Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0160

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2009 tat- 23 ta’ Frar 2009 li jemenda l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU L 55, 27.2.2009, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/160/oj

27.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 160/2009

tat-23 ta’ Frar 2009

li jemenda l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 283 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, imressqa wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

Billi:

(1)

Konformement mal-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2), il-Membri għandhom id-dritt għall-għajnuna mill-persunal personali li huma jistgħu jagħżlu b’mod ħieles.

(2)

Bħalissa, il-Membri tal-Parlament Ewropew jimpjegaw il-persunal kollu tagħhom direttament b'kuntratti li huma suġġetti għal-liġi nazzjonali, filwaqt li jirkupraw l-ispejjeż li jagħmlu mill-Parlament Ewropew, suġġett għal ammont massimu fiss.

(3)

Fid-9 ta' Lulju 2008 l-Bureau tal-Parlament Ewropew adotta miżuri implimentattivi tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew; taħt l-Artikolu 34 ta' dawk il-miżuri implimentattivi, il-Membri għandhom jużaw:

(a)

“assistenti parlamentari akkreditati”, impjegati f'wieħed mit-tliet postijiet ta' xogħol tal-Parlament Ewropew taħt l-arranġamenti legali speċifiċi adottati abbażi tal-Artikolu 283 tat-Trattat u li l-kuntratti tagħhom jkunu konklużi u amministrati direttament mill-Parlament Ewropew; u

(b)

persuni fiżiċi li għandhom jassistu Membri fl-Istati Membri tal-elezzjoni tagħhom u li temmew impjieg jew kuntratt ta' servizz magħhom taħt il-liġi nazzjonali applikabbli konformement mal-kondizzjonijiet imniżżlin fil-miżuri implimentattivi msemmijin qabel, minn hawn ′il quddiem “assistenti lokali”.

(4)

B′kuntrast mal-assistenti lokali, l-assistenti parlamentari akkreditati huma, bħala regola ġenerali, espatrijati. Huma jaħdmu fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew f'ambjent Ewropew, multilingwu u multikulturali u jwettqu kompiti li huma marbuta b'mod dirett mal-ħidma ta' wieħed jew aktar mill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

(5)

Għal dawn ir-raġunijiet u bil-ħsieb li tkun żgurata t-trasparenza u ċ-ċertezza legali permezz ta' regoli komuni, huwa adatt li jkun previst li l-assistenti parlamentari akkreditati jiġu impjegati permezz ta' kuntratti diretti mal-Parlament Ewropew. Madankollu, l-assistenti lokali, inklużi dawk li jaħdmu għall-Membri eletti f'xi wieħed mill-Istati Membri fejn jinsab wieħed mit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew, għandhom ikomplu jiġu impjegati, konformement mal-miżuri implimentattivi tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, mill-Membri tal-Parlament Ewropew b'kuntratti konklużi taħt il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn jiġu eletti.

(6)

Għalhekk, huwa adatt li l-assistenti parlamentari akkreditati jkunu suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti permezz tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3), b’mod li jittieħed kont taċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, tal-kompiti partikolari li jintalbu jwettqu u d-dmirijiet u l-obbligi speċifiċi li jridu jissodisfaw vis-à-vis il-Membri tal-Parlament Ewropew li għalihom jissejħu biex jaħdmu.

(7)

L-introduzzjoni ta' din il-kategorija speċifika ta' persunal ma taffettwax l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti permezz tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, minn hawn ′il quddiem imsejħa “r-Regolamenti tal-Persunal”, liema Artikolu jipprevedi li kompetizzjonijiet interni huma miftuħa biss għal uffiċjali u persunal temporanju, u l-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament ma tista' tiġi interpretata bħala li qed tagħti lill-assistenti parlamentari akkreditati aċċess privileġġat jew dirett għall-postijiet ta' uffiċjali jew kategoriji oħra ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew għall-kompetizzjonijiet interni għal dawn il-postijiet.

