Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2065

    Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    PE/30/2022/REV/1

    ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj

    27.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/1


    REGOLAMENT (UE) 2022/2065 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Ottubru 2022

    dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u speċjalment is-servizzi intermedjarji saru parti importanti tal-ekonomija tal-Unjoni u tal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għoxrin sena wara l-adozzjoni tal-qafas legali eżistenti applikabbli għal tali servizzi stabbilit fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mudelli u servizzi kummerċjali ġodda u innovattivi, bħal pereżempju networks soċjali online u pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, ippermettew lill-utenti kummerċjali u l-konsumaturi jipprovdu u jaċċessaw informazzjoni u jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet b'modi ġodda. Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni issa jużaw dawk is-servizzi kuljum. Madankollu, it-trasformazzjoni diġitali u ż-żieda fl-użu ta' dawk is-servizzi taw lok ukoll għal riskji u sfidi ġodda għal riċevituri individwali tas-servizz rilevanti, għall-kumpaniji u għas-soċjetà kollha kemm hi.

    (2)

    L-Istati Membri qed jintroduċu aktar u aktar, jew qed jikkunsidraw li jintroduċu, liġijiet nazzjonali dwar il-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, li jimponu, b'mod partikolari, rekwiżiti ta' diliġenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji fir-rigward tal-mod kif jenħtieġ li jindirizzaw il-kontenut illegali, id-diżinformazzjoni online jew riskji soċjetali oħra. Dawk il-liġijiet nazzjonali diverġenti jaffettwaw b'mod negattiv is-suq intern, li, skont l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa żona mingħajr fruntieri interni li tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, filwaqt li tqis in-natura intrinsikament transfruntiera tal-internet, li ġeneralment jintuża biex jiġu fornuti dawk is-servizzi. Il-kondizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi intermedjarji fis-suq intern jenħtieġ li jiġu armonizzati biex in-negozji jkollhom aċċess għal swieq u opportunitajiet ġodda biex jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern, filwaqt li l-konsumaturi u riċevituri oħra tas-servizzi jkollhom għażla akbar. L-utenti kummerċjali, il-konsumaturi u utenti oħra huma kkunsidrati "riċevituri tas-servizz" għall-fini ta' dan ir-Regolament.

    (3)

    Imġiba responsabbli u diliġenti mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji hija essenzjali għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli u biex iċ-ċittadini tal-Unjoni u persuni oħra jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà li wieħed imexxi negozju, id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u l-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

    (4)

    Għalhekk, biex jiġi salvagwardjat u jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett immirat ta' regoli obbligatorji fil-livell tal-Unjoni li jkunu uniformi, effettivi u proporzjonati. Dan ir-Regolament jipprevedi l-kondizzjonijiet li skonthom ikunu jistgħu jitfaċċaw u jespandu servizzi diġitali innovattivi fis-suq intern. L-approssimazzjoni tal-miżuri regolatorji nazzjonali fil-livell tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji hija meħtieġa biex tiġi evitata u tintemm il-frammentazzjoni tas-suq intern u biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, u b'hekk tonqos l-inċertezza għall-iżviluppaturi u titrawwem l-interoperabbiltà. Meta jintużaw rekwiżiti li huma newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, jenħtieġ li ma tiġix ostakolata l-innovazzjoni iżda minflok tiġi stimulata.

    (5)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta' ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jiġifieri kwalunkwe servizz normalment fornut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta' riċevitur. B'mod speċifiku, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, b'mod partikolari s-servizzi intermedjarji li jikkonsistu f'servizzi magħrufa bħala servizzi ta' "sempliċi conduit", "caching" u "hosting", minħabba li t-tkabbir esponenzjali tal-użu li jsir minn dawk is-servizzi, l-aktar għal kwalunkwe skop leġittimu u soċjalment ta' benefiċċju, żied ukoll ir-rwol tagħhom fl-intermedjazzjoni u fid-disseminazzjoni ta' informazzjoni u attivitajiet illegali jew dannużi b'xi mod ieħor.

    (6)

    Fil-prattika, ċerti fornituri tas-servizzi intermedjarji jintermedjaw fir-rigward ta' servizzi li jistgħu jew ma jistgħux jiġu fornuti b'mezzi elettroniċi, bħal pereżempju servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni mill-bogħod, servizzi ta' trasport, ta' akkomodazzjoni jew ta' konsenja. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għas-servizzi intermedjarji u li ma jaffettwax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali relatata mal-prodotti jew mas-servizzi intermedjati permezz tas-servizzi intermedjarji, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn is-servizz intermedjarju jikkostitwixxi parti integrali ta' servizz ieħor li mhuwiex servizz intermedjarju kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Biex tiġi żgurata l-effettività tar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq intern, jenħtieġ li dawk ir-regoli japplikaw għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom jew fejn jinsabu, diment li joffru servizzi fl-Unjoni, kif evidenzjat minn konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni.

    (8)

    Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jenħtieġ li titqies eżistenti meta l-fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment, fejn in-numru ta' riċevituri tas-servizz fi Stat Membru wieħed jew aktar jkun sinifikanti skont il-popolazzjoni tagħhom, jew abbażi tal-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jista' jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fatturi bħal pereżempju l-użu ta' lingwa jew munita li ġeneralment jintużaw f'dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi, jew l-użu ta' dominju rilevanti tal-ogħla livell. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista' jiġi determinat ukoll mid-disponibbiltà ta' applikazzjoni fil-ħanut tal-applikazzjonijiet nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta' reklamar lokali jew reklamar b’lingwa li tintuża f'dak l-Istat Membru, jew mill-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-klijenti bħal pereżempju billi jiġi pprovdut servizz tal-klijent b’lingwa li ġeneralment tintuża f'dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li tiġi preżunta konnessjoni sostanzjali wkoll meta fornitur tas-servizzi jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar fit-tifsira tal-Artikolu 17(1), punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). B'kuntrast għal dan, sempliċi aċċessibbiltà teknika ta' sit web mill-Unjoni ma tistax, għal dik ir-raġuni biss, titqies bħala stabbiliment ta' konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni.

    (9)

    Dan ir-Regolament jarmonizza bis-sħiħ ir-regoli applikabbli għas-servizzi intermedjarji fis-suq intern bil-għan li jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, filwaqt li jindirizza d-disseminazzjoni ta' kontenut illegali online u r-riskji soċjetali li d-disseminazzjoni tad-diżinformazzjoni jew ta' kontenut ieħor tista' toħloq, u li fi ħdanu d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta jkunu protetti b'mod effettiv u l-innovazzjoni tiġi ffaċilitata. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri la jadottaw u lanqas iżommu rekwiżiti nazzjonali addizzjonali dwar il-kwistjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunux previsti b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament, peress li dan jaffettwa l-applikazzjoni diretta u uniformi tar-regoli kompletament armonizzati applikabbli għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Dan jenħtieġ li ma jipprekludix il-possibbiltà li tiġi applikata leġiżlazzjoni nazzjonali oħra applikabbli għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2000/31/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, fejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jsegwu objettivi leġittimi oħra ta' interess pubbliku minbarra dawk segwiti minn dan ir-Regolament.

    (10)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal atti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jirregolaw il-forniment ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni inġenerali, li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw ir-regoli armonizzati stabbiliti f'dan ir-Regolament, bħad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), inklużi d-dispożizzjonijiet fiha dwar pjattaformi ta' video-sharing, ir-Regolament (UE) 2019/1148 (8), (UE) 2019/1150 (9), (UE) 2021/784 (10) u (EU) 2021/1232 (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u dispożizzjonijiet ta’ liġi tal-Unjoni stipulati f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali u f’Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

    Bl-istess mod, għal raġunijiet ta' ċarezza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2017/2394 (13) u (UE) 2019/1020 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2001/95/KE (15), 2005/29/KE (16), 2011/83/UE (17) u 2013/11/UE (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (19), u dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar id-dritt internazzjonali privat, b'mod partikolari r-regoli li jirrigwardaw il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, bħar-Regolament (UE) 1215/2012, u r-regoli dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali. Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali hija regolata biss mir-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar dak is-suġġett, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u għal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali. Madankollu, safejn dawk l-atti legali l-oħra jkollhom l-istess objettivi bħal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament, ir-regoli ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw fir-rigward ta' kwistjonijiet li mhumiex indirizzati jew li mhumiex indirizzati kompletament minn dawk l-atti legali l-oħra kif ukoll kwistjonijiet li għalihom dawk l-atti legali l-oħra jħallu l-possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri fil-livell nazzjonali.

    (11)

    Jenħtieġ li jiġi ċċarat li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, inklużi d-Direttivi 2001/29/KE (21), 2004/48/KE (22) u (UE) 2019/790 (23) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxu regoli u proċeduri speċifiċi li jenħtieġ li ma jiġux affettwati.

    (12)

    Biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kunċett ta' "kontenut illegali" jenħtieġ li jirrifletti b'mod wiesa' r-regoli eżistenti fl-ambjent offline. B'mod partikolari, il-kunċett ta’ “kontenut illegali” jenħtieġ li jiġi definit b'mod wiesa' biex ikopri l-informazzjoni relatata ma' kontenut, prodotti, servizzi u attivitajiet illegali. B'mod partikolari, jenħtieġ li dak il-kunċett jinftiehem li jirreferi għal informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li skont il-liġi applikabbli tkun minnha nnifisha illegali, bħal pereżempju diskors ta' mibegħda illegali jew kontenut terroristiku u kontenut diskriminatorju illegali, jew li r-regoli applikabbli jagħmlu illegali fid-dawl tal-fatt li tkun relatata ma' attivitajiet illegali. Fost l-eżempji li juru dan hemm il-kondiviżjoni ta' stampi li juru abbuż sesswali tat-tfal, il-kondiviżjoni mhux kunsenswali u illegali ta' stampi privati, l-online stalking, il-bejgħ ta' prodotti mhux konformi jew kontrafatti, il-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi bi ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, l-użu mhux awtorizzat ta' materjal protett bid-drittijiet tal-awtur, l-offerta illegali ta' servizzi ta' akkomodazzjoni jew il-bejgħ illegali ta' annimali ħajjin. B'kuntrast għal dan, video ta' xhud ta' reat potenzjali jenħtieġ li ma jitqiesx li jikkostitwixxi kontenut illegali, sempliċement minħabba li juri att illegali, fejn ir-reġistrazzjoni jew id-disseminazzjoni ta' tali video lill-pubbliku ma tkunx illegali skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, huwa immaterjali jekk l-illegalità tal-informazzjoni jew tal-attività tirriżultax mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li hija f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u xi jkunu n-natura jew is-suġġett preċiżi tal-liġi inkwistjoni.

    (13)

    Meta wieħed iqis il-karatteristiċi partikolari tas-servizzi kkonċernati u l-ħtieġa korrispondenti biex il-fornituri tagħhom ikunu soġġetti għal ċerti obbligi speċifiċi, jeħtieġ issir distinzjoni, fi ħdan il-kategorija usa' tal-fornituri ta' servizzi ta' hosting kif definiti f'dan ir-Regolament, bejn is-subkategoriji tal-pjattaformi online. Il-pjattaformi online, bħal pereżempju n-networks soċjali jew pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, jenħtieġ li jiġu definiti bħala fornituri ta' servizzi ta' hosting li mhux biss jaħżnu l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz fuq talba tagħhom, iżda li jxerrdu wkoll dik l-informazzjoni lill-pubbliku, fuq talba tar-riċevitur tas-servizz. Madankollu, biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' obbligi wesgħin wisq, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jenħtieġ li ma jitqisux bħala pjattaformi online meta d-disseminazzjoni lill-pubbliku tkun sempliċiment karatteristika minuri u purament anċillari li tkun marbuta intrinsikament ma' servizz ieħor, jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni, u li, għal raġunijiet tekniċi oġġettivi, dik il-karatteristika jew funzjonalità ma tkunx tista' tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor jew is-servizz ewlieni, u l-integrazzjoni ta' dik il-karatteristika jew funzjonalità ma tkunx mezz biex tiġi evitata l-applikabbiltà tar-regoli ta' dan ir-Regolament applikabbli għall-pjattaformi online. Pereżempju, it-taqsima tal-kummenti f'gazzetta online tista' tikkostitwixxi karatteristika bħal din, fejn huwa ċar li hija anċillari għas-servizz ewlieni li qed jiġi rrappreżentat mill-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet li huma fir-responsabbiltà editorjali tal-pubblikatur. B'kuntrast għal dan, il-ħżin ta' kummenti f'network soċjali jenħtieġ li jitqies bħala servizz ta' pjattaforma online, fejn ikun ċar li mhuwiex karatteristika minuri tas-servizz offrut, anke jekk ikun anċillari għall-pubblikazzjoni tal-posts tar-riċevituri tas-servizz. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-servizzi tal-cloud computing jew tal-web hosting jenħtieġ li ma jitqisux bħala pjattaforma online fejn id-disseminazzjoni ta' informazzjoni speċifika lill-pubbliku tikkostitwixxi karatteristika minuri u anċillari jew funzjonalità minuri ta' tali servizzi.

    Barra minn hekk, is-servizzi tal-cloud computing u s-servizzi tal-web hosting, meta jservu bħala infrastruttura, bħas-servizzi tal-ħżin u tal-computing infrastrutturali sottostanti ta' applikazzjoni bbażata fuq l-internet, sit web jew pjattaforma online, jenħtieġ li ma jitqisux fihom infushom bħala disseminazzjoni lill-pubbliku ta' informazzjoni maħżuna jew ipproċessata fuq talba ta' riċevitur tal-applikazzjoni, is-sit web jew il-pjattaforma online li jospitaw.

    (14)

    Il-kunċett ta' "disseminazzjoni lill-pubbliku", kif użat f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' informazzjoni lil għadd potenzjalment illimitat ta' persuni, jiġifieri, li l-informazzjoni ssir aċċessibbli faċilment għar-riċevituri tas-servizz inġenerali mingħajr azzjoni ulterjuri mir-riċevitur tas-servizz li jkun qed jipprovdi l-informazzjoni rikjesta, irrispettivament minn jekk dawk il-persuni jaċċessawx effettivament l-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, fejn l-aċċess għall-informazzjoni jkun jeħtieġ reġistrazzjoni jew ammissjoni fi grupp ta' riċevituri tas-servizz, dik l-informazzjoni jenħtieġ li titqies li hija disseminata lill-pubbliku biss fejn ir-riċevituri tas-servizz li jkunu jridu jaċċessaw l-informazzjoni jiġu rreġistrati jew ammessi awtomatikament mingħajr ma jkun hemm persuna li tiddeċiedi jew tagħżel lil min jingħata l-aċċess. Is-servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali, kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), bħal pereżempju emails jew servizzi ta' trażmissjoni ta' messaġġi privati, jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni tal-pjattaformi online peress li jintużaw għall-komunikazzjoni interpersonali bejn għadd limitat ta' persuni determinat minn min jibgħat il-komunikazzjoni. Madankollu, l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament għall-fornituri ta' pjattaformi online jistgħu japplikaw għal servizzi li jippermettu li l-informazzjoni ssir disponibbli għal għadd potenzjalment illimitat ta' riċevituri, li ma jkunx determinat minn min jibgħat il-komunikazzjoni, pereżempju permezz ta' gruppi pubbliċi jew kanali miftuħa. Jenħtieġ li l-informazzjoni titqies disseminata lill-pubbliku skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament biss meta dik d-disseminazzjoni sseħħ fuq talba diretta mir-riċevitur tas-servizz li jkun ipprovda l-informazzjoni.

    (15)

    Meta xi wħud mis-servizzi fornuti minn fornitur ikunu koperti minn dan ir-Regolament u oħrajn ma jkunux, jew meta s-servizzi fornuti minn fornituri jkunu koperti minn taqsimiet differenti ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss fir-rigward ta' dawk is-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

    (16)

    Iċ-ċertezza tad-dritt prevista mill-qafas orizzontali tal-eżenzjonijiet kundizzjonali mir-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE, ippermettiet li fis-suq intern jitfaċċaw u jespandu bosta servizzi ġodda. Għalhekk jenħtieġ li dak il-qafas jiġi preservat. Madankollu, fid-dawl tad-diverġenzi fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-livell nazzjonali, u għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' koerenza, jenħtieġ li dak il-qafas jiġi inkorporat f'dan ir-Regolament. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu ċċarati ċerti elementi ta' dak il-qafas, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (17)

    Jenħtieġ li r-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ servizzi intermedjarji stabbiliti f’dan ir-Regolament jistabbilixxu biss meta l-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat ma jkunx jista' jitqies responsabbli fir-rigward ta' kontenut illegali pprovdut mir-riċevituri tas-servizz. Jenħtieġ li dawk ir-regoli ma jinftehmux li jipprovdu bażi pożittiva biex jiġi stabbilit meta fornitur jista' jitqies responsabbli, għax dan irid jiġi determinat mir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw fir-rigward ta' kwalunkwe tip ta' responsabbiltà ta' kontenut illegali, irrispettivament mis-suġġett jew min-natura preċiżi ta' dawk il-liġijiet.

    (18)

    L-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikawx meta l-fornitur tas-servizzi intermedjarji, minflok ma jillimita ruħu li jipprovdi s-servizzi b'mod newtrali, sempliċiment permezz ta' pproċessar tekniku u awtomatiku tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevitur tas-servizz, ikollu rwol attiv tali li jgħarrfu b'dik l-informazzjoni jew jagħtih kontroll fuq dik l-informazzjoni. Għaldaqstant, dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li ma jkunux disponibbli fir-rigward tar-responsabbiltà relatata mal-informazzjoni pprovduta mhux mir-riċevitur tas-servizz iżda mill-fornitur tas-servizz intermedjarju nnifsu, inkluż meta l-informazzjoni tkun ġiet żviluppata fir-responsabbiltà editorjali ta' dak il-fornitur.

    (19)

    Fid-dawl tan-natura differenti tal-attivitajiet ta' "sempliċi conduit", "caching" u "hosting" u l-pożizzjoni u l-kapaċitajiet differenti tal-fornituri tas-servizzi inkwistjoni, jeħtieġ issir distinzjoni bejn ir-regoli applikabbli għal dawk l-attivitajiet, minħabba li skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rekwiżiti u kondizzjonijiet differenti u l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom huwa differenti, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (20)

    Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji jikkollabora deliberatament ma' riċevitur tas-servizzi biex iwettaq attivitajiet illegali, is-servizzi jenħtieġ li ma jitqiesx li ġie fornut b'mod newtrali u l-fornitur għalhekk jenħtieġ li ma jkunx jista' jibbenefika mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti f'dan ir-Regolament. Dan jenħtieġ li jkun il-każ, pereżempju, fejn il-fornitur joffri s-servizz tiegħu bl-iskop ewlieni li jiffaċilita attivitajiet illegali, pereżempju billi juri espliċitament li l-iskop tiegħu huwa li jiffaċilita l-attivitajiet illegali jew li s-servizzi tiegħu huma adatti għal dak l-iskop. Jenħtieġ li l-fatt waħdu li servizz joffri trażmissjonijiet kriptati jew kwalunkwe sistema oħra li tagħmel l-identifikazzjoni tal-utent impossibbli ma jikkwalifikax fih innifsu bħala li jiffaċilita l-attivitajiet illegali.

    (21)

    Fornitur jenħtieġ li jkun jista' jibbenefika mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà għal servizzi ta' "sempliċi conduit" u ta' "caching" meta dan ma jkun involut bl-ebda mod mal-informazzjoni trażmessa jew aċċessata. Dan jirrikjedi, fost affarijiet oħra, li l-fornitur ma jimmodifikax l-informazzjoni li jittrażmetti jew li jipprovdi aċċess għaliha. Madankollu, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li ma jinftihemx li jkopri l-manipulazzjonijiet ta' natura teknika li jsiru matul it-trażmissjoni jew l-aċċess, diment li dawk il-manipulazzjonijiet ma jbiddlux l-integrità tal-informazzjoni trażmessa jew li ngħata aċċess għaliha.

    (22)

    Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għal servizzi ta' hosting, jenħtieġ li l-fornitur, malli effettivament isir jaf jew isir konxju b'xi attivitajiet illegali jew kontenut illegali, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dak il-kontenut. It-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess jenħtieġ li jsiru b'rispett tad-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Il-fornitur jista' jikseb tali għarfien jew konoxxenza effettivi tan-natura illegali tal-kontenut, inter alia, permezz tal-investigazzjonijiet proprji tiegħu, jew permezz tal-avviżi sottomessi lilu minn individwi jew entitajiet f'konformità ma' dan ir-Regolament diment li tali avviżi jkunu preċiżi biżżejjed u sostanzjati b'mod xieraq biex jippermettu li operatur ekonomiku diliġenti jidentifika b'mod raġonevoli, jaċċessa u, fejn xieraq, jaġixxi kontra l-kontenut allegatament illegali. Madankollu, tali għarfien jew konoxxenza effettivi ma jistgħux jitqiesu li nkisbu unikament minħabba l-fatt li l-fornitur huwa konxju, f'sens ġenerali, tal-fatt li s-servizz tiegħu jintuża wkoll sabiex jinħażen kontenut illegali. Barra minn hekk, il-fatt li l-fornitur awtomatikament iżomm indiċi tal-informazzjoni mtella' fuq is-servizz tiegħu, li jkollu funzjoni ta' tiftix jew li jirrakkomanda informazzjoni abbażi tal-profili jew tal-preferenzi tar-riċevituri tas-servizz mhuwiex raġuni suffiċjenti biex jitqies li dak il-fornitur għandu għarfien "speċifiku" tal-attivitajiet illegali mwettqa fuq dik il-pjattaforma jew tal-kontenut illegali maħżun fiha.

    (23)

    Jenħtieġ li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà ma tapplikax fejn ir-riċevitur tas-servizz ikun qed jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tal-fornitur ta' servizz ta' hosting. Pereżempju, fejn il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti jiddetermina l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi offruti mill-kummerċjant, jista' jitqies li l-kummerċjant jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll ta' dik il-pjattaforma online.

    (24)

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi meta jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet kummerċjali intermedjati online, ċerti fornituri ta' servizzi ta' hosting, jiġifieri, il-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti, jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting stabbilita f'dan ir-Regolament, sakemm dawk il-pjattaformi online jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti relatata mat-tranżazzjonijiet inkwistjoni b'tali mod li jwassal lill-konsumaturi jemmnu li l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn dawk il-pjattaformi online nnifishom jew mill-kummerċjanti li jaġixxu bl-awtorità jew bil-kontroll tagħhom, u dawk il-pjattaformi online b'hekk ikollhom għarfien tal-informazzjoni jew kontroll fuqha, anki jekk fir-realtà dan jista' ma jkunx il-każ. Eżempju ta’ tali mġieba jista’ jkun meta pjattaforma online tonqos milli turi b'mod ċar l-identità tal-kummerċjant, kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, meta pjattaforma online ma tipprovdix l-identità jew id-dettalji ta' kuntatt tal-kummerċjant sa wara l-konklużjoni tal-kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur, jew meta tali pjattaforma online tikkummerċjalizza l-prodott jew is-servizz f'isimha stess minflok fl-isem tal-kummerċjant li jipprovdi dak il-prodott jew servizz. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi determinat oġġettivament, abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, jekk il-preżentazzjoni tistax twassal lil konsumatur medju li jemmen li l-informazzjoni ġiet provduta mill-pjattaforma online stess jew minn kummerċjanti li jaġixxu taħt il-kontroll tagħha.

    (25)

    L-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwawx il-possibbiltà ta' inġunzjonijiet ta' tipi differenti kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji, anki meta jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti bħala parti minn dawk l-eżenzjonijiet. Tali inġunzjonijiet jistgħu, b'mod partikolari, jikkonsistu f'ordnijiet mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi, maħruġa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jkunu jeżiġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta' xi ksur, inkluż it-tneħħija tal-kontenut illegali speċifikat fit-tali ordnijiet, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih.

    (26)

    Sabiex tinħoloq ċertezza tad-dritt, u biex ma jiġux skoraġġuti l-attivitajiet maħsuba biex jiddetettaw, jidentifikaw u jaġixxu kontra l-kontenut illegali li l-fornituri tal-kategoriji kollha tas-servizzi intermedjarji jwettqu b'mod volontarju, jenħtieġ li jiġi ċċarat li s-sempliċi fatt li l-fornituri jwettqu tali attivitajiet ma jwassalx għan-nuqqas ta' disponibbiltà tal-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament diment li dawk l-attivitajiet jitwettqu in bona fide u b'mod diliġenti. Il-kondizzjoni li wieħed jaġixxi in bona fide u b'mod diliġenti jenħtieġ li tinkludi li wieħed jaġixxi b'mod oġġettiv, mhux diskriminatorju u proporzjonat, b'kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, u l-għoti tas-salvagwardji meħtieġa kontra t-tneħħija mhux ġustifikata ta' kontenut legali, f'konformità mal-objettiv u r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-fornituri kkonċernati jenħtieġ li, pereżempju, jieħdu miżuri raġonevoli biex jiżguraw li, fejn jintużaw għodod awtomatizzati biex jitwettqu tali attivitajiet, it-teknoloġija rilevanti tkun affidabbli biżżejjed biex tillimita kemm jista' jkun ir-rata ta' żbalji. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat li s-sempliċi fatt li l-fornituri jieħdu miżuri, in bona fide, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, jenħtieġ li ma jwassalx għan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' dawk l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbilita f’dan ir-Regolament. Għalhekk, kwalunkwe tali attività u miżura li fornitur speċifiku jaf ikun ħa, jenħtieġ li ma jitqisux meta jiġi determinat jekk il-fornitur jistax jiddependi fuq eżenzjoni mir-responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward ta' jekk il-fornitur ifornix is-servizzi tiegħu b'mod newtrali u għalhekk jistax jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda mingħajr ma din ir-regola timplika li l-fornitur jista' neċessarjament jiddependi fuqha. Jenħtieġ li l-azzjonijiet volontarji ma jintużawx biex jiġu evitati l-obbligi tal-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

    (27)

    Filwaqt li r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji stabbilita f’dan ir-Regolament jikkonċentraw fuq l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji, huwa importanti li wieħed ifakkar li, minkejja r-rwol ġeneralment importanti li jaqdu tali fornituri, il-problema tal-kontenut u tal-attivitajiet illegali online jenħtieġ li ma tiġix indirizzata billi tingħata attenzjoni biss lir-responsabbiltajiet tagħhom. Fejn ikun possibbli, il-partijiet terzi affettwati mill-kontenut illegali trażmess jew maħżun online jenħtieġ li jippruvaw isolvu l-kunflitti relatati ma' tali kontenut mingħajr ma jinvolvu lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji inkwistjoni. Jenħtieġ li r-riċevituri tas-servizzi jinżammu responsabbli, meta jipprevedu hekk ir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali li jiddeterminaw tali responsabbiltà, għall-kontenut illegali li jipprovdu u li jistgħu jxerrdu lill-pubbliku permezz tas-servizzi intermedjarji. Fejn xieraq, atturi oħrajn, bħal pereżempju l-moderaturi tal-gruppi f'ambjenti online magħluqa, b'mod partikolari fil-każ ta' gruppi kbar, jenħtieġ li jgħinu wkoll biex tiġi evitata d-disseminazzjoni ta' kontenut illegali online, f'konformità mal-liġi applikabbli. Barra minn hekk, fejn ikun meħtieġ li jiġu involuti l-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, inkluż il-fornituri tas-servizzi intermedjarji, kwalunkwe talba jew ordni għal tali involviment jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, tiġi diretta lill-fornitur speċifiku li jkollu l-abbiltà teknika u operattiva li jaġixxi kontra elementi speċifiċi tal-kontenut illegali, biex jiġu evitati u minimizzati kwalunkwe effetti negattivi possibbli fuq id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li mhijiex kontenut illegali.

    (28)

    Mis-sena 2000 'l hawn, tfaċċaw teknoloġiji ġodda li jtejbu d-disponibbiltà, l-effiċjenza, il-veloċità, l-affidabbiltà, il-kapaċità u s-sigurtà tas-sistemi għat-trażmissjoni, ir-rintraċċabbiltà u l-ħżin tad-data online, u dan wassal għal ekosistema diġitali dejjem aktar kumplessa. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li wieħed ifakkar li l-fornituri tas-servizzi li jistabbilixxu u jiffaċilitaw l-arkitettura loġika sottostanti u l-funzjonament tajjeb tal-internet, inkluż il-funzjonijiet awżiljarji tekniċi, jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament, diment li s-servizzi tagħhom jikkwalifikaw bħala servizzi ta' "sempliċi conduit", "caching", jew "hosting". Tali servizzi jinkludu, skont il-każ, in-networks ta' żona lokali mingħajr fili, is-servizzi tas-sistema tal-ismijiet ta' dominji (DNS), ir-reġistri ta' ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell, ir-reġistraturi, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati diġitali, in-networks privati virtwali, il-magni tat-tiftix online, is-servizzi ta' infrastruttura ta' cloud, jew networks tat-twassil tal-kontenut, li jiffaċilitaw, jillokalizzaw jew itejbu l-funzjonijiet ta' fornituri oħra tas-servizzi intermedjarji. B'mod simili, is-servizzi li jintużaw għal skopijiet ta' komunikazzjoni, u l-mezzi tekniċi għat-twassil tagħhom, evolvew b'mod konsiderevoli wkoll, u dan irriżulta f'servizzi online bħal pereżempju l-Vuċi fuq IP, is-servizzi ta' trażmissjoni ta' messaġġi u s-servizzi ta' email ibbażati fuq il-web, fejn il-komunikazzjoni titwassal b'servizzi ta' aċċess għall-internet. Dawk is-servizzi wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà, diment li jikkwalifikaw bħala servizzi ta' "sempliċi conduit", "caching", jew "hosting".

    (29)

    Is-servizzi intermedjarji jkopru firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi li jseħħu online u li jiżviluppaw kontinwament biex tiġi pprovduta trażmissjoni ta' informazzjoni rapida, sikura u sigura, u biex jiżguraw il-konvenjenza tal-parteċipanti kollha tal-ekosistema online. Pereżempju, is-servizzi intermedjarji ta' "sempliċi conduit" jinkludu kategoriji ġeneriċi ta' servizzi, bħal punti ta' skambju fuq l-internet, punti tal-aċċess bla fili, networks privati virtwali, servizzi u riżolvaturi tad-DNS, reġistri ta' ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell, reġistraturi, awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati diġitali, vuċi fuq IP u servizzi oħra ta' komunikazzjoni interpersonali, filwaqt li eżempji ġeneriċi ta' servizzi intermedjarji "caching" jinkludu l-forniment uniku ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, proxies inversi jew proxies ta' adattament tal-kontenut. Servizzi bħal dawn huma kruċjali biex tiġi żgurata t-trażmissjoni bla xkiel u effiċjenti tal-informazzjoni mogħtija fuq l-internet. Eżempji ta' "servizzi ta' hosting" jinkludu kategoriji ta' servizzi bħal cloud computing, web hosting, servizzi ta' referenzjar bi ħlas jew servizzi li jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u kontenut online, inkluż il-ħżin u l-kondiviżjoni ta' fajls. Is-servizzi intermedjarji jistgħu jingħataw waħedhom, bħala parti minn tip ieħor ta' servizz intermedjarju, jew simultanjament ma' servizzi intermedjarji oħra. Jekk servizz speċifiku jikkostitwix sempliċi conduit, caching jew hosting jiddependi unikament fuq il-funzjonalitajiet tekniċi tiegħu, li jistgħu jevolvu maż-żmien, u jenħtieġ li jiġi vvalutat skont il-każ.

    (30)

    Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li ma jkunux, la de jure u lanqas de facto, soġġetti għal obbligu ta' monitoraġġ fir-rigward tal-obbligi ta' natura ġenerali. Dan ma jikkonċernax l-obbligi ta' monitoraġġ f’każ speċifiku u, b’mod partikolari, ma jaffettwax l-ordnijiet mill-awtoritajiet nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li xejn f'dan ir-Regolament ma jiġi interpretat bħala impożizzjoni ta' obbligu ta' monitoraġġ ġenerali jew ta' obbligu ġenerali ta' tiftix attiv tal-fatti, jew bħala obbligu ġenerali biex il-fornituri jieħdu miżuri proattivi fir-rigward tal-kontenut illegali.

    (31)

    Skont is-sistema legali ta' kull Stat Membru u l-qasam tal-liġi inkwistjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jordnaw lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jaġixxu kontra element speċifiku wieħed jew aktar tal-kontenut illegali jew biex jipprovdu ċerta informazzjoni speċifika. Il-liġijiet nazzjonali li abbażi tagħhom jinħarġu tali ordnijiet ivarjaw b'mod konsiderevoli u l-ordnijiet huma indirizzati aktar u aktar f'sitwazzjonijiet transfruntieri. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-ordnijiet ikunu jistgħu jiġu rispettati b'mod effettiv u effiċjenti, b'mod partikolari f'kuntest transfruntier, biex l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom u l-fornituri ma jkunux soġġetti għal piżijiet sproporzjonati, mingħajr ma jiġu affettwati bla bżonn id-drittijiet u l-interessi leġittimi ta' kwalunkwe parti terza, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kondizzjonijiet li jenħtieġ li jissodisfaw dawk l-ordnijiet u ċerti rekwiżiti komplementari relatati mal-ipproċessar ta' dawn l-ordnijiet. Konsegwentement, dan ir-Regolament jenħtieġ li jarmonizza biss ċerti kondizzjonijiet minimi speċifiċi li tali ordnijiet jenħtieġ li jissodisfaw sabiex jagħtu lok għall-obbligu tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti dwar l-effett mogħti lil dawk l-ordnijiet. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jipprovdix il-bażi ġuridika għall-ħruġ ta' tali ordnijiet, u lanqas ma jirregola l-kamp ta' applikazzjoni territorjali jew l-infurzar transfruntier tagħhom.

    (32)

    Il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli li abbażi tagħha jinħarġu dawk l-ordnijiet tista' tkun tirrikjedi kondizzjonijiet addizzjonali u jenħtieġ li tkun il-bażi għall-infurzar tal-ordnijiet rispettivi. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' tali ordnijiet, l-Istat Membru emittenti jenħtieġ li jkun jista' jinfurzahom f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. Il-liġi nazzjonali applikabbli jenħtieġ li tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Karta u tat-TFUE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi fl-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-logħob tal-azzard u s-servizzi tal-imħatri online. Bl-istess mod, l-applikazzjoni ta' tali liġijiet nazzjonali għall-infurzar tal-ordnijiet rispettivi hija mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni jew għall-ftehimiet internazzjonali applikabbli konklużi mill-Unjoni jew mill-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-infurzar transfruntiera ta' dawk l-ordnijiet, b'mod partikolari f'materji ċivili u kriminali. Min-naħa l-oħra, l-infurzar tal-obbligu li l-awtoritajiet rilevanti jiġu infurmati dwar l-effett mogħti lil dawk l-ordnijiet, għall-kuntrarju tal-eżekuzzjoni tal-ordni nnifisha, jenħtieġ li jkun soġġett għar-regoli stabbiliti f’ dan ir-Regolament.

    (33)

    Il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jinforma lill-awtorità emittenti dwar kwalunkwe segwitu mogħti lil tali ordnijiet mingħajr dewmien żejjed, f'konformità mal-limiti ta' żmien stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti.

    (34)

    L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu ordnijiet bħal dawn kontra kontenut meqjus illegali jew ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Karta, u jindirizzawhom lill-fornituri ta' servizzi intermedjarji, inklużi dawk li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili jew kriminali, inklużi r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u Regolament dwar l-ordnijiet ta' produzzjoni u ta' preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali, u għal-liġi proċedurali kriminali jew ċivili nazzjonali. Għalhekk, meta dawk il-liġijiet fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali jew ċivili, jipprevedu kondizzjonijiet addizzjonali jew inkompatibbli fir-rigward ta' dawk previsti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali jew għall-provvista ta' informazzjoni, il-kondizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament jistgħu ma japplikawx jew jistgħu jiġu adattati. B'mod partikolari, l-obbligu fuq il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti li jittrażmetti kopja tal-ordnijiet lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha jista' ma japplikax fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali jew jista' jiġi adattat, fejn il-proċeduri kriminali nazzjonali applikabbli jipprevedu dan.

    Barra minn hekk, l-obbligu li l-ordnijiet jinkludu dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għaliex l-informazzjoni hija kontenut illegali, jista' jiġi adattat fejn meħtieġ skont il-proċeduri kriminali nazzjonali applikabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Fl-aħħar nett, l-obbligu tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz jista' jiġi pospost f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, b'mod partikolari fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ordnijiet jinħarġu f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u l-projbizzjoni ta' obbligi ta' monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni jew biex isir tiftix attiv tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li jindikaw attività illegali stabbilita f'dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament li japplikaw għall-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali huma mingħajr preġudizzju għal atti oħrajn tal-Unjoni li jipprevedu sistemi simili għall-azzjoni kontra tipi speċifiċi ta' kontenut illegali, bħal pereżempju r-Regolament (UE) 2021/784, ir-Regolament (UE) 2019/1020, jew ir-Regolament (UE) 2017/2394 li jikkonferixxi setgħat speċifiċi biex tiġi ordnata l-provvista ta' informazzjoni dwar l-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi dwar il-konsumaturi tal-Istati Membri, filwaqt li l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti li japplikaw għall-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni huma mingħajr preġudizzju għal atti oħra tal-Unjoni li jipprevedu regoli rilevanti simili għal setturi speċifiċi. Dawk il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar ir-ritenzjoni u l-preservazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mat-talbiet għall-kunfidenzjalità mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi relatati man-nondivulgazzjoni ta' informazzjoni. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-ordnijiet biex tittieħed azzjoni kontra l-kontenut illegali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwawx il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikjedu li fornitur tas-servizzi intermedjarji jipprevjeni ksur, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluż dan ir-Regolament, u b'mod partikolari mal-projbizzjoni tal-obbligi ta' monitoraġġ ġenerali.

    (35)

    Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ssodisfati sa mhux aktar tard minn meta l-ordni tiġi trażmessa lill-fornitur ikkonċernat. Għaldaqstant, l-ordni tista' tiġi maħruġa b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-awtorità emittenti tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, fejn dik il-lingwa tkun differenti mil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji, jew minn lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, miftiehma bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur tas-servizzi intermedjarji, jenħtieġ li mal-ordni tiġi trażmessa traduzzjoni li tal-inqas ikollha l-elementi tal-ordni li jinsabu f'dan ir-Regolament. Meta fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun qabel mal-awtoritajiet ta’ Stat Membru li juża lingwa partikolari, jenħtieġ li jitħeġġeġ jaċċetta ordnijiet bl-istess lingwa maħruġa mill-awtoritajiet fi Stati Membri oħra. L-ordnijiet jenħtieġ li jinkludu elementi li jippermettu lid-destinatarju jidentifika l-awtorità emittenti, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' punt ta' kuntatt fi ħdan dik l-awtorità msemmija, fejn xieraq, u jivverifika l-awtentiċità tal-ordni.

    (36)

    Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' tali ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali jenħtieġ li jiġi stabbilit b'mod ċar abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli li tippermetti l-ħruġ tal-ordni u jenħtieġ li ma jaqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. F'dak ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali, li tista’ tkun awtorità tal-infurzar tal-liġi, li tkun qed toħroġ l-ordni jenħtieġ li tibbilanċja l-objettiv li l-ordni tipprova tilħaq, f'konformità mal-bażi ġuridika li tippermetti l-ħruġ tagħha, mad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi kollha li jistgħu jiġu affettwati mill-ordni, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Karta. B'mod partikolari f'kuntest transfruntier, l-effett tal-ordni jenħtieġ li, fil-prinċipju, ikun limitat għat-territorju tal-Istat Membru emittenti, sakemm l-illegalità tal-kontenut ma tkunx ġejja direttament mil-liġi tal-Unjoni jew l-awtorità emittenti ma tqisx li d-drittijiet inkwistjoni jirrikjedu kamp ta' applikazzjoni territorjali usa', f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dik internazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-korteżija internazzjonali.

    (37)

    L-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni li huma regolati minn dan ir-Regolament jikkonċernaw il-produzzjoni ta' informazzjoni speċifika dwar riċevituri individwali tas-servizz intermedjarju kkonċernat, u li huma identifikati f'dawk l-ordnijiet bl-iskop li tiġi determinata l-konformità mir-riċevituri tas-servizz mar-regoli tal-Unjoni jew mar-regoli nazzjonali applikabbli. Tali ordnijiet jenħtieġ li jitolbu informazzjoni li jkollha l-għan li tippermetti l-identifikazzjoni tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat. Għalhekk, l-ordnijiet fir-rigward ta’ informazzjoni fuq grupp ta' riċevituri tas-servizz li mhumiex identifikati b'mod speċifiku, inkluż l-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni aggregata meħtieġa għal skopijiet statistiċi jew għat-tfassil tal-politika abbażi ta' evidenza, mhumiex koperti mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament dwar l-għoti tal-informazzjoni.

    (38)

    L-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali u biex tiġi pprovduta l-informazzjoni huma soġġetti għar-regoli li jissalvagwardjaw il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz indirizzat u r-regoli li jistabbilixxu derogi possibbli minn dik il-kompetenza f'ċerti każijiet, stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE, biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjoni ta' dak l-Artikolu. Peress li l-ordnijiet inkwistjoni huma relatati ma' elementi speċifiċi tal-kontenut u tal-informazzjoni illegali, rispettivament, meta dawn ikunu indirizzati lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-prinċipju, dawn ma jirrestrinġux il-libertà ta' dawk il-fornituri fil-forniment tas-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE, inkluż dawk li jirrigwardaw il-ħtieġa li jiġu ġustifikati l-miżuri li jidderogaw mill-kompetenza tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz, għal ċerti raġunijiet speċifiċi u rigward in-notifika ta' tali miżuri, ma japplikawx fir-rigward ta' dawk l-ordnijiet.

    (39)

    Ir-rekwiżiti biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizz intermedjarju u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut, jinkludu rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni dwar mekkaniżmi amministrattivi għat-trattament tal-ilmenti u rimedju ġudizzjarju inkluż appelli kontra ordnijiet maħruġa minn awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jistgħu jiżviluppaw għodod u gwida nazzjonali fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' lmenti u ta' rimedju applikabbli fit-territorju rispettiv tagħhom, sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal tali mekkaniżmi mir-riċevituri tas-servizz. Fl-aħħar nett, meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal proċess ġust kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti milli joħorġu, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, ordni biex jerġa' jiġi stabbilit il-kontenut, fejn tali kontenut ikun konformi mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur tas-servizz intermedjarju, iżda jkun ġie kkunsidrat bi żball bħala illegali minn dak il-fornitur tas-servizz u jkun tneħħa.

    (40)

    Biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġi żgurat ambjent online sikur u trasparenti, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sett ċar, effettiv, prevedibbli u bilanċjat ta' obbligi armonizzati ta' diliġenza dovuta għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji. Dawk l-obbligi jenħtieġ li jimmiraw b'mod partikolari l-garanzija ta' objettivi differenti tal-politika pubblika bħal pereżempju s-sikurezza u l-fiduċja tar-riċevituri tas-servizz, inkluż il-konsumaturi, il-minorenni u l-utenti f'riskju partikolari li jkunu soġġetti għal diskors ta' mibegħda, fastidji sesswali jew azzjonijiet diskriminatorji oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali rilevanti minquxa fil-Karta, l-akkontabbiltà sinifikattiva ta' dawk il-fornituri u l-għoti tas-setgħa lir-riċevituri u lil partijiet affettwati oħrajn, filwaqt li tiġi ffaċilitata s-superviżjoni meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

    (41)

    F'dak ir-rigward, huwa importanti li l-obbligi ta' diliġenza dovuta jiġu adattati għat-tip, għad-daqs u għan-natura tas-servizz intermedjarju kkonċernat. Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi bażiċi applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji, kif ukoll obbligi addizzjonali għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting u, b'mod aktar speċifiku, għall-fornituri ta’ pjattaformi online u ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Sal-punt li l-fornituri tas-servizzi intermedjarji jaqgħu f'numru ta’ kategoriji differenti fid-dawl tan-natura u tad-daqs tas-servizzi tagħhom, jenħtieġ li dawn jikkonformaw mal-obbligi korrispondenti kollha ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' dawk is-servizzi. Dawk l-obbligi armonizzati ta' diliġenza dovuta, li jenħtieġ li jkunu raġonevoli u mhux arbitrarji, huma meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tħassib identifikat ta' politika pubblika, bħal pereżempju s-salvagwardja tal-interessi leġittimi tar-riċevituri tas-servizz, l-indirizzar tal-prattiki illegali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta. L-obbligi ta' diliġenza dovuta huma indipendenti mill-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji li jeħtieġ, għalhekk, li jiġu vvalutati separatament.

    (42)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjonijiet bidirezzjonali bla xkiel u effiċjenti, inkluż, meta jkun xieraq, bir-rikonoxximent tal-wasla ta' tali komunikazzjonijiet, rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt elettroniku u jippubblikaw u jaġġornaw l-informazzjoni rilevanti relatata ma' dak il-punt ta' kuntatt tagħhom, inkluż il-lingwi li jridu jintużaw f'tali komunikazzjonijiet. Il-punt ta' kuntatt elettroniku jista' jintuża wkoll minn sinjalaturi fdati u minn entitajiet professjonali li għandhom relazzjoni speċifika mal-fornitur tas-servizzi intermedjarji. B'kuntrast għar-rappreżentant legali, il-punt ta' kuntatt elettroniku jenħtieġ li jservi skopijiet operattivi u jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ ikollu post fiżiku. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jistgħu jiddeżinjaw l-istess punt uniku ta' kuntatt għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament kif ukoll għall-finijiet ta' atti oħra tal-liġi tal-Unjoni. Meta jispeċifikaw il-lingwi ta' komunikazzjoni, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji huma mħeġġa jiżguraw li l-lingwi magħżula ma jkunux huma stess ostaklu għall-komunikazzjoni. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-fornituri tas-servizzi intermedjarji u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jilħqu ftehim separat dwar il-lingwa tal-komunikazzjoni, jew ifittxu mezzi alternattivi biex jegħlbu l-ostaklu tal-lingwa, inkluż billi jużaw il-mezzi teknoloġiċi jew ir-riżorsi umani interni u esterni kollha disponibbli.

    (43)

    Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jaħtru punt uniku ta' kuntatt għar-riċevituri tas-servizzi, li jippermetti komunikazzjoni rapida, diretta u effiċjenti b'mod partikolari b'mezzi faċilment aċċessibbli bħal numru tat-telefon, indirizzi tal-email, formoli ta' kuntatt elettroniku, chatbots jew messaġġi istantanji. Jenħtieġ li jiġi indikat b'mod espliċitu meta riċevitur tas-servizz jikkomunika ma' chatbots. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jippermettu lir-riċevituri tas-servizzi jagħżlu mezzi ta' komunikazzjoni diretta u effiċjenti li ma jiddependux biss minn għodod awtomatizzati. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jiggarantixxu li jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji ħalli jiżguraw li din il-komunikazzjoni ssir fil-ħin u b'mod effiċjenti.

    (44)

    Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li huma stabbiliti f'pajjiż terz li joffru servizzi fl-Unjoni jenħtieġ li jiddeżinjaw rappreżentant legali li jkollu mandat suffiċjenti fl-Unjoni u jipprovdu informazzjoni relatata mar-rappreżentanti legali tagħhom lill-awtoritajiet rilevanti u jagħmluha disponibbli pubblikament. Barra minn hekk, sabiex jikkonformaw ma' dak l-obbligu, tali fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jiżguraw li r-rappreżentant legali ddeżinjat ikollu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jaħtar impriża sussidjarja tal-istess grupp tal-fornitur, jew l-impriża omm tagħha, jekk dik l-impriża sussidjarja jew impriża omm tkun stabbilita fl-Unjoni. Madankollu, jista' ma jkunx il-każ, pereżempju, meta r-rappreżentant legali jkun soġġett għal proċedimenti ta' rikostruzzjoni, falliment jew insolvenza personali jew korporattiva. Dak l-obbligu jenħtieġ li jippermetti li jkun hemm sorveljanza effettiva u, fejn meħtieġ, infurzar ta' dan ir-Regolament b'rabta ma' dawk il-fornituri. Jenħtieġ li jkun possibbli li rappreżentant legali jingħata l-mandat, f'konformità mal-liġi nazzjonali, minn aktar minn fornitur wieħed tas-servizzi intermedjarji. Jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentant legali biex jiffunzjona wkoll bħala punt ta' kuntatt, diment li r-rekwiżiti rilevanti ta' dan ir-Regolament jiġu rispettati.

    (45)

    Filwaqt li l-libertà kuntrattwali tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li tiġi rispettata fil-prinċipju, huwa xieraq li jiġu stabbiliti ċerti regoli dwar il-kontenut, l-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' dawk il-fornituri fl-interessi tat-trasparenza, tal-protezzjoni tar-riċevituri tas-servizz u tal-evitar ta' eżiti inġusti jew arbitrarji. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, jindikaw b'mod ċar u jżommu aġġornata l-informazzjoni rigward ir-raġunijiet li abbażi tagħhom jistgħu jirrestrinġu l-forniment tas-servizzi tagħhom. B'mod partikolari, jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar kwalunkwe politika, proċedura, miżura u għodda użati għall-fini tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiċi u r-rieżami uman, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tagħhom ta' mmaniġġjar tal-ilmenti. Jenħtieġ li jipprovdu wkoll informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar id-dritt li l-użu tas-servizz jiġi tterminat. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jistgħu jużaw elementi grafiċi fit-termini tas-servizz tagħhom, bħal ikoni jew immaġnijiet, biex juru l-elementi ewlenin tar-rekwiżiti tal-informazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-fornituri jenħtieġ li jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz tagħhom b'mezzi xierqa dwar bidliet sinifikanti li jsiru fit-termini u l-kondizzjonijiet, pereżempju meta jimmodifikaw ir-regoli dwar l-informazzjoni li hija permessa fuq is-servizz tagħhom, jew bidliet oħra bħal dawn li jista' jkollhom impatt dirett fuq il-kapaċità tar-riċevituri li jagħmlu użu mis-servizz.

    (46)

    Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jkunu primarjament diretti għall-minorenni, pereżempju permezz tad-diżinn jew il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz, jew li jintużaw b'mod predominanti mill-minorenni, jenħtieġ li jagħmlu sforzi partikolari biex jagħmlu l-ispjegazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom tinftiehem faċilment mill-minorenni.

    (47)

    Meta jfasslu, japplikaw u jinfurzaw dawk ir-restrizzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jaġixxu b'mod mhux arbitrarju u mhux diskriminatorju u jqisu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tar-riċevituri tas-servizz, inklużi d-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta. Pereżempju, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jqisu b'mod partikolari u kif xieraq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jqisu debitament ukoll l-istandards internazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

    (48)

    Minħabba r-rwol speċjali u l-ilħuq tagħhom, huwa xieraq li jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali fuq pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna rigward l-informazzjoni u t-trasparenza tat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jipprovdu t-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha li fihom joffru s-servizzi tagħhom u jenħtieġ li jipprovdu wkoll lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż u li jinqara faċilment tal-elementi ewlenin tat-termini u l-kondizzjonijiet. Tali sommarji jenħtieġ li jidentifikaw l-elementi ewlenin tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, inkluża l-possibbiltà ta' esklużjoni faċli mill-klawżoli fakultattivi.

    (49)

    Biex jiġi żgurat livell xieraq ta' trasparenza u akkontabbiltà, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku rapport annwali f'format li jinqara minn magna, f'konformità mar-rekwiżiti armonizzati ta' dan ir-Regolament, dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li jinvolvu ruħhom fih, inkluż il-miżuri meħuda bħala riżultat tal-applikazzjoni u tal-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom. Madankollu, sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, jenħtieġ li dawk l-obbligi ta' rappurtar dwar it-trasparenza ma japplikawx għall-fornituri li huma intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (25) u li mhumiex pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira ta' dan ir-Regolament.

    (50)

    Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jaqdu rwol partikolarment importanti fl-indirizzar tal-kontenut illegali online, minħabba li jaħżnu l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizzi u fuq talba tagħhom u tipikament jagħtu aċċess għaliha lil riċevituri oħra, xi kultant fuq skala kbira. Huwa importanti li l-fornituri kollha ta' servizzi ta' hosting, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jistabbilixxu mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent li jiffaċilitaw in-notifika ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni, li l-parti notifikanti tqis li huma kontenut illegali, lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat ("avviż"), skont liema dak il-fornitur ikun jista' jiddeċiedi jekk jaqbilx ma' dik il-valutazzjoni u jixtieqx ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dak il-kontenut ("azzjoni"). Tali mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu identifikabbli b'mod ċar, lokalizzati qrib l-informazzjoni inkwistjoni u tal-inqas faċli biex jinstabu u jintużaw bħala mekkaniżmi ta' notifika għal kontenut li jikser it-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting. Diment li r-rekwiżiti jew l-avviżi jiġu ssodisfati, jenħtieġ li jkun possibbli li l-individwi jew l-entitajiet jinnotifikaw bosta elementi speċifiċi ta' kontenut allegatament illegali permezz ta' avviż wieħed sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni. Il-mekkaniżmu ta' notifika jenħtieġ li jippermetti, iżda ma jirrikjedix, l-identifikazzjoni tal-individwu jew tal-entità li jkunu qed jissottomettu avviż. Għal xi tipi ta' elementi ta' informazzjoni notifikati, l-identità tal-individwu jew tal-entità li jkunu qed jissottomettu avviż tista' tkun meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwix kontenut illegali, kif allegat. L-obbligu li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni jenħtieġ li japplika, pereżempju, għas-servizzi tal-ħżin u tal-kondiviżjoni ta' fajls, għas-servizzi ta' web hosting, għas-servers tar-reklamar u l-paste bins, diment li jikkwalifikaw bħala fornituri ta' servizzi ta' hosting koperti minn dan ir-Regolament.

    (51)

    Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jitqiesu kif xieraq id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tal-partijiet kollha kkonċernati, jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni meħuda minn fornitur ta' servizzi ta' hosting wara li jirċievi avviż tkun strettament immirata, fis-sens li jenħtieġ li sservi biex tneħħi jew tiddiżattiva l-aċċess għall-elementi speċifiċi ta' informazzjoni meqjusa li jikkostitwixxu kontenut illegali, mingħajr ma taffettwa indebitament il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tar-riċevituri tas-servizz. Għalhekk, bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-avviżi jiġu diretti lill-fornituri ta' servizzi ta' hosting li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkollhom il-kapaċità teknika u operazzjonali li jaġixxu kontra tali elementi speċifiċi. Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting li jirċievu avviż li għalih ma jistgħux, għal raġunijiet tekniċi jew operazzjonali, ineħħu l-element speċifiku ta' informazzjoni, jenħtieġ li jinfurmaw lill-persuna jew lill-entità li ssottomettiet l-avviż.

    (52)

    Ir-regoli dwar dawn il-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni jenħtieġ li jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni, biex jipprevedu l-ipproċessar fil-ħin, diliġenti u mhux arbitrarju tal-avviżi abbażi ta' regoli li jkunu uniformi, trasparenti u ċari u li jipprevedu salvagwardji robusti biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha affettwati, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti mill-Karta, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti jew li fih jirrisjedu dawk il-partijiet u mill-qasam tal-liġi inkwistjoni. Dawk id-drittijiet fundamentali jinkludu iżda mhux limitati għal: għar-riċevituri tas-servizz, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv; għall-fornituri tas-servizzi, il-libertà li wieħed imexxi negozju, inkluż il-libertà kuntrattwali,; għall-partijiet affettwati mill-kontenut illegali, id-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà, inkluż il-proprjetà intellettwali u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni. Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jenħtieġ li jaġixxu fuq l-avviżi mingħajr dewmien, b'mod partikolari, billi jqisu t-tip ta' kontenut illegali li jkun qed jiġi nnotifikat u l-urġenza li tittieħed azzjoni. Pereżempju, tali fornituri jistgħu jkunu mistennija li jaġixxu mingħajr dewmien meta jkun qed jiġi nnotifikat kontenut allegatament illegali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuni. Il-fornitur ta' servizzi ta' hosting jenħtieġ li jinforma lill-individwu jew lill-entità li tinnotifika l-kontenut speċifiku mingħajr dewmien żejjed wara li jieħu deċiżjoni dwar jekk jaġixxix jew ma jaġixxix fuq l-avviż.

    (53)

    Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi li jkunu preċiżi biżżejjed u sostanzjati b'mod adegwat biex il-fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat ikun jista' jieħu deċiżjoni infurmata u diliġenti, kompatibbli mal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, fir-rigward tal-kontenut li għalih jirreferi l-avviż, b'mod partikolari jekk dak il-kontenut għandux jitqies bħala kontenut illegali u għandux jitneħħa jew jekk l-aċċess għalih għandux jiġi diżattivat. Jenħtieġ li dawk il-mekkaniżmi jkunu tali li jiffaċilitaw l-għoti ta' avviżi li jkun fihom spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex l-individwu jew l-entità li jkunu qed jissottomettu avviż iqisu li l-kontenut huwa illegali, u indikazzjoni ċara tal-lok fejn jinsab dak il-kontenut. Meta avviż ikun fih biżżejjed informazzjoni biex fornitur diliġenti ta' servizzi ta' hosting ikun jista' jidentifika, mingħajr eżami legali dettaljat, li jkun ċar li l-kontenut huwa illegali, jenħtieġ li l-avviż jitqies li jwassal għal għarfien jew konoxxenza effettivi tal-illegalità. Ħlief għat-tressiq ta' avviżi relatati ma' reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jitolbu lill-individwu jew lill-entità li jkunu qed jissottomettu avviż biex jiżvelaw l-identità tiegħu, biex jiġi evitat l-użu ħażin.

    (54)

    Meta fornitur ta' servizzi ta' hosting jiddeċiedi, minħabba li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tkun kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, li jneħħi, jew li jiddiżattiva l-aċċess għal, l-informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz jew inkella li jirrestrinġi l-viżibbiltà jew il-monetizzazzjoni tagħha, pereżempju wara li jkun wasallu avviż jew meta jaġixxi b'inizjattiva proprja, inkluż esklużivament b'mezzi awtomatiċi, dak il-fornitur jenħtieġ li jinforma lir-riċevitur b'mod ċar u li jinftiehem faċilment bid-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u l-possibbiltajiet ta' rimedju disponibbli biex ir-riċevitur ikun jista' jikkontesta d-deċiżjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li tali deċiżjonijiet jista' jkollhom għar-riċevitur, inkluż fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tiegħu għal-libertà tal-espressjoni. Dak l-obbligu jenħtieġ li japplika irrispettivament mir-raġunijiet għad-deċiżjoni, b'mod partikolari jekk l-azzjoni tkunx ittieħdet minħabba li l-informazzjoni nnotifikata titqies bħala kontenut illegali jew inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli. Fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet wara li jkun wasal avviż, jenħtieġ li l-fornitur ta' servizzi ta' hosting jiżvela biss l-identità tal-persuna jew tal-entità li ssottomettiet l-avviż lir-riċevitur tas-servizz fejn din l-informazzjoni tkun meħtieġa biex tiġi identifikata l-illegalità tal-kontenut, bħal f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    (55)

    Ir-restrizzjoni tal-viżibbiltà tista' tikkonsisti fl-iżgradar fis-sistemi ta' klassifikazzjoni jew ta' rakkomandazzjoni, kif ukoll fil-limitazzjoni tal-aċċessibbiltà minn wieħed jew aktar mir-riċevituri tas-servizz jew l-imblukkar tal-utent minn komunità online mingħajr ma l-utent ikun jaf biha ("shadow banning"). Il-monetizzazzjoni permezz tad-dħul mir-reklamar ta' informazzjoni ipprovduta mir-riċevitur tas-servizz tista' tiġi ristretta billi jiġi sospiż jew terminat il-pagament monetarju jew id-dħul assoċjat ma' dik l-informazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-obbligu li tiġi pprovduta dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma japplikax fir-rigward ta' kontenut kummerċjali qarrieqi ta' volum għoli mxerred permezz ta' manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz, b'mod partikolari l-użu mhux awtentiku tas-servizz bħall-użu ta' bots jew kontijiet foloz jew użi qarrieqa oħra tas-servizz. Irrispettivament minn possibbiltajiet oħra biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting, ir-riċevitur tas-servizz jenħtieġ li jkollu dejjem dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti f'konformità mal-liġi nazzjonali.

    (56)

    F'ċerti każijiet, fornitur ta' servizzi ta' hosting jista' jsir konxju, pereżempju permezz ta' avviż minn parti notifikanti jew permezz tal-miżuri volontarji tiegħu stess, ta' informazzjoni relatata ma' ċerta attività ta' riċevituri tas-servizz, bħall-provvista ta' ċerti tipi ta' kontenut illegali, li tiġġustifika b'mod raġonevoli, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jkun konxju tagħhom il-fornitur ta' servizzi ta' hosting, is-suspett li dak ir-riċevitur seta' wettaq, jista' jkun li qed iwettaq jew aktarx se jwettaq reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuna jew persuni, bħar-reati speċifikati fid-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), fid-Direttiva 2011/93/UE jew fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28). Pereżempju, elementi speċifiċi ta' kontenut jistgħu jagħtu lok għal suspett ta' theddida għall-pubbliku, bħall-inċitament għat-terroriżmu skont it-tifsira tal-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2017/541. F'każijiet bħal dawn, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting jenħtieġ li jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi dwar tali suspett. Il-fornitur ta' servizzi ta' hosting jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għalih, inkluż, fejn rilevanti, il-kontenut inkwistjoni u, jekk disponibbli, il-ħin meta l-kontenut ġie ppubblikat, inkluż iż-żona ta' ħin iddeżinjata, spjegazzjoni tas-suspett tiegħu u l-informazzjoni meħtieġa biex jinsab u jiġi identifikat ir-riċevitur rilevanti tas-servizz. Dan ir-Regolament ma jipprevedix il-bażi ġuridika għat-tfassil ta' profili tar-riċevituri tas-servizzi bil-ħsieb li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jkunu jistgħu jidentifikaw r-reati kriminali. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jirrispettaw ukoll regoli applikabbli oħra tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi meta jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

    (57)

    Biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, l-obbligi addizzjonali imposti skont dan ir-Regolament fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online, inklużi l-pjattaformi li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti, jenħtieġ li ma japplikawx għall-fornituri li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro u żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE. Għall-istess raġuni, dawk l-obbligi addizzjonali jenħtieġ li ma japplikawx ukoll għall-fornituri ta’ pjattaformi online li preċedentement jkunu kkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar matul perjodu ta’ 12-il xahar wara li jkunu tilfu dak l-istatus. Jenħtieġ li tali fornituri ma jiġux esklużi mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni. Madankollu, meta jitqies li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ilħuq akbar u impatt akbar fuq kif ir-riċevituri tas-servizz jiksbu informazzjoni u jikkomunikaw online, jenħtieġ li tali fornituri ma jibbenefikawx minn dik l-esklużjoni, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx jew ikkwalifikawx reċentement bħala intrapriżi mikro jew żgħar. Ir-regoli dwar il-konsolidazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE jgħinu biex jiġi żgurat li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni ta' dawk l-obbligi addizzjonali. Xejn f'dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-fornituri ta’ pjattaformi online li huma koperti minn dik l-esklużjoni milli jistabbilixxu, b'mod volontarju, sistema li tikkonforma ma' wieħed minn dawk l-obbligi jew aktar minn wieħed.

