Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0548

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
C.G. vs Bezirkshauptmannschaft Landeck.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ investigazzjoni tar-reati kriminali, is-sejbien jew prosekuzzjoni fil-qasam – Direttiva (UE) 2016/680 – Punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘pproċessar’ – Artikolu 4 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4(1)(c) – Prinċipju ta’ ‘minimizzazzjoni tad-data’ – Artikoli 7, 8 u 47 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit li limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun ‘prevista mil-liġi’ – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-elementi kollha relevanti – Stħarriġ preliminari minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti – Artikolu 13 – Informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data jew li għandha tingħatalu – Limiti – Artikolu 54 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur jew il-proċessur – Investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi – Tentattiv ta’ żblokkar ta’ telefon ċellulari mill-awtoritajiet tal-pulizija, sabiex jaċċedu, għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, għad-data li tinsab f’dan it-telefon.
Kawża C-548/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:830

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ investigazzjoni tar-reati kriminali, is-sejbien jew prosekuzzjoni fil-qasam – Direttiva (UE) 2016/680 – Punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘pproċessar’ – Artikolu 4 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4(1)(c) – Prinċipju ta’ ‘minimizzazzjoni tad-data’ – Artikoli 7, 8 u 47 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit li limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun ‘prevista mil-liġi’ – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-elementi kollha relevanti – Stħarriġ preliminari minn qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti – Artikolu 13 – Informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data jew li għandha tingħatalu – Limiti – Artikolu 54 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur jew il-proċessur – Investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi – Tentattiv ta’ żblokkar ta’ telefon ċellulari mill-awtoritajiet tal-pulizija, sabiex jaċċedu, għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, għad-data li tinsab f’dan it-telefon”

Fil-Kawża C‑548/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

CG

vs

Bezirkshauptmannschaft Landeck,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi-President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb (relatur), I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, K. Ibili u E. Riedl, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. P. B. Jespersen, V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u Y. T. Thyregod Kollberg, bħala aġenti, T. Thyregod Kollberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Lane, bħala aġenti, assistiti minn R. Farrell, SC, D. Fennelly, BL, u D. O’Reilly, solicitor,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel, A.-L. Desjonquères, u J. Illouz, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn J. Lundberg, H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn F. Bergsjø, H. Busch, K. Moe Winther u P. Wennerås, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, S. L. Kalėda, H. Kranenborg u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11, 41 u 47 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CG u l-Bezirkshauptmannschaft Landeck (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Landeck, l-Awstrija) dwar is-sekwestru tat-telefon ċellulari ta’ CG mill-awtoritajiet tal-pulizija u tat-tentattivi tagħhom, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi, li jiżblokkaw dan it-telefon sabiex jaċċedu għad-data li tinsab fih.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2002/58

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jistipula:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

[...]

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[FUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE], u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi konċernati” jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

6

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-[Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-[TUE].”

Id‑Direttiva (UE) 2016/680

7

Il-premessi 2, 4, 7, 10, 11, 15, 26, 37, 44, 46 u 104 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, 4.5.2016, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-prinċipji ta’, u r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Direttiva hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[...]

(4)

Il-fluss liberu ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni [Ewropea] u t-trasferiment ta’ tali data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu jkun iffaċilitat filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. Dawk l-iżviluppi jirrikjedu l-bini ta’ qafas b’saħħtu u iżjed koerenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, appoġġat minn infurzar qawwi.

[...]

(7)

L-iżgurar ta’ livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-data personali ta’ persuni fiżiċi u l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ data personali bejn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri hija kruċjali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni effettiva ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija. Għal dak il-għan, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha tirrikjedi t-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw id-data personali, kif ukoll setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar ta’ konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Membri.

[...]

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

(11)

Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta’ din id-Direttiva, japplika r-[Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2,][...]. [I]r-Regolament [2016/679] għalhekk japplika f’każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. [...]

[...]

(15)

Sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi permezz ta’ drittijiet li jistgħu jiġu infurzati legalment fl-Unjoni kollha u sabiex jiġu evitati diverġenzi li jxekklu l-iskambju ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti, din id-Direttiva għandha tipprovdi għal regoli armonizzati għall-protezzjoni u l-moviment liberu ta’ data personali proċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri ma għandhiex tirriżulta fi tnaqqis tal-protezzjoni tad-data personali li jipprovdu iżda għandha, bil-kontra, tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti.

[...]

26.

[...] Id-data personali għandha tkun adegwata u rilevanti għall-iskopijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandu, b’mod partikolari, jiżgura li d-data personali miġbura ma tkunx eċċessiva u ma tinżammx għal aktar żmien minn dak meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet ipproċessata. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. [...]

[...]

(37)

Data personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dik id-data personali għandha tinkludi data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, fejn l-użu tat-terminu ‘oriġini razzjali’ f’din id-Direttiva ma jimplikax li l-Unjoni taċċetta teoriji li jippruvaw jiddeterminaw l-eżistenza ta’ razez umani separati. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, sakemm l-ipproċessar ma jkunx soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data stabbiliti bil-liġi u sakemm ma jkunx permess f’każijiet awtorizzati bil-liġi; jew jekk mhux diġà awtorizzati minn tali liġi l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra; jew l-ipproċessar huwa relatat ma’ data li ssir pubblika b’mod ċar mis-suġġett tad-data. Salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jistgħu jinkludu l-possibbiltà li dik id-data tinġabar biss b’rabta ma’ data oħra dwar l-il-persuna fiżika kkonċernata, il-possibbiltà li tkun żgurata b’mod adatt id-data miġbura, regoli aktar stretti dwar l-aċċess tal-persunal tal-awtorità kompetenti għad-data u l-projbizzjoni tat-trażmissjoni ta’ dik id-data. L-ipproċessar ta’ tali data għandu wkoll ikun permess bil-liġi meta s-suġġett tad-data jkun qabel b’mod espliċitu mal-ipproċessar li, b’mod partikolari jinvadi l-privatezza tiegħu. Madankollu, il-kunsens mis-suġġett tad-data ma għandux fih innifsu jipprovdi bażi legali għall-ipproċessar ta’ tali data personali sensittiva mill-awtoritajiet kompetenti.

[...]

(44)

L-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra informazzjoni għas-suġġetti tad-data jew jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, l-aċċess għad-data personali tagħhom sa fejn u sakemm tali miżura tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex jiġi evitat it-tfixkil f’inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali, sabiex ikun evitat li jiġu preġudikati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, sabiex tiġi protetta s-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, jew sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra. Il-kontrollur għandu jivvaluta, permezz ta’ eżami konkret u individwali ta’ kull każ, jekk id-dritt tal-aċċess għandux ikun parzjalment jew totalment ristrett.

[...]

(46)

Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tikkonforma mal-Karta u mal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rispettivament, u b’mod partikolari għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

[...]

(104)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif imħaddna fit-TFUE, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Il-limitazzjonijiet imposti fuq dawn id-drittijiet huma skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta billi huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra.”

8

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.   Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

a)

jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u,

b)

jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.”

9

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

[...]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

a)

matul attività li taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[...]”

10

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2.

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[...]

7.

‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)

kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

b)

kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

[...]”

11

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680 intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

a)

ipproċessata b’mod legali u ġust;

b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[...]”

12

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:

a)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

b)

persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

c)

vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; u

d)

partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).”

13

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, huwa redatt kif ġej:

“L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:

a)

fejn awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

b)

biex jiġu protetti l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra; jew

c)

fejn tali pproċessar ikun relatat ma’ data li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data.”

14

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jagħmel tal-inqas l-informazzjoni li ġejja disponibbli għas-suġġett tad-data:

a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur;

b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

c)

il-finijiet tal-ipproċessar li għalih id-data personali tkun maħsuba;

d)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità superviżorja;

e)

l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali, dwar is-suġġett tad-data.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri li ġejja biex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu:

a)

il-bażi legali għall-ipproċessar;

b)

il-perijodu li għalih ser tinħażen id-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi determinat dak il-perijodu;

c)

fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri tad-data personali, inkluż f’pajjiż terz jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

d)

fejn meħtieġ, informazzjoni ulterjuri, b’mod partikolari fejn id-data personali tinġabar mingħajr ma jkun jaf is-suġġett tad-data.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[...]”

15

L-Artikolu 54 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f’dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

Id-dritt Awstrijak

16

L-Artikolu 27(1) tas-Suchtmittelgesetz (il-Liġi dwar id-Drogi), tal‑5 ta’ Settembru 1997 (BGBl. I,112/1997), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Kull min, b’mod illegali

1.

Jakkwista, jippossjedi, jipproduċi, jittrasporta, jimporta, jesporta jew joffri, jagħti jew jipprokura drogi lil persuna oħra,

[...]

huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija sa sena jew għal multa li tista’ tammonta għal multa ta’ mhux iktar minn 360 jum.

[...]”

17

L-Artikolu 17 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali) tal‑1 ta’ Jannar 1975 (BGBl., 60/1974), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“StGB”), jipprovdi:

“(1)   Id-delitti huma atti intenzjonali suġġetti għall-ħabs għal għomor il-persuna jew għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn tliet snin.

(2)   Il-ksur l-ieħor kollu huwa reat.”

18

L-Artikolu 18 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) tat‑30 ta’ Diċembru 1975 (BGBl., 631/1975), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“StPO”), jipprovdi:

“(1)   Il-pulizija ġudizzjarja hija responsabbli għal kompiti fis-servizz tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali (punt 6 tal-Artikolu 10(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali)).

(2)   L-investigazzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tas-sigurtà, li l-organizzazzjoni u l-kompetenza territorjali tagħhom huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tas-Sicherheitspolizeigesetz (il-Liġi dwar il-Pulizija tas-Sigurtà) relatati mal-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tas-sigurtà pubblika.

(3)   Il-korpi tas-servizz tas-sigurtà pubblika (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tas-Sicherheitspolizeigesetz [(il-Liġi dwar il-Pulizija tas-Sigurtà)] jiżguraw is-servizz eżekuttiv tal-pulizija ġudizzjarja, li jikkonsisti fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni tar-reati kriminali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

[...]”

19

L-Artikolu 99(1) tas-StPO jipprovdi:

“Il-pulizija ġudizzjarja twettaq investigazzjonijiet ex officio jew fuq il-bażi ta’ ilment; għandha tikkonforma ruħha mal-ordnijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-qrati (Artikolu 105(2)).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Fit‑23 ta’ Frar 2021, waqt li kienu qiegħdin iwettqu kontroll fil-qasam tad-drogi, uffiċjali mill-uffiċċju doganali ta’ Innsbruck (l-Awstrija) issekwestraw pakkett indirizzat lil CG. li kien fih 85 gramma kannabis. Dan il-pakkett intbagħat, sabiex jiġi eżaminat, lill-kummissarjat ċentrali tal-pulizija ta’ St. Anton am Arlberg (l-Awstrija).

21

Fis‑6 ta’ Marzu 2021, żewġ uffiċjali tal-pulizija ta’ dan il-kummissarjat għamlu tfittxija fir-residenza ta’ CG, li matulha huma staqsewh dwar min bagħat l-imsemmi pakkett u fittxew ir-residenza tiegħu. Matul din il-perkwiżizzjoni, l-aġenti tal-pulizija talbu aċċess għad-data ta’ konnessjoni tat-telefon ċellulari ta’ CG. Wara r-rifjut tal-persuna kkonċernata, dawn l-uffiċjali tal-pulizija ssekwestraw dan it-telefon ċellulari, li kien fih karta SIM u karta SD, u taw lil CG avviż tas-sekwestru.

22

Sussegwentement, l-imsemmi telefon ċellulari ngħata, sabiex jiġi żblokkat, lil espert tal-uffiċju tal-pulizija tad-distrett ta’ Landeck (l-Awstrija). Peress li dan ma rnexxilux jiżblokka t-telefon ċellulari inkwistjoni, dan tal-aħħar intbagħat lill-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Ġudizzjarja) ta’ Vjenna (l-Awstrija), fejn sar tentattiv ġdid li jiġi żblokkat.

23

Is-sekwestru tat-telefon ċellulari ta’ CG kif ukoll it-tentattivi ulterjuri ta’ użu ta’ dan it-telefon saru fuq l-inizjattiva proprja tal-uffiċjali tal-pulizija kkonċernati, mingħajr ma dawn ġew awtorizzati sabiex jagħmlu dan mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew minn imħallef.

24

Fil‑31 ta’ Marzu 2021, CG ippreżenta rikors quddiem il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż sabiex jiġi kkontestat is-sekwestru tat-telefon ċellulari tiegħu. Dan tal-aħħar ingħata lura lil CG fl‑20 ta’ April 2021.

25

CG ma ġiex immedjatament informat bit-tentattivi ta’ użu tat-telefon ċellulari tiegħu. Huwa sar jaf b’dan biss meta l-uffiċjal tal-pulizija li pproċeda bis-sekwestru ta’ dan it-telefon ċellulari u sussegwentement beda l-proċeduri sabiex tintuża d-data diġitali fuqu, ġie interrogat bħala xhud fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn it-tentattivi lanqas ġew dokumentati fil-fajl tal-pulizija ġudizzjarja.

26

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, fid-dawl tal-punti 52 sa 61 tas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788), u tal-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat għad-data kollha li tinsab f’telefon ċellulari, jiġifieri d-data ta’ konnessjoni, il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, ir-ritratti u l-istorja tan-navigazzjoni, li jistgħu jipprovdu stampa ddettaljata ħafna u fil-fond ta’ kważi l-oqsma kollha tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, jikkostitwixxu ndħil tant serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 li, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, dan l-aċċess għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra r-reati serji.

27

F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li r-reat li huwa akkużat bih CG fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa previst fl-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar id-Drogi u punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena u jikkostitwixxi biss reat, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-Artikolu 17 tas-StGB.

28

Fit-tieni lok, wara li fakkret it-tagħlim li jirriżulta mill-punti 48 sa 54 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 18 tal-Artikolu 99(1) tas-StPO, li jipprovdu li, matul proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, il-pulizija ġudizzjarja tista’ tikseb, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ mħallef jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat għad-data diġitali kollha li tinsab f’telefon ċellulari.

29

Fit-tielet u l-aħħar lok, wara li enfasizzat li l-Artikolu 18 tas-StPO, moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tas-StPO, ma jipprevedi ebda obbligu, għall-awtoritajiet tal-pulizija, li jiddokumentaw il-miżuri ta’ sfruttament diġitali ta’ telefon ċellulari, jew ukoll li jinformaw lill-proprjetarju tiegħu bl-eżistenza ta’ tali miżuri, b’tali mod li dan ikun jista’, jekk ikun il-każ, jopponi dan permezz ta’ rimedju ġudizzjarju preventiv jew a posteriori, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tas-StPO mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 15(1) (possibbilment flimkien mal-Artikolu 5) tad-Direttiva 2002/58/KE […], kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 25 ta’ Novembru 2009 […], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal data maħżuna fuq telefon ċellulari jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-[Karta] li hija tant kbira li l-aċċess għandu jkun limitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-dete[n]zjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra reati kriminali serji?