(8)

Bħalma huwa l-każ għall-persunal kuntrattwali, l-Artikoli 27 sa 34 tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx għall-assistenti parlamentari akkreditati.

(9)

Għalhekk, huwa meħtieġ li l-assistenti parlamentari akkreditati jikkostitwixxu kategorija ta’ persunal ieħor li tkun speċifika għall-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatt li huma jipprovdu, taħt id-direzzjoni u l-awtorità ta' wieħed jew diversi mill-Membri tal-Parlament Ewropew u f'relazzjoni ta' fiduċja reċiproka, assistenza diretta għal dak il-Membru jew dawk il-Membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

(10)

Konsegwentement huwa meħtieġ li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej jiġu emendati sabiex jinkorporaw din il-kategorija ġdida ta' persunal ieħor, waqt li jittieħed kont, min-naħa waħda tan-natura speċifika tad-dmirijiet, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-assistenti parlamentari akkreditati, li huma maħsuba biex jippermettulhom li jipprovdu assistenza diretta lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, taħt id-direzzjoni u l-awtorità tagħhom, u min-naħa l-oħra, tar-relazzjoni kuntrattwali bejn dawk l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Parlament Ewropew.

(11)

Fejn id-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej japplikaw għall-assistenti parlamentari akkreditati, b'mod dirett jew b'analoġija, huwa meħtieġ li jitqiesu dawn il-fatturi, waqt li tingħata attenzjoni stretta, b'mod partikolari, għall-fiduċja reċiproka li trid tikkaratterizza r-relazzjoni professjonali bejn l-assistenti msemmija u l-Membru jew Membri tal-Parlament Ewropew li jassistu.

(12)

Fid-dawl tan-natura tad-dmirijiet tal-assistenti parlamentari akkreditati, huwa meħtieġ li tkun prevista kategorija waħda biss ta' assistenti parlamentari akkreditati, iżda li tkun imqassma fi gradi, li tali assistenti jiġu assenjati għalihom abbażi tal-indikazzjoni mogħtija mill-Membri kkonċernati konformement mal-miżuri implimentattivi adottati b'deċiżjoni interna tal-Parlament Ewropew.

(13)

Il-kuntratti tal-assistenti parlamentari akkreditati konklużi bejnhom u l-Parlament Ewropew għandhom ikunu bbażati fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-assistent parlamentari akkreditat u l-Membru jew Membri li jassisti. It-tul ta' kuntratti bħal dawn għandu jkun marbut direttament mat-tul tal-mandat tal-Membri kkonċernati.

(14)

L-assistenti parlamentari akkreditati għandhom ikollhom rappreżentanza statutorja 'l barra mis-sistema li tapplika għall-uffiċjali u persunal ieħor tal-Parlament Ewropew. Ir-rappreżentanti tagħhom għandhom iservu bħala interlokuturi f'isimhom vis-à-vis l-awtoritajiet kompetenti tal-Parlament Ewropew, waqt li jittieħed kont tal-fatt li għandha tkun stabbilita rabta formali bejn ir-rappreżentanza statutorja tal-Persunal u r-rappreżentanza awtonoma tal-assistenti.

(15)

Il-prinċipju tan-newtralità baġitarja għandu jiġi osservat fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ din il-kategorija ġdida ta’ persunal.

(16)

Il-miżuri implimentattivi stabbiliti b'deċiżjoni interna tal-Parlament Ewropew għandhom jinkludu aktar regoli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, ibbażati fuq il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda kif imniżżel fit-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(17)

Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda għandu jikkoinċidi mad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej huma b'dan emendati kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

L-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-taqsima tal-Parlament Ewropew tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u destinati biex ikopru l-assistenza parlamentari, li t-totali annwali tagħhom ser ikunu determinati fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, ikopru l-ispejjeż kollha direttament marbutin mal-assistenti tal-Membri, kemm jekk ikunu assistenti parlamentari akkreditati kif ukoll jekk ikunu assistenti lokali.