    (58)

    Ir-riċevituri tas-servizzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontestaw b'mod faċli u effettiv ċerti deċiżjonijiet tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jikkonċernaw l-illegalità tal-kontenut jew l-inkompatibbiltà tiegħu mat-termini u l-kondizzjonijiet li jaffettwawhom b'mod negattiv. Għalhekk, il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jiġu rikjesti li jipprevedu sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti, li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet biex jiġi żgurat li s-sistemi jkunu aċċessibbli faċilment u jwasslu għal eżiti rapidi, mhux diskriminatorji, mhux arbitrarji u ġusti, u jkunu soġġetti għal rieżami mill-bniedem meta jintużaw mezzi awtomatizzati. Tali sistemi jenħtieġ li jippermettu lir-riċevituri kollha tas-servizz iressqu lment u jenħtieġ li ma jistabbilux rekwiżiti formali, bħal riferiment għal dispożizzjonijiet legali speċifiċi u rilevanti jew jelaboraw spjegazzjonijiet legali. Ir-riċevituri tas-servizz li ssottomettew avviż permezz tal-mekkaniżmu ta' avviż u azzjoni previst f'dan ir-Regolament jew permezz tal-mekkaniżmu ta' notifika għall-kontenut li jikser it-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jkunu intitolati jużaw il-mekkaniżmu tal-ilmenti biex jikkontestaw id-deċiżjoni tal-fornitur ta’ pjattaformi online dwar l-avviżi tagħhom, inkluż meta jqisu li l-azzjoni meħuda minn dak il-fornitur ma kinitx adegwata. Jenħtieġ li l-possibbiltà li jitressaq ilment għat-treġġigħ lura tad-deċiżjonijiet ikkontestati tkun disponibbli għal mill-inqas sitt xhur, li jiġu kkalkulati mill-mument li fih il-fornitur ta’ pjattaformi online informa lir-riċevitur tas-servizz bid-deċiżjoni.

    (59)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà ta' involviment, in bona fide, fis-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ta' tali tilwim, inkluż dak it-tilwim li ma jistax jissolva b'mod sodisfaċenti permezz tas-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti, minn korpi ċċertifikati li għandhom l-indipendenza meħtieġa, il-mezzi u l-għarfien espert biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod ġust, rapidu u kosteffettiv. L-indipendenza tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll fil-livell tal-persuni fiżiċi inkarigati mis-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż permezz ta' regoli dwar il-kunflitt ta' interess. Jenħtieġ li t-tariffi imposti mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ikunu raġonevoli, aċċessibbli, attraenti, irħas għall-konsumaturi u proporzjonati, u vvalutati fuq bażi ta' każ b'każ. Meta korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jkun iċċertifikat mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kompetenti, dik iċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li tkun valida fl-Istati Membri kollha. Il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrifjutaw li jinvolvu ruħhom fi proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont dan ir-Regolament, meta l-istess tilwima, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni kkonċernata u r-raġunijiet għat-teħid tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tad-deċiżjoni u r-raġunijiet mogħtija għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni, tkun diġà ġiet solvuta minn, jew tkun diġà soġġetta għal, proċedura li tkun għaddejja quddiem il-qorti kompetenti jew quddiem korp kompetenti ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti. Ir-riċevituri tas-servizz jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu bejn il-mekkaniżmu intern tal-ilmenti, soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti u l-possibbiltà li jibdew, fi kwalunkwe stadju, proċedimenti ġudizzjarji. Peress li l-eżitu tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti mhuwiex vinkolanti, jenħtieġ li l-partijiet ma jitwaqqfux milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess tilwima. Il-possibbiltajiet biex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta’ pjattaformi online maħluqa b'dan il-mod jenħtieġ li ma jaffettwaw bl-ebda mod, il-possibbiltà li wieħed ifittex rimedju ġudizzjarju f'konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat, u għalhekk jenħtieġ li ma jaffettwawx l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament dwar is-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jenħtieġ li ma jirrikjedux li l-Istati Membri jistabbilixxu tali korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

    (60)

    Għat-tilwim kuntrattwali bejn il-konsumaturi u n-negozji fuq ix-xiri ta' oġġetti jew servizzi, id-Direttiva 2013/11/UE tiżgura li l-konsumaturi tal-Unjoni u n-negozji fl-Unjoni jkollhom aċċess għal entitajiet ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim iċċertifikati għall-kwalità. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli ta' dan ir-Regolament dwar is-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti huma mingħajr preġudizzju għal dik id-Direttiva, inkluż id-dritt tal-konsumaturi skont dik id-Direttiva li jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunux sodisfatti bil-prestazzjoni jew bit-tħaddim tal-proċedura.

    (61)

    Tista' tittieħed azzjoni aktar rapida u b'mod aktar affidabbli kontra l-kontenut illegali meta l-fornituri ta’ pjattaformi online jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz tal-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni rikjesti minn dan ir-Regolament ikunu trattati bi prijorità, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li jiġu pproċessati l-avviżi kollha sottomessi permezz ta' dawk il-mekkaniżmi u tittieħed deċiżjoni dwarhom fil-ħin u b'mod diliġenti u mhux arbitrarju. Tali status ta' sinjalatur fdat jenħtieġ li jingħata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fih l-applikant ikun stabbilit u jenħtieġ li jiġi rikonoxxut mill-fornituri kollha tal-pjattaformi online fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tali status ta' sinjalatur fdat jenħtieġ li jingħata biss lill-entitajiet, u mhux lill-individwi, li juru, fost affarijiet oħrajn, li għandhom għarfien espert u kompetenza partikolari fl-indirizzar tal-kontenut illegali u li jaħdmu b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv. Tali entitajiet jistgħu jkunu pubbliċi fin-natura tagħhom, bħal pereżempju, għall-kontenut terroristiku, l-unitajiet ta' indikazzjoni ta' kontenut fuq l-internet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jew tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi ("Europol") jew jistgħu jkunu organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi privati jew semi-pubbliċi bħall-organizzazzjonijiet parti min-network ta' hotlines INHOPE għar-rappurtar tal-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal u l-organizzazzjonijiet impenjati biex jinnotifikaw espressjonijiet razzisti u ksenofobiċi online. Biex jiġi evitat li jitnaqqas il-valur miżjud ta' tali mekkaniżmu, l-għadd globali ta' sinjalaturi fdati mogħti f'konformità ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat. B'mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom huma inkoraġġuti japplikaw għall-istatus ta' sinjalaturi fdati, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' entitajiet privati jew individwi li jidħlu fi ftehimiet bilaterali mal-fornituri ta’ pjattaformi online.

    (62)

    Jenħtieġ li s-sinjalaturi fdati jippubblikaw rapporti li jinftiehmu faċilment u dettaljati dwar l-avviżi sottomessi f'konformità ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk ir-rapporti jindikaw informazzjoni bħall-għadd ta' avviżi kategorizzati mill-fornitur ta' servizzi ta' hosting, it-tip ta' kontenut innotifikat, u l-azzjoni meħuda mill-fornitur. Minħabba li s-sinjalaturi fdati jkunu wrew għarfien espert u kompetenza, l-ipproċessar ta' avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati jista' jkun mistenni li jkun inqas ta' piż u għalhekk jieħu inqas ħin meta mqabbel mal-avviżi sottomessi minn riċevituri oħra tas-servizz. Madankollu, iż-żmien medju li jittieħed għall-ipproċessar xorta jista' jvarja skont fatturi oħra inkluż it-tip ta' kontenut illegali, il-kwalità tal-avviżi, u l-proċeduri tekniċi proprji fis-seħħ għas-sottomissjoni ta' tali avviżi.

    Pereżempju, filwaqt li l-Kodiċi ta' kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegalionline tal-2016 jistabbilixxi parametru referenzjarju għall-kumpaniji parteċipanti fir-rigward taż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati notifiki validi għat-tneħħija ta' diskors ta' mibegħda illegali, tipi oħra ta' kontenut illegali jistgħu jiġu pproċessati f'perjodi ta' żmien konsiderevolment differenti, skont il-fatti u ċ-ċirkostanzi speċifiċi u t-tipi ta' kontenut illegali inkwistjoni. Sabiex jiġu evitati abbużi tal-istatus ta' sinjalaturi fdati, jenħtieġ li jkun possibbli li tali status jiġi sospiż meta Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment ikun fetaħ investigazzjoni bbażata għal raġunijiet leġittimi. Ir-regoli ta' dan ir-Regolament dwar is-sinjalaturi fdati jenħtieġ li ma jinftehmux li jipprevjenu lill-fornituri ta’ pjattaformi online milli jagħtu trattament simili għall-avviżi sottomessi minn entitajiet jew individwi li ma jkunux ingħataw status ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament, milli jikkooperaw b'mod ieħor ma' entitajiet oħrajn, f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29). Jenħtieġ li r-regoli ta' dan ir-Regolament ma jipprevjenux lill-fornituri ta’ pjattaformi online milli jagħmlu użu minn tali sinjalatur fdat jew mekkaniżmi simili biex jieħdu azzjoni rapida u affidabbli kontra kontenut li jkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari kontra kontenut li jkun ta' ħsara għal riċevituri vulnerabbli tas-servizz, bħall-minorenni.

    (63)

    L-użu ħażin tal-pjattaformi online billi jiġi pprovdut b'mod frekwenti kontenut manifestament illegali jew billi jiġu sottomessi b'mod frekwenti avviżi jew ilmenti manifestament infondati permezz tal-mekkaniżmi u tas-sistemi, rispettivament, stabbiliti skont dan ir-Regolament jimmina l-fiduċja u jagħmel ħsara lid-drittijiet u lill-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa, proporzjonati u effettivi kontra tali użu ħażin, li jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali applikabbli kif minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni. L-informazzjoni jenħtieġ li titqies bħala kontenut manifestament illegali u l-avviżi u l-ilmenti jenħtieġ li jitqiesu manifestament infondati meta jkun evidenti għal persuna mhux esperta, mingħajr l-ebda analiżi sostantiva, li l-kontenut huwa illegali jew, rispettivament, li l-avviżi jew l-ilmenti huma infondati.

    (64)

    F'ċerti kondizzjonijiet, il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jissospendu temporanjament l-attivitajiet rilevanti tagħhom fir-rigward tal-persuna involuta f'imġiba abbużiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-fornituri ta’ pjattaformi online biex jiddeterminaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom u jistabbilixxu miżuri aktar stretti fil-każ ta' kontenut manifestament illegali relatat ma' reati serji, bħal materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal. Għal raġunijiet ta' trasparenza, jenħtieġ li din il-possibbiltà tiġi stabbilita, b'mod ċar u b'dettall suffiċjenti, fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-pjattaformi online. Jenħtieġ li r-rimedju jkun dejjem miftuħ għad-deċiżjonijiet meħuda f'dan ir-rigward mill-fornituri ta’ pjattaformi online u jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kompetenti. Il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jibagħtu twissija bikrija qabel ma jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, li jenħtieġ li tinkludi r-raġunijiet għas-sospensjoni possibbli u l-mezzi ta' rimedju kontra d-deċiżjoni tal-fornituri ta’ pjattaforma online. Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jibagħtu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet f'konformità mar-regoli f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-regoli ta' dan ir-Regolament dwar l-użu ħażin ma jipprevjenux lill-fornituri ta’ pjattaformi online milli jieħdu miżuri oħra biex jindirizzaw il-provvista ta' kontenut illegali mir-riċevituri tas-servizz tagħhom jew użu ħażin ieħor tas-servizzi tagħhom, inkluż permezz tal-ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali applikabbli. Dawk ir-regoli huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe possibbiltà li l-persuni involuti fl-użu ħażin jinżammu responsabbli, inkluż għad-danni, prevista fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.

    (65)

    Fid-dawl tar-responsabbiltajiet u tal-obbligi partikolari tal-fornituri ta’ pjattaformi online, jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal obbligi ta' rappurtar dwar it-trasparenza, li japplikaw minbarra l-obbligi ta' rappurtar dwar it-trasparenza applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji skont dan ir-Regolament. Għall-finijiet li jiġi determinat jekk il-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix online jistgħux ikunu pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, rispettivament, li huma soġġetti għal ċerti obbligi addizzjonali skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-obbligi ta' rappurtar dwar it-trasparenza għall-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix online jinkludu ċerti obbligi relatati mal-pubblikazzjoni u mal-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-medja ta' kull xahar ta' riċevituri tas-servizz attivi fl-Unjoni.

    (66)

    Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jkun jista' jsir skrutinju tad-deċiżjonijiet ta' moderazzjoni tal-kontenut tal-fornituri ta’ pjattaformi online u jiġi mmonitorjat it-tixrid ta' kontenut illegali online, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm u tippubblika bażi tad-data li jkun fiha d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet tal-fornituri ta’ pjattaformi online meta dawn ineħħu jew jirrestrinġu b'mod ieħor id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-aċċess għaliha. Sabiex iżommu l-bażi tad-data aġġornata kontinwament, il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jissottomettu, f'format standard, id-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mingħajr dewmien żejjed wara li tkun ittieħdet deċiżjoni, biex jippermettu aġġornamenti f'ħin reali, meta teknikament possibbli, u b'mod proporzjonat għall-mezzi tal-pjattaforma online inkwistjoni. Jenħtieġ li l-bażi tad-data strutturata tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti u t-tfittxijiet għaliha, b'mod partikolari fir-rigward tat-tip ta' kontenut allegatament illegali inkwistjoni.

    (67)

    Id-dark patterns fuq l-interfaċċi online ta' pjattaformi online huma prattiki li materjalment jgħawġu jew ifixklu, b’mod intenzjonali jew effettivament, il-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jagħmlu għażliet jew deċiżjonijiet awtonomi u infurmati. Dawk il-prattiki jistgħu jintużaw biex jikkonvinċu lir-riċevituri tas-servizz jadottaw imġiba mhux mixtieqa jew deċiżjonijiet mhux mixtieqa li jkollhom konsegwenzi negattivi għalihom. Il-fornituri tal-pjattaformi online, għalhekk, jenħtieġ li jkunu pprojbiti milli jqarrqu bir-riċevituri tas-servizz, jew iħajruhom, u milli jgħawġu jew ifixklu l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet, jew l-għażla tar-riċevituri tas-servizz permezz tal-istruttura, id-diżinn jew il-funzjonalitajiet ta' interfaċċa online jew parti minnha. Dan jenħtieġ li jinkludi, iżda ma jkunx limitat għal, għażliet ta' diżinn ta' sfruttament biex ir-riċevitur jiġi ddireġut lejn azzjonijiet li jkunu ta' benefiċċju għall-fornitur ta’ pjattaformi online, iżda li jistgħu ma jkunux fl-interess tar-riċevituri, li jippreżentaw għażliet b'mod mhux newtrali, bħall-għoti ta' aktar prominenza lil ċerti għażliet permezz ta' komponenti viżivi, udittivi jew oħrajn, meta r-riċevitur tas-servizz jintalab jieħu deċiżjoni.

    Jenħtieġ li jinkludi wkoll il-fatt li riċevitur tas-servizz jintalab ripetutament biex jagħmel għażla meta tali għażla tkun diġà saret, li l-proċedura ta' kanċellazzjoni ta' servizz tkun ferm aktar ikkumplikata milli dik ta' reġistrazzjoni, jew li ċerti għażliet ikunu aktar diffiċli jew jieħdu aktar ħin minn oħrajn, il-fatt li jkun diffiċli b'mod mhux raġonevoli li jitwaqqaf ix-xiri jew li wieħed joħroġ minn pjattaforma online partikolari, li l-konsumaturi jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti, u li r-riċevituri tas-servizz jiġu mqarrqa billi jiġu mħajra jieħdu deċiżjonijiet dwar tranżazzjonijiet, jew b'settings prestabbiliti li jkunu diffiċli ħafna biex jinbidlu, u b'hekk jippreġudikaw b'mod mhux raġonevoli t-teħid ta' deċiżjonijiet tar-riċevitur tas-servizz, b'mod li jgħawweġ u jfixkel l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-għażla tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li r-regoli li jipprevjenu d-dark patterns ma jinftehmux bħala li jipprevjenu lill-fornituri milli jinteraġixxu direttament mar-riċevitur ta-servizz u joffrulhom servizzi ġodda jew addizzjonali. Il-prattiki leġittimi, pereżempju fir-reklamar, li jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li fihom infushom ma jitqisux bħala li jikkostitwixxu dark patterns. Dawk ir-regoli dwar id-dark patterns jenħtieġ li jiġu interpretati bħala li jkopru prattiki pprojbiti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-punt li dawk il-prattiki ma jkunux diġà koperti mid-Direttiva 2005/29/KE jew mir-Regolament (UE) 2016/679.

    (68)

    Ir-reklamar online għandu rwol importanti fl-ambjent online, inkluż b'rabta mal-forniment tal-pjattaformi online, fejn il-forniment tas-servizz kultant, kompletament jew parzjalment, jiġi rimunerat direttament jew indirettament, permezz tad-dħul mir-reklamar. Ir-reklamar online jista' jikkontribwixxi għal riskji sinifikanti, li jvarjaw minn reklami li jkunu fihom innifshom kontenut illegali, għal reklamar li jikkontribwixxi għal inċentivi finanzjarji għall-pubblikazzjoni jew għall-amplifikazzjoni ta' kontenut u attivitajiet online illegali jew dannużi b'mod ieħor, jew il-preżentazzjoni diskriminatorja ta' reklamar b'impatt fuq it-trattament u l-opportunitajiet indaqs taċ-ċittadini. Minbarra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online jiġu rikjesti li jiżguraw li r-riċevituri tas-servizz ikollhom ċerta informazzjoni individwalizzata meħtieġa biex jifhmu meta u f'isem min qed jiġi ppreżentat ir-reklam. Jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni tkun prominenti, inkluż permezz ta' marki viżivi jew awdjo standardizzati, identifikabbli b'mod ċar u mhux ambigwu għar-riċevitur medju tas-servizz, u jenħtieġ li tiġi adattata għan-natura tal-interfaċċa online tas-servizz individwali. Barra minn hekk, ir-riċevituri tas-servizz jenħtieġ li jkollhom informazzjoni direttament aċċessibbli mill-interfaċċa online fejn ir-reklam ikun ippreżentat, dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi determinat li reklam speċifiku huwa ppreżentat lilhom, filwaqt li jiġu pprovduti spjegazzjonijiet sinifikattivi tal-loġika użata għal dak il-għan, inkluż meta din tkun ibbażata fuq it-tfassil tal-profili.

    Tali spjegazzjonijiet jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar il-metodu użat għall-preżentazzjoni tar-reklam – pereżempju jekk huwiex kuntestwali jew tip ieħor ta' reklamar – u, fejn applikabbli, il-kriterji ewlenin tat-tfassil ta' profili użati; jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lir-riċevitur dwar kwalunkwe mezz disponibbli għalih biex ibiddel tali kriterji. Ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament dwar il-provvista ta' informazzjoni relatata mar-reklamar huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2016/679, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dritt ta' oġġezzjoni, it-teħid individwali awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta' profili u speċifikament il-ħtieġa li jinkiseb kunsens tas-soġġett tad-data qabel l-ipproċessar tad-data personali għar-reklamar immirat. B'mod simili, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħżin tal-informazzjoni fit-tagħmir terminali u l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna hemmhekk. Fl-aħħar nett, dan ir-Regolament jikkomplementa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE li timponi miżuri li jippermettu lill-utenti jiddikjaraw komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi f'filmati maħluqa mill-utenti. Jikkomplementa wkoll l-obbligi għall-kummerċjanti rigward id-divulgazzjoni ta' komunikazzjonijiet kummerċjali li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/29/KE.

    (69)

    Meta r-riċevituri tas-servizz jiġu ppreżentati b'reklami bbażati fuq tekniki mmirati ottimizzati biex jaqblu mal-interessi tagħhom u potenzjalment jappellaw għall-vulnerabbiltajiet tagħhom, dan jista' jkollu effetti negattivi partikolarment serji. F'ċerti każijiet, it-tekniki manipulattivi jista' jkollhom impatt negattiv fuq gruppi sħaħ u jamplifikaw il-ħsara għas-soċjetà, pereżempju billi jikkontribwixxu għal kampanji ta' diżinformazzjoni jew billi jiddiskriminaw kontra ċerti gruppi. Il-pjattaformi online huma ambjenti partikolarment sensittivi għal prattiki bħal dawn u għandhom riskju ogħla għas-soċjetà. Konsegwentement, il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li ma jippreżentawx reklami bbażati fuq it-tfassil ta' profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, bl-użu ta' kategoriji speċjali ta' data personali imsemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament, inkluż bl-użu ta' kategoriji ta' tfassil ta' profili bbażati fuq dawk il-kategoriji speċjali. Din il-projbizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-fornituri ta’ pjattaformi online jew għal kwalunkwe fornitur ta' servizz jew reklamatur ieħor involut fid-disseminazzjoni tar-reklami skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

    (70)

    Parti ewlenija tan-negozju tal-pjattaforma online hija l-mod li bih l-informazzjoni tiġi prijoritizzata u ppreżentata fuq l-interfaċċa online tagħha biex jiġi ffaċilitat u ottimizzat l-aċċess għall-informazzjoni għar-riċevituri tas-servizz. Dan isir, pereżempju, billi l-informazzjoni tiġi ssuġġerita, klassifikata u prijoritizzata b'mod algoritmiku, u ssir distinzjoni fit-test jew f'rappreżentazzjonijiet viżivi oħra, jew billi l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tiġi organizzata b'xi mod ieħor. Tali sistemi ta' rakkomandazzjoni jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tar-riċevituri li jiksbu informazzjoni u jinteraġixxu mal-informazzjoni online, inkluż biex jiffaċilitaw it-tiftix ta' informazzjoni rilevanti għar-riċevituri tas-servizz u jikkontribwixxu għal esperjenza mtejba tal-utent. Jaqdu wkoll rwol importanti fl-amplifikazzjoni ta' ċerti messaġġi, fid-disseminazzjoni virali tal-informazzjoni u fl-istimolu tal-imġiba online. Konsegwentement, jenħtieġ li l-pjattaformi online jiżguraw b'mod konsistenti li r-riċevituri tas-servizz tagħhom jiġu infurmati kif xieraq dwar kif is-sistemi ta' rakkomandazzjoni jkollhom impatt fuq il-mod kif tintwera l-informazzjoni, u jistgħu jinfluwenzaw kif l-informazzjoni tiġi ppreżentata lilhom. Jenħtieġ li jippreżentaw b'mod ċar il-parametri għat-tali sistemi ta' rakkomandazzjoni b'mod li jinftiehem faċilment biex jiżguraw li r-riċevituri tas-servizz jifhmu kif tiġi prijoritizzata l-informazzjoni għalihom. Dawk il-parametri jenħtieġ li jinkludu mill-inqas l-aktar kriterji importanti fid-determinazzjoni tal-informazzjoni ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz u r-raġunijiet għall-importanza rispettiva tagħhom, inkluż meta l-informazzjoni tingħata prijorità abbażi tat-tfassil ta' profili u l-imġiba online tagħhom.

    (71)

    Il-protezzjoni tal-minorenni hija objettiv ta' politika importanti tal-Unjoni. Pjattaforma online tista' titqies bħala aċċessibbli għall-minorenni meta t-termini u l-kondizzjonijiet tagħha jippermettu lill-minorenni jużaw is-servizz, meta s-servizz tagħha jkun dirett lejn il-minorenni jew jintuża b'mod predominanti minnhom, jew meta l-fornitur ikun konxju b'xi mod ieħor li wħud mir-riċevituri tas-servizz tiegħu jkunu minorenni, pereżempju minħabba li diġà jipproċessa data personali tar-riċevitur tas-servizz tiegħu li tiżvela l-età tagħhom għal skopijiet oħra. Il-fornituri ta’ pjattaformi online użati mill-minorenni jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jipproteġu lill-minorenni, pereżempju billi jiddiżinjaw l-interfaċċi online tagħhom jew partijiet minnhom bl-ogħla livell ta' privatezza, sikurezza u sigurtà għall-minorenni b'mod awtomatiku meta xieraq jew billi jadottaw standards għall-protezzjoni tal-minorenni, jew billi jipparteċipaw f'kodiċijiet ta' kondotta għall-protezzjoni tal-minorenni. Jenħtieġ li jikkunsidraw l-aħjar prattiki u l-gwida disponibbli, bħal dik ipprovduta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Deċennju Diġitali għat-tfal u ż-żgħażagħ: l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+). Il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li ma jippreżentawx reklami bbażati fuq it-tfassil ta' profili bl-użu ta' data personali tar-riċevitur tas-servizz meta jkunu konxji b'ċertezza raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikun minorenni. F'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, b'mod partikolari l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 5(1), punt (c), tiegħu, jenħtieġ li din il-projbizzjoni ma twassalx lill-fornitur ta’ pjattaforma online biex iżomm, jakkwista jew jipproċessa aktar data personali milli diġà jkollu sabiex jivvaluta jekk ir-riċevitur tas-servizz huwiex minorenni. Għaldaqstant, dan l-obbligu jenħtieġ li ma jinċentivax lill-fornituri ta’ pjattaformi online biex jiġbru l-età tar-riċevitur tas-servizz qabel l-użu tagħhom. Jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

    (72)

    Biex jikkontribwixxu għal ambjent online sikur, affidabbli u trasparenti għall-konsumaturi, kif ukoll għal partijiet interessati oħra bħal pereżempju il-kummerċjanti kompetituri u d-detenturi tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, u biex jiskoraġġixxu lill-kummerċjanti milli jbigħu prodotti jew servizzi bi ksur tar-regoli applikabbli, jenħtieġ li l-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jiżguraw li tali kummerċjanti jkunu traċċabbli. Għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant jiġi rikjest li jipprovdi ċerta informazzjoni essenzjali lill-fornituri tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, inkluż biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew biex joffru prodotti. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ikun applikabbli għall-kummerċjanti li jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi f'isem id-ditti, abbażi ta' ftehimiet sottostanti. Jenħtieġ li dawk il-fornituri ta’ pjattaformi online jaħżnu l-informazzjoni kollha b'mod sigur għad-durata tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-kummerċjant u 6 xhur wara dan, biex ikun jista' jitressaq kwalunkwe azzjoni kontra l-kummerċjant jew biex l-ordnijiet relatati mal-kummerċjant ikunu jistgħu jiġu rispettati.

    Dan l-obbligu huwa meħtieġ u proporzjonat, biex l-informazzjoni tkun tista' tiġi aċċessata, f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data personali, mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet privati b'interess leġittimu, inkluż permezz tal-ordnijiet li tiġi pprovduta informazzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament. Dan l-obbligu ma jaffettwax l-obbligi potenzjali biex ċertu kontenut jiġi ppreservat għal perjodi itwal ta' żmien, abbażi ta' liġijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni prevista f'dan ir-Regolament, kwalunkwe kummerċjant, irrispettivament minn jekk huwiex persuna fiżika jew ġuridika, identifikat abbażi tal-Artikolu 6a(1), punt (b), tad-Direttiva 2011/83/UE u l-Artikolu 7(4), punt (f), tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jkun traċċabbli meta joffri prodott jew servizz permezz ta' pjattaforma online. Id-Direttiva 2000/31/KE tobbliga lill-fornituri kollha tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni biex jagħmlu aċċessibbli b'mod faċli, dirett u permanenti għar-riċevituri tas-servizz u l-awtoritajiet kompetenti ċerta informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-fornituri kollha. Ir-rekwiżiti ta' traċċabbiltà għall-fornituri tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jaffettwawx l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 (30), li ssegwi objettivi leġittimi oħra ta' interess pubbliku.

    (73)

    Biex tiġi żgurata applikazzjoni effiċjenti u xierqa ta' dak l-obbligu, mingħajr ma jiġu imposti piżijiet sproporzjonati, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jagħmlu l-almu tagħhom biex jivvalutaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjanti kkonċernati, b'mod partikolari billi jużaw bażijiet tad-data online u interfaċċi online uffiċjali disponibbli b'mod liberu, bħal pereżempju r-reġistri kummerċjali nazzjonali u s-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT, jew billi jitolbu lill-kummerċjanti kkonċernati jipprovdu dokumenti ġustifikattivi affidabbli, bħal kopji ta' dokumenti ta' identità, rendikonti tal-kontijiet ta' pagament iċċertifikati, ċertifikati tal-kumpanija u ċertifikati tar-reġistru kummerċjali. Jistgħu wkoll jużaw sorsi oħra, disponibbli għall-użu mill-bogħod, li joffru livell simili ta' affidabbiltà bl-iskop li jikkonformaw ma' dan l-obbligu. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kkonċernati ma jiġux rikjesti li jinvolvu ruħhom f'eżerċizzji online ta' tiftix tal-fatti eċċessivi jew għaljin jew li jwettqu verifiki sproporzjonati fuq il-post. Lanqas ma jenħtieġ li l-fornituri, li jkunu għamlu ħilithom kif rikjest minn dan ir-Regolament, jinftiehmu li qed jiggarantixxu l-affidabbiltà tal-informazzjoni lejn il-konsumaturi jew lejn partijiet interessati oħra.

    (74)

    Jenħtieġ ukoll li l-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jiddiżinjaw u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b'mod li jippermetti lill-kummerċjanti jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni rilevanti, b'mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2011/83/UE, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE, fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2000/31/KE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31). Għal dak il-għan, il-fornituri ta’ pjattaformi online kkonċernati jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jivvalutaw jekk il-kummerċjanti li jużaw is-servizzi tagħhom tellgħux l-informazzjoni kompleta fuq l-interfaċċi online tagħhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli rilevanti. Il-fornituri ta’ pjattaformi online jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti jew is-servizzi ma jiġux offruti sakemm tali informazzjoni ma tkunx kompleta. Dan jenħtieġ li ma jikkostitwix obbligu għall-fornituri ta’pjattaformi online kkonċernati li jimmonitorjaw b'mod ġenerali l-prodotti jew is-servizzi offruti mill-kummerċjanti permezz tas-servizzi tagħhom u lanqas obbligu ġenerali ta' ġbir ta' informazzjoni, b'mod partikolari biex jivvalutaw l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjanti. L-interfaċċi online jenħtieġ li jkunu faċli għall-utent u aċċessibbli faċilment għall-kummerċjanti u l-konsumaturi. Barra minn hekk, u wara li jippermettu l-offerta tal-prodott jew tas-servizz mill-kummerċjant, il-fornituri ta’ pjattaformi online kkonċernati jenħtieġ li jagħmlu sforzi raġonevoli biex jivverifikaw b'mod aleatorju jekk il-prodotti jew is-servizzi offruti ġewx identifikati bħala illegali fi kwalunkwe bażi tad-data online jew interfaċċa online uffiċjali, aċċessibbli mingħajr ħlas u li tinqara minn magna disponibbli fi Stat Membru jew fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll it-traċċabbiltà tal-prodotti permezz ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi bħal kodiċijiet ta' Rispons Rapidu ffirmati diġitalment (jew "kodiċijiet QR") jew tokens mhux funġibbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards u, fin-nuqqas tagħhom, ta' soluzzjonijiet immexxija mis-suq li jistgħu jkunu aċċettabbli għall-partijiet ikkonċernati.