2)

L-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva 2002/58], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 18 tal-[StPO] […], moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tiegħu, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet ta’ sigurtà jiksbu huma stess, mingħajr awtorizzazzjoni ta’ qorti jew ta’ korp indipendenti amministrattiv, aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat tad-data diġitali kollha maħżuna fuq telefon ċellulari matul proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali??

3)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], possibbilment moqri flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, mill-perspettiva tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 18 tal-[StPO], moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tiegħu, li tawtorizza l-analiżi diġitali ta’ telefon ċellulari mingħajr ma l-persuna kkonċernata tiġi avżata qabel jew, minn tal-inqas, wara li tittieħed il-miżura?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31

Fl‑20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju li permezz tagħha stiednet lil din il-qorti tindikalha jekk id-Direttiva 2016/680 setgħetx tkun rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, tesponilha d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva fid-dritt Awstrijak li jistgħu japplikaw f’dan il-każ.

32

Fil‑11 ta’ Novembru 2021, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba billi indikat b’mod partikolari li r-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva kellhom jiġu osservati f’din il-kawża. Din ir-risposta ġiet innotifikata, flimkien mad-deċiżjoni tar-rinviju, lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

33

Fit‑8 ta’ Novembru 2022, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-parteċipanti fil-fażi orali tal-proċedura sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq id-Direttiva 2016/680 u sabiex iwieġbu, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, għal ċerti domandi relatati ma’ din id-direttiva.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

34

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2023, il-Gvern Awstrijak ressaq talba għar-rettifika ta’ dawn il-konklużjonijiet għar-raġuni li huma jippreżentaw b’mod ineżatt il-pożizzjoni li esprima fl-osservazzjonijiet tiegħu kemm bil-miktub kif ukoll orali u li jinkludu żbalji ta’ natura fattwali.

35

Fil-fatt, skont dan il-gvern, minn naħa, il-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, moqri flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 tagħhom, jagħti x’jifhem li, skont l-imsemmi gvern, tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680. Issa, l-istess gvern sostna l-kuntrarju, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi qabel b’mod espliċitu mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tgħid li minn interpretazzjoni sistematika ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-għanijiet tagħha, jirriżulta li din tirregola mhux biss l-ipproċessar fil-veru sens tal-kelma, iżda wkoll operazzjonijiet li jseħħu fi stadju preċedenti għalihom, bħal tentattiv ta’ pproċessar, mingħajr ma l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tentattiv ta’ pproċessar ikun intlaħaq b’suċċess.

36

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak isostni li l-punt 27 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huwa bbażat fuq fatti żbaljati, sa fejn jagħti x’jifhem li t-tentattivi ta’ proċessar imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza ma ġewx iddokumentati fil-fajl tal-pulizija ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jippreċiża li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta minn dan il-punt 27 kif ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa espona, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li dawn it-tentattivi ta’ pproċessar kienu tniżżlu f’żewġ rapporti mfassla mill-uffiċjali tal-pulizija responsabbli mill-investigazzjoni fil-kawża prinċipali u li dawn ir-rapporti kienu, sussegwentement, ġew inklużi fil-fajl tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Mejju 2023, it-talba tal-Gvern Awstrijak intiża sabiex tinkiseb ir-rettifika tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

38

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, f6 Cigarettenfabrik, C‑336/22, EU:C:2024:226, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat.

40

Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha, wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, l-elementi invokati mill-Gvern Awstrijak insostenn tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża.

41

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-elementi ta’ natura fattwali msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddetermina jekk il-fatti humiex ipprovati, iżda sempliċement għandha tinterpreta dispożizzjonijiet relevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 36). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jsiru mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

43

Diversi partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura kkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha jew ta’ wħud mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

44

Fl-ewwel lok, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Svediż isostnu li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li hija ma tinkludix il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti.

45

Fit-tieni lok, il-Gvern Awstrijak isostni, minn naħa, li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 99 tas-StPO, moqrija flimkien, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux il-kundizzjonijiet li fihom għandu jsir l-użu ta’ mezzi ta’ data miġbura, dawn id-domandi ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Huwa jsostni, min-naħa l-oħra, li, skont id-dritt Awstrijak, digriet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa neċessarju sabiex jiġi ssekwestrat telefon ċellulari jew sabiex isir tentattiv ta’ aċċess għal data li tinsab f’dan it-telefon. Din il-qorti għandha għalhekk tikkonstata ksur tad-dritt Awstrijak, b’tali mod li d-domandi magħmula mill-imsemmija qorti ma humiex neċessarji għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u li, għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

46

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa f’dan l-Artikolu 94(a) u (b) in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-imsemmi Artikolu 94(c), li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntest fattwali, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-awtoritajiet tal-pulizija Awstrijaċi, wara li ssekwestraw it-telefon ċellulari ta’ CG fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-pulizija fil-qasam tat-traffiku ta’ drogi, ippruvaw, darbtejn, ikollhom jaċċedu għad-data li tinsab f’dan it-telefon, fuq inizjattiva tagħhom, mingħajr ma kellhom awtorizzazzjoni minn qabel mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew minn qorti għal dan l-għan. Hija ppreċiżat ukoll li CG kien sar jaf bit-tentattivi ta’ aċċess għad-data li tinsab fit-telefon ċellulari tiegħu biss fil-mument meta sema’ x-xhieda ta’ uffiċjal tal-pulizija. Fl-aħħar nett, hija indikat li lanqas dawn it-tentattivi ta’ aċċess ma kienu ddokumentati fil-fajl ikkostitwit mill-pulizija ġudizzjarja.