Artikolu 3

Il-Parlament Ewropew għandu, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, jippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex jeżamina l-ħtieġa possibbli li jiġu adattati r-regoli li japplikaw għall-assistenti parlamentari.

Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista' tagħmel kwalunkwe proposta li jidhrilha li tkun adatta f'dan is-sens.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-leġislatura tal-Parlament Ewropew li tibda fl-2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

Il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej huma b'dan emendati kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, l-inċiż li ġej għandu jiddaħħal wara “— konsulenti speċjali,”:

“—

assistenti parlamentari akkreditati.”.

(2)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 5:

“Artikolu 5a

Għall-finijiet ta' dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-‘assistenti parlamentari akkreditati’ tfisser il-persuni magħżula minn Membru wieħed jew aktar u impjegati b'kuntratt dirett mal-Parlament Ewropew biex jipprovdu assistenza diretta, fil-bini tal-Parlament Ewropew f′wieħed mit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, lill-Membru jew Membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, taħt id-direzzjoni u l-awtorità tagħhom u f′relazzjoni ta' fiduċja reċiproka konformement mal-libertà tal-għażla prevista fl-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (*).

(*)  ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.”;"

(3)

it-Titoli VII u VIII bl-Artikoli 125 sa 127 jsiru Titoli VIII u IX bl-Artikoli 140 sa 142. Għandu jiddaħħal Titolu VII ġdid:

“TITOLU VII

ASSISTENTI PARLAMENTARI

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 125

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jadotta miżuri implimentattivi permezz ta' deċiżjoni interna għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan it-Titolu.

2.   L-assistenti parlamentari akkreditati ma għandhomx jiġu assenjati għal xi kariga inkluża fil-lista ta' karigi mehmuża mat-taqsima tal-baġit relatata mal-Parlament Ewropew. Ir-remunerazzjoni tagħhom għandha tiġi finanzjata taħt l-intestatura tal-baġit adatta u għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet allokati għat-taqsima tal-baġit relatata mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 126

1.   L-assistent parlamentari akkreditat għandu jiġi kklassifikat fil-grad abbażi tal-indikazzjoni mogħtija mill-Membru jew Membri li huwa ser jassisti, konformement mal-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1). Għall-klassifikazzjoni tagħhom fil-gradi 14 sa 19 previsti fl-Artikolu 133, l-assistenti parlamentari akkreditati għandhom ikunu meħtieġa, bħala minimu, li jkollhom lawrja universitarja jew esperjenza professjonali ekwivalenti.

2.   L-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-miżuri ta’ natura soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu japplika b’analoġija, sakemm miżuri bħal dawn ikunu kompatibbli man-natura partikolari tal-kompiti u r-responsabbiltajiet li jridu jwettqu l-assistenti parlamentari akkreditati.

B′deroga mill-Artikolu 7, l-arranġamenti li jirrigwardaw ir-rappreżentanza awtonoma tal-assistenti parlamentari akkreditati għandhom ikunu stabbiliti fil-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1), b′kont meħud li għandha tiġi stabbilita rabta formali bejn ir-rappreżentanza statutorja tal-persunal u r-rappreżentanza awtonoma tal-assistenti.

KAPITOLU 2

Drittijiet u obbligi

Artikolu 127

L-Artikoli 11 sa 26a tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b’analoġija. Waqt li tingħata attenzjoni stretta, b'mod partikolari, lin-natura speċifika tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-assistenti parlamentari akkreditati u lill-fiduċja reċiproka li trid tikkaratterizza r-relazzjoni professjonali bejnhom u l-Membru jew Membri tal-Parlament Ewropew li jassistu, il-miżuri implimentattivi dwar dan il-qasam adottati taħt l-Artikolu 125(1) għandhom jieħdu kont tan-natura speċifika tar-relazzjoni professjonali bejn il-Membri u l-assistenti parlamentari akkreditati tagħhom.

