir u t-teknoloġiji ġodda li ser jiġu żviluppati mill-manifatturi. |
3.17 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjani ta’ investiment ibbażati fuq il-Fondi Strutturali għandhom jipprevedu kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri kollha. Il-kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-proġetti għandhom jiżguraw aċċess ibbilanċjat u mhux diskriminatorju tal-Istati Membri u tal-atturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. Sabiex jiġi evitat li jiġu approfonditi d-differenzi diġitali bejn l-Istati Membri, li jistgħu jippreġudikaw l-għan li jinħoloq Suq Uniku Diġitali fl-UE, il-KESE jirrakkomanda analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ Juncker. Jeħtieġ li nitgħallmu min-nuqqasijiet identifikati, b’mod li d-deċiżjoni politika dwar il-finanzjament tan-netwerks 5G tkun waħda mill-fatturi ewlenin biex tissaħħaħ il-koeżjoni fi ħdan l-UE. |
3.18 |
Barra r-riskji marbuta mal-prestazzjonijiet tekniċi tan-netwerks l-ġodda, kif ukoll mal-politiki u d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi u r-riskji kummerċjali minħabba l-isfida li jirrappreżentaw l-investimenti f’teknoloġiji ġodda jew it-tkomplija ta’ investimenti bil-għan li jittejbu s-sistemi eżistenti (in-netwerk 4G għandu jilħaq il-punt ta’ saturazzjoni fl-2030), l-investituri għandhom jeżaminaw bir-reqqa fatturi oħra qabel ma jiddeċiedu jekk għandhomx jinvestu jew le. |
3.19 |
Il-kontroll permanenti tal-progress li sar fl-introduzzjoni tan-netwerks 5G ser jippermetti li jissolvew in-nuqqasijiet li jirriżultaw inevitabbilment fil-perjodu li jissepara l-valutazzjonijiet ex ante mill-valutazzjonijiet ex post, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni, wieħed dwar il-brevetti essenzjali għall-istandards (20 % minnhom huma proprjetà ta’ organizzazzjonijiet Ewropej) u l-ieħor, is-sehem tas-suq ta’ mill-inqas 35 % miżmum mill-fornituri Ewropej tal-infrastruttura tan-netwerk 5G. |
Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS