Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H1222(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

    ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    22.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 398/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Diċembru 2012

    dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

    2012/C 398/01

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, jiġifieri l-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi, li jinkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali jistgħu jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll tiżdied il-motivazzjoni għal tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-każ ta’ persuni żvantaġġati soċjoekonomikament jew dawk bi kwalifiki baxxi.

    (2)

    Fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja kriżi ekonomika serja li kkawżat żieda fil-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, il-validazzjoni tal-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti kollha għandha kontribut iktar ta’ valur x’taqdi fit-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, fil-promozzjoni tal-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

    (3)

    L-organizzazzjonijiet ta' dawk li jħaddmu, dawk li jħaddmu b’mod individwali, it-trade unions, il-kmamar tal-industrija, il-kummerċ u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u fil-valutazzjoni u ċertifikazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kollha huma partijiet interessati prinċipali bi rwol importanti x’jaqdu fl-iffaċilitar ta’ opportunitajiet tat-tagħlim mhux formali u informali u f’kull proċess ta’ validazzjoni sussegwenti.

    (4)

    L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv titlob l-iżvilupp tal-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi biex jintlaħaq tkabbir ekonomiku u ta’ impjiegi. L-inizjattivi ewlenin li jakkumpanjaw iż-Żgħażagħ Attivi u l-Aġenda għal ħiliet u impjiegi Ġodda jenfasizzaw il-bżonn ta’ mezzi tat-tagħlim aktar flessibbli li jistgħu jtejbu d-dħul u l-progress fis-suq tax-xogħol, jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet bejn il-fażijiet tax-xogħol u dawk tat-tagħlim u jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

    (5)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (1) ġie nnutat li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun meqjus bħala prinċipju fundamentali li jsejjes il-qafas intier, li huwa mfassal b'tali mod li jkopri t-tagħlim fil-kuntesti kollha sew jekk formali, mhux formali jew informali.

    (6)

    L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni; metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tal-2009 ħeġġet biex il-ħiliet miksubin minn edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ jiġu rikonoxxuti b’mod aħjar u enfasizzat il-bżonn li jsir użu sħiħ mill-firxa ta’ għodod stabbiliti fil-livell tal-UE għall-validazzjoni tal-konoxxenza, ħiliet u kompetenzi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Din kienet appoġġata mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (2).

    (7)

    Fil-Communiqué ta’ Bruges ta’ Diċembru 2010, il-Ministri Ewropej għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Imsieħba Soċjali Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea ddikjaraw li l-pajjiżi parteċipanti għandhom jibdew jiżviluppaw, mhux aktar tard mill-2015, proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, appoġġati kif xieraq mill-oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali.

    (8)

    Il-Communiqué tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja li saret f’Leuven u Louvain-la-Neuve fit-28-29 ta' April 2009 enfasizza li l-politiki ta’ suċċess għal tagħlim tul il-ħajja għandhom jinkludu prinċipji u proċeduri bażiċi għar-rikonoxximent tat-tagħlim preċedenti abbażi ta’ eżiti tat-tagħlim, filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (3) talbu lill-Istati Membri biex jiżviluppaw rotot ċari li jwasslu għall-edukazzjoni ogħla minn dik vokazzjonali tat-tagħlim minn tipi oħra ta’ edukazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi għar-rikonoxximent u esperjenzi preċedenti li jkunu nkisbu barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

    (9)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim fost l-adulti (4) iddefinixxiet bħala wieħed mill-oqsma prijoritarji tagħha għall-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2014 l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jiffunzjonaw b’mod sħiħ għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u l-promozzjoni tal-użu tagħhom minn adulti ta’ kull età u li għandhom kwalunkwe livell ta’ kwalifiki, kif ukoll minn intrapriżi u organizzazzjonijiet oħra.

    (10)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (5) u d-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen tat-30 ta’ Novembru 2002 talbu li jiġi żviluppat sett ta’ prinċipji komuni fir-rigward tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

    (11)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fit-18 ta’ Mejju 2004, jippromwovu l-Prinċipji Komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

    (12)

    Inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jinkludi informazzjoni aġġornata dwar il-prattiki ta’ validazzjoni eżistenti fil-pajjiżi Ewropej, ilu jiġi ppubblikat regolarment mill-2004, filwaqt li l-Linji gwida għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ġew ippubblikati fl-2009.

    (13)

    Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 (6) stabbilixxiet il-Europass, portfoljo Ewropew li jista’ jintuża miċ-ċittadini biex dawn jikkomunikaw, jirreġistraw u jippreżentaw aħjar il-kompetenzi u l-kwalifiki tagħhom madwar l-Ewropa.

    (14)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fit-18 ta’ Mejju 2006 dwar ir-rikonoxximent tal-valur tat-tagħlim mhux formali u informali fi ħdan il-qasam Ewropew taż-żgħażagħ (7), stiednet lill-Istati Membri biex jippermettu l-identifikazzjoni ta’ kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, bil-għan li jiġu rrikonoxxuti fis-suq tax-xogħol.

    (15)

    Il-Youthpass inħolqot bħala għodda għat-trasparenza għall-parteċipanti fi proġetti ffinanzjati mill-Programm ‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’ mwaqqaf mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bid-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE (8).

    (16)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-Ħajja (9) stiednet lill-Istati Membri biex jorbtu l-livelli tal-kwalifiki nazzjonali tagħhom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u biex jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali f’konformità mal-Prinċipji Komuni Ewropej miftehmin f’Mejju 2004.

    (17)

    Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) imwaqqfa fl-1989 fi ħdan il-qafas tal-Programm Erasmus tagħti krediti għal tagħlim formali bbażat fuq l-eżiti tat-tagħlim u x-xogħol li jagħmlu l-istudenti, u tiffaċilita wkoll l-għoti minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja ta' krediti bbażati fuq l-eżiti mit-tagħlim minn esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali.

    (18)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (10) ddikjarat li dak il-Qafas għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Komuni Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, it-titjib tar-relazzjoni bejn it-tagħlim, it-taħriġ u l-impjieg, u għar-rabta bejn it-tagħlim formali, it-tagħlim mhux formali u dak informali.

    (19)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (11) stabbilixxiet Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) sabiex tintuża għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tal-individwi, minn kuntesti formali u, fejn xieraq, mhux formali u informali.

    (20)

    Il-konsultazzjonijiet f’forma ta’ stħarriġ online, id-diskussjonijiet fil-korpi politiċi rilevanti kif ukoll l-għadd ta’ attivitajiet tat-tagħlim bejn il-pari li jinvolvu l-imsieħba soċjali, jindikaw kunsens prevalenti fir-rigward tal-importanza li l-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi miksubin minn esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol isiru viżibbli u juru appoġġ wiesa’ għal inizjattiva tal-Unjoni biex ittejjeb il-politika u l-prattika tal-validazzjoni fl-Istati Membri,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.

    L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM, BIL-GĦAN LI JOFFRU LILL-INDIVIDWI L-OPPORTUNITÀ LI JURU X’TAGĦLLMU BARRA L-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ FORMALI – ANKE PERMEZZ TA' ESPERJENZI TA’ MOBBILTÀ – U LI JAGĦMLU UŻU MINN DAK IT-TAGĦLIM GĦALL-KARRIERI TAGĦHOM U T-TAGĦLIM ULTERJURI, U B’DILIĠENZA DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ:

    (1)

    Ikollhom fis-seħħ, mhux iktar tard mill-2018, f’konformità ma’ ċirkostanzi u speċifiċitajiet nazzjonali, u kif iqisu li hu xieraq, arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jippermetti lill-individwi li:

    (a)

    jkollhom konoxxenza, ħiliet u kompetenzi li nkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali validati, inkluż - fejn applikabbli - permezz ta’ riżorsi edukattivi miftuħin;

    (b)

    jiksbu kwalifika sħiħa jew, fejn applikabbli, kwalifika parzjali, abbażi ta’ esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali validati, mingħajr ħsara għal liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli, partikolarment id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (12).

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità lil xi oqsma u/jew setturi fi ħdan l-arranġamenti ta’ validazzjoni tagħhom f’konformità mal-bżonnijiet tagħhom.

    (2)

    Jinkludu, kif xieraq, l-elementi li ġejjin f’arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, filwaqt li jippermettu lil kull individwu li jieħu vantaġġ minn kwalunkwe wieħed minn dawn, kemm separatament jew flimkien ma’, f’konformità mal-ħtiġijiet tiegħu/tagħha:

    (a)

    IDENTIFIKAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    (b)

    DOKUMENTAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    (c)

    VALUTAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    (d)

    ĊERTIFIKAZZJONI tal-eżiti tal-valutazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tal-individwu miksubin permezz tat-tagħlim mhux formali u informali f’forma ta’ kwalifika, jew krediti li jwasslu għal kwalifika, jew f'xi forma oħra meqjusa xierqa.

    (3)

    Japplikaw, kif xieraq, il-prinċipji li ġejjin f’arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, filwaqt li jitqiesu bżonnijiet u karatteristiċi nazzjonali, reġjonali u/jew lokali kif ukoll dawk settorjali:

    (a)

    L-arranġamenti ta’ validazzjoni huma marbuta ma’ oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u huma konformi mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

    (b)

    Informazzjoni u gwida dwar il-benefiċċji tal-validazzjoni, u l-opportunitajiet għaliha, kif ukoll dwar il-proċeduri rilevanti, huma disponibbli għall-individwi u l-organizzazzjonijiet;

    (c)

    Gruppi żvantaġġati, inklużi individwi li huma qiegħda u dawk fir-riskju ta’ qgħad, x’aktarx li partikolarment jibbenefikaw mill-arraġamenti ta’ validazzjoni, peress li l-validazzjoni tista’ żżid il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja u l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol;

    (d)

    Individwi li huma qiegħda jew f’riskju ta’ qgħad għandhom l-opportunità - f’konformità mal-leġislazzjoni u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali - li jagħmlu ‘verifika tal-ħiliet’ immirata li tidentifika l-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fi ħdan perijodu ta’ żmien raġonevoli, idealment fi żmien sitt xhur ta’ bżonn identifikat;

    (e)

    Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali tkun appoġġata minn gwida adegwata u għoti ta’ pariri xierqa u tkun aċċessibbli b’mod immedjat;

    (f)

    Ikun hemm fis-seħħ miżuri trasparenti ta’ kwalità konformi ma’ oqfsa eżistenti li jiżguraw il-kwalità u li jappoġġaw metodoloġiji u għodod ta’ valutazzjoni li jkunu affidabbli, validi u kredibbli;

    (g)

    Saret dispożizzjoni għall-iżvilupp ta’ kompetenzi professjonali tal-persunal involut fil-proċess ta’ validazzjoni fis-setturi rilevanti kollha;

    (h)

    Kwalifiki jew, fejn applikabbli, partijiet ta’ kwalifiki miksuba permezz tal-validazzjoni ta’ esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali huma konformi mal-istandards miftiehma li jkunu l-istess bħal, jew ekwivalenti għal, l-istandards għall-kwalifiki miksubin permezz ta’ programmi edukattivi formali;

    (i)

    Jiġi promoss l-użu ta’ għodod tal-Unjoni għat-trasparenza, bħall-qafas tal-Europass u l-Youthpass, sabiex tiġi ffaċilitata d-dokumentazzjoni tal-eżisti tat-tagħlim;

    (j)

    Ikun hemm sinerġiji bejn l-arranġamenti ta’ validazzjoni u s-sistemi ta’ krediti applikabbli fis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, bħall-ECTS u l-ECVET;

    (4)

    Jippromwovu l-involviment fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-elementi u prinċipji msemmija fil-punti (1) sa (4) tal-partijiet interessati rilevanti kollha, bħal dawk li jħaddmu, it-trade unions, il-kmamar tal-industrija, il-kummerċ u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    Biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’dan il-proċess:

    (a)

    dawk li jħaddmu, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim miksuba waqt ix-xogħol jew waqt attivitajiet volontarji, bl-użu tal-għodod rilevanti tal-Unjoni ta' trasparenza bħal dawk żviluppati skont il-qafas tal-Europass u l-Youthpass;

    (b)

    fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali abbażi tal-eżiti tat-tagħlim f’kuntesti mhux formali u informali u, jekk ikun xieraq u possibbli, l-għoti ta’ eżenzjonijiet u/jew krediti għal eżiti rilevanti tat-tagħlim miksubin f’tali kuntesti;

    (5)

    Jippromwovu l-koordinazzjoni dwar arranġamenti ta’ validazzjoni bejn il-partijiet interessari fis-setturi tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjieg u ż-żgħażagħ, kif ukoll bejn dawk f’oqsma ta’ politika oħra rilevanti.