    (75)

    Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, dovuta għall-ilħuq tagħhom, b'mod partikolari espress fl-għadd ta' riċevituri tas-servizz, fil-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku, tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u tad-disseminazzjoni lill-pubbliku ta' informazzjoni, opinjonijiet u ideat u minħabba li jinfluwenzaw il-mod ta' kif ir-riċevituri jiksbu u jikkomunikaw l-informazzjoni online, huwa meħtieġ li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq il-fornituri ta' dawk il-pjattaformi, minbarra l-obbligi applikabbli għall-pjattaformi online kollha. Minħabba r-rwol kritiku tagħhom fil-lokalizzazzjoni u fl-irkupru tal-informazzjoni online, huwa meħtieġ ukoll li dawk l-obbligi jiġu imposti, sa fejn dawn ikunu applikabbli, fuq il-fornituri tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna. Dawk l-obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna huma meħtieġa biex jiġi indirizzat dak it-tħassib tal-politika pubblika, peress li ma jeżistu l-ebda miżuri alternattivi u inqas restrittivi li jistgħu jiksbu l-istess riżultat b'mod effettiv.

    (76)

    Il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jikkawżaw riskji soċjetali, differenti fl-ambitu u fl-impatt tagħhom minn dawk ikkawżati minn pjattaformi iżgħar. Għalhekk, il-fornituri ta' tali pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jkollhom l-ogħla standard ta' obbligi ta' diliġenza dovuta, b'mod proporzjonat għall-impatt soċjetali tagħhom. Ladarba l-għadd ta' riċevituri attivi ta' pjattaforma jew ta' riċevituri attivi ta’ magna tat-tiftix online, ikkalkulat bħala medja fuq perjodu ta' sitt xhur, jilħaq sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ir-riskji sistemiċi li toħloq il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online jista' jkollhom impatt sproporzjonat fl-Unjoni. Tali ilħuq sinifikanti jenħtieġ li jitqies li jeżisti meta tali għadd jaqbeż livell limitu operattiv stabbilit għal 45 miljun, jiġifieri, numru ekwivalenti għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Dan il-livell limitu operattiv jenħtieġ li jinżamm aġġornat u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tissupplimenta d-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati, fejn meħtieġ.

    (77)

    Sabiex jiġi ddeterminat l-ilħuq ta' pjattaforma online jew magna tat-tiftix online partikolari, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-għadd medju ta' riċevituri attivi ta' kull servizz b'mod individwali. Għaldaqstant, l-għadd ta' riċevituri medji fix-xahar ta' pjattaforma online jenħtieġ li jirrifletti r-riċevituri kollha li fil-fatt jużaw is-servizz mill-inqas darba f'perjodu ta' żmien partikolari, billi jkunu esposti għal informazzjoni disseminata fuq l-interfaċċa tal-pjattaforma online, bħal li jarawha jew jisimgħuha jew billi jipprovdu informazzjoni, bħall-kummerċjanti f'pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludi kuntratti ma’ kummerċjanti.

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-involviment mhuwiex limitat għall-interazzjoni mal-informazzjoni billi wieħed jikklikkja fuq, jikkummenta, jillinkja, jikkondividi, jixtri jew iwettaq tranżazzjonijiet fuq pjattaforma online. Konsegwentement, il-kunċett ta' riċevitur attiv tas-servizz mhux neċessarjament jikkoinċidi ma' dak ta' utent irreġistrat ta' servizz. Fir-rigward tal-magni tat-tiftix online, il-kunċett ta' riċevituri attivi tas-servizz jenħtieġ li jkopri lil dawk li jaraw l-informazzjoni fl-interfaċċa online tagħhom, iżda mhux, pereżempju, is-sidien tas-siti web indiċjati minn magna tat-tiftix online, peress li dawn ma jinvolvux ruħhom b'mod attiv mas-servizz. L-għadd ta' riċevituri attivi ta' servizz jenħtieġ li jinkludi r-riċevituri uniċi kollha tas-servizz li jużaw is-servizz speċifiku. Għal dan il-għan, riċevitur tas-servizz li juża interfaċċi online differenti, bħal siti web jew applikazzjonijiet, inkluż meta s-servizzi jiġu aċċessati permezz ta' lokalizzaturi uniformi tar-riżorsi (URLs) jew ismijiet ta' dominji differenti, jenħtieġ li, fejn possibbli, jingħadd darba biss. Madankollu, il-kunċett ta' riċevitur attiv tas-servizz jenħtieġ li ma jinkludix l-użu inċidentali tas-servizz minn riċevituri ta' fornituri ta’ servizzi intermedjarji online oħra li indirettament jagħmlu disponibbli informazzjoni ospitata mill-fornitur ta’ pjattaforma online permezz ta' llinkjar jew indiċjar minn fornitur ta' magna tat-tiftix online. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-fornituri ta’ pjattaformi online jew tal-magni tat-tiftix online jwettqu traċċar speċifiku ta' individwi online. Fejn tali fornituri jkunu jistgħu jeskludu lill-utenti awtomatizzati bħall-bots jew l-iscrapers mingħajr ipproċessar ulterjuri tad-data personali u traċċar, jistgħu jagħmlu dan. Id-determinazzjoni tal-għadd ta' riċevituri tas-servizz attivi tista' tiġi influwenzata minn żviluppi tas-suq u tekniċi u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tissupplementa d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-metodoloġija biex jiġu ddeterminati r-riċevituri attivi ta' pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, fejn meħtieġ, li tirrifletti n-natura tas-servizz u l-mod kif ir-riċevituri tas-servizz jinteraġixxu miegħu.

    (78)

    Fid-dawl tal-effetti tan-network li jikkaratterizzaw l-ekonomija tal-pjattaformi, il-bażi tal-utenti ta' pjattaforma online jew ta’ magna ta’ tiftix online tista' tespandi malajr u tilħaq id-dimensjoni ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna ta’ tiftix online kbira ħafna, bl-impatt relatat fuq is-suq intern. Dan jista' jseħħ fil-każ ta' tkabbir esponenzjali li jiġi esperjenzat f'perjodi qosra ta' żmien, jew minn preżenza u fatturat dinjija kbar li jippermettu lill-pjattaforma online jew lill-magna ta’ tiftix online tisfrutta bis-sħiħ l-effetti tan-network u l-ekonomiji ta' skala u ta' firxa. Fatturat annwali għoli jew kapitalizzazzjoni tas-suq jistgħu, b'mod partikolari, ikunu indikazzjoni ta' skalabbiltà rapida f'termini ta' lħuq tal-utenti. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew il-Kummissjoni jkunu jistgħu jitolbu rappurtar aktar frekwenti mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna ta’ tiftix online dwar l-għadd ta' riċevituri attivi tas-servizz biex ikunu jistgħu jidentifikaw fil-ħin il-mument meta l-pjattaforma jew dik il-magna ta’ tiftix jenħtieġ li tiġi ddeżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna ta’ tiftix online kbira ħafna, rispettivament, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

    (79)

    Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jintużaw b'mod li jinfluwenza b'mod qawwi s-sikurezza online, l-iffurmar tal-opinjoni u tad-diskors pubbliċi, kif ukoll il-kummerċ online. Il-mod kif ifasslu s-servizzi tagħhom ġeneralment jiġi ottimizzat biex jibbenefika l-mudelli kummerċjali tagħhom li ta' spiss huma xprunati mir-reklamar u li dan jista' jikkawża tħassib soċjetali. Regolamentazzjoni u infurzar effettivi huma meħtieġa sabiex jidentifikaw u jimmitigaw b'mod effettiv ir-riskji u d-dannu soċjetali u ekonomiku li jistgħu jinħolqu. Għalhekk, skont dan ir-Regolament, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji sistemiċi li jirriżultaw mid-diżinn, mill-funzjonament u mill-użu tas-servizz tagħhom, kif ukoll mill-użu ħażin potenzjali tar-riċevituri tas-servizz, u jenħtieġ li jieħdu miżuri ta' mitigazzjoni xierqa b'rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Fid-determinazzjoni tas-sinifikat tal-effetti u l-impatti negattivi potenzjali, il-fornituri jenħtieġ li jikkunsidraw is-severità tal-impatt potenzjali u l-probabbiltà ta' tali riskji sistemiċi kollha. Pereżempju, jistgħu jivvalutaw jekk l-impatt negattiv potenzjali jistax jaffettwa għadd kbir ta' persuni, l-irriversibbiltà potenzjali tiegħu, jew kemm huwa diffiċli li tiġi rimedjata u restawrata s-sitwazzjoni prevalenti qabel l-impatt potenzjali.

    (80)

    Jenħtieġ li jiġu vvalutati fil-fond erba' kategoriji ta' riskji sistemiċi mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Kategorija waħda tikkonċerna r-riskji assoċjati mad-disseminazzjoni ta' kontenut illegali, bħal pereżempju d-disseminazzjoni ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jew diskors ta' mibegħda illegali jew tipi oħra ta' użu ħażin tas-servizzi tagħhom għal reati kriminali, u permezz tat-twettiq ta' attivitajiet illegali, bħal pereżempju l-bejgħ ta' prodotti jew ta' servizzi projbiti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, inkluż il-prodotti perikolużi jew kontrafatti, jew il-kummerċ illegali tal-annimali. Pereżempju, tali disseminazzjoni jew attivitajiet jistgħu jikkostitwixxu riskju sistemiku sinifikanti fejn l-aċċess għal kontenut illegali jista' jinfirex malajr u b'mod wiesa' permezz ta' kontijiet bi lħuq partikolarment wiesa' jew mezzi oħra ta' amplifikazzjoni. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskju tad-disseminazzjoni ta' kontenut illegali irrispettivament minn jekk l-informazzjoni hijiex ukoll inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom. Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà personali tar-riċevitur tas-servizz ta' pjattaformi online kbar ħafna jew tas-sidien ta' siti web indiċjati minn magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-illegalità possibbli tal-attività tagħhom skont il-liġi applikabbli.

    (81)

    It-tieni kategorija tikkonċerna l-impatt reali jew prevedibbli tas-servizz fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, kif protetti mill-Karta, inkluż iżda mhux limitat għal, id-dinjità tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, id-dritt għal ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, id-dritt ta' nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-konsumatur. Tali riskji jistgħu jinħolqu, pereżempju, b'rabta mat-tfassil tas-sistemi algoritmiċi użati mill-pjattaforma online kbira ħafna jew mill-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew l-użu ħażin tas-servizz tagħhom permezz tas-sottomissjoni ta' avviżi abbużivi jew metodi oħra biex jitwaqqaf id-diskors jew biex tiġi ostakolata l-kompetizzjoni. Meta jivvalutaw ir-riskji għad-drittijiet tat-tfal, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jikkunsidraw, pereżempju, kemm huwa faċli għall-minorenni li jifhmu d-diżinn u l-funzjonament tas-servizz, kif ukoll kif il-minorenni jistgħu jiġu esposti permezz tas-servizz tagħhom għal kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp tas-saħħa, fiżiku, mentali u morali tal-minorenni. Tali riskji jistgħu jinħolqu, pereżempju, b'rabta mad-diżinn ta' interfaċċi online li intenzjonalment jew mhux intenzjonalment jisfruttaw id-dgħufijiet u l-inesperjenza tal-minorenni jew li jistgħu jikkawżaw imġiba ta' dipendenza.

    (82)

    It-tielet kategorija ta' riskji tikkonċerna l-effetti negattivi reali jew prevedibbli fuq il-proċessi demokratiċi, id-diskors ċiviku u l-proċessi elettorali, kif ukoll fuq is-sigurtà pubblika.

    (83)

    Ir-raba' kategorija ta' riskji toriġina minn tħassib simili relatat mad-diżinn, il-funzjonament jew l-użu, inkluż permezz tal-manipulazzjoni, ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, b'effett negattiv reali jew prevedibbli fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benesseri fiżiku u mentali tal-persuna, jew fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Tali riskji jistgħu joriġinaw ukoll minn kampanji koordinati ta' diżinformazzjoni relatati mas-saħħa pubblika, jew minn diżinn tal-interfaċċa online li jista' jistimula dipendenzi komportamentali tar-riċevituri tas-servizz.

    (84)

    Meta jivvalutaw tali riskji sistemiċi, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix kbar online ħafna jenħtieġ li jiffukaw fuq is-sistemi jew elementi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għar-riskji, inklużi s-sistemi algoritmiċi kollha li jistgħu jkunu rilevanti, b'mod partikolari s-sistemi ta' rakkomandazzjoni u s-sistemi ta' reklamar tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-prattiki relatati tal-ġbir u l-użu tad-data. Jenħtieġ li jivvalutaw ukoll jekk it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom u l-infurzar tagħhom humiex xierqa, kif ukoll il-proċessi ta' moderazzjoni tal-kontenut, l-għodod tekniċi u r-riżorsi allokati tagħhom. Meta jivvalutaw ir-riskji sistemiċi identifikati f'dan ir-Regolament, dawk il-fornituri jenħtieġ li jiffukaw ukoll fuq l-informazzjoni li mhijiex illegali, iżda li tikkontribwixxi għar-riskji sistemiċi identifikati f'dan ir-Regolament. Għalhekk, tali fornituri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lil kif is-servizzi tagħhom jintużaw biex jiddisseminaw jew jamplifikaw kontenut li jiżgwida jew qarrieqi, inkluża d-diżinformazzjoni. Fejn l-amplifikazzjoni algoritmika tal-informazzjoni tikkontribwixxi għar-riskji sistemiċi, jenħtieġ li dawk il-fornituri jirriflettu dan kif xieraq fil-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom. Fejn ir-riskji jiġu lokalizzati jew ikun hemm differenzi lingwistiċi, il-fornituri jenħtieġ li jqisu dan ukoll fil-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li, b'mod partikolari, jivvalutaw kif id-diżinn u l-funzjonament tas-servizz tagħhom, kif ukoll il-manipulazzjoni u l-użu intenzjonali u, ħafna drabi, ikkoordinati tas-servizzi tagħhom, jew il-ksur sistemiku tat-termini tas-servizz tagħhom, jikkontribwixxu għal tali riskji. Tali riskji jistgħu jinħolqu, pereżempju, permezz tal-użu mhux awtentiku tas-servizz, bħall-ħolqien ta' kontijiet foloz, l-użu ta' bots jew l-użu qarrieqi ta' servizz, u mġiba awtomatika jew parzjalment awtomatika oħra, li jistgħu jwasslu għad-disseminazzjoni rapida u mifruxa ta' informazzjoni lill-pubbliku li hija kontenut illegali jew inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet ta' pjattaforma online jew ta' magna tat-tiftix online u li tikkontribwixxi għal kampanji ta' diżinformazzjoni.

    (85)

    Sabiex ikun possibbli li l-valutazzjonijiet tar-riskju sussegwenti jibnu fuq xulxin u juru l-evoluzzjoni tar-riskji identifikati, kif ukoll biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' infurzar, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi kollha relatati mal-valutazzjonijiet tar-riskju li wettqu, bħall-informazzjoni dwar it-tħejjija tagħhom, id-data sottostanti u d-data dwar l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom.

    (86)

    Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jużaw il-mezzi meħtieġa biex jimmitigaw b'mod diliġenti r-riskji sistemiċi identifikati fil-valutazzjonijiet tar-riskji, b'rispett tad-drittijiet fundamentali. Kwalunkwe miżura adottata jenħtieġ li tirrispetta r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta ta' dan ir-Regolament u tkun raġonevoli u effettiva fil-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati. Jenħtieġ li tkun proporzjonata fid-dawl tal-kapaċità ekonomika tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u tal-ħtieġa li jiġu evitati restrizzjonijiet bla bżonn fuq l-użu tas-servizz tagħhom, filwaqt li tqis kif xieraq l-effetti negattivi potenzjali fuq dawk id-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li dawk il-fornituri jagħtu kunsiderazzjoni partikolari lill-impatt fuq il-libertà tal-espressjoni.

    (87)

    Għal dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni, il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jqisu, pereżempju, l-adattament ta' kwalunkwe diżinn, karatteristika jew funzjonament tas-servizz tagħhom, bħad-diżinn tal-interfaċċa online. Jenħtieġ li jadattaw u japplikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, kif meħtieġ, u f'konformità mar-regoli ta' dan ir-Regolament dwar it-termini u l-kondizzjonijiet. Miżuri xierqa oħra jistgħu jinkludu l-adattament tas-sistemi tal-moderazzjoni tal-kontenut u l-proċessi interni tagħhom jew l-adattament tal-proċessi u r-riżorsi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, inkluż il-persunal tal-moderazzjoni tal-kontenut, it-taħriġ u l-għarfien espert lokali tagħhom. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-ħeffa u l-kwalità tal-ipproċessar tal-avviżi. F'dan ir-rigward, pereżempju, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda online illegali tal-2016 jistabbilixxi parametru referenzjarju għall-ipproċessar ta' notifiki validi għat-tneħħija ta' diskors ta' mibegħda illegali f'inqas minn 24 siegħa. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, b'mod partikolari dawk użati primarjament għad-disseminazzjoni lill-pubbliku ta' kontenut pornografiku, jenħtieġ li jissodisfaw b'mod diliġenti l-obbligi kollha tagħhom skont dan ir-Regolament fir-rigward ta' kontenut illegali li jikkostitwixxi vjolenza ċibernetika, inkluż kontenut pornografiku illegali, speċjalment fir-rigward tal-iżgurar li l-vittmi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv fir-rigward ta' kontenut li jirrappreżenta kondiviżjoni mhux kunsenswali ta' materjal intimu jew manipulat permezz tal-ipproċessar rapidu ta' avviżi u t-tneħħija ta' tali kontenut mingħajr dewmien żejjed. Tipi oħra ta' kontenut illegali jistgħu jirrikjedu perjodi ta' żmien itwal jew iqsar għall-ipproċessar tal-avviżi, li jiddependu mill-fatti, iċ-ċirkostanzi u t-tipi ta' kontenut illegali inkwistjoni. Dawk il-fornituri jistgħu wkoll jibdew jew iżidu l-kooperazzjoni mas-sinjalaturi fdati u jorganizzaw sessjonijiet ta' taħriġ u skambji mal-organizzazzjonijiet tas-sinjalaturi fdati.

    (88)

    Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jkunu wkoll diliġenti fil-miżuri li jieħdu biex jittestjaw u, fejn meħtieġ, jadattaw is-sistemi algoritmiċi tagħhom, mhux l-inqas is-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom. Jista' jkun li jkollhom bżonn jimmitigaw l-effetti negattivi tar-rakkomandazzjonijiet personalizzati u jikkoreġu l-kriterji użati fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Is-sistemi tar-reklamar użati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jkunu wkoll katalizzatur għar-riskji sistemiċi. Dawk il-fornituri jenħtieġ li jqisu miżuri korrettivi, bħal pereżempju d-diskontinwità tad-dħul mir-reklamar għal informazzjoni speċifika, jew azzjonijiet oħrajn, bħat-titjib tal-viżibbiltà tas-sorsi ta' informazzjoni awtorevoli, jew l-adattament aktar strutturali tas-sistemi ta' reklamar tagħhom. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jista' jkollhom bżonn isaħħu l-proċessi interni tagħhom jew is-superviżjoni ta' xi waħda mill-attivitajiet tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskji sistemiċi, u jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju aktar frekwenti jew immirati relatati ma' funzjonalitajiet ġodda. B'mod partikolari, meta r-riskji jiġu kondiviżi bejn pjattaformi online jew magni tat-tiftix online differenti, jenħtieġ li huma jikkooperaw ma' fornituri tas-servizzi oħrajn, inkluż billi jibdew jew jingħaqdu mal-kodiċijiet ta' kondotta eżistenti jew miżuri awtoregolatorji oħra. Jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari meta r-riskji jkunu relatati ma' kampanji ta' diżinformazzjoni.

    (89)

    Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jqisu l-aħjar interessi tal-minorenni fit-teħid ta' miżuri bħall-adattament tat-tfassil tas-servizz tagħhom u tal-interfaċċa online tagħhom, speċjalment meta s-servizzi tagħhom ikunu mmirati lejn il-minorenni jew użati l-aktar minnhom. Huma jenħtieġ li jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikunu organizzati b'mod li jippermetti lill-minorenni jaċċessaw faċilment il-mekkaniżmi previsti f'dan ir-Regolament, fejn applikabbli, inklużi mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u ta' lment. Huma jenħtieġ li jieħdu wkoll miżuri biex jipproteġu lill-minorenni minn kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom u jipprovdu għodod li jippermettu aċċess kundizzjonali għal tali informazzjoni. Fl-għażla tal-miżuri ta' mitigazzjoni xierqa, il-fornituri jistgħu jikkunsidraw, fejn xieraq, l-aħjar prattiki tal-industrija, inkluż kif stabbilit permezz ta' kooperazzjoni awtoregolatorja, bħal kodiċijiet ta' kondotta, u jenħtieġ li jqisu l-linji gwida mill-Kummissjoni.

    (90)

    Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jiżguraw li l-approċċ tagħhom għall-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju jkun ibbażat fuq l-aħjar informazzjoni u għarfien xjentifiku disponibbli u li jittestjaw is-suppożizzjonijiet tagħhom mal-gruppi l-aktar milquta mir-riskji u l-miżuri li jieħdu. Għal dan il-għan, jenħtieġ li huma jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom u jfasslu l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji tagħhom bl-involviment tar-rappreżentanti tar-riċevituri tas-servizz, tar-rappreżentanti tal-gruppi potenzjalment milquta mis-servizzi tagħhom, ta' esperti indipendenti u ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jenħtieġ li huma jfittxu li jinkorporaw tali konsultazzjonijiet fil-metodoloġiji tagħhom għall-valutazzjoni tar-riskji u għat-tfassil ta' miżuri ta' mitigazzjoni, inklużi, kif xieraq, stħarriġ, gruppi fokali, diskussjonijiet madwar mejda, u metodi oħra ta' konsultazzjoni u disinn. Fil-valutazzjoni dwar jekk miżura hijiex raġonevoli, proporzjonata u effettiva, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lid-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

    (91)

    Fi żminijiet ta' kriżi, jista' jkun hemm il-ħtieġa li jittieħdu ċerti miżuri speċifiċi b'mod urġenti mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna, minbarra l-miżuri li jkunu qed jieħdu fid-dawl tal-obbligi l-oħra tagħhom skont dan ir-Regolament. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li kriżi titqies li sseħħ meta jseħħu ċirkostanzi straordinarji li jistgħu jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti minnha. Kriżijiet bħal dawn jistgħu jirriżultaw minn kunflitti armati jew atti ta' terroriżmu, inklużi kunflitti emerġenti jew atti ta' terroriżmu, diżastri naturali bħal terremoti u uragani, kif ukoll minn pandemiji u theddid transfruntier serju ieħor għas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista' titlob, fuq rakkomandazzjoni mill-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali (il-Bord), il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jniedu rispons għall-kriżijiet bħala kwistjoni ta' urġenza. Il-miżuri li dawk il-fornituri jistgħu jidentifikaw u jikkunsidraw li japplikaw jistgħu jinkludu, pereżempju, l-adattament tal-proċessi ta' moderazzjoni tal-kontenut u ż-żieda tar-riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut, l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet, is-sistemi algoritmiċi rilevanti u s-sistemi ta' reklamar, l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati, it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta' informazzjoni affidabbli u l-adattament tad-disinn tal-interfaċċi online tagħhom. Jenħtieġ li jiġu previsti r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat li tali miżuri jittieħdu f'perjodu ta' żmien qasir ħafna u li l-mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet jintuża biss meta, u sal-punt li, dan ikun strettament meħtieġ u kwalunkwe miżura meħuda fl-ambitu ta' dan il-mekkaniżmu tkun effettiva u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kollha. L-użu tal-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, bħal dawk dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-miżuri ta' mitigazzjoni u l-infurzar tagħhom u dawk dwar il-protokolli ta' kriżi.

    (92)

    Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-verifika minn esperti indipendenti, jenħtieġ li l-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jkunu akkontabbli, permezz ta' awditjar indipendenti, għall-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament u, fejn rilevanti, ma' kwalunkwe impenn komplementari meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi. Sabiex jiġi żgurat li l-awditi jitwettqu b'mod effettiv, effiċjenti u f'waqtu, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi, inkluż billi jagħtu aċċess lill-awditur għall-bini u għad-data rilevanti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-awditu kif suppost, inkluż, fejn xieraq, għal data relatata ma' sistemi algoritmiċi, u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Jenħtieġ ukoll li l-awdituri jkunu jistgħu jużaw sorsi oħrajn ta' informazzjoni oġġettiva, inklużi studji minn riċerkaturi verifikati. Jenħtieġ li l-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna ma jdgħajfux il-prestazzjoni tal-awditu. Jenħtieġ li l-awditi jitwettqu skont l-aħjar prattiki tal-industrija u b'etika u oġġettività professjonali għolja, b'kont debitu, kif xieraq, tal-istandards tal-awditjar u l-kodiċijiet ta' prattika. Jenħtieġ li l-awdituri jiggarantixxu l-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-integrità tal-informazzjoni, bħal pereżempju s-sigrieti kummerċjali, li jiksbu meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li din il-garanzija ma tkunx mezz biex tiġi evitata l-applikabbiltà tal-obbligi tal-awditjar li jinsabu f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awdituri jkollhom l-għarfien espert neċessarju fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju u l-kompetenza teknika biex jaditjaw l-algoritmi. Jenħtieġ li jkunu indipendenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod xieraq u affidabbli. Jenħtieġ li huma jikkonformaw mar-rekwiżiti ewlenin ta' indipendenza għal servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti, rotazzjoni tad-ditti u tariffi mhux kontinġenti. Jekk ikun hemm dubju dwar l-indipendenza u l-kompetenza teknika tagħhom, jenħtieġ li jirriżenjaw jew jastjenu mill-impenn ta' awditu.

    (93)

    Jenħtieġ li r-rapport dwar l-awditu jkun sostanzjat, sabiex jingħata rendikont sinifikattiv tal-attivitajiet imwettqa u l-konklużjonijiet misluta. Jenħtieġ li dan jgħin biex jinforma, u fejn xieraq jissuġġerixxi titjib fil-miżuri meħuda mill-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna u tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. Ir-rapport dwar l-awditu jenħtieġ li jiġi trażmess lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, lill-Kummissjoni u lill-Bord wara l-wasla tar-rapport tal-awditu. Jenħtieġ ukoll li l-fornituri jittrażmettu mat-tlestija mingħajr dewmien żejjed ta' kull wieħed mir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-miżuri ta' mitigazzjoni, kif ukoll ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditjar tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li juri kif indirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditu. Ir-rapport dwar l-awditu jenħtieġ ikun jinkludi opinjoni tal-awditu bbażata fuq il-konklużjonijiet misluta mill-evidenza tal-awditu miksuba. Jenħtieġ li tingħata ‘opinjoni pożittiva’ meta l-evidenza kollha turi li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna tikkonforma mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament jew, fejn applikabbli, ma' kwalunkwe impenji li tkun ħadet skont kodiċi ta' kondotta jew protokoll għall-kriżijiet, b'mod partikolari billi tidentifika, tevalwa u timmitiga r-riskji sistemiċi maħluqa mis-sistema u mis-servizzi tagħha. Meta l-awditur ikun jixtieq jinkludi rimarki li ma għandhomx effett sostanzjali fuq l-eżitu tal-awditu, jenħtieġ li ‘opinjoni pożittiva’ tkun akkumpanjata minn kummenti. Jenħtieġ li tingħata ‘opinjoni negattiva’ meta l-awditur iqis li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament jew mal-impenji meħuda. Meta l-opinjoni tal-awditu ma setgħetx tasal għal konklużjoni għal elementi speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awditu, jenħtieġ li fl-opinjoni tal-awditu tiġi inkluża spjegazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas li tintlaħaq tali konklużjoni. Fejn applikabbli, ir-rapport jenħtieġ li jinkludi deskrizzjoni ta' elementi speċifiċi li ma setgħux jiġu awditjati, u spjegazzjoni tar-raġuni għaliex dawn ma setgħux jiġu awditjati.

    (94)

    L-obbligi dwar il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji jenħtieġ li jiskattaw, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jivvalutaw u, fejn meħtieġ, jaġġustaw it-tfassil tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, pereżempju billi jieħdu miżuri biex jipprevjenu jew jimminimizzaw il-preġudizzji li jwasslu għad-diskriminazzjoni ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari meta tali aġġustament ikun f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u meta l-informazzjoni tkun personalizzata abbażi ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, u filwaqt li jikkomplementaw l-obbligi ta' trasparenza applikabbli għall-pjattaformi online fir-rigward tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jiżguraw b'mod konsistenti li r-riċevituri tas-servizz tagħhom igawdu minn għażliet alternattivi li ma jkunux ibbażati fuq it-tfassil ta' profili, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679, għall-parametri ewlenin tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li tali għażliet ikunu direttament aċċessibbli mill-interfaċċa online meta jiġu ppreżentati r-rakkomandazzjonijiet.

    (95)

    Is-sistemi tar-reklamar użati mill-pjattaformi online kbar ħafna u mill-magni tat-tiftix online kbar ħafna joħolqu riskji partikolari u jirrikjedu superviżjoni pubblika u regolatorja ulterjuri minħabba l-iskala tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimmiraw u jilħqu r-riċevituri tas-servizz abbażi tal-imġiba tagħhom fi ħdan u barra mill-interfaċċa online ta' dik il-pjattaforma jew magna tat-tiftix. Jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jiżguraw l-aċċess pubbliku għar-repożitorji tar-reklami li jiġu ppreżentati fuq l-interfaċċi online tagħhom biex jiffaċilitaw is-superviżjoni u r-riċerka dwar ir-riskji emerġenti maħluqa mid-distribuzzjoni tar-reklamar online, pereżempju b'rabta mar-reklami illegali jew mat-tekniki manipulattivi u d-diżinformazzjoni b'impatt negattiv reali u prevedibbli fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, id-diskors ċivili, il-parteċipazzjoni politika u l-ugwaljanza. Ir-repożitorji jenħtieġ li jinkludu l-kontenut tar-reklami, inklużi l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka kummerċjali u s-suġġett tar-reklam, u d-data relatata dwar ir-reklamatur u, jekk differenti, il-persuna fiżika jew ġuridika li ħallset għar-reklam, u t-twassil tar-reklam, b'mod partikolari meta jkun ikkonċernat ir-reklamar immirat. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi informazzjoni kemm dwar il-kriterji tal-immirar kif ukoll dwar il-kriterji tat-twassil, b'mod partikolari meta r-reklami jitwasslu lil persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-minuri.

    (96)

    Sabiex tiġi mmonitorjata u vvalutata b'mod xieraq il-konformità tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew il-Kummissjoni jistgħu jirrikjedu l-aċċess għal data speċifika jew rappurtar dwarha, inkluża data relatata mal-algoritmi. Tali rekwiżit jista' jinkludi, pereżempju, id-data meħtieġa biex jiġu vvalutati r-riskji u d-danni possibbli maħluqa mis-sistemi tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna, data dwar l-akkuratezza, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi għall-moderazzjoni tal-kontenut, tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni jew tas-sistemi tar-reklamar, inklużi, fejn xieraq, algoritmi u data għat-taħriġ, jew data dwar il-proċessi u l-outputs tal-moderazzjoni tal-kontenut jew tas-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament. Tali talbiet għal aċċess għad-data ma jinkludux talbiet biex tiġi prodotta informazzjoni speċifika dwar riċevituri individwali tas-servizz għall-fini tad-determinazzjoni tal-konformità ta’ tali r-riċevituri ma' liġi oħra applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali. L-investigazzjonijiet tar-riċerkaturi dwar l-evoluzzjoni u s-severità tar-riskji sistemiċi online huma partikolarment importanti biex jitnaqqsu l-asimmetriji tal-informazzjoni u biex tiġi stabbilita sistema reżiljenti għall-mitigazzjoni tar-riskji, biex jiġu infurmati l-fornituri tal-pjattaformi online, il-fornitri tal-magni tat-tiftix online, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, awtoritajiet kompetenti oħra, il-Kummissjoni u l-pubbliku.