KAPITOLU 3

Kondizzjonijiet tal-impjieg

Artikolu 128

1.   L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b'analoġija, b′kont meħud tar-relazzjoni ta' fiduċja reċiproka bejn il-Membru tal-Parlament Ewropew u l-assistent akkreditat jew assistenti akkreditati tiegħu, waqt li jkun mifhum li l-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jibbażaw l-għażla tagħhom għal assistenti parlamentari akkreditati anke fuq l-affinità politika.

2.   Assistent parlamentari akkreditat għandu jintgħażel mill-Membru jew Membri tal-Parlament Ewropew li huwa ser jassisti. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti addizzjonali li jistgħu jiġu stipulati fil-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1), l-assistent jista’ jiġi impjegat biss bil-kondizzjoni li:

(a)

ikun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet, sakemm ma tiġix awtorizzata eċċezzjoni mill-awtorità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, u jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

(b)

ikun wettaq kwalunkwe obbligu impost fuqu mil-liġijiet rigward is-servizz militari;

(c)

jipproduċi referenzi adegwati dwar il-karattru tiegħu meħtieġa sabiex jaċċertaw l-idoneità tiegħu għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu;

(d)

ikun fiżikament f′saħħtu sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu;

(e)

ikollu konoxxenza approfondita ta’ waħda mill-lingwi tal-Komunità u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunità sal-livell meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu; u

(f)

ikun laħaq:

(i)

livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja ċċertifikat b’diploma;

(ii)

livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja, u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas tliet snin; jew

(iii)

fejn dan ikun ġustifikat fl-interess tas-servizz, stat ta' taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Artikolu 129

1.   L-assistent parlamentari akkreditat għandu jipprovdi evidenza li huwa fiżikament f′saħħtu lis-servizz mediku tal-Parlament Ewropew sabiex il-Parlament Ewropew jista’ jkun sodisfatt li huwa jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 128 (2)(d).

2.   F’każ li tingħata opinjoni medika negattiva b'riżultat tal-eżami mediku previst fl-ewwel paragrafu, il-kandidat jista’, fi żmien 20 ġurnata minn meta jkun ġie notifikat mill-istituzzjoni dwar din l-opinjoni, jitlob li l-każ tiegħu jiġi sottomess għall-opinjoni tal-kumitat mediku magħmul minn tliet tobba magħżula mill-awtorità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 minn fost l-uffiċjali mediċi tal-istituzzjonijiet. Il-kumitat mediku għandu jisma’ lill-uffiċjal mediku responsabbli mill-opinjoni negattiva inizjali. Il-kandidat jista’ jirriferi l-opinjoni ta’ tabib tal-għażla tiegħu lill-kumitat mediku. Fejn l-opinjoni tal-kumitat mediku tikkonferma l-konklużjonijiet tal-eżami mediku previst fl-ewwel paragrafu, il-kandidat għandu jħallas 50 % tal-kontijiet u tal-ispejjeż inċidentali.

Artikolu 130

1.   Il-kuntratti ta' assistenti parlamentari akkreditati għandhom ikunu konklużi għal perijodu fiss u għandhom jispeċifikaw il-grad li fih huwa klassifikat l-assistent. Kuntratt ma għandux jiġi estiż aktar minn darbtejn matul leġiżlatura parlamentari. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor fil-kuntratt inniffsu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 139(1)(c), il-kuntratt għandu jintemm fl-aħħar tal-leġiżlatura parlamentari li matulha jkun ġie konkluż.

2.   Il-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1) għandhom jistabbilixxu qafas trasparenti għall-klassifikazzjoni, waqt li jitqies l-Artikolu 128(2)(f).

3.   F′każ li assistent parlamentari akkreditat jikkonkludi kuntratt ġdid, għandha tittieħed deċiżjoni ġdida dwar il-klassifikazzjoni tal-grad tiegħu.