    2.

    L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI GĦANDHOM JIEĦDU L-MIŻURI LI ĠEJJIN:

    (a)

    Isegwu din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki stabbilit permezz tar-Rakkomandazzjoni Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (13) (QEK) u jinvolvu, kif xieraq, organizzazzjonijiet u taż-żgħażagħ rilevanti u rappreżentanti tas-settur volontarju f’attivitajiet sussegwenti tal-Grupp Konsultattiv dwar il-QEK;

    (b)

    Jirrapportaw dwar il-progress li jkun sar wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Rapporti Konġunti futuri mill-Kunsill u l-Kummissjoni skont il-qafas strateġiku “ET2020” u fir-Rapporti Konġunti futuri tal-Unjoni Ewropea dwar iż-Żgħażagħ skont il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ;

    (c)

    Jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi jużaw il-ħiliet tal-Aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari is-Cedefop, u billi jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-validazzjoni tal-eżiti mhux formali u informali fir-rapport annwali dwar l-iżvilupp tal-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki.

    3.

    IL-KUMMISSJONI GĦANDHOM JIEĦDU L-MIŻURI LI ĠEJJIN:

    (a)

    Tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati billi:

    jiffaċilitaw it-tagħlim effettiv bejn il-pari u l-iskambji tal-esperjenza u l-prattika tajba;

    jagħmlu rieżami regolari tal-Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, b’konsultazzjoni sħiħa mal-Istati Membri;

    jagħmlu rieżami regolari tal-Inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tal-eżiti mhux formali u informali, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

    (b)

    Qabel l-2018, tqis li tiżviluppa iktar, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, kif speċifikat fid-Deċiżjoni Europass 2004, strumenti, skont il-Qafas Europass, li jiffaċilitaw it-trasparenza u madwar l-Unjoni tal-eżiti tat-tagħlim validati li jkunu nkisbu minn esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali;

    (c)

    Tiżgura li, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni u, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-programm Ewropew futur għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u l-Fondi Strutturali Ewropej jintużaw biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

    (d)

    Tivvaluta u tevalwa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, u tirrapporta lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2019 dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur inkluża, jekk ikun meħtieġ, ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. FLOURENTZOU


    (1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (2)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (3)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.

    (4)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1

    (5)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

    (6)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

    (7)  ĠU C 168, 20.7.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

    (9)  ĠU C 111, 6.5.2008, p.1.

    (10)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

    (11)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 11.

    (12)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

    (13)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.


    ANNESS

    DEFINIZZJONIJIET

    Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Tagħlim formali tfisser tagħlim li jsir f’ambjent organizzat u strutturat, speċifikament dedikat għat-tagħlim u tipikament iwassal għall-għoti ta’ kwalifika, ġeneralment f’forma ta’ ċertifikat jew diploma; dan jinkludi sistemi tal-edukazzjoni ġenerali, it-taħriġ vokazzjonali tal-bidu u l-edukazzjoni għolja;

    (b)

    Tagħlim mhux formali tfisser tagħlim li jsir permezz ta’ attivitajiet pjanati (f’termini ta’ għanijiet tat-tagħlim, żmien tat-tagħlim) fejn ikun hemm xi forma ta’ appoġġ għat-tagħlim (pereżempju, relazzjonijiet bejn l-istudenti u l-għalliema); dan jista’ jkopri programmi li jrawmu l-ħiliet tax-xogħol, il-litteriżmu fost l-adulti u l-edukazzjoni bażika għal min jitlaq kmieni mill-iskola; każijiet tassew komuni tat-tagħlim mhux formali jinkludu taħriġ ma' kumpanija, li permezz tiegħu l-kumpaniji jaġġornaw u jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom bħall-ħiliet fl-ICT, tagħlim strutturat online (pereżempju permezz tal-użu ta' riżorsi edukattivi miftuħin), u korsijiet organizzati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-membri tagħhom, il-grupp fil-mira tagħhom jew il-pubbliku ġenerali;

    (c)