50

Fir-rigward tal-qafas regolatorju, din il-qorti ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hija semmiet fid-deċiżjoni tar-rinviju kienu jippermettu tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr ma din il-possibbiltà tiġi limitata biss għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, mingħajr ma dan it-tentattiv ta’ aċċess jiġi suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti u mingħajr ma jipprevedu li s-suġġetti tad-data jiġu informati bl-imsemmi tentattiv, b’mod partikolari sabiex ikunu jistgħu joġġezzjonaw għalih permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.

51

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ppreċiżat, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 29 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tippreżenta t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u r-rabta li, fil-fehma tagħha, teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta msemmija f’din it-talba u dawk tad-dritt Awstrijak applikabbli, fil-fehma tagħha, għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

52

L-elementi msemmija fil-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza jippermettu għalhekk li jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

53

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak imsemmija fit-tieni u fit-tielet domanda preliminari ma humiex rilevanti u li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata ksur ta’ dan id-dritt, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tagħhom mogħtija mill-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak huma applikabbli għall-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ta’ qorti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa permess mid-dritt Awstrijak. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

55

Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

56

Il-Gvern Awstrijak isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari peress li dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 15(1) tad-Direttiva 2002/58, filwaqt li huwa ċar li din id-direttiva ma tapplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Waqt is-seduta, diversi gvernijiet sostnew li formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi preliminari fir-rigward tad-Direttiva 2016/680 ma hijiex possibbli. B’mod partikolari, il-Gvern Awstrijak enfasizza li l-fatt li din l-aħħar direttiva ma kienx fiha dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-Artikoli 5 u 15 (1) tad-Direttiva 2002/58 kien jipprekludi din il-formulazzjoni mill-ġdid. Il-Gvern Franċiż sostna, min-naħa tiegħu, li s-setgħa ta’ riformulazzjoni tad-domandi preliminari hija llimitata mid-dritt, għall-Istati Membri, li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fil-fatt, skont dan il-gvern tal-aħħar, dan id-dritt ikun imċaħħad minn kull effettività jekk il-kuntest ġuridiku tal-proċedura jkun jista’ jinbidel radikalment waqt il-formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, li, meta l-Istati Membri jimplimentaw direttament miżuri li jidderogaw mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data tas-suġġetti tad-data ma taqax taħt id-Direttiva 2002/58, iżda taħt id-dritt nazzjonali biss, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 48, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 103).

58

Issa, huwa paċifiku li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-tentattiv ta’ aċċess għal data personali li tinsab f’telefon ċellulari direttament mill-awtoritajiet tal-pulizija, mingħajr ma jkun intalab ebda intervent minn fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

59

Għaldaqstant, huwa ċar li din it-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda preliminari.

60

Madankollu għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta li tkun utli għaliha u li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domandi tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba ta’ estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija), C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 47].

61

Effettivament, il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun, formalment, ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Ċertament, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra kkonċernati l-possibbiltà li jressqu osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, b’risposta għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar indikat li d-Direttiva 2016/680 kienet applikabbli għall-kawża prinċipali. Il-partijiet ikkonċernati setgħu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jieħdu pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u r-rilevanza tagħha għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fid-dawl tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-parteċipanti fil-fażi orali tal-proċedura sabiex iwieġbu, matul din is-seduta, għal ċerti mistoqsijiet relatati mal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, hija stednithom jieħdu pożizzjoni dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar sabiex jirrispondu għall-ewwel domanda preliminari kif ukoll fuq dik tal-Artikoli 13 u 54 tal-istess direttiva sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

64

Konsegwentement, il-fatt li l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u mhux tad-Direttiva 2016/680 ma jipprekludix il-formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti, għal din il-kawża, ta’ din l-aħħar direttiva u, għaldaqstant, għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi.

65

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Irlanda kif ukoll tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern Norveġiż li tentattiv ta’ aċċess għal data personali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, peress li din tapplika biss għall-ipproċessar effettivament imwettaq.

66

Dawn il-gvernijiet isostnu, f’dan ir-rigward, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma hijiex utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, l-istess bħal dik tal-Karta, sa fejn din tapplika biss meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

67

Madankollu, meta ma jkunx manifest li l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bħalma huwa l-każ tad-Direttiva 2016/680 f’dan il-każ, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att għat-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin,C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk tentattiv ta’ aċċess, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għad-data li tinsab f’telefon ċellulari jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 għal tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari

69

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva “tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)” tagħha, jiġifieri, b’mod partikolari, “il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali”.

70

Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ipproċessar” bħala li jinkludi “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, bħal irkupru, konsultazzjoni” jew ukoll “it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor”.