    (97)

    Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi qafas li jobbliga l-għoti ta' aċċess għad-data minn pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna lir-riċerkaturi verifikati affiljati ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/790, li jistgħu jinkludu, għall-fini ta' dan ir-Regolament, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu qed iwettqu riċerka xjentifika bil-għan primarju li jappoġġaw il-missjoni ta' interess pubbliku tagħhom. It-talbiet kollha għall-aċċess għad-data skont dak il-qafas jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jipproteġu b'mod xieraq id-drittijiet u l-interessi leġittimi, inklużi l-protezzjoni tad-data personali, is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u ta' kwalunkwe parti oħra kkonċernata, inklużi r-riċevituri tas-servizz. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kunsiderazzjoni tal-interessi kummerċjali tal-fornituri ma twassalx għal rifjut li jiġi pprovdut aċċess għad-data meħtieġa għall-objettiv speċifiku tar-riċerka skont talba skont dan ir-Regolament. F'dan ir-rigward, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), jenħtieġ li l-fornituri jiżguraw aċċess xieraq lir-riċerkaturi, inkluż, fejn meħtieġ, billi jieħdu protezzjonijiet tekniċi bħal permezz tad-data vaults. It-talbiet għal aċċess għad-data jistgħu jkopru, pereżempju, in-numru ta' żjarat jew, meta rilevanti, tipi oħra ta' aċċess għall-kontenut minn riċevituri tas-servizz qabel it-tneħħija tiegħu mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna.

    (98)

    Barra minn hekk, meta d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku, jenħtieġ li tali fornituri ma jipprevjenux lir-riċerkaturi li jissodisfaw subsett xieraq ta' kriterji milli jużaw din id-data għal finijiet ta' riċerka li jikkontribwixxu għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi. Jenħtieġ li huma jipprovdu aċċess lil tali riċerkaturi inkluż, meta dan ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, għad-data aċċessibbli għall-pubbliku, pereżempju dwar interazzjonijiet aggregati ma' kontenut minn paġni pubbliċi, gruppi pubbliċi, jew personalitajiet pubbliċi, inkluża data dwar l-impressjoni u l-involviment bħan-numru ta' reazzjonijiet, shares jew kummenti mir-riċevituri tas-servizz. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jiġu mħeġġa jikkooperaw mar-riċerkaturi u jipprovdu aċċess usa' għad-data biex isir monitoraġġ tat-tħassib soċjetali permezz ta' sforzi volontarji, inkluż permezz ta' impenji u proċeduri miftiehma fl-ambitu ta' kodiċijiet ta' kondotta jew protokolli ta' kriżi. Jenħtieġ li dawk il-fornituri u r-riċerkaturi jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tad-data personali, u jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta' data personali jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-fornituri janonimizzaw jew jippsewdonimizzaw id-data personali ħlief f'dawk il-każijiet fejn dan jagħmilha impossibbli li jintlaħaq l-iskop tar-riċerka inkwistjoni.

    (99)

    Minħabba l-kumplessità tal-funzjonament tas-sistemi użati u r-riskji sistemiċi li joħolqu lis-soċjetà, jenħtieġ li l-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jistabbilixxu funzjoni ta' verifika tal-konformità, li jenħtieġ li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali ta’ dawk il-fornituri. Il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità jenħtieġ li jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali ta’ dawk il-fornituri, inkluż rigward tħassib ta' nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament. L-uffiċjali għall-konformità li jagħmlu parti mill-funzjoni ta' verifika tal-konformità jenħtieġ li jkollhom il-kwalifiki, l-għarfien, l-esperjenza u l-kapaċità meħtieġa biex jagħmlu l-miżuri operattivi u jimmonitorjaw il-konformità ma' dan ir-Regolament fi ħdan l-organizzazzjoni tal-fornituri ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna jenħtieġ li jiżguraw li l-funzjoni ta' verifika tal-konformità tkun involuta, kif xieraq u b'tempestività, fil-kwistjonijiet kollha relatati ma' dan ir-Regolament inkluż fil-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġija ta' mitigazzjoni u miżuri speċifiċi, kif ukoll il-valutazzjoni tal-konformità, fejn applikabbli, mal-impenji meħuda minn dawk il-fornituriskont il-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta’ kriżi li jkunu ssottoskrivew għalihom.

    (100)

    Fid-dawl tar-riskji addizzjonali relatati mal-attivitajiet tagħhom u l-obbligi addizzjonali tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw rekwiżiti addizzjonali ta' trasparenza speċifikament għal pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna, b'mod partikolari biex jirrapportaw b'mod komprensiv dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa u dwar il-miżuri sussegwenti adottati kif previst b'dan ir-Regolament.

    (101)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa, f'termini ta' persunal, għarfien espert u mezzi finanzjarji, biex twettaq il-kompiti kollha tagħha skont dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa għas-superviżjoni adegwata fil-livell tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u meta jitqies li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu intitolati jiċċarġjaw lill-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom tariffa superviżorja fir-rigward tal-kompiti superviżorji u ta' infurzar eżerċitati mill-awtoritajiet tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni timponi tariffa superviżorja, li l-livell tagħha jenħtieġ li jiġi stabbilit fuq bażi annwali, fuq pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna. Jenħtieġ li l-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali imposti jiġi stabbilit abbażi tal-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni biex teżerċita l-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, kif raġonevolment stmat minn qabel. Tali ammont jenħtieġ li jinkludi l-kostijiet relatati mal-eżerċizzju tas-setgħat u l-kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, inklużi l-kostijiet relatati mad-deżinjazzjoni ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew mal-istabbiliment, mal-manutenzjoni u mat-tħaddim tal-bażijiet tad-data previsti skont dan ir-Regolament.

    Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll il-kostijiet relatati mal-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-infrastruttura istituzzjonali u ta' informazzjoni bażika għall-kooperazzjoni fost il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Bord u l-Kummissjoni, filwaqt li jitqies il-fatt li fid-dawl tad-daqs u r-reach tagħhom il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi meħtieġa biex jappoġġaw din l-infrastruttura. Jenħtieġ li l-istima tal-kostijiet kumplessivi tqis il-kostijiet superviżorji mġarrba fis-sena preċedenti inklużi, fejn applikabbli, dawk il-kostijiet li jaqbżu t-tariffa superviżorja annwali individwali imposta fis-sena preċedenti. Id-dħul assenjat estern li jirriżulta mit-tariffa superviżorja annwali jista' jintuża biex jiffinanzja riżorsi umani addizzjonali, bħal aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati, u nefqa oħra relatata mat-twettiq tal-kompiti fdati lill-Kummissjoni b'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li t-tariffa superviżorja annwali li trid tiġi imposta fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna tkun proporzjonata mad-daqs tas-servizz kif rifless min-numru ta' riċevituri attivi tas-servizz tiegħu fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-tariffa superviżorja annwali individwali ma taqbiżx limitu massimu ġenerali għal kull fornitur ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna filwaqt li titqies il-kapaċità ekonomika tal-fornitur tas-servizz jew tas-servizzi deżinjati.

    (102)

    Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-obbligi f'dan ir-Regolament li jistgħu jirrikjedu implimentazzjoni permezz ta' mezzi teknoloġiċi, huwa importanti li jiġu promossi standards volontarji li jkopru ċerti proċeduri tekniċi, fejn l-industrija tista' tgħin biex jiġu żviluppati mezzi standardizzati biex il-fornituri ta' servizzi intermedjarji jiġu appoġġati biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, bħal pereżempju billi jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi, inkluż permezz ta' interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, jew standards relatati ma' termini u kondizzjonijiet jew standards relatati mal-awditi, jew standards relatati mal-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklamar. Barra minn hekk, tali standards jistgħu jinkludu standards relatati mar-reklamar online, is-sistemi ta' rakkomandazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-protezzjoni tal-minuri online. Il-fornituri ta' servizzi intermedjarji huma liberi li jadottaw l-istandards, iżda l-adozzjoni tagħhom ma tippreżumix il-konformità ma' dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, billi jipprovdu l-aħjar prattiki, tali standards jistgħu b'mod partikolari jkunu utli għal fornituri relattivament żgħar tas-servizzi intermedjarji. L-istandards jistgħu jiddistingwu bejn tipi differenti ta' kontenut illegali jew tipi differenti ta' servizzi intermedjarji, kif xieraq.

    (103)

    Il-Kummissjoni u l-Bord jenħtieġ li jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji kif ukoll l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dawk il-kodiċijiet biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Bord jimmiraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jiddefinixxu b'mod ċar in-natura tal-objettivi ta' interess pubbliku li jkunu qed jiġu indirizzati, li dawn ikun fihom mekkaniżmi għall-evalwazzjoni indipendenti tal-kisba ta' dawk l-objettivi u li r-rwol tal-awtoritajiet rilevanti jkun definit b'mod ċar. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari rigward l-evitar tal-effetti negattivi fuq is-sigurtà, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, kif ukoll il-projbizzjoni fuq l-impożizzjoni ta' obbligi ġenerali ta' monitoraġġ. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet ta' kondotta jenħtieġ li tkun tista' titkejjel u tkun soġġetta għas-sorveljanza pubblika, dan jenħtieġ li ma jtellifx in-natura volontarja ta' tali kodiċijiet u l-libertà tal-partijiet interessati li jiddeċiedu jekk iridux jipparteċipaw. F'ċerti ċirkostanzi, huwa importanti li l-pjattaformi online kbar ħafna jikkooperaw fit-tfassil u jaderixxu ma' kodiċijiet speċifiċi ta' kondotta. L-ebda ħaġa f'dan ir-Regolament ma tipprevjeni lil fornituri oħra tas-servizz milli jaderixxu mal-istess standards ta' diliġenza dovuta, milli jadottaw l-aqwa prattiki u milli jibbenefikaw mill-linji gwida pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Bord, billi jipparteċipaw fl-istess kodiċijiet ta' kondotta.

    (104)

    Huwa xieraq li dan ir-Regolament jidentifika ċerti oqsma ta' kunsiderazzjoni għal tali kodiċijiet ta' kondotta. B'mod partikolari, il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji dwar tipi speċifiċi ta' kontenut illegali jenħtieġ li jiġu eżaminati permezz ta' ftehimiet awtoregolatorji u koregolatorji. Qasam ieħor li jrid jiġi kkunsidrat huwa l-impatti negattivi possibbli tar-riskji sistemiċi fuq is-soċjetà u fuq id-demokrazija, bħal pereżempju d-diżinformazzjoni jew l-attivitajiet manipulattivi u abbużivi jew kwalunkwe effett avvers fuq il-minuri. Dan jinkludi operazzjonijiet koordinati bil-mira li jamplifikaw l-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni, bħal pereżempju l-użu ta' bots jew kontijiet foloz għall-ħolqien ta' informazzjoni intenzjonalment mhux preċiża jew qarrieqa, xi kultant bl-iskop li jinkiseb gwadann ekonomiku, li huma partikolarment dannużi għar-riċevituri vulnerabbli tas-servizz, bħal pereżempju l-minuri. B'rabta ma' tali oqsma, l-aderenza u l-konformità ma' kodiċi ta' kondotta speċifiku minn pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna jistgħu jitqiesu bħala miżura xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji. Ir-rifjut mingħajr spjegazzjonijiet xierqa minn fornitur ta' pjattaforma online jew ta' magna tat-tiftix online tat-talba tal-Kummissjoni biex jipparteċipa fl-applikazzjoni ta' tali kodiċi ta' kondotta jista' jitqies, fejn rilevanti, meta jkun qed jiġi determinat jekk il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online tkunx kisret l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament. Is-sempliċi fatt li wieħed jipparteċipa f'kodiċi ta' kondotta partikolari jew jimplimentah jenħtieġ li fih innifsu ma jiġix preżunt awtomatikament bħala konformità ma' dan ir-Regolament.

    (105)

    Il-kodiċijiet tal-kondotta jenħtieġ li jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, sabiex jiffaċilitaw l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b'diżabilità. B'mod partikolari, il-kodiċijiet ta' kondotta jistgħu jiżguraw li l-informazzjoni tiġi ppreżentata b'tali mod li tkun perċettibbli, operabbli, tinftiehem u robusta u li l-formoli u l-miżuri pprovduti skont dan ir-Regolament ikunu disponibbli b'tali mod li jkunu faċli biex jinstabu u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.

    (106)

    Ir-regoli dwar il-kodiċijiet ta' kondotta skont dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala bażi għal sforzi awtoregolatorji diġà stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, inklużi l-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodott, il-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti kontrafatti fuq l-internet, il-Kodiċi ta' kondotta kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online kif ukoll il-Kodiċi ta' prattika dwar id-diżinformazzjoni. B'mod partikolari għal dan tal-aħħar, b’segwitu għallgwida tal-Kummissjoni, il-Kodiċi ta' prattika dwar id-diżinformazzjoni ġie msaħħaħ kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea.

    (107)

    Il-provvista ta' reklamar online ġeneralment tinvolvi bosta atturi, inklużi servizzi intermedjarji li jikkollegaw il-pubblikaturi tar-reklamar mar-reklamaturi. Jenħtieġ li l-kodiċijiet ta' kondotta jappoġġaw u jikkomplementaw l-obbligi ta' trasparenza relatati mar-reklamar għall-fornituri ta' pjattaformi online, ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna stipulati f'dan ir-Regolament biex jiġu previsti mekkaniżmi flessibbli u effettivi biex tiġi ffaċilitata u msaħħa l-konformità ma' dawn l-obbligi, b'mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet tat-trażmissjoni tal-informazzjoni rilevanti. Dan jenħtieġ li jinkludi l-iffaċilitar tat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar ir-reklamatur li jħallas għar-reklam meta dan ikun differenti mill-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jiġi ppreżentat ir-reklam fuq l-interfaċċa online ta' pjattaforma online. Il-kodiċijiet ta' kondotta jenħtieġ li jinkludu wkoll miżuri li jiżguraw li informazzjoni sinifikanti dwar il-monetizzazzjoni tad-data tiġi kondiviża b'mod xieraq tul il-katina tal-valur kollha. L-involviment ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jiżgura li dawk il-kodiċijiet ta' kondotta jiġu appoġġati b'mod mifrux, ikunu teknikament sodi, effettivi u joffru l-ogħla livelli ta' faċilità tal-użu għall-utent biex jiġi żgurat li l-obbligi ta' trasparenza jiksbu l-objettivi tagħhom. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kodiċijiet ta' kondotta, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi mekkaniżmi ta' evalwazzjoni fit-tfassil tal-kodiċijiet ta' kondotta. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jew lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kodiċi ta' kondotta rispettiv.

    (108)

    Minbarra l-mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet għall-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għat-tfassil ta' protokolli volontarji għall-kriżijiet biex tikkoordina rispons rapidu, kollettiv u transfruntier fl-ambjent online. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta l-pjattaformi online jintużaw ħażin għad-disseminazzjoni rapida ta' kontenut illegali jew diżinformazzjoni jew meta tinqala' l-ħtieġa ta' disseminazzjoni rapida ta' informazzjoni affidabbli. Fid-dawl tar-rwol importanti tal-pjattaformi online kbar ħafna fid-disseminazzjoni ta' informazzjoni fis-soċjetajiet tagħna u bejn il-fruntieri, il-fornituri ta' tali pjattaformi jenħtieġ li jitħeġġu biex ifasslu u japplikaw protokolli speċifiċi għall-kriżijiet. Tali protokolli għall-kriżijiet jenħtieġ li jiġu attivati għal perjodu limitat ta' żmien biss u l-miżuri adottati jenħtieġ li jkunu limitati wkoll għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi indirizzata ċ-ċirkostanza straordinarja. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu konsistenti ma' dan ir-Regolament, u jenħtieġ li ma jammontawx għal obbligu ġenerali għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna parteċipanti biex jimmonitorjaw l-informazzjoni li jittrażmettu jew li jaħżnu, u lanqas biex ifittxu attivament fatti jew ċirkostanzi li jindikaw kontenut illegali.

    (109)

    Sabiex jiġu żgurati sorveljanza u infurzar adegwati tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru mill-inqas awtorità waħda bil-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni u tinforza dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tinħatar awtorità eżistenti u għall-forma ġuridika tagħha f'konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkarigaw aktar minn awtorità kompetenti waħda, b'kompiti speċifiċi ta' sorveljanza jew ta' infurzar u b'kompetenzi dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, pereżempju għal setturi speċifiċi fejn jistgħu jinkarigaw ukoll awtoritajiet eżistenti, bħar-regolaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ir-regolaturi tal-midja jew l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jirriflettu l-istruttura domestika kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti kollha jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji fejn ir-regoli armonizzati għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli li jiffaċilita l-innovazzjoni, u b'mod partikolari l-obbligi ta' diliġenza dovuta applikabbli għal kategoriji differenti ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji, ikunu sorveljati u infurzati b'mod effettiv, bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta, inkluż il-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumatur, ikunu protetti b'mod effettiv. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-kompitu li jiddeċiedu dwar il-legalità ta' punti speċifiċi ta' kontenut.

    (110)

    Minħabba n-natura transfruntiera tas-servizzi inkwistjoni u l-firxa orizzontali tal-obbligi introdotti b'dan ir-Regolament, awtorità waħda maħtura bil-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni u, fejn meħtieġ, tinforza dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi identifikata bħala Koordinatur tas-Servizzi Diġitali f'kull Stat Membru. Meta tinħatar aktar minn awtorità kompetenti waħda biex tissorvelja l-applikazzjoni ta’, u tinforza, dan ir-Regolament, jenħtieġ li awtorità waħda biss f'dak l-Istat Membru tiġi deżinjata bħala Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jaġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-Kummissjoni, għall-Bord, għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali ta' Stati Membri oħra, kif ukoll għal awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru inkwistjoni. B'mod partikolari, meta diversi awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati b'kompiti skont dan ir-Regolament fi Stat Membru speċifiku, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jikkoordina u jikkoopera ma' dawk l-awtoritajiet f'konformità mal-liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-kompiti rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni indipendenti tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra. Filwaqt li ma jinvolvi l-ebda supraordinazzjoni ġerarkika fuq awtoritajiet kompetenti oħra fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jiżgura involviment effettiv tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha u jenħtieġ li jirrapporta fil-ħin il-valutazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni dwar is-superviżjoni u l-infurzar fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, minbarra l-mekkaniżmi speċifiċi previsti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti deżinjati oħra fil-livell nazzjonali, fejn applikabbli, permezz ta' għodod xierqa, bħal pereżempju l-ġbir flimkien ta' riżorsi, task forces konġunti, investigazzjonijiet konġunti u mekkaniżmi ta' assistenza reċiproka.

    (111)

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kif ukoll awtoritajiet kompetenti oħra deżinjati skont dan ir-Regolament, jaqdu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-effettività tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-kisba tal-objettivi tiegħu. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet ikollhom il-mezzi meħtieġa, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani, biex jissorveljaw il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, fl-interess taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Minħabba l-varjetà ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-użu tagħhom ta' teknoloġija avvanzata fil-provvista tas-servizzi tagħhom, huwa essenzjali wkoll li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jkunu mgħammra bl-għadd meħtieġ ta' persunal u esperti b'ħiliet speċjalizzati u mezzi tekniċi avvanzati, u li jimmaniġġjaw b'mod awtonomu r-riżorsi finanzjarji biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Barra minn hekk, il-livell tar-riżorsi jenħtieġ li jqis id-daqs, il-kumplessità u l-impatt potenzjali fuq is-soċjetà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, kif ukoll il-portata tas-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' finanzjament ibbażati fuq tariffa superviżorja imposta għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji skont il-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, diment li din tiġi imposta fuq il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji li jkollhom l-istabbiliment ewlieni tagħhom fl-Istat Membru inkwistjoni u tkun strettament limitata għal dak li jkun meħtieġ u proporzjonat biex tkopri l-ispejjeż għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, bl-esklużjoni tal-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni, u li tiġi żgurata trasparenza adegwata fir-rigward tal-impożizzjoni u l-użu ta' tali tariffi superviżorji.

    (112)

    L-awtoritajiet kompetenti deżinjati skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jaġixxu wkoll b'indipendenza sħiħa mill-korpi privati u pubbliċi, mingħajr l-obbligu jew il-possibbiltà li jfittxu jew li jirċievu struzzjonijiet, inkluż mill-gvern, mingħajr preġudizzju għad-dmirijiet speċifiċi li jikkooperaw ma' awtoritajiet kompetenti oħra, mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, mal-Bord u mal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-indipendenza ta' dawn l-awtoritajiet ma tkunx tfisser li ma jistgħux ikunu soġġetti, f'konformità mal-kostituzzjonijiet nazzjonali u mingħajr ma tiġi pperikolata l-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament, għal mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont proporzjonati rigward l-attivitajiet ġenerali tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħan-nefqa finanzjarja tagħhom jew ir-rappurtar tagħhom lill-parlamenti nazzjonali. Jenħtieġ ukoll li r-rekwiżit ta' indipendenza ma jipprevjenix l-eżerċizzju ta' stħarriġ ġudizzjarju, jew il-possibbiltà li jiġu kkonsultati jew skambjati regolarment fehmiet ma' awtoritajiet nazzjonali oħra, inklużi awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet jew awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, fejn xieraq, sabiex jinfurmaw lil xulxin dwar l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, mingħajr ma jaffettwaw l-eżerċizzju tas-setgħat rispettivi tagħhom.

    (113)

    L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw awtorità nazzjonali eżistenti bil-funzjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew b'kompiti speċifiċi biex tissorvelja l-applikazzjoni u tinforza dan ir-Regolament, diment li kwalunkwe awtorità maħtura bħal din tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, bħal pereżempju fir-rigward tal-indipendenza tagħha. Barra minn hekk, fil-prinċipju, l-Istati Membri mhumiex preklużi milli jamalgamaw il-funzjonijiet fi ħdan awtorità eżistenti, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Il-miżuri għal dak il-għan jistgħu jinkludu, inter alia, il-preklużjoni li jitkeċċa l-president jew membru tal-bord ta' korp kolleġġjali ta' awtorità eżistenti qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom, għall-unika raġuni li twettqet riforma istituzzjonali li tinvolvi l-amalgamazzjoni ta' funzjonijiet differenti fi ħdan awtorità waħda, fin-nuqqas ta' kwalunkwe regoli li jiggarantixxu li tali tkeċċija ma tipperikolax l-indipendenza u l-imparzjalità ta' tali membri.

    (114)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, u lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra deżinjata skont dan ir-Regolament, setgħat u mezzi suffiċjenti biex jiżguraw investigazzjoni u infurzar effettivi, f'konformità mal-kompiti konferiti lilhom. Dan jinkludi s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jadottaw miżuri interim f'konformità mal-liġi nazzjonali f'każ ta' riskju ta' dannu serju. Tali miżuri interim, li jistgħu jinkludu ordnijiet biex jintemm jew jiġi rrimedjat ksur allegat partikolari, jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jiġi evitat dannu serju sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali. B'mod partikolari jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jfittxu u jiksbu informazzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' investigazzjonijiet konġunti, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-fatt li l-miżuri ta' sorveljanza u ta' infurzar rigward fornitur taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru ieħor jew tal-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu adottati mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor, fejn rilevanti f'konformità mal-proċeduri relatati mal-kooperazzjoni transfruntiera, jew, fejn applikabbli, mill-Kummissjoni.

    (115)

    Jenħtieġ li fil-liġi nazzjonali tagħhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u b'mod partikolari dan ir-Regolament u l-Karta, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-limiti dettaljati għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni u ta' infurzar tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom, u ta' awtoritajiet kompetenti oħra fejn rilevanti, skont dan ir-Regolament.

    (116)

    Matul l-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-proċeduri u kwistjonijiet bħal pereżempju l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel biex wieħed jidħol f'ċertu bini u l-privileġġ professjonali legali. B'mod partikolari jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, inklużi d-drittijiet ta' difiża, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. F'dan ir-rigward, il-garanziji previsti b'rabta mal-proċedimenti tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala punt ta' referenza xieraq. Jenħtieġ li proċedura minn qabel, ġusta u imparzjali tkun garantita qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali, inkluż id-dritt ta' smigħ tal-persuni kkonċernati, u d-dritt li jkollhom aċċess għall-fajl, filwaqt li jiġu rispettati l-kunfidenzjalità u s-sigrieti professjonali u kummerċjali, kif ukoll l-obbligu li jingħataw raġunijiet sinifikattivi għad-deċiżjonijiet. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jipprekludix it-teħid ta' miżuri f'każijiet ta' urġenza sostanzjati kif dovut u soġġett għal kondizzjonijiet u arranġamenti proċedurali xierqa. Jenħtieġ li l-eżerċizzju tas-setgħat ikun ukoll proporzjonat għal, inter alia, in-natura u d-dannu ġenerali reali jew potenzjali kkawżat mill-ksur jew mill-ksur issuspettat. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ, inkluża l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra.

    (117)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu sanzjonati b'mod li jkun effettiv, proporzjonat u dissważiv, filwaqt li jitqiesu n-natura, is-serjetà, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur, fid-dawl tal-interess pubbliku segwit, l-ambitu u t-tip ta' attivitajiet imwettqa, kif ukoll il-kapaċità ekonomika tal-kontraventur. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-penali jqisu jekk il-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernat jonqosx sistematikament jew b'mod rikorrenti milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, kif ukoll, fejn rilevanti, l-għadd ta' riċevituri tas-servizz affettwati, il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur u jekk il-fornitur huwiex attiv f'bosta Stati Membri. Fejn dan ir-Regolament jipprevedi ammont massimu ta' multi jew ta' pagament perjodiku ta' penali, jenħtieġ li dan l-ammont massimu japplika għal kull ksur ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-modulazzjoni tal-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta' penali għal ksur speċifiku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali fir-rigward ta' ksur f'kull każ individwali tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva billi jiġu stipulati regoli u proċeduri nazzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ġenerali għall-impożizzjoni tal-multi jew tal-pagamenti perjodiċi ta' penali.

    (118)

    Biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-individwi jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi jkunu jistgħu jressqu kwalunkwe lment relatat mal-konformità ma' dawk l-obbligi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fit-territorju fejn ikunu rċevew is-servizz, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kompetenzi u għar-regoli applikabbli dwar it-trattament tal-ilmenti f'konformità mal-prinċipji nazzjonali ta' amministrazzjoni tajba. L-ilmenti jistgħu jipprovdu ħarsa ġenerali preċiża tat-tħassib relatat mal-konformità ta' fornitur partikolari tas-servizzi intermedjarji u jistgħu wkoll jinfurmaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali dwar kwistjonijiet trasversali oħrajn. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jinvolvi awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra kif ukoll il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' Stat Membru ieħor, u b'mod partikolari dak tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, jekk il-kwistjoni tirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera.

    (119)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jieħdu miżuri li jkunu effettivi fl-indirizzar ta' ċertu ksur partikolarment serju u persistenti ta' dan ir-Regolament u proporzjonati għal tali ksur. Speċjalment meta dawk il-miżuri jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet terzi, kif jista' jkun il-każ b'mod partikolari meta l-aċċess għall-interfaċċi online jkun ristrett, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-miżuri jkunu soġġetti għal salvagwardji addizzjonali. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-partijiet terzi potenzjalment affettwati jingħataw l-opportunità li jinstemgħu u tali ordnijiet jenħtieġ li jinħarġu biss meta s-setgħat biex jittieħdu tali miżuri kif previst minn atti oħra tal-liġi tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali, pereżempju biex jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, biex tiġi żgurata t-tneħħija immedjata ta' paġni web li fihom jew ixerrdu l-pornografija tat-tfal, jew biex jiġi diżattivat l-aċċess għas-servizzi li qed jintużaw minn parti terza biex tikser dritt ta' proprjetà intellettwali, ma jkunux disponibbli b'mod raġonevoli.

    (120)

    Tali ordni biex jiġi ristrett l-aċċess jenħtieġ li ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li din tkun temporanja u tiġi indirizzata fil-prinċipju lil fornitur tas-servizzi intermedjarji, bħal pereżempju l-fornitur ta' servizzi ta' hosting rilevanti, il-fornitur tas-servizz tal-internet jew ir-reġistru jew ir-reġistratur tad-dominju, li jkun f'pożizzjoni raġonevoli biex jikseb dak l-objettiv mingħajr ma jirrestrinġi bla bżonn l-aċċess għall-informazzjoni legali.

    (121)

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni mir-responsabbiltà, previsti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa jew maħżuna fuq talba ta' riċevitur tas-servizz, fornitur tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jkun responsabbli għad-danni mġarrba mir-riċevituri tas-servizz li jkunu kkawżati minn ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament minn dak il-fornitur. Tali kumpens jenħtieġ li jkun f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali applikabbli u mingħajr preġudizzju għal possibbiltajiet oħra ta' rimedju disponibbli skont ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.

    (122)

    Jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jippubblika b'mod regolari, pereżempju fuq is-sit web tiegħu, rapport dwar l-attivitajiet imwettqa skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, ir-rapport jenħtieġ li jiġi ppubblikat f'format li jinqara mill-magni u jinkludi ħarsa ġenerali tal-ilmenti li jaslu u tas-segwitu tagħhom, bħan-numru kumplessiv ta' lmenti li jaslu u n-numru ta' lmenti li wasslu għall-ftuħ ta' investigazzjoni formali jew għat-trażmissjoni lil Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali, mingħajr ma ssir referenza għal kwalunkwe data personali. Minħabba li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jiġi mgħarraf ukoll dwar l-ordnijiet biex tittieħed azzjoni kontra kontenut illegali jew biex tiġi pprovduta informazzjoni, kif regolati minn dan ir-Regolament, bis-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, jenħtieġ li fir-rapport annwali tiegħu l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jinkludi l-għadd u l-kategoriji ta' tali ordnijiet indirizzati lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fl-Istat Membru tiegħu.

    (123)

    Fl-interess taċ-ċarezza, is-sempliċità u l-effettività, is-setgħat għas-superviżjoni u l-infurzar tal-obbligi skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tingħata lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji, jiġifieri, fejn il-fornitur ikollu l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji ewlenin u l-kontroll operazzjonali. Fir-rigward tal-fornituri li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni, iżda li joffru servizzi fl-Unjoni u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istat Membru fejn dawk il-fornituri jkunu ħatru r-rappreżentant legali tagħhom jenħtieġ li jkollu l-kompetenza, filwaqt li titqies il-funzjoni tar-rappreżentanti legali skont dan ir-Regolament. Madankollu, fl-interess tal-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li, fejn applikabbli, l-Istati Membri kollha jew il-Kummissjoni jkollhom il-kompetenza fir-rigward tal-fornituri li jkunu naqsu milli jiddeżinjaw rappreżentant legali. Dik il-kompetenza tista' tiġi eżerċitata minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-Kummissjoni, diment li l-fornitur ma jkunx soġġett għal proċedimenti ta' infurzar għall-istess fatti minn awtorità kompetenti oħra jew mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' ne bis in idem jiġi rispettat, u b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġi sanzjonat aktar minn darba, jenħtieġ li kull Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta' tali fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet l-oħra kollha, inkluża l-Kummissjoni, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni stabbilita għall-fini ta' dan ir-Regolament.