KAPITOLU 4

Kondizzjonijiet tax-xogħol

Artikolu 131

1.   L-assistenti parlamentari akkreditati għandhom jiġu mpjegati sabiex iwettqu dmirijiet fuq bażi part-time jew full-time.

2.   Is-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta' assistent parlamentari akkreditat għandhom jiġu stipulati mill-Membru, iżda f′ċirkostanzi normali dawn m'għandhomx ikunu ta' aktar minn 42 siegħa fil-ġimgħa.

3.   L-assistenti parlamentari akkreditati m’għandhomx jintalbu jaħdmu sigħat żejda ħlief f’każ ta’ emerġenza jew ta’ ammont ta’ xogħol eċċezzjonali. L-Artikolu 56, l-ewwel subparagrafu, tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija. Il-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1) jistgħu jistabbilixxu regoli f′dan ir-rigward.

4.   Madankollu, is-sigħat żejda maħduma mill-assistenti parlamentari akkreditati ma jinkludux id-dritt ta' kumpens jew remunerazzjoni.

5.   L-Artikoli 42a, 42b, 55a, u 57 sa 61 tar-Regolamenti tal-Persunal (leave, ħinijiet tax-xogħol u festi pubbliċi) u l-Artikoli 16(2) sa (4) u l-Artikolu 18 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg attwali għandhom japplikaw b’analoġija. Leave speċjali, leave tal-ġenituri u leave tal-familja m'għandux jestendi lil hinn mit-terminu tal-kuntratt.

KAPITOLU 5

Remunerazzjoni u spejjeż

Artikolu 132

Ħlief jekk previst mod ieħor fl-Artikoli 133 u 134, l-Artikolu 19, l-Artikolu 20(1) sa (3) u l-Artikolu 21 ta' dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-Artikolu 16 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (remunerazzjoni u spejjeż) għandhom japplikaw b’analoġija. L-arranġamenti għar-rimbors tal-ispejjeż tal-missjonijiet għandhom ikunu stipulati fil-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1).

Artikolu 133

L-iskala tas-salarji bażiċi għandha tkun kif previst fit-tabella li ġejja:

Grad

1

2

3

4

5

6

7

Salarju bażiku full-time

1 619,17

1 886,33

2 045,18

2 217,41

2 404,14

2 606,59

2 826,09

Grad

8

9

10

11

12

13

14

Salarju bażiku full-time

3 064,083

3 322,11

3 601,87

3 905,18

4 234,04

4 590,59

4 977,17

Grad

15

16

17

18

19

 

 

Salarju

5 396,30

5 850,73

6 343,42

6 877,61

7 456,78

 

 

Artikolu 134

B′deroga mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċju għall-espatrijazzjoni m’għandux ikun inqas minn EUR 350.

KAPITOLU 6

Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali

Artikolu 135

Ħlief jekk previst mod ieħor fl-Artikolu 136, l-Artikoli 95 sa 115 (sigurtà soċjali) għandhom japplikaw b’analoġija.

Artikolu 136

1.   B′deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(3) u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dak l-Artikolu, l-ammonti kkalkulati taħt din id-dispożizzjoni m’għandhomx ikunu inqas minn EUR 850 u lanqas ma jaqbżu EUR 2 000.

2.   B′deroga mill-Artikoli 77 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 101 u 105 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg attwali, l-ammonti minimi użati għall-kalkolu tal-pensjonijiet u l-benefiċċju ta’ invalidità għandhom jikkorrispondu mas-salarju bażiku ta’ assistent parlamentari akkreditat fil-grad 1.

3.   L-Artikolu 122 għandu japplika biss għal kuntratti konklużi għal perijodu ta’ mhux aktar minn sena.

KAPITOLU 7

Rimbors ta’ ħlas mhux dovut

Artikolu 137

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw, b'analoġija, għar-rimbors ta’ ħlas mhux dovut.