71

Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 u b’mod partikolari mill-użu tal-espressjonijiet “kwalunkwe attività”, “sett ta’ attivitajiet” u “it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor ” jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “pproċessar” u, għaldaqstant, lill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata min-natura mhux eżawrjenti, espressa mill-frażi “bħal”, tat-tranżazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).

72

Dawn l-elementi testwali jimmilitaw għalhekk favur interpretazzjoni fis-sens li, meta l-awtoritajiet tal-pulizija jissekwestraw telefon u jimmanipulawh għal finijiet ta’ estrazzjoni u ta’ konsultazzjoni tad-data personali li tinsab f’dan it-telefon, huma jibdew ipproċessar, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, anki jekk dawn l-awtoritajiet ma jaslux, għal raġunijiet tekniċi, sabiex jaċċedu għal din id-data.

73

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jaqa’ taħtu l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tinġabar għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 122). Issa, l-effettività ta’ dan il-prinċipju teżiġi neċessarjament li l-għan tal-ġbir jiġi ddeterminat sa mill-istadju meta l-awtoritajiet kompetenti jippruvaw jaċċedu għal data personali peress li tali tentattiv, jekk jirnexxi, huwa ta’ natura li jippermettilhom, b’mod partikolari, li jiġbru, iwettqu estrazzjoni ta’ jew jikkonsultaw immedjatament id-data inkwistjoni.

74

Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2016/680, din hija intiża b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 4, 7 u 15 tagħha, sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi.

75

Issa, dan l-għan jitqiegħed inkwistjoni jekk tentattiv ta’ aċċess għal data personali li tinsab f’telefon ċellulari ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala “ipproċessar” ta’ din id-data. Fil-fatt, interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/680 f’dan is-sens tesponi lill-persuni kkonċernati minn tali tentattiv ta’ aċċess għal riskju kbir li ksur tal-prinċipji stabbiliti minn din id-direttiva ma jkunx jista’ jiġi evitat iktar.

76

Għandu jiġi rrilevat ukoll li tali interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici, C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, interpretazzjoni li tgħid li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/680 tiddependi mis-suċċess tat-tentattiv ta’ aċċess għal data personali li tinsab f’telefon ċellulari toħloq kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll għall-partijiet fil-kawża inċertezza inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, minn awtoritajiet tal-pulizija għall-finijiet ta’ investigazzjoni f’materji kriminali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

78

Il-qorti tar-rinviju rreferiet espressament, fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha, minn naħa, għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jirrikjedi b’mod partikolari li l-miżuri leġiżlattivi li huwa jippermetti l-adozzjoni tagħhom mill-Istati Membri, li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti f’diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxu miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali — jiġifieri s-sigurtà tal-Istat — id-difiża u s-sigurtà pubblika, jew li jiġu żgurati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta.

79

Fit-tieni lok, qabel kollox, skont l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali hija adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata. B’hekk din id-dispożizzjoni teżiġi l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, li jagħti espressjoni lil dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Minn dan isegwi li, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ data personali fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, u ż-żamma tagħha mill-awtoritajiet tal-pulizija, għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, għandhom, bħal kull ipproċessar li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, josservaw dan l-aħħar prinċipju (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali u li ma tissuġġettax l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

82

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2016/680, filwaqt li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tad-data personali solida u koerenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom, irrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE, din id-direttiva hija intiża li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 75).

83

Għal dan l-għan, id-Direttiva 2016/680 hija intiża b’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi.

84

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif tenfasizza l-premessa 104 tad-Direttiva 2016/680, il-limitazzjonijiet li din id-direttiva tippermetti li jiġi impost fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8 tal-Karta, kif ukoll għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, protett mill-Artikolu 7 ta’ din il-Karta, għandhom jiġu interpretati konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tagħha, li jinkludu l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 33).

85

Fil-fatt, dawn id-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u għandhom jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali għandha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tal-istess drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bis-saħħa ta’ dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-limitazzjonijiet inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li pproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-pulizija intiża għat-trażżin ta’ reat kriminali, bħal tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għandu jitqies, bħala prinċipju, li jissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

87

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, ir-rekwiżit tan-natura neċessarja ta’ tali limitazzjoni, kif tenfasizza, essenzjalment, il-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali msemmi jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra, li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ħtieġa huwa ssodisfatt meta l-għan imfittex mill-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, in-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li tirriżulta minn tali pproċessar, dan jimplika bbilanċjar tal-elementi kollha relevanti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punti 6263 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt tali elementi, il-gravità tal-limitazzjoni hekk magħmula għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni, li tiddependi min-natura u mis-sensittività tad-data li għaliha l-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti jista’ jkollhom aċċess, l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni, ir-rabta li għandu l-proprjetarju tat-telefon ċellulari mar-reat kriminali inkwistjoni jew ukoll ir-rilevanza tad-data inkwistjoni sabiex jiġu kkonstatati l-fatti.

91

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti jaċċedu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, għad-data li tinsab f’telefon ċellulari.