    (124)

    Fid-dawl tal-impatt potenzjali tagħhom u l-isfidi involuti fis-superviżjoni effettiva tagħhom, huma meħtieġa regoli speċjali dwar is-superviżjoni u l-infurzar fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli, bl-appoġġ tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għas-sorveljanza u l-infurzar pubbliku ta' kwistjonijiet sistemiċi, bħal kwistjonijiet b'impatt wiesa' fuq l-interessi kollettivi tar-riċevituri tas-servizz. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi addizzjonali biex timmaniġġja r-riskji sistemiċi imposti fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna minn dan ir-Regolament. Is-setgħat esklużivi tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal ċerti kompiti amministrattivi assenjati minn dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment, bħall-verifika tar-riċerkaturi.

    (125)

    Is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi ta' diliġenza dovuta, għajr għall-obbligi addizzjonali biex jiġu mmaniġġjati r-riskji sistemiċi imposti fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kondiviżi mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni tista' f'ħafna każijiet tkun f'pożizzjoni aħjar biex tindirizza ksur sistemiku mwettaq minn dawk il-fornituri, bħal dawk li jaffettwaw diversi Stati Membri jew ksur serju ripetut jew li jikkonċernaw nuqqas ta' stabbiliment ta' mekkaniżmi effettivi meħtieġa minn dan ir-Regolament. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna jistgħu jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jindirizzaw ksur individwali mwettaq minn dawk il-fornituri, li ma jqajjem l-ebda kwistjoni sistemika jew transfruntiera. Fl-interess tal-effiċjenza, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ne bis in idem, jenħtieġ li tkun il-Kummissjoni li tivvaluta jekk tqisx xieraq li teżerċita dawk il-kompetenzi kondiviżi f'każ partikolari u, ladarba tkun bdiet il-proċedimenti, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jibqax ikollhom il-kapaċità li jagħmlu dan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib kemm bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tiżgura li s-sistema ta' superviżjoni u infurzar stabbilita permezz ta' dan ir-Regolament tiffunzjona mingħajr xkiel u b'mod effettiv.

    (126)

    Ir-regoli ta' dan ir-Regolament dwar l-allokazzjoni tal-kompetenza jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali dwar l-liġi internazzjonali privata dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli f'materji ċivili u kummerċjali, bħall-proċedimenti mressqa mill-konsumaturi fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. Fir-rigward tal-obbligi imposti permezz ta' dan ir-Regolament fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jinfurmaw lill-awtorità emittenti bl-effett mogħti lill-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kompetenza jenħtieġ li japplikaw biss għas-superviżjoni tal-infurzar ta' dawk l-obbligi, iżda mhux għal kwistjonijiet oħra relatati mal-ordni, bħall-kompetenza biex tinħareġ l-ordni.

    (127)

    Minħabba r-rilevanza transfruntiera u transsettorjali tas-servizzi intermedjarji, huwa meħtieġ livell għoli ta' kooperazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u d-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti għall-eżerċizzju ta' kompiti ta' infurzar permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-kooperazzjoni tista' tieħu forom differenti skont il-kwistjonijiet involuti, mingħajr preġudizzju għal eżerċizzji speċifiċi ta' investigazzjoni konġunta. Fi kwalunkwe każ huwa meħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ta' fornitur tas-servizzi intermedjarji jinforma lil Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali dwar kwistjonijiet, investigazzjonijiet u azzjonijiet li se jittieħdu fil-konfront ta' tali fornitur. Barra minn hekk, meta awtorità kompetenti fi Stat Membru jkollha informazzjoni rilevanti għal investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-istabbiliment, jew tkun tista' tiġbor tali informazzjoni li tinsab fit-territorju tagħha li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-istabbiliment ma jkollhomx aċċess għaliha, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jenħtieġ li jassisti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment b'mod f'waqtu, inkluż permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tiegħu f'konformità mal-proċeduri nazzjonali applikabbli u l-Karta. Id-destinatarju ta' tali miżuri investigattivi jenħtieġ li jikkonforma magħhom u jkun responsabbli f'każ ta' nuqqas ta' konformità, u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-istabbiliment ikunu jistgħu jiddependu fuq l-informazzjoni miġbura permezz ta' assistenza reċiproka, sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament.

    (128)

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, b'mod partikolari abbażi tal-ilmenti li jkunu waslu jew tal-kontribut ta' awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra fejn xieraq, jew il-Bord f'każ ta' kwistjonijiet li jinvolvu mill-inqas tliet Stati Membri, jenħtieġ li jkun jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jieħu azzjonijiet investigattivi jew ta' infurzar fir-rigward ta' fornitur taħt il-kompetenza tiegħu. Tali talbiet għal azzjoni jenħtieġ li jkunu bbażati fuq evidenza sostanzjata sew li turi l-eżistenza ta' ksur allegat b'impatt negattiv fuq l-interessi kollettivi tar-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu jew li jkollu impatt negattiv fuq is-soċjetà. Jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikun jista' jiddependi fuq l-assistenza reċiproka jew jistieden lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti għal investigazzjoni konġunta f'każ li tkun meħtieġa aktar informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tintalab tivvaluta l-kwistjoni jekk ikollha raġuni biex tissuspetta li jista' jkun hemm riskju ta' ksur sistemiku minn pjattaforma online kbira ħafna jew minn magna tat-tiftix online kbira ħafna.

    (129)

    Jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni f'każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' qbil fir-rigward tal-valutazzjonijiet jew tal-miżuri meħuda jew li ġew proposti jew f'każ ta' nuqqas li jiġu adottati xi miżuri f'konformità ma' dan ir-Regolament b'segwitu għal talba ta' kooperazzjoni transfruntiera jew investigazzjoni konġunta. Meta l-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-awtoritajiet ikkonċernati, tqis li l-miżuri proposti, inkluż il-livell propost ta' multi, ma jistgħux jiżguraw l-infurzar effettiv tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li tkun tista' għalhekk tesprimi d-dubji serji tagħha u titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kompetenti jivvaluta mill-ġdid il-kwistjoni u jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament f'perjodu definit. Din il-possibbiltà hija mingħajr preġudizzju għad-dmir ġenerali tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'konformità mat-Trattati, u fejn meħtieġ tinfurzaha.

    (130)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet u s-superviżjoni transfruntiera tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament li jinvolvu bosta Stati Membri, jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikunu jistgħu, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, jistiednu Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali għal investigazzjoni konġunta dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali, u fejn xieraq, awtoritajiet kompetenti oħra, ikunu jistgħu jingħaqdu fl-investigazzjoni proposta mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, sakemm dan tal-aħħar ma jqisx li għadd eċċessiv ta' awtoritajiet parteċipanti jista' jaffettwa l-effettività tal-investigazzjoni b'kont meħud tal-karatteristiċi tal-ksur allegat u n-nuqqas ta' effetti diretti fuq ir-riċevituri tas-servizz f'dawk l-Istati Membri. L-attivitajiet ta' investigazzjoni konġunta jistgħu jinkludu varjetà ta' azzjonijiet li għandhom jiġu kkoordinati mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment f'konformità mad-disponibbiltajiet tal-awtoritajiet parteċipanti, bħal eżerċizzji kkoordinati ta' ġbir ta' data, akkomunament ta' riżorsi, task forces, talbiet koordinati għal informazzjoni jew spezzjonijiet komuni fl-istabbilimenti. L-awtoritajiet kompetenti kollha li jipparteċipaw f'investigazzjoni konġunta jenħtieġ li jikkooperaw mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, inkluż billi jeżerċitaw is-setgħat ta' investigazzjoni tagħhom fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-proċeduri nazzjonali applikabbli. L-investigazzjoni konġunta jenħtieġ li tiġi konkluża f'perjodu ta' żmien partikolari b'rapport finali li jqis il-kontribut tal-awtoritajiet kompetenti parteċipanti kollha. Barra minn hekk, il-Bord, fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, jista' jirrakkomanda lil Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex iniedi tali investigazzjoni konġunta u jagħti indikazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tagħha. Sabiex jiġi evitat l-istaġnar, jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni f'każijiet speċifiċi, inkluż meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jirrifjuta li jniedi l-investigazzjoni u l-Bord ma jaqbilx mal-ġustifikazzjoni mogħtija.

    (131)

    Biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit grupp konsultattiv indipendenti fil-livell tal-Unjoni, Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali, li jappoġġa lill-Kummissjoni u jgħin fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali. Jenħtieġ li l-Bord ikun jikkonsisti mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, meta dawn ikunu ġew maħtura, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fil-laqgħat tiegħu jistiednu jew jaħtru delegati ad hoc minn awtoritajiet kompetenti oħra inkarigati b'kompiti speċifiċi skont dan ir-Regolament, meta dak ikun meħtieġ skont l-allokazzjoni nazzjonali tagħhom tal-kompiti u tal-kompetenzi. Fil-każ ta' parteċipanti multipli minn Stat Membru wieħed, jenħtieġ li d-dritt tal-vot jibqa' limitat għal rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru.

    (132)

    Jenħtieġ li l-Bord jikkontribwixxi għall-kisba ta' perspettiva komuni tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għall-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, inkluż billi jagħti parir lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar miżuri xierqa ta' investigazzjoni u ta' infurzar, b'mod partikolari fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u filwaqt li jqis, b'mod partikolari, il-libertà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jipprovdu servizzi madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li l-Bord jikkontribwixxi wkoll għat-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta u mudelli rilevanti u għall-analiżi tax-xejriet ġenerali emerġenti fl-iżvilupp tas-servizzi diġitali fl-Unjoni, inkluż billi joħroġ opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-istandards.

    (133)

    Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jadotta opinjonijiet, talbiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jew lil awtoritajiet kompetenti oħra. Għalkemm dawn mhumiex legalment vinkolanti, id-deċiżjoni ta' deroga minnhom jenħtieġ li tkun spjegata sew u tkun tista' titqies mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru kkonċernat b'dan ir-Regolament.

    (134)

    Jenħtieġ li l-Bord jiġbor flimkien ir-rappreżentanti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra possibbli taħt il-presidenza tal-Kummissjoni, bil-għan li jiżgura valutazzjoni tal-kwistjonijiet sottomessi lilu f'dimensjoni kompletament Ewropea. Fid-dawl ta' elementi trasversali possibbli li jistgħu jkunu ta' rilevanza għal oqfsa regolatorji oħra fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Bord jitħalla jikkoopera ma' korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni b'responsabbiltajiet f'oqsma bħal pereżempju l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-data, il-komunikazzjonijiet elettroniċi, is-servizzi awdjoviżivi, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi kontra l-baġit tal-Unjoni fir-rigward tad-dazji doganali, jew il-liġi tal-kompetizzjoni, kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    (135)

    Il-Kummissjoni, permezz tal-President, jenħtieġ li tipparteċipa fil-Bord mingħajr drittijiet tal-vot. Permezz tal-President, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-aġenda tal-laqgħat tiġi stabbilita f'konformità mat-talbiet tal-membri tal-Bord kif stipulat fir-regoli ta' proċedura u f'konformità mal-kompiti tal-Bord stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (136)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ għall-attivitajiet tal-Bord, jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jiddependu fuq l-għarfien espert u r-riżorsi umani tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-arranġamenti operattivi speċifiċi għall-funzjonament intern tal-Bord jenħtieġ li jiġu speċifikati ulterjorment fir-regoli ta' proċedura tal-Bord.

    (137)

    Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna, fid-dawl tal-ilħuq u tal-impatt tagħhom, in-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi speċifiċi applikabbli għalihom jista' jaffettwa għadd sostanzjali ta' riċevituri tas-servizzi fi Stati Membri differenti u jista' jikkawża danni soċjetali kbar, filwaqt li tali nuqqas jista' jkun partikolarment kumpless biex jiġi identifikat u indirizzat. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, tiżviluppa l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-Unjoni fir-rigward tas-superviżjoni ta' pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina u sserraħ fuq l-għarfien espert u r-riżorsi ta' dawn l-awtoritajiet, pereżempju billi tanalizza, fuq bażi permanenti jew temporanja, xejriet jew kwistjonijiet speċifiċi emerġenti fir-rigward ta' pjattaforma online kbira ħafna waħda jew aktar jew magna tat-tiftix online kbira ħafna waħda jew aktar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' tali kapaċitajiet, inkluż permezz tas-sekondar ta' persunal fejn xieraq, u fil-kontribut għall-ħolqien ta' kapaċità superviżorja komuni tal-Unjoni. Sabiex tiżviluppa l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tuża wkoll l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 dwar l-istabbiliment ta' grupp ta' esperti għall-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Onlajn, il-korpi ta' esperti rilevanti, kif ukoll iċ-ċentri ta' eċċellenza. Il-Kummissjoni tista' tistieden esperti b'għarfien espert speċifiku, inkluż b'mod partikolari riċerkaturi verifikati, rappreżentanti tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni, rappreżentanti tal-industrija, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti jew is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti mis-settur privat, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra.

    (138)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tinvestiga ksur fuq inizjattiva proprja f'konformità mas-setgħat previsti f'dan ir-Regolament, inkluż billi titlob aċċess għad-data, billi titlob informazzjoni jew billi twettaq spezzjonijiet, kif ukoll billi sserraħ fuq l-appoġġ tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali. Meta s-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' ksur allegat individwali minn fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna tindika kwistjonijiet sistemiċi, bħal kwistjonijiet b'impatt wiesa' fuq l-interessi kollettivi tar-riċevituri tas-servizz, jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu, abbażi ta' talba debitament motivata, jirreferu dawn il-kwistjonijiet lill-Kummissjoni. Talba bħal din jenħtieġ li tinkludi, mill-inqas, il-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha meħtieġa li jsostnu l-ksur allegat u n-natura sistemika tiegħu. Skont l-eżitu tal-valutazzjoni proprja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa skont dan ir-Regolament, inklużi, fejn rilevanti, it-tnedija ta' investigazzjoni jew l-adozzjoni ta' miżuri interim.

    (139)

    Sabiex twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li jinbdew proċedimenti kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna. Ladarba l-Kummissjoni tkun tat bidu għall-proċedimenti, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikkonċernati jenħtieġ li jiġu preklużi milli jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta' infurzar tagħhom fir-rigward tal-kondotta kkonċernata tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, sabiex jiġu evitati l-irduppjar, l-inkonsistenzi u r-riskji mill-perspettiva tal-prinċipju ne bis in idem. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob il-kontribut individwali jew konġunt tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għall-investigazzjoni. F'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu biex jissodisfa talbiet ġustifikati u proporzjonati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, kif ukoll il-Bord u kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ieħor fejn rilevanti, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa biex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv, inkluża informazzjoni miġbura fil-kuntest ta' eżerċizzji ta' ġbir ta' data jew ta' aċċess għad-data, sakemm dan ma jkunx prekluż mill-bażi legali li skontha tkun inġabret l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord infurmati dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha u b'mod partikolari meta jkollha l-ħsieb li tibda l-proċediment u teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha, inkluż kwalunkwe kwistjoni li toġġezzjona għaliha, lill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, jenħtieġ li hija tikkomunikahom ukoll lill-Bord. Jenħtieġ li l-Bord jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar l-oġġezzjonijiet u l-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, li jenħtieġ li tqis din l-opinjoni fir-raġunament li jirfed id-deċiżjoni finali tagħha.

    (140)

    Fid-dawl tal-isfidi partikolari li jistgħu jinqalgħu fl-isforz li tiġi żgurata l-konformità mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna u l-importanza li dan isir b'mod effettiv, meta jitqiesu d-daqs u l-impatt tagħhom u d-danni li jistgħu jikkawżaw, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha setgħat qawwijin ta' investigazzjoni u ta' infurzar biex tkun tista' tinvestiga, tinforza u timmonitorja l-konformità mar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament, b'rispett sħiħ tad-dritt fundamentali li wieħed jinstema' u li jingħata aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċedimenti tal-infurzar, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet u l-interessi tal-partijiet affettwati.

    (141)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob l-informazzjoni meħtieġa għall-fini li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament u l-konformità magħhom, fl-Unjoni kollha. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha aċċess għal kwalunkwe dokumenti, data u informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiftaħ u twettaq investigazzjoni u biex timmonitorja l-konformità mal-obbligi rilevanti stabbiliti f'dan ir-Regolament, irrispettivament minn min ikollu d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni inkwistjoni, u irrispettivament mill-forma jew mill-format tagħhom, mill-mezz tal-ħżin tagħhom jew mill-post preċiż fejn jinħażnu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob direttament permezz ta' talba għal informazzjoni debitament motivata li l-fornitur ikkonċernat tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha li tista' b'mod raġonevoli tkun konxja ta' informazzjoni relatata mal-ksur issuspettat jew il-ksur, kif applikabbli, jipprovdu kwalunkwe evidenza, data u informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħand kwalunkwe awtorità pubblika, korp jew aġenzija fl-Istat Membru għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob aċċess, u spjegazzjonijiet permezz tal-eżerċizzju ta' setgħat ta’ investigazzjoni, bħal talbiet għal informazzjoni jew intervisti relatati ma' dokumenti, data, informazzjoni, bażijiet tad-data u algoritmi tal-persuni rilevanti, u li tintervista, bil-kunsens tagħha, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jista' jkollha informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet li jsiru bi kwalunkwe mezz tekniku. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li twettaq tali verifiki li jkunu meħtieġa biex tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat ta' investigazzjoni għandhom l-għan li jikkomplementaw il-possibbiltà tal-Kummissjoni li titlob assistenza mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u minn awtoritajiet oħra tal-Istati Membri assistenza, pereżempju billi jipprovdu informazzjoni jew fl-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat.

    (142)

    Il-miżuri interim jistgħu jkunu għodda importanti biex jiġi żgurat li, filwaqt li tkun għaddejja investigazzjoni, il-ksur li jkun qed jiġi investigat ma jwassalx għar-riskju ta' dannu serju għar-riċevituri tas-servizz. Din l-għodda hija importanti biex jiġu evitati żviluppi li jistgħu jkunu diffiċli ħafna li jitreġġgħu lura b'deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedimenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li timponi miżuri interim permezz ta' deċiżjoni fil-kuntest ta' proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjoni ta' nonkonformità. Jenħtieġ li din is-setgħa tapplika f'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun għamlet sejba prima facie ta' ksur tal-obbligi skont dan ir-Regolament mill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna. Jenħtieġ li deċiżjoni li jiġu imposti miżuri interim tkun tapplika biss għal perjodu speċifikat, jew sakemm il-proċedimenti mill-Kummissjoni jiġu konklużi, inkella għal perjodu ta' żmien fiss li jista' jiġġedded diment li dan ikun neċessarju u xieraq.

    (143)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament u l-konformità magħhom. Jenħtieġ li dawn l-azzjonijiet jinkludu l-abbiltà li taħtar esperti esterni indipendenti, u awdituri biex jassistuha f'dan il-proċess, inkluż, fejn applikabbli, minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħalma huma l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jew tal-konsumatur. Meta taħtar l-awdituri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura rotazzjoni suffiċjenti.

    (144)

    Il-konformità mal-obbligi rilevanti imposti skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun tista' tiġi infurzata permezz ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stipulati wkoll livelli xierqa ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi u għall-ksur tar-regoli proċedurali, soġġetti għal perjodi ta' limitazzjoni xierqa f'konformità mal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' ne bis in idem. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jikkoordinaw l-isforzi ta' infurzar tagħhom sabiex jiżguraw li dawk il-prinċipji jiġu rispettati. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe multa u penali imposti fuq l-istess persuna ġuridika għall-istess fatti permezz ta' deċiżjoni finali fi proċedimenti relatati ma' ksur ta' regoli oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, sabiex tiżgura li l-multi u l-penali globali imposti jkunu proporzjonati u jikkorrispondu għas-serjetà tal-ksur imwettaq. Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'konformità mat-TFUE. Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġuriżdizzjoni bla limitu fir-rigward tal-multi u l-pagamenti ta' penali skont l-Artikolu 261 tat-TFUE.

    (145)

    Minħabba l-effetti sinifikanti potenzjali fuq is-soċjetà ta' ksur tal-obbligi addizzjonali għall-ġestjoni ta’ riskju sistematiċi li japplikaw biss għal pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna u sabiex jiġi indirizzat dak it-tħassib dwar l-ordni pubbliku, huwa meħtieġ li tiġi prevista sistema ta' superviżjoni msaħħa ta' kwalunkwe azzjoni meħuda biex ittemm u tirrimedja b'mod effettiv il-ksur ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, ladarba ksur ta' waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li japplikaw biss għal pjattaformi online kbar ħafna jew għal magni tat-tiftix online kbar ħafna jkun ġie aċċertat u, fejn meħtieġ, sanzjonat, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-fornitur ta' tali pjattaforma jew ta' tali magna tat-tiftix ifassal pjan ta' azzjoni dettaljat biex jirrimedja kwalunkwe effett tal-ksur għall-futur u jikkomunika dan il-pjan ta' azzjoni fi skeda ta' żmien stabbilita mill-Kummissjoni, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, tistabbilixxi jekk il-miżuri inklużi fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-ksur, filwaqt li tqis ukoll jekk l-aderenza mal-kodiċi ta' kondotta rilevanti hijiex inkluża fost il-miżuri proposti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja wkoll kwalunkwe miżura sussegwenti meħuda mill-fornitur ikkonċernat ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbira ħafna kif stipulat fil-pjan ta' azzjoni tiegħu, filwaqt li tqis ukoll awditu indipendenti tal-fornitur. Jekk wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni l-Kummissjoni xorta tqis li l-ksur ma ġiex rimedjat kompletament, jew jekk il-pjan ta' azzjoni ma ġiex ipprovdut jew jitqies mhux xieraq, jenħtieġ li hija tkun tista' tuża kwalunkwe setgħa ta’ investigazzjoni jew ta' infurzar skont dan ir-Regolament, inkluż is-setgħa li timponi pagamenti perjodiċi ta' penali u li tagħti bidu għall-proċedura biex jiġi diżattivat l-aċċess għas-servizz li jkun qed iwettaq il-ksur.

    (146)

    Il-fornitur ikkonċernat tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u persuni oħra soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom minn qabel, u d-deċiżjonijiet meħuda jenħtieġ li jiġu ppubblikati b'mod mifrux. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet ta' difiża tal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari d-dritt ta' aċċess għall-fajl, huwa essenzjali li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, filwaqt li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li tkun użat biex tieħu d-deċiżjoni tagħha tiġi żvelata sal-punt li jippermetti d-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għad-deċiżjoni.

    (147)

    Sabiex jiġu salvagwardati l-applikazzjoni u l-infurzar armonizzati ta' dan ir-Regolament, huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jmorrux kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE.

    (148)

    L-infurzar u l-monitoraġġ effettivi ta' dan ir-Regolament jirrikjedu skambju ta' informazzjoni bla xkiel u f'ħin reali fost il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Bord u l-Kummissjoni, abbażi tal-flussi ta' informazzjoni u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dan, fejn xieraq, jista' wkoll jiġġustifika aċċess għal din is-sistema minn awtoritajiet kompetenti oħra. Fl-istess ħin, minħabba li l-informazzjoni skambjata tista' tkun kunfidenzjali jew tinvolvi data personali, jenħtieġ li tibqa' protetta minn aċċess mhux awtorizzat, f'konformità mal-finijiet li għalihom tkun inġabret l-informazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-komunikazzjonijiet kollha bejn dawk l-awtoritajiet jenħtieġ li jsiru abbażi ta' sistema affidabbli u sigura ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni, li d-dettalji tagħha jenħtieġ li jiġu stipulati f'att ta' implimentazzjoni. Is-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni tista' tkun ibbażata fuq għodod eżistenti tas-suq intern, sal-punt li dawn ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament b'mod kosteffettiv.

    (149)

    Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tar-riċevituri tas-servizzi li jirrikorru għal rappreżentant f'konformità mad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) jew għal kwalunkwe tip ta' rappreżentanza skont il-liġi nazzjonali, ir-riċevituri tas-servizzi jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jagħtu mandat lil persuna ġuridika jew lil korp pubbliku biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f'dan ir-Regolament. Tali drittijiet jistgħu jinkludu d-drittijiet ta' servizzi relatati mas-sottomissjoni ta' avviżi, il-kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji, u t-tressiq ta' lmenti kontra l-fornituri għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Ċerti korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet għandhom għarfien espert u kompetenza partikolari fil-kxif u s-senjalar ta' deċiżjonijiet żbaljati jew mhux ġustifikati dwar il-moderazzjoni tal-kontenut, u l-ilmenti tagħhom f'isem ir-riċevituri tas-servizz jista' jkollhom impatt pożittiv fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni b'mod ġenerali, u għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online jittrattaw dawk l-ilmenti mingħajr dewmien żejjed.

    (150)

    Fl-interess tal-effettività u tal-effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ġenerali ta’ dan ir-Regolament. B'mod partikolari, jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni ġenerali tindirizza, fost l-oħrajn, il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament, l-interazzjoni ma' atti legali oħra, l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-funzjonament tas-suq intern, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi diġitali, l-implimentazzjoni ta’ kodiċijit ta’ kondotta, l-obbligu li jiġi ddeżinjat rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni, l-effett tal-obbligi fuq l-intrapriżi żgħar u mikro, l-effettività tal-mekkaniżmu ta' superviżjoni u ta' infurzar u l-impatt fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Barra minn hekk, biex tevita piżijiet sproporzjonati u tiżgura l-effettività kontinwa ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fi żmien tliet snin mill-bidu tal-applikazzjoni tiegħu u evalwazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari għal pjattaformi online kbar ħafna u għal magni tat-tiftix online kbar ħafna, u l-interazzjoni ma' atti legali oħra fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (151)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra' ta’ rapporti dwar il-moderazzjoni tal-kontenut biex jiġi stabbilit l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi għall-proċedimenti, is-seduti ta’ smigħ, l-iżvelar negozjat tal-informazzjoni mwettaq fil-kuntest tas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, kif ukoll biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-interoperabbiltà tagħha ma’ sistemi rilevanti oħra. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34).

    (152)

    Biex jiġu ssodisfati l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi ddelata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolamentfir-rigward tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-passi, il-metodoloġiji u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi, u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-talbiet ta' aċċess u l-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati għall-istabbiliment tat-tariffa superviżorja. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (35). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (153)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u d-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-media. Meta jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-awtoritajiet pubbliċi kollha involuti jenħtieġ li jiksbu, f'sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet fundamentali rilevanti jinsabu f'kunflitt, bilanċ ġust bejn id-drittijiet ikkonċernati, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (154)

    Minħabba l-ambitu u l-impatt tar-riskji fuq is-soċjetà li jistgħu jiġu kkawżati minn pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix kbr afna, il-ħtieġa li jiġu indirizzati dawk ir-riskji bħala kwistjoni ta’ prijorità u l-kapaċità li jieħdu l-miżuri neċessarji, huwa ġustifikat li jkun limitat il-perjodu li warajh jibda japplika dan ir-Regolament lill-fornituri ta’ dawk is-servizzi.

    (155)

    Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-iżgurar ta' ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli li fih id-drittijiet fundamentali mnaqqxa fil-Karta jkunu protetti kif dovut, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jiksbu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni meħtieġa jekk jaġixxu waħedhom, iżda, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni territorjali u personali tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (156)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Frar 2021 (37).

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji billi jistabbilixxi regoli armonizzati għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, li jiffaċilita l-innovazzjoni, u li fih id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, inkluż il-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu protetti b'mod effettiv.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-forniment tas-servizzi intermedjarji fis-suq intern. B'mod partikolari, dan jistabbilixxi:

    (a)

    qafas għall-eżenzjoni kundizzjonali mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

    (b)

    regoli dwar obbligi speċifiċi tad-diliġenza dovuta mfassla għal ċerti kategoriji speċifiċi ta' fornituri tas-servizzi intermedjarji;

    (c)

    regoli dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament, inkluż rigward il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji offruti lir-riċevituri tas-servizz li jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom jew ikunu jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament minn fejn il-fornituri ta' dawk is-servizzi intermedjarji jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom.

    2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda servizz li ma jkunx servizz intermedjarju u għall-ebda rekwiżit impost fir-rigward ta' tali servizz, irrispettivament minn jekk is-servizz jiġix ipprovdut permezz tal-użu ta' servizz intermedjarju.

    3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE.

    4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

    (a)

    id-Direttiva 2010/13/UE;

    (b)

    il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

    (c)

    ir-Regolament (UE) 2021/784;

    (d)

    ir-Regolament (UE) 2019/1148;

    (e)

    ir-Regolament (UE) 2019/1150;

    (f)

    il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2019/1020 u d-Direttivi 2001/95/KE u 2013/11/UE;

    (g)

    il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE;

    (h)

    il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew kwalunkwe att legali tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali;

    (i)

    il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali;

    (j)

    Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    "servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

    (b)

    "riċevitur tas-servizz" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b'mod partikolari għall-finijiet ta' tfittix ta' informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli;

    (c)

    "konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma 'l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

    (d)

    "biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni" tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta' servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni;

    (e)

    "konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni" tfisser konnessjoni ta' fornitur ta' servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

    għadd sinifikanti ta' riċevituri tas-servizz fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-popolazzjoni tiegħu jew tagħhom; jew

    l-immirar ta' attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar;

    (f)

    "kummerċjant" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta' persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

    (g)

    "servizz intermedjarju" tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:

    (i)

    servizz ta' "sempliċi conduit", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni;

    (ii)

    servizz ta' "caching", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;

    (iii)

    servizz ta' "hosting", li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;

    (h)

    "kontenut illegali" tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f'relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dik il-liġi;

    (i)

    "pjattaforma online" tfisser servizz ta' hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta' servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament.

    (j)

    "magna tat-tiftix online" tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b'lingwa partikolari, abbażi ta' talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta' keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista' tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;

    (k)

    "disseminazzjoni lill-pubbliku" tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta' partijiet terzi;

    (l)

    "kuntratt mill-bogħod" tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE;

    (m)

    "interfaċċa online" tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli;

    (n)

    "Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;

    (o)

    "Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;

    (p)

    "riċevitur attiv ta' pjattaforma online" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta' talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha;

    (q)

    "riċevitur attiv ta' magna tat-tiftix" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha;

    (r)

    "reklam" tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta' persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta' dik l-informazzjoni;

    (s)

    "sistema ta' rakkomandazzjoni" tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta' tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;

    (t)

    ''moderazzjoni tal-kontenut'' tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji maħsuba, b'mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta' dak il-kontenut illegali jew ta' dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta' kont ta' riċevitur;

    (u)

    "termini u kondizzjonijiet" tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta' servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz;

    (v)

    "persuni b'diżabilità" tfisser ‘persuni b'diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

    (w)

    “komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE;

    (x)

    "fatturat" tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39).

    KAPITOLU II

    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    Artikolu 4

    "Sempliċi conduit"

    1.   Meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew fl-għoti ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni trażmessa jew aċċessata, diment li l-fornitur:

    (a)

    ma jkunx beda t-trażmissjoni;

    (b)

    ma jkunx għażel ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u

    (c)

    ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li hemm fit-trażmissjoni.

    2.   L-atti tat-trażmissjoni u tal-għoti tal-aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa, diment li din issir għall-uniku fini li titwettaq it-trażmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u diment li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trażmissjoni.

    3.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità ma’ sistema legali ta’ Stat Membru, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

    Artikolu 5

    ‘Caching’

    1.   Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa biss għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti jew sigura aktar t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra tas-servizz meta jitolbuha, diment li l-fornitur:

    (a)

    ma jimmodifikax l-informazzjoni;

    (b)

    jikkonforma mal-kondizzjonijiet dwar l-aċċess għall-informazzjoni;

    (c)

    jikkonforma mar-regoli rigward l-aġġornament tal-informazzjoni, speċifikati b'mod rikonoxxut u użat b'mod estensiv mill-industrija;

    (d)

    ma jinterferixxix mal-użu leġittimu tat-teknoloġija, rikonoxxuta u użata b'mod estensiv mill-industrija, biex tinkiseb data dwar l-użu tal-informazzjoni; u

    (e)

    jaġixxi malajr biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li jkun ħażen malli jikseb għarfien effettiv tal-fatt li l-informazzjoni fis-sors inizjali tat-trażmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun ġie diżattivat, jew li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni.