    Tagħlim informali tfisser tagħlim li jirriżulta mill-attivitajiet ta' kuljum relatati max-xogħol, il-ħajja tal-familja jew iż-żmien ta' mistrieħ u li ma jkunx organizzat jew strutturat f’termini ta’ għanijiet, ħin jew appoġġ; dan jista’ jkun mhux intenzjonat mill-perspettiva ta’ min ikun qed jitgħallem; xi eżempji ta’ eżiti tat-tagħlim miksubin permezz tat-tagħlim informali, huma l-ħiliet miksubin mill-esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol, ħiliet fil-ġestjoni tal-proġetti jew ħiliet fl-ICT miksubin waqt ix-xogħol, lingwi mitgħallma u ħiliet interkulturali miksubin waqt żjara f’pajjiż ieħor, ħiliet tal-ICT miksubin barra mix-xogħol, ħiliet miksubin mill-volontarjat, minn attivatijiet kulturali, mill-isport, mix-xogħol maż-żgħażagħ u permezz ta’ attivitajiet id-dar (pereżempju, tieħu ħsieb tifel/tifla);

    (d)

    Riżorsi edukattivi miftuħa (OER) tfisser materjal diġitizzat offrut b’xejn u b’mod miftuħ għall-użu tal-għalliema, l-istudenti u dawk li jitgħallmu waħidhom u li jista’ jintuża mill-ġdid għat-tagħlim u r-riċerka; huwa jinkludi kontenut ta’ tagħlim, għodod ta’ software għall-iżvilupp, użu u distribuzzjoni ta’ kontenut, u riżorsi ta’ implimentazzjoni bħal liċenzji miftuħa; OER tirriferi wkoll għal assi diġitali akkumulati li jistgħu jiġu aġġustati u li jipprovdu benefiċċji mingħajr ma jiġu ristretti l-possibbiltajiet li oħrajn igawduhom;

    (e)

    Verifika tal-ħiliet tfisser proċess immirat għall-identifikazzjoni u l-analiżi tal-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ individwu, inklużi l-kapaċitajiet u l-motivazzjonijiet tiegħu/tagħha sabiex jiġi definit proġett għall-karriera u/jew tiġi ppjanata orjentazzjoni mill-ġdid professjonali jew proġett ta’ taħriġ; il-mira ta’ verifika tal-ħiliet hi li tgħin lill-individwu janalizza l-isfond tal-karriera tiegħu/tagħha, tagħmel awtovalutazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu/tagħha fl-ambjent tax-xogħol u tippjana passaġġ tal-karriera jew f’xi każijiet tħejji għall-validazzjoni tal-eżiti mhux formali jew informali;

    (f)

    Kwalifika tfisser l-eżitu formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u ta’ validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu jkun kiseb l-eżiti tat-tagħlim sal-livelli preskritti;

    (g)

    Eżiti tat-tagħlim tfisser dikjarazzjonijiet dwar dak li jaf, jifhem u dak li huwa kapaċi jwettaq dak li qiegħed jitgħallem fi tmiem il-proċess tat-tagħlim u li huma definiti f’termini ta’ konoxxenza, ħiliet u kompetenzi;

    (h)

    Qafas nazzjonali tal-kwalifiki tfisser strument għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki skont sett ta’ kriterji għal-livelli speċifikati ta' tagħlim miksub, li jkollu l-għan li jintegra u jikkoordina s-sub-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki u jtejjeb it-trasparenza, l-aċċess, il-progress u l-kwalità tal-kwalifiki f’relazzjoni mas-suq tax-xogħol u s-soċjetà ċivili;

    (i)

    Validazzjoni tfisser proċess ta’ konferma minn korp awtorizzat li individwu jkun kiseb eżiti tat-tagħlim li jistgħu jitqabblu ma' standard rilevanti u tikkonsisti mill-erba’ fażijiet distinti li ġejjin:

    (1)

    IDENTIFIKAZZJONI permezz ta’ djalogu tal-esperjenzi partikolari ta’ individwu,

    (2)

    DOKUMENTAZZJONI – biex l-esperjenzi tal-individwu jkunu viżibbli,

    (3)

    VALUTAZZJONI formali ta’ dawn l-esperjenzi u

    (4)

    ĊERTIFIKAZZJONI tar-riżultati tal-valutazzjoni li jistgħu jwasslu għal kwalifika parzjali jew sħiħa.

    (j)

    Rikonoxximent ta’ tagħlim preċedenti tfisser il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, kemm jekk minn edukazzjoni formali jew mhux formali jew minn tagħlim informali, miksuba qabel it-talba għall-validazzjoni.


    Top