Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0025

    Direttiva 2008/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2002/87/KE dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’ l-investiment f’konglomerat finanzjarju, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

    ĠU L 81, 20.3.2008, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/25/oj

    20.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 81/40


    DIRETTIVA 2008/25/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Marzu 2008

    li temenda d-Direttiva 2002/87/KE dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’ l-investiment f’konglomerat finanzjarju, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2002/87/KE (4) tistipula li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

    (2)

    Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi iħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b’elementi mhux essenzjali ġodda.

    (3)

    Konformement mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE (6), sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diġa’ fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

    (4)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE sabiex tikkjarifika l-aspetti tekniċi ta’ xi wħud mid-definizzjonijiet mogħtija f’dik id-Direttiva, partikolarment sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u fit-teknika prudenzjali, u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva fil-Komunità. Ladarba dawn il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2002/87/KE, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (5)

    Id-Direttiva 2002/87/KE tistipula limitu ta’ żmien fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li jiskrutinja l-implimentazzjoni ta’ strumenti adottati taħt il-proċedura tal-kodeċiżjoni u li, b’hekk, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta’ żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li ser jiżguraw li l-proposti mmirati li jħassru d-dispożizzjonijiet fl-atti li jistipulaw limitu ta’ żmien fuq id-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati kemm jista’ jkun malajr. Konsegwentement għall-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi limitu ta’ żmien fid-Direttiva 2002/87/KE għandha titħassar.

    (6)

    Il-Kummissjoni għandha, b’intervalli regolari, tevalwa l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lilha biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeterminaw jekk il-limitu ta’ dawn is-setgħat u r-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni humiex adegwati u jekk dawn jiżgurawx kemm l-effikaċja kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika.

    (7)

    Id-Direttiva 2002/87/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

    (8)

    Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2002/87/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika li jikkonċernaw biss il-proċedura ta’ kumitat, dawn ma jeħtiġux traspożizzjoni fl-Istati Membri. Għaldaqstant, m’huwiex neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan l-għan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi

    Id-Deċiżjoni 2002/87/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 20(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-kliem “skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2)” għandhom jitħassru;

    (b)

    għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).”.

    (2)

    l-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

    (b)

    il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u, wara din id-data, għall-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dawk is-setgħat. Dan ir-rapport għandu jeżamina, partikolarment, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi emendi għal din id-Direttiva sabiex tiżgura l-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Il-konklużjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ emenda jew le għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendament tad-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LENARČIČ


    (1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

    (2)  ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

    (4)  ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/1/KE (ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9).

    (5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


    Top