    2.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, jeżiġu li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

    Artikolu 6

    Hosting

    1.   Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni maħżuna li tintalab minn riċevitur tas-servizz, diment li:

    (a)

    ma jkunx kiseb għarfien effettiv ta' attività illegali jew kontenut illegali u, fir-rigward ta' talba għad-danni, ma jkollux konoxxenza ta' fatti jew ċirkostanzi li minnhom ikunu apparenti l-attività illegali jew il-kontenut illegali; jew

    (b)

    malli jikseb dawn l-għarfien jew il-konoxxenza, jaġixxi malajr biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut illegali.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta r-riċevitur tas-servizz ikun jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tal-fornitur.

    3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward tar-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ta' pjattaformi online li jippermettu li l-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti, meta din il-pjattaforma online tippreżenta l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni jew inkella tippermetti t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b'mod li twassal lil konsumatur medju biex jemmen li l-informazzjoni, jew il-prodott jew is-servizz li huwa l-oġġett tat-tranżazzjoni, hija pprovduta mill-pjattaforma online nnifisha jew minn riċevitur tas-servizz li jkun qed jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tagħha.

    4.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

    Artikolu 7

    Investigazzjonijiet volontarji fuq inizjattiva proprja u konformità legali

    Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji ma għandhomx jitqiesu ineliġibbli għall-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 unikament għax, in bona fide u b'mod diliġenti jwettqu investigazzjonijiet volontarji fuq inizjattiva proprja jew jieħdu miżuri oħra mmirati biex jiddetettaw, jidentifikaw u jneħħu kontenut illegali, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut illegali jew jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    L-ebda obbligu ta' monitoraġġ ġenerali jew ta' tiftix attiv tal-fatti

    Fuq dawk il-fornituri ma għandu jiġi impost l-ebda obbligu ta' monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu l-fornituri tas-servizzi intermedjarji, jew ta' tiftix attiv tal-fatti jew ta' ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

    Artikolu 9

    Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

    1.   Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

    (i)

    referenza għall-bażi legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali għall-ordni;

    (ii)

    dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għalfejn l-informazzjoni hija kontenut illegali, b'referenza għal dispożizzjoni speċifika waħda jew aktar tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

    (iii)

    informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

    (iv)

    informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika u jillokalizza l-kontenut illegali kkonċernat, bħal URL preċiż wieħed jew aktar u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali;

    (v)

    informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizzi intermedjarji u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut;

    (vi)

    fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità tirċievi l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

    (b)

    il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu;

    (c)

    dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

    3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

    4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

    5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.

    6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

    Artikolu 10

    Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni

    1.   Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

    (i)

    referenza għall-bażi legali skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni għall-ordni;

    (ii)

    informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

    (iii)

    informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika r-riċevitur jew ir-riċevituri speċifiċi li dwarhom tintalab l-informazzjoni, bħal isem tal-kont wieħed jew aktar jew identifikaturi uniċi;

    (iv)

    dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv għalfejn hemm bżonn l-informazzjoni u għalfejn ir-rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi determinata l-konformità tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista' tiġi pprovduta għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

    (v)

    informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur u għar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat;

    (vi)

    fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità għandha tirċievi ntbagħat l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

    (b)

    dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu;

    (c)

    dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

    3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

    4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

    5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.

    6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

    KAPITOLU III

    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1

    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    Artikolu 11

    Punti ta' kuntatt għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bord

    1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt li jippermettilhom jikkomunikaw direttament, b'mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord imsemmi fl-Artikolu 61 għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, u għandha tinżamm aġġornata.

    3.   Fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jispeċifikaw, il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li, flimkien ma' lingwa mifhuma b'mod wiesa' mill-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-Unjoni, jistgħu jintużaw biex jikkomunikaw mal-punt ta' kuntatt tagħhom, u li għandhom jinkludu mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jkollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu.

    Artikolu 12

    Punti ta' kuntatt għar-riċevituri tas-servizzi

    1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt li jippermetti lir-riċevituri tas-servizz jikkomunika direttament u malajr magħhom, b'mezzi elettroniċi u b'mod faċli għall-utent, inkluż billi jippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu l-mezzi ta' komunikazzjoni, li ma għandhomx jiddependu biss fuq għodod awtomatizzati.

    2.   Minnbarra l-obbligi previsti skont id-Direttiva 2000/31/KE, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex ir-riċevituri tas-servizz jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, u għandha tinżamm aġġornata.

    Artikolu 13

    Rappreżentanti legali

    1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni jistgħu jiddeżinjaw, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika biex taġixxi bħala r-rappreżentant legali tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

    2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien ma’ dawk il-fornituri jew minflokhom, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Bord, fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-wasla, għall-konformità jew għall-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa fir-rigward ta' dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jipprovdu s-setgħat meħtieġa u biżżejjed riżorsi lir-rappreżentant legali tagħhom biex jiggarantixxu kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord u biex jikkonformaw ma' dawk id-deċiżjonijiet.

    3.   Għandu jkun possibbli li r-rappreżentant legali deżinjat jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi intermedjarji.

    4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz tal-posta, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Dawn għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku, faċilment aċċessibbli, preċiża u aġġornata.

    5.   Id-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-Unjoni.

    Artikolu 14

    Termini u kondizzjonijiet

    1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b'rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritikmu tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Din għandha tiġi ppreżentata b'lingwaġġ ċar, sempliċi, li jinftiehem, faċli u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni.

    2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz bi kwalunkwe bidla sinifikanti fit-termini u l-kondizzjonijiet.

    3.   Meta servizz intermedjarju jkun primarjament immirat lejn il-minorenni jew jintuża l-aktar minnhom, il-fornitur ta' dak is-servizz intermedjarju għandu jispjega l-kondizzjonijiet għal, u kwalunkwe restrizzjoniji fuq, l-użu tas-servizz b'mod li jinftiehem mill-minorenni.

    4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b'mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif minqux fil-Karta.

    5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinqara mill-magni tat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rimedji u l-mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli, b'lingwaġġ ċar u mhux ambigwu.

    6.   Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 għandhom jippubblikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha fejn joffru s-servizzi tagħhom.

    Artikolu 15

    Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

    1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

    (a)

    għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

    (b)

    għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

    (c)

    għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

    (d)

    għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

    (e)

    kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

    2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

    3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

    TAQSIMA 2

    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    Artikolu 16

    Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

    1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista' tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu faċli biex jintużaw, u għandhom jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi esklussivament b'mezzi elettroniċi.

    2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq. Għal dak il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)

    spjegazzjoni sostanzjata biżżejjed tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tallega li l-informazzjoni inkwistjoni hija kontenut illegali;

    (b)

    indikazzjoni ċara tal-post elettroniku eżatt ta' dik l-informazzjoni, pereżempju l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kif adattat għat-tip ta' kontenut u għat-tip speċifiku ta' servizz ta' hosting;

    (c)

    l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

    (d)

    dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

    3.   Avviżi msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-Artikolu 6 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat meta jippermettu lil fornitur ta' servizzi ta' hosting diliġenti jidentifika l-illegalità tal-attività jew l-informazzjoni rilevanti mingħajr eżami legali dettaljat.

    4.   Meta l-avviż ikun fih l-informazzjoni ta' kuntatt elettronika tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jibgħat, mingħajr dewmien żejjed, konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

    5.   Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

    6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni relatata mal-avviżi, fil-ħin, b'mod diliġenti, mhux arbitrarju u oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 5.

    Artikolu 17

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

    1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ċara u speċifika tar-raġunijiet lil kwalunkwe riċevitur tas-servizz affettwat minn xi waħda mir-restrizzjonijiet li ġejjin imposti għal raġuni li l-informazzjoni provduta mir-riċevitur tas-servizz tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom:

    (a)

    kwalunkwe restrizzjoni tal-viżibbiltà ta' punti ta' informazzjoni speċifiċi pprovduti mir-riċevitur tas-servizz, inkluż it-tneħħija tal-kontenut, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih jew id-dimozzjoni tiegħu;

    (b)

    is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew restrizzjonijiet oħra f'termini ta' pagamenti monetarji;

    (c)

    is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-forniment tas-servizz kollu jew parti minnu;

    (d)

    is-sospensjoni jew l-għeluq tal-kont tar-riċevitur tas-servizz.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta d-dettalji ta' kuntatt elettroniċi rilevanti jkunu magħrufa mill-fornitur. Għandu japplika mhux aktar tard mid-data meta tiġi imposta r-restrizzjoni, u irrispettivament mir-raġuni għaliha jew mill-mod kif tkun ġiet imposta.

    Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-informazzjoni tkun ta' kontenut kummerċjali ta' volum għoli qarrieqi.

    3.   Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tinvolvix it-tneħħija tal-informazzjoni, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, id-dimozzjoni tagħha jew ir-restrizzjoni tal-viżibbiltà tagħha jew inkella s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' pagamenti monetarji relatati ma' dik l-informazzjoni jew timponix miżuri oħra msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-informazzjoni u, meta rilevanti, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni u t-tul tagħha;

    (b)

    il-fatti u ċ-ċirkostanzi invokati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż, meta rilevanti, informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tteħditx skont avviż sottomess f'konformità mal-Artikolu 16 jew abbażi ta' investigazzjoni volontarja fuq inizjattiva proprja u, fejn strettament neċessarju, l-identità tan-notifikant;

    (c)

    meta applikabbli, informazzjoni dwar l-użu li sar minn mezzi awtomatizzati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni ttieħdet rigward kontenut detettat jew identifikat bl-użu ta' mezzi awtomatizzati;

    (d)

    meta d-deċiżjoni tkun tikkonċerna kontenut allegatament illegali, referenza għall-bażi legali invokata u spjegazzjonijiet dwar għalfejn l-informazzjoni titqies bħala kontenut illegali fuq dik il-bażi;

    (e)

    meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà tal-informazzjoni mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting, referenza għar-raġuni kuntrattwali invokata u spjegazzjonijiet għalfejn l-informazzjoni titqies inkompatibbli ma' dik ir-raġuni;

    (f)

    informazzjoni ċara u faċli biex tintuża dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju disponibbli għar-riċevitur tas-servizz fir-rigward tal-azzjoni, b'mod partikolari, fejn applikabbli, bil-mekkaniżmi interni tat-trattament tal-ilmenti, b'soluzzjoni alternattiva għat-tilwim barra mill-qorti u b'rimedju ġudizzjarju.

    4.   L-informazzjoni pprovduta mill-fornituri ta' servizzi ta' hosting f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tkun ċara u tinftiehem faċilment, u tkun preċiża u speċifika kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli fiċ-ċirkostanzi partikolari. L-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tkun tippermetti b'mod raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikkonċernat jeżerċita b'mod effettiv il-possibbiltajiet ta' rimedju msemmija fil-paragrafu 3, punt (f).

    5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 9.

    Artikolu 18

    Notifika ta' suspetti ta' reati kriminali

    1.   Meta fornitur ta' servizzi ta' hosting isir jaf b'xi informazzjoni li twassal għal suspett li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuna jew persuni, dan għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati bis-suspett tiegħu u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli.

    2.   Meta l-fornitur ta' servizzi ta' hosting ma jkunx jista' jidentifika b'ċertezza raġonevoli l-Istat Membru kkonċernat, dan għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew jinforma lill-Europol, jew lit-tnejn.

    Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun l-Istat Membru li fih huwa suspettat li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ ir-reat, jew l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew jinsab is-suspettat awtur tar-reat, jew l-Istat Membru fejn tirrisjedi jew tinsab il-vittma tas-suspettat reat.

    TAQSIMA 3

    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    Artikolu 19

    Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

    1.   Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

    Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-intrapriżi li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta' intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar ta' wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 33.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f'konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.

    Artikolu 20

    Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ppreżentaw avviż, għal perjodu ta' mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f'dan il-paragrafu, bl-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermettilhom jissottomettu ilmenti, b’mod elettroniku u mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjoni meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online li ma jaġixxix mal-wasla ta' avviż jew kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha.

    (a)

    deċiżjonijiet dwar jekk titneħħiex l-informazzjoni, jiġix diżattivat l-aċċess jew tiġix ristretta l-viżibbiltà tal-informazzjoni;

    (b)

    deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri;

    (c)

    deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-kont tar-riċevituri;

    (d)

    deċiżjonijiet dwar jekk tiġix sospiża, terminata jew b'xi mod ieħor ristretta l-kapaċità ta' monetizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri.

    2.   Il-perjodu ta' mill-inqas sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum li fih ir-riċevitur tas-servizz jiġi infurmat bid-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 16(5) jew l-Artikolu 17.

    3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.

    4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b'mod nondiskriminatorju, diliġenti u mhux arbitrarju. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-fornitur ta' pjattaforma online iqis li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fuq l-avviż tkun infondata jew li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax il-miżura meħuda, din għandha treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.

    5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni motivata li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u bil-possibbiltà ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 21 u possibbiltajiet oħra ta' rimedju disponibbli.

    6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jittieħdu taħt is-superviżjoni ta' persunal kwalifikat kif xieraq u mhux unikament abbażi ta' mezzi awtomatizzati.

    Artikolu 21

    Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti

    1.   Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.

    Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.

    L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.

    2.   Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.

    Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.

    Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.

    3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi;

    (b)

    ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima;

    (c)

    il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura;

    (d)

    is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online;

    (e)

    ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

    (f)

    is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:

    (a)

    il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u

    (b)

    il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

    4.   Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

    Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:

    (a)

    jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena;

    (b)

    tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim;

    (c)

    jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi;

    (d)

    jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament;

    (e)

    jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq.

    Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.

    5.   Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.

    It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.

    Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.

    7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

    8.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.

    9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.

    Artikolu 22

    Sinjalaturi fdati

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

    2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

    (b)

    ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

    (c)

    ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

    3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

    (a)

    l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

    (b)

    it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

    (c)

    l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

    Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

    Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

    4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

    6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

    7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

    8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

    Artikolu 23

    Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

    2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

    3.   Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari;

    (b)

    il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari;

    (c)

    il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu;

    (d)

    meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

    4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

    Artikolu 24

    Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

    1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

    (a)

    l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

    (b)

    l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

    2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

    3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

    4.   Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

    5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

    6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

    Artikolu 25

    Disinn u organizzazzjoni ta' interfaċċi online

    1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx ifasslu, jorganizzaw jew joperaw l-interfaċċi online tagħhom b'mod li jqarraq jew jimmanipula r-riċevituri tas-servizz tagħhom jew b’mod li b'xi mod ieħor ifixkel materjalment il-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet ħielsa u infurmati.

    2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prattiki koperti mid-Direttiva 2005/29/KE jew mir-Regolament (UE) 2016/679.

    3.   Il-Kummissjoni tista' toħroġ linji gwida dwar kif il-paragrafu 1 japplika għal prattiki speċifiċi, b'mod partikolari:

    (a)

    l-għoti ta' aktar prominenza lil ċerti għażliet meta jitolbu deċiżjoni mingħand ir-riċevitur tas-servizz;

    (b)

    talbiet ripetuti lir-riċevitur tas-servizz biex jagħmel għażla meta tali għażla tkun diġà saret, speċjalment bil-preżentazzjoni ta' pop-ups li jinterferixxu mal-esperjenza tal-utent;

    (c)

    proċedura tat-terminazzjoni ta' servizz li tkun aktar diffiċli mis-sottoskrizzjoni tiegħu.

    Artikolu 26

    Reklamar fuq pjattaformi online

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jiżguraw li, għal kull reklam speċifiku ppreżentat lil kull riċevitur individwali, ir-riċevituri tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw, b'mod ċar, konċiż u mhux ambigwu u f'ħin reali, dawn li ġejjin:

    (a)

    li l-informazzjoni hija reklam, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44;

    (b)

    il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;

    (c)

    il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt (b);

    (d)

    informazzjoni sinifikanti aċċessibbli direttament u faċilment mir-reklam dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi ddeterminat ir-riċevitur li lilu qed jiġi ppreżentat ir-reklam u, fejn applikabbli, kif jistgħu jinbidlu dawk il-parametri..

    2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz b'funzjonalità biex jiddikjaraw jekk il-kontenut li jipprovdu huwiex jew fihx komunikazzjonijiet kummerċjali.

    Meta r-riċevitur tas-servizz jissottometti dikjarazzjoni skont dan il-paragrafu, il-fornitur ta’ pjattaformi online għandu jiżgura li riċevituri oħra tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod ċar u mhux ambigwu u f'ħin reali, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44, li l-kontenut ipprovdut mir-riċevitur tas-servizz huwa jew fih komunikazzjonijiet kummerċjali, kif deskritt f’dik id-dikjarazzjoni.

    3.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami lir-riċevituri tas-servizzi bbażati fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, bl-użu ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Artikolu 27

    Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, b'mod ċar u li jinftiehem, il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, kif ukoll kull alternattiva għar-riċevituri tas-servizz biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri ewlenin.

    2.   Il-parametri ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispjegaw għaliex ċerta informazzjoni hija ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz. Dawn għandhom jinkludu, mill-inqas:

    (a)

    il-kriterji li huma l-aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tal-informazzjoni ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz;

    (b)

    ir-raġunijiet għall-importanza relattiva ta' dawk il-parametri.

    3.   Meta jkunu disponibbli diversi għażliet skont il-paragrafu 1 għas-sistemi ta' rakkomandazzjoni li jiddeterminaw l-ordni relattiva tal-informazzjoni ppreżentata lir-riċevituri tas-servizz, il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom ukoll jagħmlu disponibbli funzjonalità li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu u jimmodifikaw fi kwalunkwe mument l-għażla ppreferuta tagħhom. Dik il-funzjonalità għandha tkun aċċessibbli direttament u faċilment mit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online tal-pjattaforma fejn l-informazzjoni tkun qed tingħata prijorità –.

    Artikolu 28

    Protezzjoni tal-minorenni online

    1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online aċċessibbli għall-minorenni għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikollhom livell għoli ta' privatezza, sikurezza u sigurtà fir-rigward tal-minorenni.

    2.   Fuq l-interfaċċa tagħhom, il-fornituri ta' pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami bbażat fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679 bl-użu ta' data personali tar-riċevitur tas-servizz meta jkunu konxji b'ċertezza raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikun minorenni.

    3.   Il-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu ma għandhiex tobbliga lill-fornituri ta’ pjattaformi online jipproċessaw data personali addizzjonali sabiex jivvalutaw jekk ir-riċevitur tas-servizz ikunx minorenni.

    4.   Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord, tista' toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

    TAQSIMA 4

    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    Artikolu 29

    Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

    1.   Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

    Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għal fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta' intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna f’konformità mal-Artikolu 33.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f'konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.

    Artikolu 30

    Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

    1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:

    (a)

    l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

    (b)

    kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

    (c)

    id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant;

    (d)

    meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

    (e)

    awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

    2.   Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.

    Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.

    3.   Meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

    Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-Artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.

    5.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

    6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

    7.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.

    Artikolu 31

    Konformità sa mit-tfassil

    1.   Fornituri ta’ pjattaformi online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jfassal u jorganizza l-interfaċċa online tiegħu b'mod li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom rigward l-informazzjoni prekuntrattwali, il-konformità u l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni.

    B'mod partikolari, il-fornitur kkonċernat għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email tal-operatur ekonomiku, kif definit fl-Artikolu 3, punt (13) tar-Regolament (UE) 2019/1020 u f'liġi oħra tal-Unjoni.

    2.   Fornitur ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu hija mfassla u organizzata b'mod li tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tal-prodotti jew tas-servizzi promossi jew offruti lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni permezz tas-servizzi tal-fornituri;

    (b)

    kwalunkwe sinjal li jidentifika lill-kummerċjant, bħal trademark, simbolu jew logo; u

    (c)

    fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar it-tikkettar u l-immarkar f'konformità mar-regoli tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti.

    3.   Meta Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jivvalutaw jekk tali kummerċjanti jkunux ipprovdew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 qabel ma jippermettilhom joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom fuq dawk il-pjattaformi. Wara li jippermettu l-kummerċjant joffri prodotti jew servizzi fuq il-pjattaforma online tiegħu li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti, il-fornitur għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jivverifikaw b'mod aleatorju f'xi bażi tad-data online jew interfaċċa online uffiċjali, aċċessibbli liberament u li tinqara minn magna jekk il-prodotti jew is-servizzi offruti jkunux ġew identifikati bħala illegali.

    Artikolu 32

    Dritt għall-informazzjoni

    1.   Meta fornitur ta' pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jsir konxju, irrispettivament mill-mezzi użati, li prodott jew servizz illegali ġie offrut minn kummerċjant lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni permezz tas-servizzi tiegħu, dak il-fornitur għandu jinforma, dment li jkollu d-dettalji ta' kuntatt tagħhom, lill-konsumaturi li jkunu xtraw il-prodott jew is-servizz illegali permezz tas-servizzi tiegħu dwar dan li ġej:

    (a)

    il-fatt li l-prodott jew is-servizz huwa illegali;

    (b)

    l-identità tal-kummerċjant; u

    (c)

    kwalunkwe mezz rilevanti ta' rimedju.

    L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu jkun limitat għax-xiri ta’ prodotti jew servizzi illegali li jsir fi żmien sitt xhur qabel il-mument li fih il-fornitur ikun sar konxju tal-illegalità.

    2.   Meta, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti ma jkollux id-dettalji ta' kuntatt tal-konsumaturi kollha kkonċernati, dak il-fornitur għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tiegħu l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz illegali, l-identità tal-kummerċjant u kwalunkwe mezz ta' rimedju.

    TAQSIMA 5

    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    Artikolu 33

    Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

    1.   Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online u magni tat-tiftix online li jilħqu għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, u li jkunu ddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont il-paragrafu 4.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex taġġusta l-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1, meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tiżdied jew tonqos b'mill-anqas 5 % fir-rigward tal-popolazzjoni tagħha fl-2020 jew, tal-popolazzjoni tagħha wara aġġustament b'att delegat fis-sena meta jkun ġie adottat l-aħħar att delegat. F'tali każ, din għandha taġġusta l-għadd biex ikun jikkorrispondi għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fis-sena meta tadotta l-att delegat, aġġustat 'il fuq jew 'l isfel biex l-għadd ikun jista' jiġi espress f'miljuni.

    3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87, wara konsultazzjoni mal-Bord, biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 24(2), filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

    4.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat l-Istat Membru tal-istabbiliment jew wara li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 24(4), tadotta deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online li jkollha għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2), u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    In-nuqqas tal-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online li josserva l-Artikolu 24(2) jew li jirrispetta t-talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taħtar lil dak il-fornitur bħala fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont dan il-paragrafu.

    Fejn il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew abbażi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat 10 ijiem tax-xogħol biex jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u dwar l-intenzjoni tieħu li jiddeżinja l-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-fehmiet sottomessi mill-fornitur ikkonċernat.

    In-nuqqas t tal-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat li jissottometti l-fehmiet tiegħu skont it-tielet subparagrafu ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tiddeżinja dik il-pjattaforma online jew dik il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna, rispettivament, abbażi ta' informazzjoni oħra li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

    5.   Il-Kummissjoni għandha ttemm id-deżinjazzjoni jekk, f'perjodu ta' sena mingħajr interruzzjoni, il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online ma jkollhiex għadd ta' riċevituri tas-servizz attivi medji fix-xahar ekwivalenti jew superjuri għall-għadd imsemmi fil-paragrafu 1.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjonijiet tagħha skont il-paragrafi 4 u 5, mingħajr dewmien żejjed, lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew ta’ magna tat-tiftix online kkonċernat, lill-Bord u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-pjattaformi online kbar ħafna deżinjati tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandha żżommha aġġornata. L-obbligi stipulati f'din it-Taqsima għandhom japplikaw, jew jieqfu japplikaw, għall-pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati fi żmien erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 34

    Valutazzjoni tar-riskju

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

    Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

    (a)

    id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

    (b)

    kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

    (c)

    kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

    (d)

    kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

    2.   Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

    (a)

    id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

    (b)

    is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

    (c)

    it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

    (d)

    is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

    (e)

    il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

    Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

    Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.

    3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

    Artikolu 35

    Mitigazzjoni tar-riskji

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

    (a)

    l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

    (b)

    l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

    (c)

    l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

    (d)

    l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

    (e)

    l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

    (f)

    it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

    (g)

    il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

    (h)

    il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament;

    (i)

    it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

    (j)

    it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

    (k)

    garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

    2.   Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

    (b)

    l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

    Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

    3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

    Artikolu 36

    Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

    1.   Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha;

    (b)

    jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

    (c)

    jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni.

    Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

    2.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.

    3.   Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta;

    (b)

    id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati;

    (c)

    l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur.

    4.   Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni;

    (b)

    tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u

    (c)

    tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni.

    5.   L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    6.   Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).

    7.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.

    Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.

    8.   Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:

    (a)

    tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu;

    (b)

    testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur;

    (c)

    tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

    9.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.

    10.   Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.

    11.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.

    Artikolu 37

    Awditu indipendenti

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi indipendenti biex jivvalutaw il-konformità ma' dawn li ġejjin:

    (a)

    l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III;

    (b)

    kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-Artikoli 45 u 46 u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 48.

    2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi skont dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jwettqu dawk l-awditi b'mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, inkluż billi jagħtuhom aċċess għad-data u l-bini rilevanti kollha u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Ma għandhomx ifixklu, jinfluwenzaw bla bżonn jew jimminaw it-twettiq tal-awditu.

    Tali awditi għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u partijiet terzi fil-kuntest tal-awditi, inkluż wara l-għeluq tal-awditi. Madankollu, il-konformità ma' dak ir-rekwiżit ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv it-twettiq tal-awditi u dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar it-trasparenza, is-superviżjoni u l-infurzar. Fejn ikun meħtieġ għall-fini tar-rapportar dwar it-trasparenza skont l-Artikolu 42(4), ir-rapport tal-awditu u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu msemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu akkumpanjati minn verżjonijiet li ma jkun fihom l-ebda informazzjoni li tista' raġonevolment titqies kunfidenzjali.

    3.   L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:

    (a)

    ikunu indipendenti mill-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernat u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess miegħu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur; b'mod partikolari:

    (i)

    ma jkunux ipprovdew servizzi mhux ta' awditjar iżda relatati mal-kwistjonijiet awditjati lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel jibda l-awditu u jkunu impenjaw ruħhom li ma jipprovduhomx b’dawn is-servizzi fil-perjodu ta' 12-il xahar wara li jitlesta l-awditu;

    (ii)

    ma jkunux ipprovdew servizzi ta' awditjar skont dan l-Artikolu lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur f'perjodu itwal minn 10 snin konsekuttivi;

    (iii)

    ma tkunx qed twettaq l-awditu bi ħlas li jkun kontinġenti fuq ir-riżultat tal-awditu;

    (b)

    ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet;

    (c)

    ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b'mod partikolari fuq l-aderenza ma' kodiċijiet ta' prattika jew standards xierqa.

    4.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Dak ir-rapport għandu jkun sostanzjat, bil-miktub, u jinkludi mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-isem, l-indirizz u l-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert;

    (b)

    l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-twettiq tal-awditu;

    (c)

    dikjarazzjoni tal-interessi;

    (d)

    deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata;

    (e)

    deskrizzjoni u sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin misluta mill-awditu;

    (f)

    lista tal-partijiet terzi kkonsultati bħala parti mill-awditu;

    (g)

    opinjoni tal-awditu dwar jekk il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna soġġett għall-awditu kkonformax mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri opinjoni “pożittiva”, “pożittiva b'xi kummenti” jew “negattiva”;

    (h)

    meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità u dwar il-kalendarju rrikkmandat għall-kisba tagħha.

    5.   Jekk l-organizzazzjoni li twettaq l-awditu ma tkunx setgħet tivverifika ċerti elementi speċifiċi jew tesprimi opinjoni dwar l-awditu abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, ir-rapport tal-awditu għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dawk l-elementi ma jkunux setgħu jiġu awditjati.

    6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx “pożittiv” għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzati lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li jkunu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta' nuqqas ta' konformità identifikata.

    7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twettiq tal-awditi skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli meħtieġa dwar il-passi proċedurali, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi mwettqa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu kwalunkwe standard tal-awditjar volontarju msemmi fl-Artikolu 44(1), punt (e).

    Artikolu 38

    Sistemi ta' rakkomandazzjoni

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 27, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jipprovdu mill-inqas għażla waħda għal kull waħda mis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom li mhix ibbażata fuq it-tfassil ta' profili, kif definit fl-Artikolu 4, punt (4) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Artikolu 39

    Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f'taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta' għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b'diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta' ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.

    2.   Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:

    (a)

    il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam;

    (b)

    il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;

    (c)

    il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b);

    (d)

    il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam;

    (e)

    jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta' riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta' wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari;

    (f)

    il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u identifikati skont l-Artikolu 26(2);

    (g)

    l-għadd totali ta' riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta' riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam.

    3.   Fir-rigward tal-paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jkun neħħa jew iddiżattiva l-aċċess għal reklam speċifiku abbażi tal-allegata illegalità jew inkompatibbiltà mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, ir-repożitorju ma għandux jinkludi l-informazzjoni msemmija f'dawk il-punti. F'dak il-każ, ir-repożitorju għandu jinkludi, għar-reklam speċifiku kkonċernat, l-informazzjoni msemmija, fl-Artikolu 17(3), punti (a) sa (e), jew fl-Artikolu 9(2), punt (a)(i), kif applikabbli.

    Il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, ir-riċerkaturi verifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 40 u l-pubbliku, toħroġ linji gwida dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tar-repożitorji msemmija f'dan l-Artikolu.

    Artikolu 40

    Aċċess u skrutinju tad-data

    1.   Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

    2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.

    4.   Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.

    5.   Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    ma jkollhomx aċċess għad-data;

    (b)

    l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

    6.   It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.

    7.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

    8.   Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790;

    (b)

    ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali;

    (c)

    l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka;

    (d)

    ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan;

    (e)

    l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4;

    (f)

    l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

    (g)

    ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

    Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.

    9.   Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.

    Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.

    10.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.

    11.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.

    12.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).

    13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

    Artikolu 41

    Funzjoni ta' verifika tal-konformità

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jistabbilixxu funzjoni ta' verifika tal-konformità, li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tagħhom u magħmula minn uffiċjal għall-verifika tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità. Dik il-funzjoni ta' verifika tal-konformità għandu jkollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna biex timmonitorja l-konformità ta' dak il-fornitur ma' dan ir-Regolament.

    2.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiżgura li l-uffiċjali għall-verifika tal-konformità jkollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-kapaċità meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3.

    Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiżgura li l-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b'responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta' konformità.

    Il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna, u jista' jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn ir-riskji msemmija fl-Artikolu 34 jew in-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

    Il-kap tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna.

    3.   L-uffiċjali għall-konformità għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jikkooperaw mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u mal-Kummissjoni għall-fini ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    jiżguraw li r-riskji kollha msemmija fl-Artikolu 34 jiġu identifikati u rrappurtati kif suppost u li jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji raġonevoli, proporzjonati u effettivi skont l-Artikolu 35;

    (c)

    jorganizzaw u jissorveljaw l-attivitajiet tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna relatati mal-awditu indipendenti skont l-Artikolu 37;

    (d)

    jinformaw u jagħtu pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna dwar l-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament;

    (e)

    iwettqu monitoraġġ tal-konformità tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament;

    (f)

    fejn applikabbli, jimmonitorjaw il-konformità tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna mal-impenji meħuda skont il-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikoli 45 u 46 jew il-protokolli ta' kriżi skont l-Artikolu 48.