92

Tali aċċess jista’ jirrigwarda, skont il-kontenut tat-telefon ċellulari inkwistjoni u tal-għażliet magħmula minn dawn l-awtoritajiet tal-pulizija, mhux biss data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, iżda wkoll ritratti u l-istorja ta’ navigazzjoni fuq l-internet magħmula b’dan it-telefon, jew anki parti mill-kontenut tal-komunikazzjonijiet magħmula bl-imsemmi telefon, b’mod partikolari billi jinqraw il-messaġġi miżmuma fih.

93

L-aċċess għal tali ġabra ta’ data jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, bħall-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, l-ispostamenti ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ din il-persuna u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnha.

94

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li d-data li tinsab f’telefon ċellulari tista’ tinkludi data partikolarment sensittiva, bħal data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi u t-twemmin reliġjuż jew filosofiku, peress li din is-sensittività tiġġustifika l-protezzjoni speċifika li teħtieġ fir-rigward tagħha l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li testendi wkoll għal data li tiżvela indirettament, fi tmiem proċess intellettwali ta’ deduzzjoni jew ta’ approssimazzjoni, informazzjoni ta’ din in-natura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 344).

95

L-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jista’ jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu għalhekk jitqies li huwa serju, jew saħansitra partikolarment serju.

96

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-importanza tal-għan imfittex, għandu jiġi enfasizzat li l-gravità tar-reat li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-parametri ċentrali waqt l-eżami tal-proporzjonalità tal-indħil serju li jikkostitwixxi l-aċċess għad-data personali li tinsab f’telefon ċellulari u li jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata.

97

Madankollu, li jitqies li hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tista’ tiġġustifika l-aċċess għal data li tinsab f’telefon ċellulari jwassal sabiex jiġu llimitati s-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tad-Direttiva 2016/680, fir-rigward ta’ reati kriminali b’mod ġenerali. Minn dan tirriżulta żieda fir-riskju ta’ impunità għal tali reati, fid-dawl tal-importanza li tali data jista’ jkollha għall-investigazzjonijiet kriminali. Għalhekk, tali limitazzjoni tmur kontra n-natura speċifika tal-kompiti mwettqa minn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, enfasizzata fil-premessi 10 u 11 tagħha, u tippreġudika l-għan tal-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni mfittex minn din id-direttiva.

98

Għaldaqstant, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bla ħsara għar-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi”, peress li dan ir-rekwiżit jimplika li l-bażi legali li tawtorizza tali limitazzjoni tiddefinixxi l-portata tagħha b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 65).

99

Sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddefinixxi b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi, b’mod partikolari n-natura jew il-kategoriji tar-reati kkonċernati, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

100

Fir-rigward, it-tielet nett, tar-rabta eżistenti bejn il-proprjetarju tat-telefon ċellulari u r-reat kriminali inkwistjoni kif ukoll tar-rilevanza tad-data inkwistjoni sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna kkonċernata” jkopri kategoriji differenti ta’ persuni, jiġifieri, essenzjalment, il-persuni ssuspettati, għal raġunijiet serji, li wettqu jew li ser iwettqu reat kriminali, il-persuni li nstabu ħatja ta’ reat kriminali, il-vittmi jew il-vittmi potenzjali ta’ tali reati, kif ukoll it-terzi għal reat kriminali li jistgħu jintalbu jixhdu waqt investigazzjonijiet relatati ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u sa fejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data kkonċernati.

101

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-aċċess għal data li tinsab fit-telefon ċellulari tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni kriminali, bħal fil-kawża prinċipali, huwa importanti li l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli fir-rigward tagħha, fis-sens li hija wettqet, twettaq jew għandha l-intenzjoni li twettaq reat, jew ukoll li hija involuta b’xi mod jew ieħor f’tali reat, tkun sostnuta minn elementi oġġettivi u suffiċjenti.

102

Huwa b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat f’kull każ konkret billi jiġu bbilanċjati l-elementi rilevanti kollha li huwa essenzjali li, meta l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data personali jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju, jew saħansitra partikolarment gravi, fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

103

Dan l-istħarriġ minn qabel jeħtieġ l-ewwel nett, li l-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata li twettqu jkollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ investigazzjoni kriminali, tali stħarriġ jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess.

104

Dan l-istħarriġ indipendenti, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, għandu jsir qabel kull tentattiv ta’ aċċess għad-data kkonċernata, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-imsemmi stħarriġ għandu jsir f’termini qosra. Fil-fatt, stħarriġ ulterjuri ma jippermettix li jintlaħaq l-għan ta’ stħarriġ minn qabel, li jikkonsisti f’li jiġi prekluż li jiġi awtorizzat aċċess għad-data inkwistjoni li jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

105

B’mod partikolari, il-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti, li tintervjeni fil-kuntest ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq wara talba motivata għal aċċess li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, għandha tkun tista’ tirrifjuta jew tirrestrinġi dan l-aċċess meta hija tikkonstata li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi l-imsemmi aċċess ikun sproporzjonat fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti.

106

Rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, mill-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti, għandu għalhekk jitwettaq jekk, fid-dawl tal-gravità tal-ksur u tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni, ma jidhirx iġġustifikat aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet jew għal data sensittiva.