KAPITOLU 8

Appelli

Artikolu 138

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-appelli għandom japplikaw b’analoġija. Il-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1) jistgħu jistabbilixxu regoli komplementari dwar il-proċeduri interni.

KAPITOLU 9

Tmiem tal-impjieg

Artikolu 139

1.   Indipendentement mit-tmiem tal-impjieg minħabba mewt, l-impjieg ta’ assistent parlamentari akkreditat għandu jintemm:

(a)

fid-data indikata fil-kuntratt kif previst fl-Artikolu 130(1);

(b)

fl-aħħar tax-xahar li fih l-assistent parlamentari akkreditat jilħaq l-età ta’ 65 sena;

(c)

f’każ ta' assistent impjegat biex jassisti Membru wieħed biss tal-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 128(2), fl-aħħar tax-xahar li fih jispiċċa l-mandat ta’ dak il-Membru, kemm jekk minħabba mewt jew riżenja jew għal kwalunkwe raġuni oħra;

(d)

b′kont meħud tal-fatt li l-fiduċja hija l-bażi tar-relazzjoni professjonali bejn il-Membru u l-assistent parlamentari akkreditat tiegħu, fl-aħħar tal-perijodu ta' notifika speċifikat fil-kuntratt, li għandu jagħti lill-assistent parlamentari akkreditat jew lill-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq it-talba tal-Membru jew tal-Membri tal-Parlament Ewropew li bħala assistent tiegħu kien ġie ingaġġat l-assistent parlamentari akkreditat, id-dritt li jittermina l-kuntratt qabel ma dan jiskadi. Il-perijodu ta’ notifika ma jistax ikun inqas minn xahar għal kull sena ta' servizz, suġġett għal minimu ta' xahar u massimu ta' tliet xhur. Madankollu, il-perijodu ta’ notifika m’għandux jibda jgħodd waqt il-leave tal-maternità jew il-leave minħabba l-mard, sakemm il-leave minħabba l-mard ma jaqbiżx it-tliet xhur. Barra minn hekk, dan għandu jiġi sospiż waqt il-leave tal-maternità jew il-leave minħabba l-mard suġġett għal dawn il-limiti;

(e)

f’każ li assistent parlamentari akkreditat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 128(2)(a), u dan għandu jkun suġġett għal kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' eċċezzjoni taħt dik id-dispożizzjoni. Jekk eċċezzjoni ma tiġix awtorizzata, għandu japplika l-perijodu ta' notifika msemmi fil-punt (d).

2.   Meta l-kuntratt jintemm taħt il-paragrafu 1(c), l-assistent parlamentari akkreditat għandu jkun intitolat għal kumpens ekwivalenti għal terz tas-salarju bażiku tiegħu għall-perijodu bejn id-data meta jintemmu d-dmirijiet tiegħu u d-data meta jiskadi l-kuntratt tiegħu, suġġett madankollu għal massimu ta’ tliet xhur tas-salarju bażiku.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 48 u 50 li huma applikabbli b'analoġija, l-impjieg ta’ assistent parlamentari akkreditat jista' jintemm mingħajr notifika minn qabel f’każ ta’ nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tiegħu, kemm jekk intenzjonalment kif ukoll minħabba negliġenza min-naħa tiegħu. Għandha tittieħed deċiżjoni raġunata mill-awtorità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, wara li l-persuna kkonċernata jkun kellha l-opportunità li tiddefendi lilha nnifisha.

Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċedura dixxiplinarja fil-miżuri implimentattivi previsti fl-Artikolu 125(1).

4.   Il-perijodi ta' impjieg bħala assistent parlamentari akkreditat ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu ‘snin ta' servizz’ għall-finijiet tal-Artikolu 29(3) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal.”;

(4)

fl-Artikolu 126, il-frażi “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127” għandha tiġi sostitwita bil-frażi “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 142”.



Top