    4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-kap tal-funzjoni fis-servizz ta' verifika tal-konformità lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni.

    5.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-fornitur li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta' verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-ġestjoni tajba tar-riskji sistemiċi identifikati skont l-Artikolu 34.

    6.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għat-teħid, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskji identifikati skont l-Artikolu 34 li għalihom il-pjattaforma online kbira ħafna jew il-magna tat-tiftix online kbira ħafna hija jew tista' tkun esposta għalihom.

    7.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-kunsiderazzjoni tal-miżuri relatati mal-ġestjoni tar-riskju. Dan għandu jkun involut b'mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riskju, u għandu jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-ġestjoni tar-riskji identifikati f’konformità mal-Artikolu 34.

    Artikolu 42

    Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

    1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

    2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

    (a)

    ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

    (b)

    il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

    (c)

    l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

    Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

    3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.

    4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

    (a)

    rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

    (b)

    il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

    (c)

    ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

    (d)

    ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

    (e)

    fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

    5.   Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

    Artikolu 43

    Tariffa superviżorja

    1.   Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.

    2.   L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

    3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

    (a)

    id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2;

    (b)

    id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

    (c)

    id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u

    (d)

    l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti.

    Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

    5.   L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti;

    (b)

    it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33;

    (c)

    l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

    6.   It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

    7.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.

    TAQSIMA 6

    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    Artikolu 44

    Standards

    1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord, u għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards volontarji stabbiliti minn korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali rilevanti, tal-anqas fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi skont l-Artikolu 16;

    (b)

    mudelli, tfassil u standards ta' pproċessar għall-komunikazzjoni mar-riċevituri tas-servizz b'mod faċli għall-utent dwar restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-termini u l-kondizzjonijiet u l-bidliet fihom;

    (c)

    is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi minn sinjalaturi fdati skont l-Artikolu 22, inkluż minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet;

    (d)

    interfaċċi speċifiċi, inkluż interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jiffaċilitaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 40;

    (e)

    l-awditjar tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna skont l-Artikolu 37;

    (f)

    l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 39(2);

    (g)

    it-trażmissjoni tad-data bejn l-intermedjarji tar-reklamar b'appoġġ għall-obbligi ta' trasparenza skont l-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d);

    (h)

    miżuri tekniċi li jippermettu l-konformità mal-obbligi relatati mar-reklamar previsti f'dan ir-Regolament, inklużi l-obbligi relatati ma' mmarkar prominenti għar-reklami u l-komunikazzjonijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 26;

    (i)

    l-interfaċċi tal-għażla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tat-tipi differenti ta' sistemi ta' rakkomandazzjoni, skont l-Artikoli 27 u 38;

    (j)

    standards għal miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-minuri online.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aġġornament tal-istandards fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u l-kondotta tar-riċevituri tas-servizzi inkwistjoni. L-informazzjoni rilevanti dwar l-aġġornament tal-istandards għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment.

    Artikolu 45

    Kodiċijiet ta' kondotta

    1.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

    2.   Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

    3.   Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.

    4.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

    Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.

    Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

    Artikolu 46

    Kodiċijiet ta' kondotta għar-reklamar online

    1.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta voluntarji fil-livell tal-Unjoni bejn il-fornituri ta' pjattaformi online u fornituri oħra ta' servizzi rilevanti, bħal fornituri tas-servizzi intermedjarji tar-reklamar online, atturi oħra involuti fil-katina tal-valur tar-reklamar programmatiku, jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-riċevituri tas-servizz u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew awtoritajiet rilevanti biex jikkontribwixxu għal aktar trasparenza għall-atturi fil-katina tal-valur tar-reklamar online lil hinn mir-rekwiżiti tal-Artikoli 26 u 39.

    2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jsegwu trażmissjoni effettiva tal-informazzjoni, b'rispett sħiħ għad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti, kif ukoll ambjent kompetittiv, trasparenti u ġust fir-reklamar online, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jindirizzaw mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-riċevituri tas-servizz fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d);

    (b)

    it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-repożitorji f'konformità mal-Artikolu 39;

    (c)

    informazzjoni sinifikanti dwar il-monetizzazzjoni tad-data.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kodiċijiet ta' kondotta sat-18 ta’ Frar 2025 u l-applikazzjoni tagħhom sat-18 ta’ Awwissu 2025.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-atturi kollha fil-katina tal-valur tar-reklamar online msemmija fil-paragrafu 1 biex japprovaw l-impenji ddikjarati fil-kodiċijiet ta' kondotta, u jikkonformaw magħhom.

    Artikolu 47

    Kodiċijiet ta' kondotta għall-aċċessibbiltà

    1.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta fil-livell tal-Unjoni bl-involviment tal-fornituri ta' pjattaformi online u fornituri oħra ta' servizzi rilevanti, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-riċevituri tas-servizz u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet rilevanti biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali sħiħa u effettiva billi jittejjeb l-aċċess għas-servizzi online li, permezz tad-disinn inizjali jew l-adattament sussegwenti tagħhom, jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari ta' persuni b'diżabilità.

    2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jsegwu l-objettiv li jiġi żgurat li dawk is-servizzi jkunu aċċessibbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, sabiex jiġi mmassimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jindirizzaw mill-inqas l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    li jfasslu u jadottaw is-servizzi biex isiru aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità billi jagħmluhom perċettibbli, operabbli, komprensibbli u robusti;

    (b)

    li jispjegaw kif is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà applikabbli u li jrendu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku b'mod aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

    (c)

    li jrendu l-informazzjoni, il-formoli u l-miżuri pprovduti skont dan ir-Regolament disponibbli b'mod li jkunu faċli biex jinstabu, jinftiehmu faċilment u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kodiċijiet ta' kondotta sat-18 ta’ Frar 2025 u l-applikazzjoni tagħhom sat-18 ta’ Awwissu 2025.

    Artikolu 48

    Protokolli ta' kriżi

    1.   Il-Bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra;

    (b)

    l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41;

    (c)

    meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

    4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:

    (a)

    il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi;

    (b)

    ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

    (c)

    proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

    (d)

    proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati;

    (e)

    salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni;

    (f)

    proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi.

    5.   Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.

    KAPITOLU IV

    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1

    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    Artikolu 49

    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar b’responsabbiltà għas-superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-infurzar ta' dan ir-Regolament ("awtoritajiet kompetenti").

    2.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-superviżjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament f'dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.

    Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skambji regolari tal-fehmiet bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

    Meta Stat Membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b'mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b'mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali sas-17 ta’ Frar 2024.

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta' kuntatt tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom.

    4.   Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-Artikoli 50, 51 u 56 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 50

    Rekwiżiti għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament b'mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani biex jissorveljaw b'mod adegwat il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tiegħu jkollu biżżejjed awtonomija fil-ġestjoni tal-baġit tiegħu fil-limiti ġenerali tal-baġit, sabiex ma jaffettwax b’mod negattiv l-indipendenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

    2.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa. Għandhom jibqgħu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi awtorità pubblika oħra jew mingħand xi parti privata oħra.

    3.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fis-sistema ta' superviżjoni u infurzar prevista f'dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra f'konformità mal-Artikolu 49(2). Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju u għandu japplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proporzjonati tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħan-nefqa finanzjarja jew ir-rapportar lill-parlamenti nazzjonali, dment li dawk ir-rekwiżiti ma jdgħajfux il-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 51

    Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

    1.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

    (a)

    is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed;

    (b)

    is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

    (c)

    is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku.

    2.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

    (a)

    is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

    (b)

    is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan;

    (c)

    is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

    (d)

    is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

    (e)

    is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja.

    Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.

    3.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

    (b)

    meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

    Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

    (b)

    ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

    Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).

    4.   Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

    5.   Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

    6.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

    Artikolu 52

    Penali

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati f'konformità mal-Artikolu 51.

    2.   Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont massimu tal-multi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità ma' obbligu stabbilit f'dan ir-Regolament għandu jkun 6 % tal-fatturat annwali fil-livell dinji tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont massimu tal-multa li tista' tiġi imposta għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa, in-nuqqas ta' tweġiba jew rettifika ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa u n-nuqqas ta' sottomissjoni għal spezzjoni għandu jkun 1 % tal-introjtu jew tal-fatturat, fil-livell dinji, annwali tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji jew il-persuna kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont massimu ta' pagament perjodiku ta' penali għandu jkun ta' 5 % tal-fatturat fil-livell dinji jew tal-introjtu medju ta' kuljum tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum, ikkalkulat mid-data speċifikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

    Artikolu 53

    Dritt li jitressaq ilment

    Ir-riċevituri tas-servizz, u kull korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li ngħataw is-setgħa li biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jallegaw ksur ta' dan ir-Regolament mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jinsab jew ikun stabbilit ir-riċevitur tas-servizz. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jivvaluta l-ilment u, meta xieraq, jgħaddih lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, flimkien, meta meqjus xieraq, ma' opinjoni. Meta l-ilment ikun fir-responsabbiltà ta' awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi l-ilment għandu jgħaddih lil dik l-awtorità. Matul dawn il-proċedimenti, iż-żewġ partijiet għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu u jirċievu informazzjoni xierqa dwar l-istatus tal-ilment, b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.

    Artikolu 54

    Kumpens

    Ir-riċevituri tas-servizz għandu jkollhom id-dritt li jitolbu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti, kumpens mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji, fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu jew telf dirett imġarrab minħabba ksur minn dawn il-fornaturi tal-obbligi skonti dan ir-Regolament.

    Artikolu 55

    Rapporti dwar l-attività

    1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż l-għadd ta' lmenti li jaslu fis-sens tal-Artikolu 53 u ħarsa ġenerali lejn is-segwitu tagħhom. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jagħmlu r-rapporti annwali disponibbli għall-pubbliku f'format li jinqara mill-magni, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 84, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

    2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat Membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

    (b)

    l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 9 u 10.

    3.   Meta Stat Membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 49, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

    TAQSIMA 2

    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    Artikolu 56

    Kompetenzi

    1.   L-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.

    3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.

    4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.

    5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.

    6.   Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.

    7.   Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.

    Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.

    Artikolu 57

    Assistenza reċiproka

    1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu lil xulxin b'assistenza reċiproka sabiex japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti u effiċjenti. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju ta' informazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu u d-dmir tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jinforma lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-intenzjoni li jieħu deċiżjoni finali, inkluż il-valutazzjoni tiegħu, fir-rigward ta' fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji.

    2.   Għall-fini ta' investigazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jitlob lil Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra biex jipprovdu informazzjoni speċifika fil-pussess tagħhom fir-rigward ta' fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji jew biex jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fil-Artikolu 51(1) fir-rigward ta' informazzjoni speċifika li tinsab fl-Istat Membru tagħhom. Meta xieraq, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba jista' jinvolvi awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru inkwistjoni.

    3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba skont il-paragrafu 2 għandu jikkonforma ma' din it-talba u jinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar l-azzjoni meħuda, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara li jirċeviha, sakemm:

    (a)

    l-ambitu tas-suġġett tat-talba ma jkunx speċifikat, ġustifikat jew proporzjonat biżżejjed fid-dawl tal-finijiet investigattivi; jew

    (b)

    la l-Koordinatur tas-Servizz Diġitali mitlub u lanqas awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra f'dak l-Istat Membru ma jkollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni mitluba u lanqas ma jkun jista' jkollhom l-aċċess għaliha; jew

    (c)

    it-talba ma tistax tiġi eżegwita mingħajr ma tinkiser l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu billi jissottometti tweġiba motivata, fil-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 58

    Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

    1.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

    2.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

    3.   Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:

    (a)

    il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11;

    (b)

    deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat;

    (c)

    kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim.

    4.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.

    5.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 59

    Riferiment lill-Kummissjoni

    1.   Fin-nuqqas ta' komunikazzjoni fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 58(5), fil-każ ta' nuqqas ta' qbil tal-Bord mal-valutazzjoni jew il-miżuri meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5), jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(3), il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas it-talba jew ir-rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, il-valutazzjoni minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tappoġġa r-riferiment.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwistjoni fi żmien xahrejn mir-riferiment tal-kwistjoni skont il-paragrafu 1, wara konsultazzjoni mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

    3.   Meta, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni jew il-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5) jkunu insuffiċjenti biex jiżguraw l-infurzar effettiv jew inkompatibbli b'mod ieħor ma' dan ir-Regolament, din għandha tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord u titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jirrieżamina l-kwistjoni.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu l-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-fehmiet u t-talba għal rieżami mill-Kummissjoni. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti jew lill-Bord li jkun ħa azzjoni skont l-Artikolu 58(1) jew (2), dwar il-miżuri meħuda fi żmien xahrejn minn dik it-talba għal rieżami.

    Artikolu 60

    Investigazzjonijiet konġunti

    1.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:

    (a)

    fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew

    (b)

    fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom.

    2.   Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.

    Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.

    3.   Il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:

    (a)

    il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2;

    (b)

    il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew

    (c)

    il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b).

    4.   Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.

    TAQSIMA 3

    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    Artikolu 61

    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    1.   Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta' Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ "Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali" (il-"Bord").

    2.   Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

    (b)

    koordinazzjoni u kontribut għal linji gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

    (c)

    assistenza lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

    Artikolu 62

    Struttura tal-Bord

    1.   Il-Bord għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li għandhom ikunu rrappreżentati minn uffiċjali ta' livell għoli. In-nuqqas minn Stat Membru wieħed jew aktar li jiddeżinjaw Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ma għandux jipprevjeni lill-Bord milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Meta previst mil-liġi nazzjonali, fil-Bord jistgħu jipparteċipaw awtoritajiet kompetenti oħra fdati b'responsabbiltajiet operazzjonali speċifiċi għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament flimkien mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat, meta l-kwistjonijiet diskussi jkunu rilevanti għalihom.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippresjedi fuq il-Bord. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħat u tħejji l-aġenda f'konformità mal-kompiti tal-Bord skont dan ir-Regolament u skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Meta l-Bord jintalab jadotta rakkomandazzjoni skont dan ir-Regolament, huwa għandu immedjatament irendi t-talba disponibbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 85.

    3.   Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

    Il-Bord għandu jadotta l-atti tiegħu b'maġġoranza sempliċi. Meta jadotta rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36(1), l-ewwel paragrafu, il-Bord għandu jivvota fi żmien 48 siegħa wara t-talba tal-President tal-Bord.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

    5.   Il-Bord jista' jistieden esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tiegħu, u jista' jikkoopera ma' korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma' esperti esterni kif xieraq. Il-Bord għandu jagħmel ir-riżultati ta' din il-kooperazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    6.   Il-Bord jista' jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u għandu jagħmel ir-riżultati ta' tali konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    7.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, wara l-kunsens tal-Kummissjoni.

    Artikolu 63

    Kompiti tal-Bord

    1.   Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

    (a)

    jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

    (b)

    jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

    (c)

    jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

    (d)

    jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

    (e)

    jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

    2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

    TAQSIMA 4

    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    Artikolu 64

    Żvilupp tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet

    1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz tas-sekondar ta' persunal tal-Istati Membri.

    2.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tikkoordina l-valutazzjoni ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni fir-rigward ta' pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

    3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Bord u lil korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni b'għarfien espert rilevanti biex jappoġġaw il-valutazzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni skont dan ir-Regolament.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom u awtoritajiet kompetenti oħra, fejn applikabbli, inkluż billi jagħmlu disponibbli l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tagħhom.

    Artikolu 65

    Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

    1.   Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f'din it-Taqsima saħansitra qabel ma' tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista' teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    2.   Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b'mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu, jista' jibgħat, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.

    3.   Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:

    (a)

    il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11;

    (b)

    deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma' deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta' natura sistemika;

    (c)

    kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess.

    Artikolu 66

    Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

    2.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.

    Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.

    Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).

    3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.

    Artikolu 67

    Talbiet għal informazzjoni

    1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.

    2.   Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

    3.   Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

    5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

    6.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.

    Artikolu 68

    Setgħa li jsiru intervisti u dikjarazzjonijiet

    1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha f'din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tintervista lil persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens għal intervista għall-fini tal-ġbir ta' informazzjoni, relatata mas-suġġett ta' investigazzjoni, b'rabta mal-ksur issuspettat. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervista permezz ta' mezz tekniku xieraq.

    2.   Jekk l-intervista msemmija fil-paragrafu 1 issir f'bini ieħor għajr dak tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir l-intervista. Jekk ikun mitlub minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, l-uffiċjali tiegħu jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu l-intervista.

    Artikolu 69

    Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

    1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

    2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

    (a)

    jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

    (b)

    jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

    (c)

    jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

    (d)

    jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

    (e)

    jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

    (f)

    jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

    (g)

    jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

    3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

    4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

    5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

    6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

    7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

    8.   Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

    9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

    10.   Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

    Artikolu 70

    Miżuri interim

    1.   Fil-kuntest ta' proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' nuqqas ta' konformità skont l-Artikolu 73(1), meta jkun hemm urġenza minħabba r-riskju ta' ħsara serja għar-riċevituri tas-servizz, il-Kummissjoni tista', b'deċiżjoni, tordna miżuri interim kontra l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata abbażi ta' konstatazzjoni prima facie ta' ksur.

    2.   Deċiżjoni skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal perjodu speċifiku ta' żmien li jista' jiġġedded kif meħtieġ u xieraq.

    Artikolu 71

    Impenji

    1.   Jekk, waqt il-proċedimenti skont din it-Taqsima, il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat joffri impenji biex jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata u tiddikjara li ma hemm l-ebda raġuni oħra għal azzjoni.

    2.   Meta tintalab jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti meta:

    (a)

    kien hemm bidla materjali f'xi wieħed mill-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

    (b)

    meta l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu; jew

    (c)

    meta d-deċiżjoni tkun ġiet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

    3.   Meta l-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji offruti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunux jistgħu jiżguraw konformità effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, din għandha tirrifjuta dawk l-impenji f'deċiżjoni motivata meta tikkonkludi l-proċedimenti.

    Artikolu 72

    Kumitat ta' Monitoraġġ

    1.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma' dan ir-Regolament mill-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni tista' tordnalhom jipprovdu aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tagħhom, u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu l-impożizzjoni ta' obbligu fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna biex iżomm id-dokumenti kollha meqjusa meħtieġa biex jiġu vvalutati l-implimentazzjoni tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, u l-konformità magħhom.

    2.   L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta' esperti esterni indipendenti u awdituri, kif ukoll esperti u awdituri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-kunsens tal-awtorità kkonċernata, biex jassistu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament u l-konformità magħhom u biex jipprovdu għarfien espert jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.

    Artikolu 73

    Nuqqas ta' konformità

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta' nuqqas ta' konformità meta ssib li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunx konformi ma' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 70;

    (c)

    l-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 71.

    2.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li beħsiebha tieħu, jew tqis li għandu jieħu l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, sabiex tindirizza b'mod effettiv is-sejbiet preliminari.

    3.   Fid-deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tordna lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 f’perjodu raġonevoli speċifikat fiha u biex jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li dak il-fornitur beħsiebu jieħu biex jikkonforma mad-deċiżjoni.

    4.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-miżuri li ħa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 mal-implimentazzjoni tagħhom.

    5.   Meta l-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, din għandha tagħlaq l-investigazzjoni b'deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tapplika b'effett immedjat.

    Artikolu 74

    Multi

    1.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni tista' timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat li ma jaqbżux is-6 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dak il-fornitur, intenzjonalment jew b'negliġenza:

    (a)

    tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    tonqos milli tikkonforma ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70; jew

    (c)

    jonqos milli jikkonforma ma' impenn magħmul vinkolanti b'deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 71;

    2.   Il-Kummissjoni tista' deċiżjoni li timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna fiżika jew ġuridika oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) li ma jaqbżux il-1 % tad-dħul annwali jew tal-fatturat totali dinji fis-sena finanzjarja preċedenti, meta dawn intenzjonalment jew b'negliġenza:

    (a)

    jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi jew talba b'deċiżjoni skont l-Artikolu 67;

    (b)

    jonqsu milli jwieġbu għat-talba għal informazzjoni b'deċiżjoni fil-perjodu stabbilit;

    (c)

    jonqsu milli jirrettifikaw informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu jew jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni kompluta;

    (d)

    jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 69;

    (e)

    jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72; jew

    (f)

    jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4).

    3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

    4.   Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.

    Artikolu 75

    Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III

    1.   Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 73 relatata ma' ksur minn fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, hija għandha tuża s-sistema ta' superviżjoni msaħħa stipulata f'dan l-Artikolu. Meta tagħmel dan, hija għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe opinjoni tal-Bord skont dan l-Artikolu.

    2.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex ifassal pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa li huma biżżejjed biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur u jittrażmettih, f’perjodu raġonevoli speċifikat fid-deċiżjoni, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu impenn li jitwettaq awditu indipendenti skont l-Artikolu 37(3) u (4) dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri l-oħra, u għandhom jispeċifikaw l-identità tal-awdituri, kif ukoll il-metodoloġija, il-kalendarju u s-segwitu tal-awditu. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, impenn ta' parteċipazzjoni f'kodiċi ta' kondotta rilevanti, kif previst fl-Artikolu 45.

    3.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta' azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar wara li tirċievi dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, u għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-impenn possibbli ta' aderenza mal-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għandu jitqies f'dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Għal dak il-għan, il-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jittrażmetti r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jsir disponibbli, u għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-passi meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Meta jkun meħtieġ għal dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali infurmati dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u dwar il-monitoraġġ tiegħu.

    4.   Il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 76(1), punt (e) u l-Artikolu 82(1), fejn:

    (a)

    il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jonqos milli jipprovdi pjan ta' azzjoni, ir-rapport tal-awditjar, l-aġġornamenti meħtieġa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, fil-perjodu applikabbli;

    (b)

    il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan ta' azzjoni propost minħabba li tqis li l-miżuri stabbiliti fih mhumiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur; jew

    (c)

    il-Kummissjoni tqis abbażi tar-rapport tal-awditjar, kwalunkwe aġġornament jew informazzjoni addizzjonali pprovduta jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għaliha, li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mhijiex biżżejjed biex ittemm jew tirrimedja l-ksur.

    Artikolu 76

    Pagamenti perjodiċi ta' penali

    1.   Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta' penali fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1), kif applikabbli, li ma jkunux jaqbżu l-5 % tal-introjtu medju ta' kuljum jew tal-fatturat dinji fis-sena fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum, ikkalkulat mid-data maħtura bid-deċiżjoni, sabiex iġġiegħlhom:

    (a)

    jagħtu informazzjoni korretta u kompluta bħala tweġiba għal deċiżjoni li teżiġi informazzjoni skont l-Artikolu 67;

    (b)

    jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tkun ordnat b'deċiżjoni skont l-Artikolu 69;

    (c)

    jikkonformaw ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70(1);

    (d)

    jikkonformaw mal-impenji magħmula legalment vinkolanti b'deċiżjoni skont l-Artikolu 71(1);

    (e)

    jikkonformaw ma' deċiżjoni skont l-Artikolu 73(1), inkluż fejn applikabbli r-rekwiżiti li jkun fiha relatati mal-pjan ta' azzjoni msemmi fl-Artikolu 75.

    2.   Meta l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) ikun issodisfa l-obbligu maħsub biex ikun infurzat mill-pagament perjodiku ta' penali, il-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta' penali għal ċifra inqas minn dik skont id-deċiżjoni oriġinali.

    Artikolu 77

    Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali

    1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 74 u 76 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

    2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta' ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

    3.   Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta' ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. L-azzjonijiet li jinterrompu l-perjodu ta' limitazzjoni għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

    (a)

    talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali;

    (b)

    l-ispezzjoni;

    (c)

    il-ftuħ ta' proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1).

    4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu. Iżda l-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta' preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta' penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta' preskrizzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.

    5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 78

    Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali

    1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 74 u 76 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

    2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

    3.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi interrott:

    (a)

    b'notifika ta' deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;

    (b)

    b'xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta' Stat Membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta' penali.

    4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu.

    5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm:

    (a)

    jingħata l-ħin għall-pagament;

    (b)

    jiġi sospiż l-infurzar ta' pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjoni ta' qorti nazzjonali.

    Artikolu 79

    Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl

    1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), l-Artikolu 74 jew 76, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) biex jinstemgħu dwar:

    (a)

    sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

    (b)

    miżuri li l-Kummissjoni jista' jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

    2.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

    4.   Id-drittijiet ta' difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta' divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna oħra kkonċernata mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jistipulaw tali termini ta' divulgazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, tal-Bord, tal-Koordinaturi tas-Servizz Diġitali, ta' awtoritajiet kompetenti jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-dritt ta' aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

    5.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 67, 68 u 69 għandha tintuża biss għall-fini ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 80

    Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tadotta skont l-Artikolu 70(1), 71(1) u l-Artikoli 73 sa 76. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

    2.   Il-pubblikazzjoni għandha tqis id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, ta' kull persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) u ta' kull parti terza fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.

    Artikolu 81

    Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    F'konformità mal-Artikolu 261 tat-TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni bla limiti biex tirrieżamina deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. Hi tista' tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta jew il-pagament perjodiku ta' penali imposti.

    Artikolu 82

    Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

    1.   Meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat kollha skont din it-Taqsima biex jitwaqqaf ksur ta' dan ir-Regolament, u l-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jaġixxi skont l-Artikolu 51(3).

    Qabel ma tagħmel din it-talba lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien li ma għandux ikun inqas minn erbatax-il jum ta' xogħol, u jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom.

    2.   Meta l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament tkun teżiġi dan, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi b'inizjattiva tagħha stess, tista' tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti msemmija fl-Artikolu 51(3). Bil-permess tal-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni, din tista' tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

    Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħha biss, il-Kummissjoni tista' titlob lil dik l-awtorità ġudizzjarja biex tittrażmettilha jew tiżgura t-trażmissjoni lilha ta' kull dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

    3.   Meta qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar kwistjoni li hija diġà s-suġġett ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, dik il-qorti nazzjonali ma għandha tieħu l-ebda deċiżjoni li tmur kontra dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f'kunflitt ma deċiżjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, qorti nazzjonali tista' tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE.

    Artikolu 83

    Atti ta' implimentazzjoni relatati mal-intervent tal-Kummissjoni

    Fir-rigward tal-intervent tal-Kummissjoni kopert minn din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal:

    (a)

    il-proċedimenti skont l-Artikoli 69 u 72;

    (b)

    is-seduti ta' smigħ previsti fl-Artikolu 79;

    (c)

    l-iżvelar negozjat tal-informazzjoni previst fl-Artikolu 79.

    Qabel l-adozzjoni ta' xi miżuri skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta' dan u tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-perjodu stabbilit fih, li ma għandux ikun inqas minn xahar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

    TAQSIMA 5

    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    Artikolu 84

    Segretezza professjonali

    Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu tal-informazzjoni msemmija f'dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni, il-Bord, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-uffiċjali, l-impjegati rispettivi tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra involuta, inkluż awdituri u esperti maħtura skont l-Artikolu 72(2), ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

    Artikolu 85

    Sistemi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema affidabbli u sigura ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord. Awtoritajiet kompetenti oħra jistgħu jingħataw aċċess għal din is-sistema, fejn neċessarju biex iwettqu l-kompiti kkonferiti lilhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

    2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jużaw is-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni għal kull komunikazzjoni skont dan ir-Regolament.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà tagħha ma' sistemi rilevanti oħra. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

    Artikolu 86

    Rappreżentanza

    1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2020/1828 jew għal kwalunkwe tip ieħor ta' rappreżentanza fil-liġi nazzjonali, ir-riċevituri tas-servizzi intermedjarji għandu jkollhom mill-inqas id-dritt li jagħtu mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, dment li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun tissodisfa kull kondizzjoni li ġejja:

    (a)

    ikunu joperaw mhux għall-profitt;

    (b)

    ikunu twaqqfu kif xieraq f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru;

    (c)

    l-objettivi statutorji tagħhom jkunu jinkludu interess leġittimu li tkun żgurata konformità ma' dan ir-Regolament.

    2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-ilmenti sottomessi minn korpi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'isem ir-riċevituri tas-servizz permezz tal-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 20(1) jiġu pproċessati u deċiżi bi prijorità u mingħajr dewmien żejjed.

    TAQSIMA 6

    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    Artikolu 87

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal ħames snin mis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 88

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Servizzi Diġitali. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 89

    Emenda għad-Direttiva 2000/31/KE

    1.   L-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE jitħassru.

    2.   Ir-referenzi għall-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 4, 5, 6 u 8 ta' dan ir-Regolament, rispettivament.

    Artikolu 90

    Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

    Fl-Anness I għad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt li ġej:

    “(68)

    Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).”.

    Artikolu 91

    Reviżjoni

    1.   Sat-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-effett potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

    Sas-17 ta’ Novembru 2025 il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar.

    (a)

    l-applikazzjoni tal-Artikolu 33, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji koperti mill-obbligi stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    il-mod kif dan ir-Regolament jinteraġixxi ma' atti legali oħra, b'mod partikolari l-atti msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4).

    2.   Sas-17 ta’ Novembru 2027 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament, u tirrapporta dwaru lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    Dan ir-rapport għandu jindirizza b'mod partikolari:

    (a)

    l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, punti (a) u (b)

    (b)

    il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-approfondiment u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment transfruntier ta' servizzi diġitali;

    (c)

    l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16, 20, 21, 45 u 46;

    (d)

    il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi fuq l-intrapriżi żgħar u mikro;

    (e)

    l-effettività tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni u infurzar;

    (f)

    l-impatt fuq ir-rispett għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

    3.   Fejn ikun xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament.

    4.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa u tirrapporta dwar ir-rapporti annwali fuq l-attivitajiet tagħhom mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali pprovduti lill-Kummissjoni u lill-Bord skont l-Artikolu 55(1).

    5.   Għall-fini tal-paragrafu 2, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtu l-informazzjoni meta jintalbu mill-Kummissjoni.

    6.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra, u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-pożizzjoni tal-kompetituri l-ġodda.

    7.   Sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-Bord u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43, u għandha tirrapportaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li tqis l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Abbażi tas-sejbiet u filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Bord, ma' dak ir-rapport għandha, meta xieraq, tinhemeż proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-istruttura tal-Bord.

    Artikolu 92

    Applikazzjoni antiċipata ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati fis-sens tal-Artikolu 33(4) minn erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat imsemmija fl-Artikolu 33(6) fejn dik id-data tkun qabel is-17 ta’ Frar 2024.

    Artikolu 93

    Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mis-17 ta’ Frar 2024.

    Madankollu, l-Artikolu 24(2), (3) u (6), l-Artikolu 33(3) sa (6), l-Artikolu 37(7), l-Artikolu 40(13), l-Artikolu 43 u t-Taqsimiet 4, 5 u 6 tal-Kapitolu IV għandhom japplikaw mis-16 ta’ Novembru 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70.

    (2)  ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022.

    (4)  Id-Direttiva 2000/31/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta' data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41).

    (12)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

    (15)  Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

    (16)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    (17)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

    (18)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

    (19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (21)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

    (22)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

    (23)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

    (24)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

    (25)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (26)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

    (27)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

    (28)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

    (29)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (30)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta' Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 1).

    (31)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

    (32)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

    (33)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

    (34)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (35)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (36)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (37)  ĠU C 149, 27.4.2021, p. 3.

    (38)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (39)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (40)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

    (41)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


    Top