107

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li l-għan tiegħu huwa li jiżgura protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar li jista’ joħloq, kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, riskji importanti għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 10, ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ tali data huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa ta’ legalità għall-ipproċessar ta’ data sensittiva, fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) u (c) u mill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, li jirreferu biss għall-“ħtieġa” ta’ pproċessar ta’ data li jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49 punti 116 u 117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108

Għalhekk, minn naħa, l-użu tal-avverbju “biss” quddiem l-espressjoni “meta verament ikun meħtieġ” jenfasizza li l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 10, jista’ jitqies bħala meħtieġ biss f’numru limitat ta’ każijiet. Min-naħa l-oħra, in-natura “assoluta” tan-neċessità ta’ pproċessar ta’ tali data timplika li din in-neċessità għandha tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 118).

109

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, matul proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, l-awtoritajiet tal-pulizija Awstrijaċi huma awtorizzati jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari. Barra minn hekk, hija tippreċiża li dan l-aċċess ma huwiex suġġett, bħala prinċipju, għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti. Madankollu, hija biss din il-qorti li għandha tislet il-konsegwenzi mill-preċiżazzjonijiet magħmula b’mod partikolari fil-punti 102 sa 108 ta’ din is-sentenza fil-kawża prinċipali.

110

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, jekk din il-leġiżlazzjoni:

tiddefinixxi b’mod preċiż biżżejjed in-natura jew il-kategoriji tar-reati kkonċernati,

tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u

tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti.

Fuq it-tielet domanda

111

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk CG kellhiex tiġi informata bit-tentattivi ta’ aċċess għad-data li tinsab fit-telefon ċellulari tagħha sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

112

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/680 huma, minn naħa, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”.

113

Huwa importanti wkoll li jitfakkar, kif tenfasizza l-premessa 104 tad-Direttiva 2016/680, li l-limitazzjonijiet magħmula minn din id-direttiva għad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, protetti rispettivament mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tagħha, li jinkludu l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

114

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 13 u 54 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam kriminali jippruvaw jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari mingħajr ma jinformaw lill-persuna kkonċernata b’dan.

115

Mill-Artikolu 13(2)(d) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, bħall-identità tal-kontrollur, il-finalità ta’ dan l-ipproċessar u d-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, bil-liġi, li l-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari meta d-data personali tinġabar mingħajr ma dan is-suġġett tad-data jkun jaf.

116

Madankollu, l-Artikolu 13(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/680 jawtorizza lil-leġiżlatur nazzjonali jillimita l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata skont il-paragrafu 2, jew li ma jipprovdix din l-informazzjoni “sa fejn u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata”, b’mod partikolari, sabiex “ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali” jew “ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali”.

117

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, li jagħti espressjoni lill-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jipprevedu li l-persuna li tikkunsidra li d-drittijiet tagħha previsti fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-direttiva nkisru minħabba l-ipproċessar tad-data personali tagħha mwettaq bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet ikollha dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

118

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi, bħala prinċipju, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità superviżorja), C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 58).

119

Għalkemm dan id-dritt ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u għalkemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għalih, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, li dawn josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità superviżorja),C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 59).

120

Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 115 sa 119 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu ġew awtorizzati, minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jaċċedu għad-data miżmuma li għandhom jinformaw lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, bil-motivi li fuqhom hija bbażata din l-awtorizzazzjoni, mill-mument li dan ma jkunx jista’ jikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet u li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2016/680. Din l-informazzjoni hija, fil-fatt, meħtieġa sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju, espliċitament previst fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Spetsializirana prokuratura (Żamma tad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni), C‑350/21, EU:C:2022:896, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali, kull dritt li tinkiseb tali informazzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Spetsializirana prokuratura (Żamma tad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni), C‑350/21, EU:C:2022:896, punt 71).

122

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li CG kien jaf li t-telefon ċellulari tiegħu kien ġie ssekwestrat meta l-awtoritajiet tal-pulizija Awstrijaċi pprovaw mingħajr suċċess jiżblokkawh sabiex jaċċedu għad-data li tinsab fih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-fatt li CG jiġi informat bil-fatt li dawn l-awtoritajiet kienu ser jippruvaw jaċċedu għal din id-data seta’ jippreġudika l-investigazzjonijiet, b’tali mod li kellu jiġi informat minn qabel.

123

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 13 u 54 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jipprovaw jaċċedu għal data li tinsab f’telefon ċellulari mingħajr ma jinformaw lis-suġġett tad-data, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal tali data, maħruġa minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti, mill-mument meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti iktar il-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet skont din id-direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

124

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jaċċedu għad-data li tinsab f’telefon ċellulari, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, jekk din il-leġiżlazzjoni::

tiddefinixxi b’mod preċiż biżżejjed in-natura jew il-kategoriji tar-reati kkonċernati,

tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u

tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti.

 

2)

L-Artikoli 13 u 54 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jipprovaw jaċċedu għal data li tinsab f’telefon ċellulari mingħajr ma jinformaw lis-suġġett tad-data, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal tali data, maħruġa minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti, mill-mument meta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti iktar il-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet skont din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top